Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0366/2020Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0366/2020

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-abbozz ta' regolament ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li japprova l-carbendazim bħala sustanza attiva eżistenti għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tipi ta' prodotti 7 u 10

18.11.2020 - (D069099/01 – 2020/2852(RSP))

imressqa skont l-Artikolu 112(2) u (3) tar-Regoli ta' Proċedura

Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
Membri responsabbli: Maria Arena, Michèle Rivasi, Anja Hazekamp, Eleonora Evi

Proċedura : 2020/2852(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B9-0366/2020
Testi mressqa :
B9-0366/2020
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B9‑0366/2020

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-abbozz ta' regolament ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li japprova l-carbendazim bħala sustanza attiva eżistenti għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tipi ta' prodotti 7 u 10

(D069099/01 – 2020/2852(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-abbozz ta' regolament ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li japprova l-carbendazim bħala sustanza attiva eżistenti għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tipi ta' prodotti 7 u 10 (D069099/01),

 wara li kkunsidra d-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 1998 dwar it-tqegħid fis-suq tal-prodotti bijoċidali[1],

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali[2], u b'mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 89(1) tiegħu,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni[3],

 wara li kkunsidra l-Artikolu 112(2) u (3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

A. billi l-abbozz ta' regolament ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni jfittex li japprova l-carbendazim bħala sustanza attiva eżistenti għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta' prodott 7 (preservattivi tal-pellikoli) u tat-tip ta' prodott 10 (preservattivi tal-ġebel), għal perjodu ta' tliet snin;

B. billi l-Kummissjoni impenjat ruħha favur ambizzjoni ta' tniġġis żero biex tikseb ambjent ħieles mis-sustanzi tossiċi bl-għan li tgħin biex tipproteġi aħjar liċ-ċittadini u l-ambjent kontra s-sustanzi perikolużi u tinkoraġġixxi l-innovazzjoni għall-iżvilupp ta' alternattivi sikuri u sostenibbli;

C. billi r-rapporti ta' valutazzjoni u l-konklużjonijiet tal-Istat Membru Rapporteur b'rabta mal-carbendazim ġew ippreżentati lill-Kummissjoni fit-2 ta' Awwissu 2013; billi mill-Artikolu 90(2) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 wieħed jista' jinferixxi li s-sustanzi li għalihom l-evalwazzjoni tal-Istati Membri tkun tlestiet sal-1 ta' Settembru 2013 għandhom jiġu evalwati f'konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 98/8/KE;

D. billi l-proprjetajiet perikolużi tal-carbendazim kienu diġà magħrufa fl-2013, meta r-rapporti ta' valutazzjoni ġew ippreżentati mill-Istat Membru Rapporteur; billi għaddew seba' snin bejn il-preżentazzjoni tar-rapporti ta' valutazzjoni u l-abbozz ta' regolament ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni;

Argumenti legali

Riskju inaċċettabbli għall-ambjent

E. billi l-approvazzjoni tal-carbendazim għall-użu fit-tipi ta' prodotti 7 u 10 tista' twassal għal riskji inaċċettabbli għall-ambjent u għas-saħħa tal-bniedem bi ksur tad-Direttiva 98/8/KE;

F. billi l-carbendazim jissodisfa l-kriterji għall-klassifikazzjoni bħala mutaġen tal-kategorija 1B u tossiku għar-riproduzzjoni tal-kategorija 1B f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[4] u tnejn mill-kriterji persistenti, bijoakkumulattivi u tossiċi (PBT), jiġifieri (P and T);

G. billi tqajjem ukoll tħassib f'bosta studji rigward il-potenzjal tal-carbendazim li jfixkel is-sistema endokrinali[5]; billi skont l-opinjonijiet tal-Kumitat dwar il-Prodotti Bijoċidali (BPC) dwar il-carbendazim għat-tipi ta' prodotti kollha 7, 9 u 10[6], ma setgħet issir l-ebda konklużjoni rigward il-proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali; billi huwa ta' tħassib kbir li l-Kummissjoni tkompli tinjora l-prinċipju ta' prekawzjoni billi tipproponi li tawtorizza sustanzi attivi bħala riżultat ta' valutazzjonijiet inkonklużivi tal-proprjetajiet tagħhom li jfixklu s-sistema endokrinali abbażi tad-data disponibbli; billi n-nuqqas ta' konklużjoni dwar il-proprjetajiet ta' sustanza li jfixklu s-sistema endokrinali abbażi tad-disponibbiltà limitata tad-data mhuwiex ekwivalenti għall-konklużjoni li dik is-sustanza ma għandhiex proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali;

