MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-projbizzjoni de facto tad-dritt għall-abort fil-Polonja
24.11.2020 - (2020/2876(RSP))
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Sirpa Pietikäinen, Andrzej Halicki, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska
f’isem il-Grupp PPE
Robert Biedroń, Heléne Fritzon, Maria Noichl, Evelyn Regner, Lina Gálvez Muñoz, Pina Picierno, Vilija Blinkevičiūtė, Predrag Fred Matić, Maria‑Manuel Leitão‑Marques, Vera Tax, Monika Beňová
f'isem il-Grupp S&D
Samira Rafaela, Karen Melchior, Chrysoula Zacharopoulou, María Soraya Rodríguez Ramos, Hilde Vautmans, Abir Al‑Sahlani, Sylvie Brunet, Radka Maxová, Susana Solís Pérez, Irène Tolleret
f'isem il-Grupp Renew
Sylwia Spurek, Terry Reintke, Alice Kuhnke, Saskia Bricmont, Kira Marie Peter‑Hansen, Monika Vana, Gwendoline Delbos‑Corfield, Ernest Urtasun
f'isem il-Grupp Verts/ALE
Malin Björk, Eugenia Rodríguez Palop
f'isem il-Grupp GUE/NGL
B9‑0373/2020
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-projbizzjoni de facto tad-dritt għall-abort fil-Polonja
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), u b'mod partikolari l-Artikoli 2 u 7(1) tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB) tal-4 ta' Novembru 1950 u l-ġurisprudenza relatata tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB),
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (minn hawn 'il quddiem "il-Karta"),
– wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-10 ta' Diċembru 1948,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali tan-NU dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali (ICESCR) tas-16 ta' Diċembru 1966 u l-Patt Internazzjonali tan-NU dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) tas-16 ta' Diċembru 1966,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa tat-18 ta' Diċembru 1979,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU Kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra tal-10 ta' Diċembru 1984,
– wara li kkunsidra l-osservazzjonijiet finali tal-Kumitat tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tat-23 ta' Novembru 2016 dwar is-seba' rapport perjodiku tal-Polonja,
– wara li kkunsidra l-Gwida Teknika Internazzjonali tal-UNESCO dwar l-Edukazzjoni Sesswali tal-10 ta' Jannar 2018,
– wara li kkunsidra l-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp (ICPD) li saret fil-Kajr fl-1994, il-programm ta' azzjoni tagħha, l-eżitu tal-konferenzi ta' rieżami tagħha u s-Summit ta' Najrobi tal-2019 dwar l-ICPD25,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing adottati mir-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa fil-15 ta' Settembru 1995, kif ukoll id-dokumenti ta' eżitu sussegwenti adottati waqt is-sessjonijiet speċjali tan-NU Beijing +10 (2005), Beijing +15 (2010) u Beijing +20 (2015),
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (il-Konvenzjoni ta' Istanbul), li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Awwissu 2014, kif ukoll ir-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-28 ta' Novembru 2019 dwar l-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni ta' Istanbul u l-miżuri l-oħra biex tiġi miġġielda l-vjolenza abbażi tal-ġeneru[1],
– wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-NU maqbula fl-2015,
– wara li kkunsidra d-dokument tematiku tal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa tal-4 ta' Diċembru 2017 bit-titolu "Women's sexual and reproductive health and rights in Europe" (Is-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi tan-nisa fl-Ewropa),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kollokju Annwali tal-2017 dwar id-Drittijiet Fundamentali bit-titolu "Women's Rights in Turbulent Times" (Id-Drittijiet tan-Nisa fi Żminijiet Imqanqla), organizzat mill-Kummissjoni,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-2018 tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) dwar is-saħħa u d-drittijiet tal-adolexxenti fil-qasam tas-sesswalità u r-riproduzzjoni,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-missjoni tat-10 ta' Lulju 2017 tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi wara l-missjoni tiegħu fil-Polonja mit-22 sal-24 ta' Mejju 2017, u r-rapport tal-missjoni tat-3 ta' Diċembru 2018 tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern wara li ntbagħtet delegazzjoni ad hoc fil-Polonja dwar is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt (mid-19 sal-21 ta' Settembru 2018),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Polonja, u b'mod partikolari dik tal-15 ta' Novembru 2017 dwar il-qagħda tal-istat tad-dritt u tad-demokrazija fil-Polonja[2] u dik tas-17 ta' Settembru 2020 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar id-determinazzjoni ta' riskju ċar ta' ksur gravi tal-istat tad-dritt mir-Repubblika tal-Polonja[3],
