MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar Karta Ewropea għat-Tifkira tal-Olokawst u l-prevenzjoni ta' delitti kontra l-umanità fl-era diġitali
1.12.2020
Anna Bonfrisco, Mara Bizzotto, Susanna Ceccardi
B9‑0396/2020
Mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar Karta Ewropea għat-Tifkira tal-Olokawst u l-prevenzjoni ta' delitti kontra l-umanità fl-era diġitali
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 143 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-kompetizzjoni bejn id-demokrazija u l-awtokrazija qed tixpruna l-allinjament ġeopolitiku ġdid bejn blokok ta' nazzjonijiet, u billi l-kultura politika tal-Punent, stabbilita wara t-Tieni Gwerra Dinjija, hija bbażata fuq il-valuri tal-libertà tal-individwu, id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt;
B. billi l-atroċitajiet fil-kampijiet tal-mewt Nażisti ddefinixxew l-istorja tal-kontinent tagħna u jridu jservu ta' twissija dejjiema għall-futur komuni tagħna;
C. billi l-metodi komunisti ta' repressjoni huma parti mill-istess wirt ta' terrur u stmerrija fil-kontinent tagħna;
D. billi, abbażi tar-rapport tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali intitolat "Young Jewish Europeans: perceptions and experiences of antisemitism", (Żgħażagħ Ewropej Lhud: perċezzjonijiet u esperjenzi tal-antisemitiżmu), hemm probabbiltà ħafna akbar li ż-żgħażagħ Ewropej Lhud jesperjenzaw fastidju jew vjolenza antisemitika mill-kontropartijiet Lhud akbar minnhom; billi r-rapportar dwar ir-reati ta' mibegħda tal-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem tal-OSKE jiddikjara li l-antisemitiżmu huwa reat immotivat mill-preġudizzju;
E. billi Facebook ipprojbixxa kwalunkwe kontenut li jiċħad jew jgħawweġ l-Olokawst;
1. Jinkoraġġixxi t-tfassil ta' pjan ta' azzjoni Ewropew għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kontenut antisemitiku online;
2. Jistieden lill-Kummissjoni telabora, flimkien mal-Kunsill tal-Ewropa, Karta Ewropea għat-Tifkira tal-Olokawst u l-prevenzjoni ta' delitti kontra l-umanità fl-era diġitali.