H. billi għalkemm ir-rapporti ta' valutazzjoni b'rabta mal-carbendazim ġew ippreżentati qabel l-1 ta' Settembru 2013, li jfisser li "għalkemm il-carbendazim jissodisfa l-Artikolu 5(1)(b) u (c) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 mhuwiex ta' rilevanza għad-deċiżjoni ta' approvazzjoni"[7], il-fatt li l-carbendazim għandu proprjetajiet perikolużi magħrufa ta' tħassib għoli ħafna xorta huwa rilevanti ħafna u ma ġiex ikkunsidrat biżżejjed fl-implimentazzjoni tad-Direttiva 98/8/KE, meta wieħed iqis l-Artikolu 10 moqri flimkien mal-Artikolu 5(1)(b) ta' dik id-Direttiva;

I. billi l-użu tal-carbendazim fit-tipi ta' prodotti 7 u 10 fit-trattament taż-żebgħa ta' barra għall-faċċati biex jiġi evitat it-tkabbir fungali u algali joħloq riskju għoli ta' tniġġis tal-ilma minħabba l-iskular ta' dawk il-bijoċidi mill-faċċati tal-bini kull darba li tagħmel ix-xita;

J. billi studju[8] kkonkluda li, fil-Ġermanja, il-carbendazim instab f'aktar minn 90 % tal-kampjuni minn tankijiet ta' sedimentazzjoni tal-ilma tax-xita u f'aktar minn 50 % tal-kampjuni minn baċiri tat-tifwir tal-ilma tal-maltemp, li jirrilaxxaw l-ilma tax-xita mhux ittrattat f'korpi tal-ilma jew inixxu fl-ilma ta' taħt l-art;

K. billi l-opinjoni tal-BPC għat-tip ta' prodott 9 (preservattivi għal fibra, ġilda, gomma u materjali polimerizzati) ikkonkludiet li l-carbendazim ma kienx approvat għar-raġuni li l-lissija tal-carbendazim minn superfiċji ttrattati bl-ilma tax-xita tirriżulta f'riskji inaċċettabbli fil-kompartimenti tal-ilma tas-superfiċje u tas-sediment u li ma tkun disponibbli l-ebda miżura adegwata ta' mmaniġġjar tar-riskji;

L. billi l-opinjonijiet tal-BPC għat-tipi ta' prodotti 7 u 10 ikkonkludew li l-użi fuq barra tal-carbendazim, inklużi ż-żebgħa (it-tip ta' prodott 7) u l-ġibs (it-tip ta' prodott 10), joħolqu riskju inaċċettabbli fil-kompartimenti tal-ilma tas-superfiċje u tas-sediment, minħabba li ma hemm disponibbli l-ebda miżura adegwata ta' mitigazzjoni tar-riskji biex jiġu evitati rilaxxi fid-drenaġġ tul il-ħajja tas-servizz (ħames snin għat-tip ta' prodott 7 u 25 sena għat-tip ta' prodott 10) ta' oġġetti ttrattati;

M. billi l-approvazzjoni tal-carbendazim għall-użu fit-tipi ta' prodotti 7 u 10, anki għal perjodu qasir ta' tliet snin, għalhekk tirriżulta fi skariku dirett ta' carbendazim fl-ambjent mill-ilma tax-xita għal perjodu massimu ta' 25 sena;

N. billi l-Iżvezja ddikjarat fl-opinjoni minoritarja tagħha lill-BPC li l-lissija matul il-ħajja fis-servizz ta' prodotti applikati u oġġetti ttrattati (eż. żebgħa u ġibs) għall-użi kollha fuq barra toħloq riskji inaċċettabbli għall-ambjent, u li dan ir-riskju ma jistax jittaffa skont ir-rapport ta' valutazzjoni;