– wara li kkunsidra l-erba' proċeduri ta' ksur imnedija mill-Kummissjoni kontra l-Polonja fir-rigward tar-riforma tas-sistema ġudizzjarja Pollakka u l-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2017 dwar id-determinazzjoni ta' riskju ċar ta' ksur gravi tal-istat tad-dritt mir-Repubblika tal-Polonja (COM(2017)0835),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Marzu 2018 dwar id-deċiżjoni tal-Kummissjoni biex jiġi attivat l-Artikolu 7(1) tat-TUE minħabba s-sitwazzjoni fil-Polonja[4],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Novembru 2019 dwar il-kriminalizzazzjoni tal-edukazzjoni sesswali fil-Polonja[5],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tal-4 ta' April 2019 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni f'każ ta' nuqqasijiet ġeneralizzati fir-rigward tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri[6], u r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tas-17 ta' April 2019 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Programm dwar id-Drittijiet u l-Valuri[7],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Frar 2019 dwar ir-rigressjoni attwali tad-drittijiet tan-nisa u tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-UE[8],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Diċembru 2019 dwar diskriminazzjoni pubblika u diskors ta' mibegħda kontra persuni LGBTI, inklużi ż-żoni mingħajr LGBTI[9],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2020 dwar azzjoni koordinata tal-UE biex tikkumbatti l-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha[10],
– wara li kkunsidra r-Rapport tal-2020 tal-Kummissjoni dwar l-Istat tad-Dritt tat-30 ta' Settembru 2020 bit-titolu "Is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt fl-Unjoni Ewropea" (COM(2020)0580) u l-Kapitolu tal-Pajjiż dwar is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt fil-Polonja,
– wara li kkunsidra l-ittra mibgħuta mill-ħames kapijiet tal-gruppi tal-maġġoranza tal-Parlament Ewropew lill-Prim Ministru tal-Polonja fit-30 ta' Ottubru 2020[11],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Unjoni tiddikjara li hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, il-ġustizzja, l-istat tad-dritt, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u n-nondiskriminazzjoni, kif stabbilit fl-Artikolu 2 tat-TUE; billi l-Istati Membri kollha impenjaw ruħhom li jonoraw l-obbligi u d-dmirijiet skont id-dritt internazzjonali u t-Trattati tal-UE li jirrispettaw, jiggarantixxu, u jissodisfaw id-drittijiet fundamentali;
B. billi d-dritt għal trattament indaqs u għan-nondiskriminazzjoni huwa dritt fundamentali minqux fit-Trattati u fil-Karta u jrid jiġi rispettat bis-sħiħ; billi, skont il-Karta, il-KEDB u l-ġurisprudenza tal-QEDB, is-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati (SRHR) tan-nisa huma relatati ma' diversi drittijiet tal-bniedem, bħad-dritt għall-ħajja, id-dritt għall-protezzjoni kontra trattament inuman jew degradanti, id-dritt għall-aċċess għall-kura tas-saħħa, id-dritt għall-privatezza, l-informazzjoni u l-edukazzjoni, u l-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni; billi dawn id-drittijiet tal-bniedem huma riflessi wkoll fil-Kostituzzjoni Pollakka;
C. billi l-Parlament indirizza l-SRHR fil-Programm tiegħu l-UE għas-Saħħa li għadu kif ġie adottat, biex jiżgura aċċess f'waqtu għall-prodotti li huma meħtieġa għall-provvista sikura tal-SRHR (eż. mediċini, kontraċettivi u tagħmir mediku);
