MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej "Minority SafePack miljun firma għad-diversità fl-Ewropa"
9.12.2020 - (2020/2846(RSP))
Nicola Procaccini, Dace Melbārde, Kosma Złotowski, Elżbieta Kruk
f'isem il-Grupp ECR
B9‑0405/2020
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej "Minority SafePack miljun firma għad-diversità fl-Ewropa"
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej "Minority SafePack – miljun firma għad-diversità fl-Ewropa"(ECI(2020)000004),
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), u b'mod partikolari l-Artikoli 2, 3(3) u 11(4) tiegħu,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b'mod partikolari l-Artikoli 19, 24, 53(1), 63, 79(2), 107(3)(e), 108(4), 109, 118, 165(4), 167(5), 173(3), 177, 178 u 182(1) tiegħu,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2019 dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 10, 21, 22 u 51 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 27 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, adottati mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fl-1966,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Qafas għall-Ħarsien tal-Minoranzi Nazzjonali u l-Karta Ewropea għal-Lingwi Reġjonali jew Minoritarji tal-Kunsill tal-Ewropa,
– wara li kkunsidra d-Dokument ta' Copenhagen tal-1990 tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) u d-diversi rakkomandazzjonijiet u linji gwida tematiċi dwar id-drittijiet tal-minoranzi maħruġa mill-Kummissarju Għoli tal-OSKE għall-Minoranzi Nazzjonali u l-Uffiċċju tal-OSKE għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE), b'mod partikolari l-kawża T-646/13 (Minority SafePack one million signatures for diversity in Europe vs Il-Kummissjoni), u l-kawża T-391/17,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/652 tad-29 ta' Marzu 2017 dwar l-inizjattiva proposta taċ-ċittadini li ġġib l-isem "Minority SafePack miljun firma għad-diversità fl-Ewropa",
– wara li kkunsidra seduta pubblika dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej "Minority SafePack" organizzat fil-15 ta' Ottubru 2020 mill-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni, il-Kumitat għal-Libertà Ċivili, il-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni, u l-Kumitat għall-Petizzjonijiet,
– wara li kkunsidra l-proposti f'din l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (IĊE) dwar l-atti leġiżlattivi mistennija mill-Kummissjoni Ewropea bbażati fuq l-IĊE, ippreżentati lill-Kummissjoni Ewropea wara s-sottomissjoni tal-firem, u ppreżentati fil-Parlament Ewropew waqt is-seduta pubblika,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 222(8) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi skont l-Artikolu 2 tat-TUE, l-Unjoni hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi;
B. billi l-Artikolu 3(3) tat-TUE jiddikjara li l-għanijiet tal-Unjoni jinkludu l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, u s-solidarjetà fost l-Istati Membri, kif ukoll ir-rispett tad-diversità kulturali u lingwistika rikka tagħha, u l-iżgurar li l-wirt kulturali tal-Ewropa jiġi mħares u jiġi żviluppat;
C. billi l-Artikolu 21(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jiddikjara li kull diskriminazzjoni bbażata fuq kwalunkwe raġuni, inkluż il-lingwa u l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, għandha tkun ipprojbita;
D. billi l-Artikolu 22 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jiddikjara li l-Unjoni għandha tirrispetta d-diversità kulturali u lingwistika;
E. billi r-rispett għad-diversità kulturali huwa minqux fl-Artikolu 167 tat-TFUE;
F. billi madwar 8 % taċ-ċittadini tal-UE jappartjenu għal minoranza nazzjonali u madwar 10 % jitkellmu lingwa reġjonali jew minoritarja; billi dawn jirrappreżentaw parti essenzjali tal-ġid kulturali tal-Unjoni permezz tal-lingwi u l-kulturi uniċi tagħhom;