O. billi l-fatt li l-opinjonijiet tal-BPC jikkonkludu li l-użu tal-carbendazim fit-tipi ta' prodotti 7, 9 u 10, rispettivament, jippreżenta l-istess riskji inaċċettabbli kellu jwassal għal deċiżjoni li l-carbendazim ma jiġix approvat għal dawn l-użi kollha fuq barra, u mhux biss għat-tip ta' prodott 9;

P. billi l-użi fuq ġewwa tal-carbendazim jistgħu jippreżentaw ukoll riskji inaċċettabbli, minħabba li l-istudji[9] qajmu tħassib li l-okkorrenza ta' carbendazim fl-ilma tas-superfiċje tiġi prinċipalment mill-iskariku ta' ilma mormi domestiku u industrijali ttrattat, minkejja l-konklużjoni tal-opinjonijiet tal-BPC li r-riskji għall-ambjent mill-użi fuq ġewwa tal-carbendazim huma aċċettabbli;

Kundizzjonijiet tal-approvazzjoni li jonqsu milli jtaffu r-riskji

Q. billi, fid-dawl tar-riskji għall-ambjent identifikati għall-użi vvalutati, skont l-abbozz ta' regolament ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni, il-carbendazim jista' jiġi approvat, sakemm ikunu osservati ċerti speċifikazzjonijiet u kundizzjonijiet dwar l-użu tiegħu, b'mod partikolari li l-valutazzjoni tal-prodott għandha "tagħti attenzjoni partikolari" lill-ilma tas-superfiċje, is-sediment, il-ħamrija u l-ilma ta' taħt l-art għal prodotti użati fiż-żebgħa jew fil-ġibs li huma maħsuba biex jintużaw fuq barra;

R. billi l-opinjonijiet tal-BPC għat-tipi ta' prodotti 7 u 10 jindikaw riskji inaċċettabbli fil-kompartimenti tal-ilma tas-superfiċje u tas-sediment, kif ukoll jindikaw li, għall-użi vvalutati, ma hemm disponibbli l-ebda miżura adegwata ta' mmaniġġjar tar-riskji biex jiġu evitati rilaxxi fis-sistema tad-drenaġġ;

S. billi t-talba tal-Kummissjoni għal "speċifikazzjonijiet u kundizzjonijiet" mehmuża mal-awtorizzazzjoni hija estremament vaga u mhijiex biżżejjed biex ittaffi t-tħassib ta' riskji inaċċettabbli; billi l-abbozz ta' regolament ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni ma jirrikjedix li l-Istati Membri jippreskrivu miżuri adegwati ta' mitigazzjoni tar-riskji, iżda sempliċement li jagħtu attenzjoni lir-riskji; billi l-abbozz ta' regolament ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni ma jqisx il-fatt li d-dokumenti ta' sostenn ikkonkludew li ma hemmx miżuri adegwati ta' mmaniġġjar tar-riskji disponibbli;

Koerenza bejn id-deċiżjoni tal-immaniġġjar tar-riskji u l-evidenza xjentifika li hija bbażata fuqha

T. billi, u kif ikkonfermat mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ("il-Qorti"), meta tiġi adottata miżura ta' mmaniġġjar tar-riskji, id-deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni trid tkun koerenti mal-evidenza xjentifika li hija bbażata fuqha; billi l-Kummissjoni tista' tinjora opinjoni xjentifika mogħtija matul il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, iżda mbagħad trid tipprovdi raġunijiet speċifiċi għas-sejbiet tagħha, ta' valur xjentifiku ekwivalenti, meta mqabbla ma' dawk mogħtija fl-opinjoni; billi d-dikjarazzjoni tar-raġunijiet tagħha trid tispjega għaliex qed tinjora l-opinjoni[10];