D. billi l-Kumitat għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa u l-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità f'Awwissu 2018 ħarġu dikjarazzjoni konġunta li fiha enfasizzaw li l-aċċess għal abort sikur u legali, kif ukoll għal servizzi u informazzjoni relatati, huwa aspett essenzjali tas-saħħa riproduttiva tan-nisa, u ħeġġew lill-pajjiżi jtemmu r-restrizzjonijiet rigward l-SRHR tan-nisa u l-bniet, billi dan jhedded is-saħħa u l-ħajja tagħhom; billi l-aċċess għall-abort jikkostitwixxi dritt tal-bniedem, filwaqt li d-dewmien u ċ-ċaħda tiegħu jikkostitwixxu forom ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru u jistgħu jikkostitwixxu tortura u/jew trattamenti krudili, inuman jew degradanti; billi l-SRHR huma miri skont l-SDG 3 tan-NU, u billi l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-prattiki ta' ħsara huma miri skont l-SDG 5;
E. billi l-aċċess għal informazzjoni komprensiva u adattata skont l-età, is-sesswalità u l-edukazzjoni dwar ir-relazzjonijiet, u l-SRHR, inklużi l-ippjanar tal-familja, il-metodi ta' kontraċezzjoni u l-abort sikur u legali, kif ukoll l-awtonomija u l-kapaċità tal-bniet u tan-nisa li jieħdu deċiżjonijiet ħielsa u indipendenti dwar ġisimhom u l-ħajja tagħhom huwa prekundizzjoni għall-indipendenza ekonomika tagħhom u għaldaqstant huwa essenzjali għall-kisba tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u għall-eliminazzjoni tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru; billi huwa ġisimhom u għalhekk hija għażla tagħhom;
F. billi l-Polonja rratifikat il-Konvenzjoni ta' Istanbul, il-Konvenzjoni ta' Lanzarote, l-ICCPR, l-ICESCR u l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, u hija obbligata skont id-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem li tipprovdi aċċess għal edukazzjoni u informazzjoni komprensivi dwar is-sesswalità, inkluż dwar ir-riskji ta' sfruttament u abbuż sesswali, u li tisfida l-isterjotipi tal-ġeneri fis-soċjetà; billi l-Polonja ma implimentatx is-sentenzi tal-QEDB dwar l-aċċess għall-abort legali; billi l-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa kkritika lill-Polonja minħabba n-nuqqas ta' progress tagħha f'dan ir-rigward;
G. billi hemm ħafna differenzi fl-aċċess għall-abort fl-Istati Membri kollha; billi l-Polonja għandha wieħed mill-aktar punteġġi baxxi fl-Unjoni Ewropea fl-Atlas Ewropew tal-Kontraċezzjoni tal-2020, billi għandha waħda mill-aktar politiki restrittivi rigward l-aċċess għal provvisti ta' kontraċettivi, l-ippjanar tal-familja, il-konsulenza u l-għoti ta' informazzjoni online; billi l-Polonja hija wieħed mill-ftit pajjiżi li jirrikjedu riċetta għal kontraċezzjoni ta' emerġenza, li ħafna drabi tiġi miċħuda mit-tobba fuq il-bażi ta' twemmin personali;
H. billi, wara deċiżjoni oħra tat-Tribunal Kostituzzjonali tal-16 ta' Lulju 2020 rigward l-Att tal-5 ta' Diċembru 1996 dwar il-professjonijiet tat-tobba u d-dentisti, la t-tobba u lanqas il-faċilitajiet tal-kura tas-saħħa mhuma legalment obbligati li jipprovdu ismijiet ta' faċilitajiet jew prattikanti alternattivi jekk jirrifjutaw servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva tal-pazjenti minħabba twemmin personali;
I. billi, skont l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili bħall-Federazzjoni għan-Nisa u l-Ippjanar tal-Familja, fl-2018 10 % biss tal-isptarijiet taħt kuntratt mal-Fond Nazzjonali għas-Saħħa Pollakk ipprovdew aborti legali, li jfisser li l-provinċji Pollakki kollha jirrifjutaw li jipprovdu abort sikur u legali, u dan jagħmilha estremament diffiċli, u spiss impossibbli, li n-nisa jkollhom aċċess għal servizzi bħal dawn;
J. billi b'riżultat tal-biża' u l-pressjoni mill-pari u mill-awtoritajiet mediċi, it-tobba fil-Polonja jippreferu li ma jkunux assoċjati mal-proċeduri ta' abort; billi minbarra l-klawsola tal-kuxjenza użata b'mod wiesa', it-tobba joħolqu ostakli mhux statutorji addizzjonali, bħal eżamijiet mediċi mhux meħtieġa, konsultazzjonijiet psikoloġiċi jew konsultazzjonijiet addizzjonali ma' esperti, jew jillimitaw id-drittijiet tan-nisa għal testijiet u informazzjoni ta' qabel it-twelid, li għandhom jiġu garantiti lil kulħadd fl-ambitu tal-iskema tas-saħħa pubblika;
K. billi l-aċċess għall-kura ġinekoloġika fil-Polonja huwa ristrett ħafna u f'xi reġjuni huwa kważi impossibbli, u dan jirriżulta f'għadd kbir ta' każijiet ta' tqala mhux mixtieqa, saħħa riproduttiva ħażina, prevalenza għolja ta' kanċer ċervikali u aċċess insuffiċjenti għall-kontraċezzjoni; billi l-aċċess għall-kura tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet tal-persuni LGBTI+ huwa ristrett ħafna; billi l-persuni transbinarji u mhux binarji li jirrikjedu kura ġinekoloġika jħabbtu wiċċhom ma' diskriminazzjoni f'ambjenti mediċi u ħafna drabi ma jingħatawx aċċess għall-kura;
