MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-suġġett "Ebda għeluq tal-istabbilimenti kulturali, rikreattivi u tal-catering fil-kuntest tal-miżuri biex titrażżan il-pandemija tal-COVID-19"
1.12.2020
Christine Anderson
B9‑0398/2020
Mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-suġġett "Ebda għeluq tal-istabbilimenti kulturali, rikreattivi u tal-catering fil-kuntest tal-miżuri biex titrażżan il-pandemija tal-COVID-19"
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 143 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu;
A. billi l-istabbilimenti kulturali, rikreattivi u tal-catering huma parti ċentrali indispensabbli tas-soċjetà u jipprovdu ekwilibriju, rilassament, ispirazzjoni, ħajja soċjali, tnaqqis tal-istress u distrazzjoni mir-rutina tax-xogħol;
B. billi l-projbizzjoni fuq l-attivitajiet ta' dawn l-istabbilimenti x'aktarx li tpoġġi pressjoni estremament qawwija fuq il-komunitajiet Kristjani u Lhud, speċjalment matul il-vaganzi tal-Milied u l-perjodu ta' Hanukkah;
C. billi l-projbizzjoni fuq l-attivitajiet tal-istabbilimenti mhux biss tppoġġihom f'sitwazzjoni finanzjarja kritika iżda tista' twassalhom ukoll biex jagħlqu b'mod permanenti;
D. billi s-soċjetà u l-ekonomija b'mod ġenerali se jsofru l-aktar ħsara serja u irreparabbli minħabba l-projbizzjoni fuq l-attivitajiet tal-istabbilimenti u l-fallimenti mistennija;
E. billi diġà ngħataw sentenzi tal-qorti li jiddikjaraw li dan l-għeluq mill-istat huwa illegali;
1. Jenfasizza li l-ħajja, anke f'ċirkostanzi eċċezzjonali, ma tikkonsistix biss f'xogħol;
2. Jistieden lill-Istati Membri biex ma jagħlqux l-istabbilimenti kulturali, rikreattivi u tal-catering sabiex jissalvagwardjahom u minflok jieħdu miżuri biex jipproteġu primarjament lill-gruppi l-aktar vulnerabbli tas-soċjetà, bħall-persuni li għandhom kundizzjonijiet mediċi diġà eżistenti u l-anzjani, li, skont l-għarfien attwali, huma partikolarment vulnerabbli għas-SARS-CoV-2.