U. billi d-deċiżjoni li l-carbendazim jiġi approvat bħala sustanza attiva eżistenti għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tipi ta' prodotti 7 u 10 tikkontradixxi b'mod sinifikanti l-konklużjoni tal-opinjonijiet tal-BPC li l-użi fuq barra tal-carbendazim fiż-żebgħa (it-tip ta' prodott 7) u fil-ġibs (it-tip ta' prodott 10) joħolqu riskji inaċċettabbli fil-kompartimenti tal-ilma tas-superfiċje u tas-sediment meta wieħed iqis l-Artikolu 10 tad-Direttiva 98/8/KE moqri flimkien mal-Artikolu 5(1)(b) ta' dik id-Direttiva;

V. billi r-raġunijiet għat-tbegħid mill-konklużjoni tal-opinjonijiet tal-BPC li l-Kummissjoni tipprovdi fl-abbozz ta' regolament ta' implimentazzjoni tagħha huma limitati għall-argumenti li l-awtorizzazzjoni sħiħa tal-prodotti bijoċidali tirrikjedi pass addizzjonali fil-livell tal-Istati Membri u li r-rieżami skont ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 se jitwettaq dalwaqt;

W. billi dawk ir-raġunijiet ma jispjegawx għaliex il-Kummissjoni qieset li l-carbendazim ma jippreżentax riskju inaċċettabbli għall-użi fit-tipi ta' prodotti 7 u 10 skont id-Direttiva 98/8/KE, b'mod partikolari minħabba li l-użu tal-istess sustanza attiva fit-tip ta' prodott 9 tqies li jippreżenta riskju inaċċettabbli, li wassal għad-deċiżjoni li ma tingħatax awtorizzazzjoni għal dak it-tip ta' prodott;

X. billi dikjarazzjoni tar-raġunijiet għat-tbegħid mill-konklużjonijiet tal-opinjonijiet tal-BPC mhijiex indispensabbli biss għall-kontroll tal-Qorti, iżda wkoll, b'mod aktar speċifiku, għall-Parlament biex ikun jista' jeżerċita s-setgħa ta' skrutinju tiegħu kif suppost;

Kunsiderazzjoni tal-alternattivi disponibbli

Y. billi skont l-opinjoni tal-BPC għat-tip ta' prodott 7, il-carbendazim huwa maħsub biex jintuża bħala fungiċida fi prodotti bijoċidali għal preservattivi tal-pellikoli li jiġu applikati jew inkorporati f'applikazzjonijiet finali bħal żebgħa; billi skont l-opinjoni tal-BPC għat-tip ta' prodott 10, il-carbendazim huwa maħsub biex jintuża bħala fungiċida fi preservattivi tal-materjal tal-kostruzzjoni li jiġu applikati jew inkorporati fi prodotti finali bħal ġibs;

Z. billi l-Kummissjoni kkonkludiet li ma hemm l-ebda alternattiva xierqa disponibbli għall-carbendazim abbażi biss ta' ħdax-il kontribuzzjoni mhux kunfidenzjali minn partijiet terzi, kollha kemm huma kumpaniji jew assoċjazzjonijiet industrijali, u li jmorru lura għall-2014; billi, jekk ikun hemm informazzjoni oħra disponibbli biex tappoġġja d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, din għandha tkun disponibbli għall-Parlament biex ikun jista' jeżerċita bis-sħiħ is-setgħa ta' skrutinju tiegħu;

AA. billi, skont l-opinjonijiet tal-BPC, il-biċċa l-kbira tal-kontribuzzjonijiet ma għamlux differenza bejn l-użi tal-carbendazim fit-tipi ta' prodotti 7, 9 u 10, u b'hekk ma ppermettewx lill-Kummissjoni tivvaluta kif suppost id-disponibbiltà ta' alternattivi għal kull wieħed mit-tipi ta' prodotti u użi separati;

AB. billi l-informazzjoni pprovduta fil-kontribuzzjonijiet ċertament mhijiex dettaljata u aġġornata biżżejjed biex jiġi konkluż li hemm nuqqas ta' alternattivi xierqa għall-carbendazim għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tipi ta' prodotti 7 u 10;

AC. billi, b'mod partikolari għat-tip ta' prodott 7, il-kontributuri ddikjaraw li sostituzzjoni tal-carbendazim fiż-żebgħa hija teknikament possibbli, għalkemm qiesu li din tieħu wisq żmien u tiġi tiswa wisq;