L. billi, mill-bidu tal-2019, aktar minn 80 reġjun, kontea jew muniċipalità fil-Polonja għaddew riżoluzzjonijiet anti-LGBTI+ li permezz tagħhom iddikjaraw lilhom infushom ħielsa mill-hekk imsejħa "ideoloġija tal-LGBT" jew adottaw parzjalment jew fit-totalità tagħhom il-"Karti Reġjonali tad-Drittijiet tal-Familja" u ddiskriminaw b'mod partikolari kontra ġenituri waħedhom u ġenituri u persuni LGBTI+ u de facto llimitaw il-libertà ta' moviment ta' dawn iċ-ċittadini tal-UE;
M. billi huwa stmat li sa 200 000 mara jtemmu t-tqala tagħhom kull sena fil-Polonja u huma mġiegħla jagħmlu abort klandestin, u jiddependu l-aktar minn pilloli ta' abort mediku mingħajr is-superviżjoni u l-pariri mediċi professjonali meħtieġa; billi huwa stmat li sa 30 000 mara huma mġiegħla jivvjaġġaw barra mill-Polonja kull sena biex jirċievu l-kura tas-saħħa li jeħtieġu u jfittxu abort[12]; billi l-aċċess għal miżuri bħal dawn huwa marbut mal-ħlas għas-servizzi, li jfisser li mhumiex aċċessibbli bl-istess mod għan-nisa kollha, speċjalment in-nisa u n-nisa migranti li huma soċjoekonomikament żvantaġġati f'sitwazzjonijiet irregolari; billi dan ifisser li abort sikur huwa aċċessibbli biss għal grupp limitat ta' nisa fil-Polonja;
N. billi, b'reazzjoni għall-mozzjoni ta' 119-il Membru tal-Parlament Pollakk bl-appoġġ tal-hekk imsejħa movimenti "favur il-ħajja", fit-22 ta' Ottubru 2020 it-Tribunal Kostituzzjonali Pollakk iddeċieda li d-dispożizzjoni tal-Att tal-1993 dwar l-Ippjanar tal-Familja, il-Protezzjoni tal-Fetu Uman u l-Kundizzjonijiet għat-Terminazzjoni tat-Tqala li tippermetti l-abort f'każijiet fejn test ta' qabel it-twelid jew kunsiderazzjonijiet mediċi oħra jindikaw probabbiltà għolja ta' difett tal-fetu sever u irriversibbli jew marda inkurabbli li thedded il-ħajja tal-fetu;
O. billi probabbiltà kbira ta' anormalità severa u irriversibbli jew marda inkurabbli tal-fetu kienet il-bażi ġuridika għal 1 074 mill-1 110 terminazzjoni tat-tqala fl-2019, filwaqt li l-każijiet l-oħra seħħew meta t-tqala kienet ta' theddida għall-ħajja jew għas-saħħa ta' mara jew irriżultat minn att ipprojbit (jiġifieri stupru), li huma l-uniċi każijiet l-oħra permessi mill-Att tal-1993 dwar l-Ippjanar tal-Familja;
P. billi d-deċiżjoni se ssir applikabbli mal-pubblikazzjoni tagħha, li skont il-liġi Pollakka hija obbligatorja, u ladarba tiġi ppubblikata se tirriżulta fi projbizzjoni kważi sħiħa fuq id-dritt għall-abort fil-Polonja, tikkriminalizza l-abort u twassal għall-espansjoni tal-abort klandestin u mhux sikur, u għal turiżmu għal skopijiet ta' abort, li jkun aċċessibbli biss għal xi wħud, u b'hekk iddgħajjef is-saħħa u d-drittijiet tan-nisa u tpoġġi l-ħajja tagħhom f'riskju; billi minkejja li d-deċiżjoni ma ġietx ippubblikata, ħafna nisa tqal li ġew infurmati li hemm probabbiltà kbira li l-fetu għandu anormalità severa u irriversibbli jew marda inkurabbli kellhom l-aċċess tagħhom għal abort legali ristrett;
Q. billi d-deċiżjoni hija attakk ġdid fuq l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali u tentattiv ieħor biex l-SRHR jiġu limitati fil-Polonja, fost il-ħafna attakki li saru f'dawn l-aħħar snin; billi dawn it-tentattivi għall-ewwel twaqqfu fl-2016, fl-2018 u fl-2020 b'riżultat ta' oppożizzjoni tal-massa minn ċittadini Pollakki, kif espress fil-marċi ta' "Black Friday", li kienu appoġġjati b'mod qawwi minn Membri tal-Parlament Ewropew minn gruppi politiċi differenti;
R. billi d-deċiżjoni ttieħdet fi żmien meta, minħabba t-tieni mewġa tal-pandemija tal-COVID-19, kienu stabbiliti restrizzjonijiet ibbażati fuq is-saħħa pubblika fl-Istati Membri kollha tal-UE, inkluża l-Polonja, u dan impedixxa b'mod sever kwalunkwe dibattitu demokratiku xieraq u proċess dovut, li huma kruċjali fir-rigward ta' kwistjonijiet ta' drittijiet fundamentali;
S. billi minkejja r-restrizzjonijiet u r-riskji sanitarji, saru protesti bla preċedent fil-Polonja kollha, u madwar id-dinja; billi eluf ta' dimostranti għadhom jipprotestaw kontra restrizzjonijiet serji li jdgħajfu l-SRHR fundamentali tagħhom; billi ġew skjerati l-pulizija ta' kontra l-irvellijiet u l-ġendarmerija militari biex jikkontrollaw il-protesti u l-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi użaw forza eċċessiva u vjolenza fiżika kontra dimostranti paċifiċi, inklużi Membri tal-Parlament Pollakk u Membri Pollakki tal-Parlament Ewropew; billi dawn l-azzjonijiet imorru kontra l-obbligi tal-Gvern Pollakk skont id-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, inkluża l-Karta, li tiggarantixxi d-dritt għal assemblea paċifika, u linji gwida mir-Rapporteur Speċjali dwar id-Drittijiet għal-Libertà ta' Assemblea Paċifika u ta' Assoċjazzjoni, li jiddikjaraw li bħala regola ġenerali, il-militar ma għandux jintuża għall-assemblej tal-pulizija;
