Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0372/2020/REV1Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0372/2020/REV1

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-abort fil-Polonja

23.11.2020 - (2020/2876(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Jadwiga Wiśniewska, Ryszard Antoni Legutko, Beata Mazurek, Elżbieta Rafalska, Anna Zalewska, Zbigniew Kuźmiuk, Witold Jan Waszczykowski, Jacek Saryusz‑Wolski, Kosma Złotowski, Joachim Stanisław Brudziński, Beata Kempa, Margarita de la Pisa Carrión, Tomasz Piotr Poręba, Dominik Tarczyński, Bogdan Rzońca, Anna Fotyga, Adam Bielan, Grzegorz Tobiszowski, Zdzisław Krasnodębski, Ryszard Czarnecki, Karol Karski, Izabela‑Helena Kloc, Beata Szydło
f'isem il-Grupp ECR

Proċedura : 2020/2876(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B9-0372/2020
Testi mressqa :
B9-0372/2020
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B9‑0372/2020

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-abort fil-Polonja

(2020/2876(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-10 ta' Diċembru 1948,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-1959,

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-1989,

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità tal-2006,

 wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b'mod partikolari l-Artikolu 168(7) tiegħu,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Diċembru 2013 dwar is-Saħħa u d-Drittijiet Sesswali u Riproduttivi (SRHR)[1],

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-preambolu tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, wara d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, jafferma li "t-tfal, minħabba l-immaturità fiżika u mentali tagħhom, jeħtieġu salvagwardji u kura speċjali, inkluża protezzjoni legali xierqa, qabel kif ukoll wara t-twelid";

B. billi l-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità jiddikjara: "L-Istati Partijiet jaffermaw mill-ġdid li kull bniedem għandu d-dritt inerenti għall-ħajja u għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji kollha biex jiżguraw it-tgawdija effettiva tiegħu mill-persuni b'diżabilità fuq bażi ugwali ma' ħaddieħor";

C. billi fil-kummenti tiegħu dwar l-abbozz ta' Kumment Ġenerali Nru 36 tal-Kumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-Artikolu 6 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, il-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità ddikjara li "l-liġijiet li jippermettu b'mod espliċitu l-abort għal raġunijiet ta' indeboliment jiksru l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità. Anki jekk il-kundizzjoni titqies fatali, għad hemm deċiżjoni meħuda fuq il-bażi ta' indeboliment. Spiss ma jistax jingħad jekk indeboliment ikunx fatali. L-esperjenza turi li l-valutazzjonijiet dwar il-kundizzjonijiet ta' indeboliment spiss ikunu foloz. Anki jekk ma tkunx falza, il-valutazzjoni tipperpetwa kunċetti ta' diżabilità sterjotipata bħala inkompatibbli ma' ħajja tajba";

D. billi l-Artikolu 38 tal-Kostituzzjoni Pollakka jiddikjara li "r-Repubblika tal-Polonja għandha tiżgura l-protezzjoni legali tal-ħajja ta' kull bniedem";

E. billi t-Tribunal Kostituzzjonali Pollakk fit-28 ta' Mejju 1997 (K 26/96) ħareġ sentenza li fiha ddikjara li "stat demokratiku huwa obbligat li jipproteġi l-ħajja tal-bniedem fl-istadji kollha tiegħu";

F. billi fit-22 ta' Ottubru 2020, fuq il-mozzjoni ta' 119-il Membru tal-Parlament Pollakk minn partiti politiċi differenti, it-Tribunal Kostituzzjonali Pollakk iddeċieda li d-dispożizzjoni tal-Att tal-1993 dwar l-Ippjanar tal-Familja, il-Protezzjoni tal-Fetu Uman u l-Kundizzjonijiet għat-Terminazzjoni tat-Tqala li tippermetti l-abort f'każijiet fejn it-testijiet ta' qabel it-twelid jew kunsiderazzjonijiet mediċi oħra indikaw probabbiltà għolja ta' anormalità severa u irriversibbli jew marda inkurabbli tal-fetu tmur kontra l-kostituzzjoni;

G. billi l-każijiet ta' difetti fetali jew mard inkurabbli kkostitwixxew il-bażi legali għal 1 074 mill-1 110 terminazzjoni tat-tqala fl-2019, filwaqt li l-każijiet li jifdal seħħew meta t-tqala kienet ta' theddida għall-ħajja jew għas-saħħa ta' mara jew irriżultaw minn att ipprojbit (jiġifieri stupru), li huma l-uniċi każijiet l-oħra permessi mill-Att tal-1993 dwar l-Ippjanar tal-Familja; billi l-maġġoranza l-kbira twettqu abbażi ta' suspett ta' anormalitajiet mhux letali, bħas-sindromu ta' Down;

H. billi wħud mill-eks Presidenti tal-Qorti Kostituzzjonali Pollakka ddikjaraw pubblikament li s-sentenza hija konsistenti mal-Kostituzzjoni Pollakka;

I. billi wara li ngħatat is-sentenza, l-awtoritajiet Pollakki bdew programmi biex jipprovdu soluzzjonijiet komprensivi fir-rigward tal-appoġġ għan-nisa tqal, inkluża assistenza speċjali għan-nisa li jgħaddu minn tqala b'kumplikazzjonijiet, l-allokazzjoni ta' fondi għall-ittestjar u t-terapija qabel it-twelid (inklużi terapiji li jsalvaw il-ħajja fil-ġuf tal-omm);

J. billi l-President tar-Repubblika tal-Polonja beda proċess biex jinstab kompromess li jippermetti li l-abort isir fl-aktar każijiet severi u definiti b'mod strett;

K. billi l-Artikolu 168(7) tat-TFUE jiddikjara li "l-azzjoni tal-Unjoni għandha tirrispetta bis-sħiħ ir-responsabbiltajiet tal-Istati Membri fir-rigward tad-definizzjoni tal-politika tas-saħħa tagħhom, kif ukoll l-organizzazzjoni u l-għoti ta' servizzi tas-saħħa u tal-kura medika. Ir-responsabbiltajiet tal-Istati Membri jinkludu l-ġestjoni tas-servizzi tas-saħħa u tal-kura medika, kif ukoll l-allokazzjoni tar-riżorsi assenjati lilhom";

L. billi fl-10 ta' Diċembru 2013 il-Parlament iddikjara li "l-formulazzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki dwar is-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi u dwar l-edukazzjoni sesswali fl-iskejjel huma kompetenzi tal-Istati Membri";

M. billi l-protesti fit-toroq matul il-pandemija tal-COVID-19 qed jaggravaw is-sitwazzjoni, b'rati ta' infezzjoni diġà għoljin;

1. Itenni li l-formulazzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki dwar is-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi u dwar l-edukazzjoni sesswali fl-iskejjel huma kompetenzi tal-Istati Membri;

2. Jappoġġa lill-awtoritajiet Pollakki leġittimi biex isibu soluzzjoni li tirrispetta l-ħajja ta' kulħadd u li tappoġġa wkoll lill-ommijiet u lill-familji tagħhom permezz ta' assistenza medika u assistenza oħra meħtieġa għat-tfal b'diżabilità;

3. Jistieden lill-partijiet kollha biex jieħdu azzjoni responsabbli matul il-pandemija biex jevitaw li jaggravaw l-għadd ta' infezzjonijiet u mwiet li jirriżultaw minnhom;

4. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, kif ukoll lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Polonja u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

 

Aġġornata l-aħħar: 24 ta' Novembru 2020
Avviż legali - Politika tal-privatezza