AD. billi, b'mod partikolari għat-tip ta' prodott 10, il-kontributuri ddikjaraw li sostituzzjoni tal-carbendazim fiż-żebgħa hija teknikament possibbli, għalkemm qiesu li din tieħu wisq żmien u tiġi tiswa wisq; billi, skont l-opinjoni tal-BPC, minħabba l-għadd baxx ħafna ta' sustanzi attivi approvati għal dak it-tip ta' prodott, l-informazzjoni disponibbli għall-BPC bħalissa mhijiex biżżejjed biex jiġi deċiż jekk hemmx xi sustanza attiva oħra li tista' tipprovdi alternattiva għall-użu tal-carbendazim bħala preservattiv fil-ġibs ikkaratterizzat minn valur għoli ta' pH;

AE. billi l-biċċa l-kbira tal-kontribuzzjonijiet ippreżentati lill-Kummissjoni fl-2014 ikkonkludew li s-sejba ta' alternattivi għall-carbendazim għat-tipi ta' prodotti 7 u 10, għalkemm mhux mingħajr diffikultajiet, kienet possibbli;

AF. billi l-applikanti kellhom seba' snin biex jinvestigaw alternattivi potenzjali għall-carbendazim, li l-proprjetajiet ta' ħsara tiegħu huma magħrufa sewwa;

AG. billi l-Kummissjoni, għalhekk, naqset milli tirrispetta d-dmir tagħha li tikkunsidra d-disponibbiltà ta' sustanzi alternattivi xierqa f'konformità mal-Artikolu 10(5) tad-Direttiva 98/8/KE; billi ma ngħatat l-ebda spjegazzjoni biex  jiġi speċifikat fid-dettall fuq liema bażi l-Kummissjoni kkonkludiet li ma kienx hemm sustanzi alternattivi xierqa u suffiċjenti disponibbli; billi dettalji bħal dawn huma ta' importanza kbira għall-eżitu tal-awtorizzazzjoni preżenti meta wieħed iqis il-profil tossikoloġiku tas-sustanza;

AH. billi l-użi tal-carbendazim fit-tip ta' prodott 9 ma ngħatawx approvazzjoni; billi l-ebda informazzjoni riċevuta u msemmija fl-opinjoni tal-BPC ma kienet speċifika għat-tip ta' prodott 9; billi l-istess tħassib tqajjem minn kontributuri terzi rigward l-għadd limitat ta' alternattivi disponibbli, kif ukoll iż-żmien u l-ispejjeż meħtieġa għall-iżvilupp ta' alternattiva b'livell ekwivalenti ta' effettività għall-carbendazim għat-tip ta' prodott 9 bħal dawk għat-tipi ta' prodotti 7 u 10;

AI. billi, skont l-opinjonijiet tal-BPC għat-tipi ta' prodotti 7 u 10, il-kontributuri indikaw li huwa diffiċli li tiġi vvalutata d-disponibbiltà tal-alternattivi, minħabba li ħafna minnhom għad iridu jiġu rieżaminati skont ir-Regolament (UE) Nru 528/2012; billi mhuwiex aċċettabbli li d-dewmien fit-twettiq tal-programm ta' rieżami għandu jservi bħala ġustifikazzjoni biex ixekkel il-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent;

Argumenti politiċi

AJ. billi huwa inaċċettabbli li l-Kummissjoni tiddeċiedi li tipposponi n-nuqqas ta' approvazzjoni ta' sustanzi li jippreżentaw riskju inaċċettabbli għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent, bis-sempliċi ġustifikazzjoni li r-Regolament (UE) Nru 528/2012 se jgħin biex tali nuqqas ta' approvazzjoni jsir aktar sistematiku permezz ta' rieżamijiet futuri;

AK. billi l-abbozz ta' regolament ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni jistabbilixxi li skont il-punt 10 tal-Anness VI tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jevalwaw jekk il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 5(2) ta' dak ir-Regolament jistgħux jiġu ssodisfati fit-territorji tagħhom sabiex jiddeċiedu jekk prodott bijoċidali li jkun fih il-carbendazim jistax jiġi awtorizzat;