T. billi l-awtoritajiet pubbliċi użaw theddid biex jipprevjenu liċ-ċittadini Pollakki u lill-persuni li jgħixu fil-Polonja milli jipparteċipaw f'manifestazzjonijiet, inklużi multi finanzjarji sostanzjali, filwaqt li l-prosekutur pubbliku nazzjonali u l-Ministru għall-Ġustizzja, Zbigniew Ziobro, ħabbru li se jiġu ppreżentati akkużi kriminali li jistgħu jwasslu għal sentenza ta' ħabs sa tmien snin kontra l-organizzaturi tal-protesti; billi ħafna dimostranti ġew detenuti b'mod illegali, inklużi minorenni;
U. billi fit-28 ta' Ottubru 2020, il-Viċi Prim Ministru Jarosław Kaczyński inkoraġġixxa lin-nies jiddefendu l-valuri tradizzjonali Pollakki u jipproteġu l-knejjes "akkost ta' kollox", u dan wassal għal atti ta' aggressjoni kontra d-dimostranti minn hooligans nazzjonalistiċi; billi l-valuri kulturali u reliġjużi fil-Polonja qed jiġu għaldaqstant abbużati bħala raġunijiet biex jiġi impedit it-twettiq sħiħ tad-drittijiet tan-nisa, l-ugwaljanza għan-nisa u d-dritt tagħhom li jieħdu deċiżjonijiet dwar ġisimhom stess; billi organizzazzjoni fundamentalista, Ordo Iuris, li hija marbuta mill-qrib mal-koalizzjoni fil-gvern, hija forza li tixpruna l-kampanji li għandhom l-għan li jdgħajfu d-drittijiet tal-bniedem u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-Polonja, inklużi tentattivi biex jiġi pprojbit l-abort, talbiet biex il-Polonja tirtira mill-Konvenzjoni ta' Istanbul u talbiet biex jinħolqu "żoni ħielsa mil-LGBTI";
V. billi skont stħarriġ riċenti, il-maġġoranza tan-nies fil-Polonja jappoġġjaw id-dritt ta' aċċess għall-abort fuq talba sat-12-il ġimgħa; billi d-dimostranti qed jitolbu wkoll ir-riżenja tal-gvern, minħabba l-attakki ripetuti tiegħu fuq l-istat tad-dritt; billi l-protesti ġew organizzati u kkoordinati l-aktar minn organizzazzjonijiet immexxija min-nisa, attivisti u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, bl-appoġġ tal-oppożizzjoni politika Pollakka; billi l-proposta tal-President Pollakk għal leġiżlazzjoni dwar l-abort wara l-protesti mhijiex sodisfaċenti;
W. billi l-atti tal-Parlament Pollakk dwar it-Tribunal Kostituzzjonali adottati fit-22 ta' Diċembru 2015 u fit-22 ta' Lulju 2016, kif ukoll il-pakkett ta' tliet atti adottat fi tmiem l-2016, dgħajfu serjament l-indipendenza u l-leġittimità tat-Tribunal Kostituzzjonali; billi l-atti tal-22 ta' Diċembru 2015 u tat-22 ta' Lulju 2016 ġew iddikjarati mhux kostituzzjonali mit-Tribunal Kostituzzjonali fid-9 ta' Marzu 2016 u fil-11 ta' Awwissu 2016, rispettivament; ifakkar li dawn is-sentenzi la ġew ippubblikati u lanqas implimentati mill-awtoritajiet Pollakki; billi l-kostituzzjonalità tal-liġijiet Pollakki ma tistax tibqa' tiġi garantita b'mod effettiv fil-Polonja mid-dħul fis-seħħ tat-tibdil leġiżlattiv imsemmi qabel[13];
X. billi d-deċiżjoni msemmija qabel ngħatat minn imħallfin eletti minn politiċi mill-koalizzjoni mmexxija mill-PiS (il-partit politiku Liġi u Ġustizzja) u totalment dipendenti minnhom; billi l-Marixxall tas-Senat Pollakk ikkunsidra d-deċiżjoni bħala ineżistenti u stieden lill-gvern biex ma jippubblikahiex, b'mod partikolari minħabba li tikser l-obbligi tal-Polonja fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u mhijiex konformi mal-leġiżlazzjoni preċedenti dwar il-Kostituzzjoni Pollakka, u minħabba l-ħatriet illegali ta' tliet imħallfin u l-President tat-Tribunal Kostituzzjonali[14];
Y. billi l-Kummissjoni u l-Parlament esprimew tħassib serju dwar l-istat tad-dritt, inklużi l-leġittimità, l-indipendenza u l-effettività tat-Tribunal Kostituzzjonali; billi l-Kummissjoni bdiet proċedura skont l-Artikolu 7(1) wara r-riformi tal-2015 tas-sistema ġudizzjarja fil-Polonja;