G. billi l-kunċett ġenerali tal-minoranzi fl-Ewropa huwa kopert minn firxa wiesgħa ta' termini fil-lingwaġġ ġuridiku u akkademiku; billi, sabiex tiġi evitata d-diffikultà tal-użu ta' varjetà ta' termini użati madwar l-Ewropa, il-Kunsill tal-Ewropa fil-Konvenzjoni Qafas tiegħu għall-Ħarsien tal-Minoranzi Nazzjonali, li għadha tirrappreżenta l-ogħla standard internazzjonali għall-ħarsien tal-minoranzi fl-Ewropa, juża t-terminu ''minoranza nazzjonali'';
H. billi ħafna minoranzi nazzjonali u lingwistiċi jiffaċċjaw tendenza ta' assimilazzjoni u telf tal-lingwa li qiegħda dejjem tiżdied, u dan jista' jissarraf fi tnaqqis fil-pluraliżmu lingwistiku u kulturali fl-UE;
I. billi l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej "Minority SafePack" (l-inizjattiva) ġiet ippreżentata lill-Kummissjoni Ewropea fil-15 ta' Lulju 2013, fejn intalbet l-azzjoni tal-UE biex tappoġġja l-minoranzi nazzjonali u lingwistiċi billi jiġu implimentati 11-il proposta;
J. billi fit-13 ta' Settembru 2013 inbdiet l-istess IĊE, iżda l-Kummissjoni Ewropea ma sabithiex sostanzjata biżżejjed biex tirreġistraha; billi l-organizzaturi tal-inizjattiva ppreżentaw appell quddiem il-QĠUE, u fit-3 ta' Frar 2017 il-Qorti tat is-sentenza tagħha fejn annullat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tirreġistrax l-inizjattiva;
K. billi sabiex tieħu l-miżuri meħtieġa biex tikkonforma mas-sentenza tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni Ewropea rrevediet l-ammissibbiltà legali tal-inizjattiva u fid-29 ta' Marzu 2017 iddeċidiet[1] li tirreġistra l-inizjattiva abbażi ta' disgħa mill-11-il proposta inizjali tagħha;
L. billi skont l-Artikolu 15 tar-Regolament dwar l-IĊE, il-verifika tal-ammissibbiltà legali tal-Kummissjoni tiġi segwita minn eżami tas-sustanza tal-IĊE wara li jkunu nġabru l-firem; billi l-Kummissjoni tistabbilixxi l-konklużjonijiet legali u politiċi tagħha dwar l-inizjattiva abbażi tat-Trattati tal-UE;
M. billi bejn it-3 ta' April 2017 u t-3 ta' April 2018 inġabru 1 128 385 firma ċċertifikata fl-UE, u l-limitu minimu nazzjonali ntlaħaq fi 11-il Stat Membru;
N. billi l-IĊE hija l-ewwel strument għal demokrazija parteċipattiva transnazzjonali fid-dinja, li tippermetti liċ-ċittadini jinvolvu ruħhom direttament fl-istituzzjonijiet tal-UE;
O. billi l-Minority SafePack hija l-ħames IĊE li rnexxiet minn total ta' sitta;
P. billi skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2019/788, wara l-organizzazzjoni ta' smigħ pubbliku, il-Parlament għandu jivvaluta l-appoġġ politiku għal Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej individwali; billi f'konformità mal-Artikolu 222 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, il-Parlament organizza smigħ pubbliku fil-15 ta' Ottubru 2020;
1. Itenni l-appoġġ tiegħu għall-IĊE bħala strument, u jitlob l-użu sħiħ tal-potenzjal tagħha; jenfasizza li l-IĊE hija opportunità għaċ-ċittadini biex jidentifikaw u jartikolaw l-aspirazzjonijiet tagħhom;
2. Jindika li bid-dħul fis-seħħ tar-Regolament il-ġdid dwar l-IĊE fl-1 ta' Jannar 2020, huwa importanti li tiġi ffaċilitata t-tnedija mill-ġdid ta' dan l-istrument għall-parteċipazzjoni fil-ħajja demokratika u politika tal-UE;
3. Ifakkar li r-rispett għall-persuni li jagħmlu parti minn minoranzi huwa valur bażiku tal-UE, flimkien mad-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, kif stabbilit fl-Artikolu 2 tat-TUE;
4. Ifakkar li l-Artikolu 3(3) tat-TUE jistipula li l-Unjoni għandha tirrispetta r-rikkezza tad-diversità kulturali u lingwistika tagħha u għandha tassigura li jitħares u jiġi żviluppat il-wirt kulturali Ewropew; jisħaq li l-lingwi u l-kulturi minoritarji huma parti mill-kultura u l-wirt tal-Unjoni; jissottolinja li l-Unjoni tista' tħeġġeġ azzjonijiet mill-Istati Membri biex tiżgura l-ħarsien tad-drittijiet tal-minoranzi;
5. Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta valutazzjoni tal-impatt tal-għażliet politiċi għal qafas komuni possibbli tal-istandards minimi tal-UE għall-ħarsien tad-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, u filwaqt li jitqiesu l-kompetenzi nazzjonali;
6. Jemmen li d-drittijiet lingwistiċi jridu jiġu rispettati fil-komunitajiet fejn hemm aktar minn lingwa uffiċjali waħda, mingħajr ma jiġu llimitati d-drittijiet ta' waħda fuq l-oħra, f'konformità mal-ordni kostituzzjonali ta' kull Stat Membru; jemmen li l-promozzjoni tal-lingwi reġjonali jew il-ħarsien tal-komunitajiet lingwistiċi ma jridux iwasslu għal diskriminazzjoni;
7. Jitlob kooperazzjoni ta' tisħiħ reċiproku bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa dwar il-ħarsien tad-drittijiet tal-minoranzi nazzjonali u lingwistiċi; jinnota li din il-kooperazzjoni tippermetti lill-Unjoni Ewropea tibni fuq il-kisbiet u l-esperjenza tal-Kunsill tal-Ewropa, u lill-Kunsill tal-Ewropa jikseb implimentazzjoni aktar effettiva tar-rakkomandazzjonijiet tiegħu relatati mal-Konvenzjoni Qafas għall-Ħarsien tal-Minoranzi Nazzjonali u l-Karta Ewropea għal-Lingwi Reġjonali jew Minoritarji;
Id-Disa' Proposti tal-IĊE
8. Jirrikonoxxi li l-ħarsien tal-minoranzi nazzjonali u lingwistiċi hija r-responsabbiltà primarja tal-Istati Membri; jinnota, madankollu, li l-Unjoni Ewropea jista' jkollha rwol fl-appoġġ tal-Istati Membri f'dan l-isforz; jinnota li għadd ta' Stati Membri huma eżempji ta' koeżistenza rispettuża u armonjuża ta' suċċess bejn komunitajiet differenti;
9. Huwa tal-opinjoni li l-miżuri ta' preservazzjoni tal-identità kulturali u lingwistika li jfittxu li jkunu ta' benefiċċju għall-komunitajiet ta' minoranzi nazzjonali u lingwistiċi jrid ikollhom l-għan ta' azzjoni pożittiva, inkluż fil-qasam tal-kultura;
10. Jirrikonoxxi l-kontribut tal-minoranzi etniċi u lingwistiċi għall-wirt kulturali tal-UE, u jenfasizza r-rwol tal-midja f'dan ir-rigward;
11. Jinnota li d-diversità lingwistika hija komponent ta' valur tal-ġid kulturali Ewropew, u għandha tiġi protetta sabiex jiġi żgurat li l-lingwi reġjonali jew minoritarji jkunu jistgħu jgħaddu minn ġenerazzjoni għall-oħra; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar lingwi reġjonali jew minoritarji li qegħdin f'riskju li jsiru estinti;
12. Jistieden lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri jqisu l-minoranzi nazzjonali jew lingwistiċi fit-tfassil ta' programmi ta' finanzjament; iqis li l-ħarsien tal-multilingwiżmu u tad-diversità kulturali huwa xprun għall-iżvilupp u l-innovazzjoni reġjonali;
13. Jemmen li kull ċittadin tal-UE għandu jkun jista' jgawdi l-kultura u d-divertiment bil-lingwa tiegħu stess; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, twettaq valutazzjoni u tieħu l-miżuri l-aktar xierqa biex dan ikun jista' jsir, filwaqt li jitqiesu b'mod xieraq il-liġijiet nazzjonali dwar il-lingwi; jinnota li, sa mis-sottomissjoni tal-inizjattiva lill-Kummissjoni Ewropea fl-2013, il-proposti essenzjali relatati mad-drittijiet tal-awtur u l-midja awdjoviżiva diġà ġew adottati mill-koleġiżlaturi;
14. Jesprimi l-appoġġ tiegħu favur l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej "Minority SafePack"; jinnota li l-inizjattiva rreġistrata mill-Kummissjoni titlob proposti leġiżlattivi f'disa' oqsma distinti, u jfakkar li l-inizjattiva tistenna li kull proposta individwali tiġi vverifikata u vvalutata fuq il-mertu tagħha stess, filwaqt li jitqiesu l-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità;
°
° °
15. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.