AL. billi l-Kummissjoni ma għandhiex tkun qed tiddelega r-responsabbiltà għar-rifjut tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti bijoċidali li jkun fihom il-carbendazim lill-Istati Membri, abbażi tal-argument li l-informazzjoni riċevuta matul il-konsultazzjoni pubblika għall-kandidati potenzjali għas-sostituzzjoni hija ta' kwalità baxxa;

AM. billi, kif propost mill-Kummissjoni, fuq l-oġġetti ttrattati se tkun meħtieġa biss tikketta li tipprovdi informazzjoni limitata u dik it-tikketta ma tkunx soġġetta għal skrutinju regolatorju qabel ma l-oġġett jitqiegħed fis-suq u jiġi nnegozjat bejn l-Istati Membri; billi, ladarba mhija meħtieġa l-ebda awtorizzazzjoni tal-prodott, mhux se jkun hemm evalwazzjoni ta' jekk l-effikaċja tal-prodott taqbilx mad-dikjarazzjonijiet tat-tikketta;

AN. billi din is-sitwazzjoni ma tipprovdix livell għoli biżżejjed ta' ħarsien tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent, u lanqas ma tipprovdi kundizzjonijiet ekwi għall-kumpaniji tal-Unjoni u dawk ta' pajjiżi terzi;

1. Iqis li l-abbozz ta' regolament ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni mhuwiex konsistenti mad-dritt tal-Unjoni, fis-sens li mhuwiex kompatibbli mal-għan u l-kontenut tad-Direttiva 98/8/KE jew tar-Regolament (UE) Nru 528/2012;

2. Iqis, fid-dawl

a. tal-proprjetajiet perikolużi tal-carbendazim,

b. tad-destin ambjentali tiegħu, kif ukoll tan-nuqqas ta' miżuri ta' mmaniġġjar tar-riskji ddikjarati fid-dokumenti ta' sostenn,

c. tan-nuqqas ta' data li tikkonkludi b'mod deċiżiv dwar in-nuqqas ta' alternattivi xierqa,

d. tal-perjodu ta' seba' snin li jkun għadda mill-preżentazzjoni tar-rapporti ta' valutazzjoni, u

e. tan-nuqqas ta' koerenza bejn id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-użi tal-carbendazim fit-tipi ta' prodotti 7, 9 u 10,

li l-abbozz ta' regolament ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li japprova l-carbendazim bħala sustanza attiva eżistenti għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tipi ta' prodotti 7 u 10, anki għal perjodu qasir ta' tliet snin, mhuwiex proporzjonat fid-dawl tar-riskji inaċċettabbli li joħloq għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent, u kellu jwassal lill-Kummissjoni għall-konklużjoni ta' riskji inaċċettabbli, minħabba li l-użu tal-carbendazim fi prodott għadu jagħti lok għal tħassib;

3. Iqis li l-informazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni fl-abbozz ta' regolament ta' implimentazzjoni tagħha mhijiex biżżejjed biex il-Parlament ikun jista' jeżerċita s-setgħa ta' skrutinju tiegħu kif suppost;

4. Jistieden lill-Kummissjoni tirtira l-abbozz ta' regolament ta' implimentazzjoni tagħha u tippreżenta abbozz ġdid lill-kumitat, li jipproponi li l-carbendazim ma jiġix approvat bħala sustanza attiva għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tipi ta' prodotti 7 u 10;

5. Itenni li, għalkemm ir-rapporti ta' valutazzjoni ġew ippreżentati qabel l-1 ta' Settembru 2013, l-awtorizzazzjoni ta' sustanza kklassifikata bħala mutaġen tal-kategorija 1B u tossika għar-riproduzzjoni tal-kategorija 1B, u bi proprjetajiet li potenzjalment ifixklu s-sistema endokrinali toħloq riskji inaċċettabbli għas-saħħa tal-bniedem b'rabta ma' użi bħal dawk ikkunsidrati;

 

°

° °

6. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

 

Aġġornata l-aħħar: 23 ta' Novembru 2020
Avviż legali - Politika tal-privatezza