1. Jikkundanna bil-qawwa d-deċiżjoni tat-Tribunal Kostituzzjonali u l-pass lura fir-rigward tal-SRHR tan-nisa fil-Polonja; jafferma li d-deċiżjoni tpoġġi f'riskju s-saħħa u l-ħajja tan-nisa; ifakkar li kkritika bil-qawwa kull proposta leġiżlattiva jew restrizzjoni li għandha l-għan li tipprojbixxi u tillimita aktar l-aċċess għal abort sikur u legali fil-Polonja, li hija qrib li tipprojbixxi l-aċċess għall-kura ta' abort fil-Polonja, minħabba li ħafna mill-aborti legali jsiru fuq il-bażi ta' difett sever u irriversibbli tal-fetu jew marda inkurabbli li thedded il-ħajja tal-fetu; ifakkar li l-aċċess universali għall-kura tas-saħħa u l-SRHR huma drittijiet fundamentali tal-bniedem;
2. Jinnota li r-restrizzjoni jew il-projbizzjoni tad-dritt għall-abort bl-ebda mod ma telimina l-abort, iżda sempliċement tagħmel pressjoni biex dan isir b'mod illegali, u dan iwassal għal żieda fl-aborti illegali, mhux sikuri, klandestini u ta' theddida għall-ħajja; jinsisti li t-twettiq ta' abort ma għandux jiġi inkluż fil-kodiċi kriminali, peress li dan għandu effett dissważiv fuq tobba li jżommu lura milli jipprovdu servizzi SRHR minħabba l-biża' ta' sanzjonijiet kriminali;
3. Jiddeplora l-fatt li d-deċiżjoni nħarġet fi żmien meta r-restrizzjonijiet sanitarji relatati mal-pandemija tal-COVID-19 kienu qed idgħajfu serjament il-proċessi demokratiċi dovuti; jikkritika bil-qawwa l-projbizzjoni restrittiva fuq l-assemblej pubbliċi, li kienet fis-seħħ mingħajr l-introduzzjoni ta' stat ta' diżastru naturali, kif stabbilit fl-Artikolu 232 tal-Kostituzzjoni Pollakka;
4. Ifakkar li d-drittijiet tan-nisa huma drittijiet fundamentali tal-bniedem, u li għalhekk l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri għandhom id-dmir legali li jiddefenduhom u jipproteġuhom f'konformità mat-Trattati u mal-Karta, kif ukoll mad-dritt internazzjonali;
5. Jinnota li l-eċċess mhux iġġustifikat ta' restrizzjonijiet fuq l-aċċess għall-abort li jirriżulta mid-deċiżjoni msemmija qabel tat-Tribunal Kostituzzjonali ma jipproteġix id-dinjità inerenti u inaljenabbli tan-nisa, peress li jikser il-Karta, il-KEDB, il-ġurisprudenza tal-QEDB, bosta konvenzjonijiet internazzjonali li l-Polonja hija firmatarja tagħhom, kif ukoll il-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja;
6. Iħeġġeġ bil-qawwa lill-Parlament u lill-awtoritajiet Pollakki jżommu lura minn kull tentattiv ieħor biex jirrestrinġu l-SRHR, peress li miżuri bħal dawn imorru kontra l-prinċipju ta' nuqqas ta' rigress skont id-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem; jafferma bil-qawwa li ċ-ċaħda tal-SRHR hija forma ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru; jistieden lill-awtoritajiet Pollakki jieħdu miżuri biex jimplimentaw bis-sħiħ is-sentenzi mogħtija mill-QEDB f'każijiet kontra l-Polonja, li ddeċidiet li liġijiet restrittivi dwar l-abort jiksru d-drittijiet tal-bniedem tan-nisa; jisħaq li l-aċċess mingħajr xkiel u f'waqtu għas-servizzi tas-saħħa riproduttiva u r-rispett għall-awtonomija riproduttiva u l-indipendenza deċiżjonali tan-nisa huma kruċjali biex jiġu protetti d-drittijiet tal-bniedem tan-nisa u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri;
7. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu pprovduti edukazzjoni u informazzjoni komprensivi, ibbażati fuq l-evidenza, nondiskriminatorji u adattati skont l-età għal kulħadd, peress li nuqqas ta' informazzjoni u edukazzjoni dwar is-sess u s-sesswalità jirriżulta f'rati ogħla ta' tqala mhux intenzjonata;
8. Jikkundanna bil-qawwa d-deċiżjoni riċenti tal-Ministru tal-Ġustizzja Pollakk li jibda uffiċjalment l-irtirar tal-Polonja mill-Konvenzjoni ta' Istanbul, li jkun ostaklu serju fir-rigward tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, id-drittijiet tan-nisa u l-ġlieda kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Pollakki jiżguraw l-applikazzjoni effettiva u prattika ta' dik il-Konvenzjoni, inkluża l-provvista ta' għadd suffiċjenti ta' postijiet ta' kenn ta' kwalità għan-nisa li huma vittmi tal-vjolenza u t-tfal tagħhom, filwaqt li titqies l-eskalazzjoni tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru matul il-pandemija tal-COVID-19, kif ukoll l-aċċess għal appoġġ u servizzi tas-saħħa essenzjali, inkluża l-kura tas-saħħa sesswali u riproduttiva;
9. Jesprimi dispjaċir għall-fatt li l aċċess għas-servizzi tal-kura tas-saħħa f'ċerti żoni tal-Polonja għadu ristrett, u li skont l-Uffiċċju Suprem tal-Awditjar, fl-2018 2 % biss tan-nisa tqal li jgħixu f'żoni rurali fil-Polonja għaddew mit-testijiet standard kollha li huma meħtieġa waqt it-tqala, bħal ultrasound tal-fetu, kardjotokografija jew ittestjar tad-demm matern;
10. Jiddeplora ż-żieda fl-użu tal-klawsola tal-kuxjenza, li qed tirriżulta fin-nuqqas ta' mekkaniżmi affidabbli ta' riferiment għal dawk li qed ifittxu servizzi ta' abort u proċessi ta' appell bil-mod għal dawk li qed jiġu miċħuda tali servizzi, u jiddeplora wkoll il-fatt li l-ġinekologi spiss jinvokaw il-klawsola tal-kuxjenza meta jintalbu jippreskrivu kontraċettivi, u b'hekk jirrestrinġu b'mod effettiv l-aċċess għall-kontraċezzjoni fil-Polonja; jinnota li l-klawsola tal-kuxjenza xxekkel ukoll l-aċċess għall-iskrinjar ta' qabel it-twelid, li mhux biss huwa ksur tad-dritt għall-informazzjoni dwar il-kundizzjoni tal-fetu, iżda jfixkel ukoll it-trattament b'suċċess ta' tarbija waqt it-tqala jew immedjatament wara; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Pollakki jħassru l-liġi li tillimita l-aċċess għall-pillola kontraċettiva ta' emerġenza;
11. Huwa mħasseb ħafna dwar il-fatt li eluf ta' nisa jridu jivvjaġġaw biex ikollhom aċċess għal servizz tas-saħħa essenzjali bħall-abort; jenfasizza li s-servizzi transfruntieri ta' abort mhumiex għażla vijabbli għal dawk l-aktar vulnerabbli u emarġinati; huwa preokkupat dwar il-fatt li l-ivvjaġġar barra mill-pajjiż ipoġġi s-saħħa u l-benesseri tan-nisa f'riskju minħabba li ta' spiss ikunu waħedhom; jisħaq fuq l-importanza tal-kura ta' wara l-abort, b'mod speċjali għal nisa li jesperjenzaw kumplikazzjonijiet minn abort mhux komplut jew mhux sikur;
12. Jesprimi l-appoġġ u s-solidarjetà tiegħu għal eluf ta' ċittadini Pollakki, b'mod partikolari għan-nisa Pollakki u l-persuni LGBTI+ li, minkejja r-riskji sanitarji, ħarġu fit-toroq biex jipprotestaw kontra restrizzjonijiet gravi fuq il-libertajiet u d-drittijiet fundamentali tagħhom; jinnota li t-talbiet tad-dimostranti jinkludu mhux biss l-annullament tad-deċiżjoni tat-Tribunal Kostituzzjonali, iżda anke d-denunzja tal-hekk imsejjaħ "kompromess dwar l-abort", il-liberalizzazzjoni tad-dritt għall-abort u r-rispett għall-awtonomija tal-ġisem; ifakkar li l-libertà ta' għaqda u l-libertà ta' assoċjazzjoni jiddefinixxu l-Unjoni Ewropea, anke waqt pandemija;
13. Jikkundanna bil-qawwa l-użu eċċessiv u sproporzjonat tal-forza u l-vjolenza kontra d-dimostranti, inklużi l-attivisti u l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tan-nisa, mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u l-atturi mhux statali bħal gruppi nazzjonalisti tal-lemin estrem; jistieden lill-awtoritajiet Pollakki jiżguraw li dawk li jattakkaw lid-dimostranti jinżammu responsabbli;
14. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Pollakki jsaħħu l-leġiżlazzjoni nazzjonali għall-avvanz tad-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri billi jipprovdu r-riżorsi finanzjarji u umani kollha meħtieġa lill-istituzzjonijiet li jittrattaw id-diskriminazzjoni fuq il-bażi tas-sess u l-ġeneru;
15. Jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni bir-reqqa tal-kompożizzjoni tat-Tribunal Kostituzzjonali, li l-illegalità tagħha tikkostitwixxi raġunijiet biex jiġu kkontestati d-deċiżjonijiet tagħha u b'hekk il-kapaċità tagħha li tiddefendi l-Kostituzzjoni Pollakka; jissottolinja li d-deċiżjoni msemmija hawn fuq hija eżempju ieħor tat-teħid ta' kontroll politiku tal-ġudikatura u l-kollass sistemiku tal-istat tad-dritt fil-Polonja;
16. Jistieden lill-Kunsill jindirizza din il-kwistjoni u allegazzjonijiet oħra ta' ksur tad-drittijiet fundamentali fil-Polonja billi jwessa' l-ambitu tas-seduti ta' smigħ tiegħu li qed isiru bħalissa dwar is-sitwazzjoni fil-Polonja, f'konformità mal-Artikolu 7(1) tat-TUE; iħeġġeġ lill-Kunsill jipproċedi bis-seduta ta' smigħ formali dwar is-sitwazzjoni attwali fil-Polonja skedata għall-10 u l-11 ta' Diċembru 2020;
17. Jilqa' l-ftehim proviżorju tal-5 ta' Novembru 2020 dwar leġiżlazzjoni li tistabbilixxi mekkaniżmu li jippermetti s-sospensjoni ta' pagamenti baġitarji lil Stat Membru li jikser l-istat tad-dritt; iħeġġeġ lill-Kummissjoni taġixxi b'determinazzjoni rigward il-kundizzjonalità miftiehma reċentement għall-qafas finanzjarju pluriennali futur għall-2021-2027;
18. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jipprovdu finanzjament adegwat għall-organizzazzjonijiet nazzjonali u lokali tas-soċjetà ċivili biex irawmu l-appoġġ fil-livell taċ-ċittadini għad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali fl-Istati Membri, inkluża l-Polonja; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tappoġġja immedjatament u direttament programmi u organizzazzjonijiet Pollakki tas-soċjetà ċivili li jaħdmu biex jiżguraw li l-SRHR tan-nisa jkunu protetti; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw is-sensibilizzazzjoni u t-taħriġ permezz ta' programmi ta' finanzjament;
19. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li kulħadd ikollu protezzjoni legali indaqs u b'saħħitha għar-raġunijiet kollha inklużi fl-Artikolu 19 tat-TFUE u biex tittratta dan bħala prijorità; jistieden lill-Kunsill biex minnufih jiżblokka u jikkonkludi n-negozjati dwar id-direttiva orizzontali dwar in-nondiskriminazzjoni u jilqa' l-impenji l-ġodda tal-Kummissjoni f'dan il-qasam;
20. Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja lill-Istati Membri biex jiggarantixxu aċċess universali għas-servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva, inkluż l-abort; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiggarantixxi l-SRHR billi tinkludi d-drittijiet għall-abort fl-Istrateġija tal-UE li jmiss dwar is-Saħħa;
21. Jenfasizza l-espressjonijiet ta' appoġġ u ta' interess fir-rigward tal-kawża tan-nisa Pollakki minn ħafna Stati Membri; jitlob lill-UE tiffinanzja organizzazzjonijiet li jiffaċilitaw il-koperazzjoni transfruntiera bejn l-organizzazzjonijiet li jipprovdu abort sikur u legali;
22. Jistieden lill-Kummissjoni tikkonferma l-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/113/KE[15] għal oġġetti u servizzi SRHR u tirrikonoxxi li l-limiti fuq u l-ostakli għall-aċċess ta' oġġetti u servizzi SRHR jikkostitwixxu diskriminazzjoni abbażi tal-ġeneru, peress li jaffettwaw b'mod sproporzjonat lil ġeneru wieħed (in-nisa) jew gruppi vulnerabbli (eż. persuni transbinarji u mhux binarji); jikkundanna l-abbuż tal-ġudikatura min-naħa tal-Gvern Pollakk u s-setgħat leġiżlattivi tiegħu biex jiġu strumentalizzati u politiċizzati l-ħajja u s-saħħa tan-nisa u l-persuni LGBTI+, li jwasslu għad-diskriminazzjoni tagħhom f'dan ir-rigward;
23. Jistieden lill-Kummissjoni tadotta linji gwida għall-Istati Membri biex jiżguraw aċċess ugwali għal prodotti u servizzi SRHR f'konformità mad-dritt tal-Unjoni u l-ġurisprudenza tal-QEDB;
24. Jistieden lill-Kunsill jikkonkludi b'mod urġenti r-ratifika tal-Konvenzjoni ta' Istanbul min-naħa tal-UE; jikkundanna bil-qawwa t-tentattivi f'ċerti Stati Membri biex jiġu revokati l-miżuri diġà meħuda fl-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni u fil-ġlieda kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta biex il-vjolenza abbażi tal-ġeneru tiġi miżjuda mal-lista tar-reati tal-UE skont l-Artikolu 83 tat-TFUE;
25. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Polonja u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.
- [1] Testi adottati, P9_TA(2019)0080.
- [2] ĠU C 356, 4.10.2018, p. 44.
- [3] Testi adottati, P9_TA(2020)0225.
- [4] ĠU C 129, 5.4.2019, p. 13.
- [5] Testi adottati, P9_TA(2019)0058.
- [6] Testi adottati, P9_TA(2019)0349.
- [7] Testi adottati, P8_TA(2019)0407.
- [8] Testi adottati, P8_TA(2019)0111.
- [9] Testi adottati, P9_TA(2019)0101.
- [10] Testi adottati, P9_TA(2020)0054.
- [11] Manfred Weber, President tal-Grupp PPE, Iratxe García Pérez, President tal-Grupp S&D, Dacian Cioloș, President tal-Grupp Renew, Philippe Lamberts, Kopresident tal-Grupp Verts/ALE, u Manon Auby u Martin Schirdewan, Kopresidenti tal-Grupp GUE/NGL.
- [12] https://www.theseus.fi/handle/10024/138222
- [13] L-Opinjoni tal-Kummissjoni ta' Venezja tal-14 u l-15 ta' Ottubru 2016 dwar l-Att dwar it-Tribunal Kostituzzjonali, paragrafu 128; Kumitat tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, Osservazzjonijiet ta' għeluq dwar is-seba' rapport perjodiku tal-Polonja, 23 ta' Novembru 2016, paragrafi 7-8; Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1520 tas-26 ta' Lulju 2017 dwar l-istat tad-dritt fil-Polonja (ĠU L 228, 2.9.2017, p. 19).
-
[14] https://www.senat.gov.pl/aktualnoscilista/art,13159,zespol-ekspertow-przy-marszalku-senatu-o-wyroku-trybunalu-konstytucyjnego.html
- [15] Id-Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE tat-13 ta' Diċembru 2004 li timplimenta l-prinċipju ta' trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta' merkanzija u servizzi, ĠU L 373, 21.12.2004, p. 37.