Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0420/2020Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0420/2020

RAKKOMANDAZZJONI GĦAL DEĊIŻJONI li ma ssir ebda oġġezzjoni għar-Regolament delegat tal-Kummissjoni tad-29 ta' Ottubru 2020 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2019/2124 fir-rigward tal-kontrolli uffiċjali fil-post ta' kontroll fuq il-fruntiera minn fejn l-oġġetti jitilqu mill-Unjoni u ċerti dispożizzjonijiet dwar it-tranżitu u t-trażbord

9.12.2020 - (C(2020)07418 – 2020/2855(DEA))

imressqa skont l-Artikolu 111(6) tar-Regoli ta' Proċedura

Pascal Canfin
f'isem il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel

Proċedura : 2020/2855(DEA)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B9-0420/2020
Testi mressqa :
B9-0420/2020
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B9-0420/2020

Abbozz ta' deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li ma ssir ebda oġġezzjoni għar-Regolament delegat tal-Kummissjoni tad-29 ta' Ottubru 2020 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2019/2124 fir-rigward tal-kontrolli uffiċjali fil-post ta' kontroll fuq il-fruntiera minn fejn l-oġġetti jitilqu mill-Unjoni u ċerti dispożizzjonijiet dwar it-tranżitu u t-trażbord

(C(2020)07418 – 2020/2855(DEA))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-Regolament delegat tal-Kummissjoni tad-29 ta' Ottubru 2020 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2019/2124 fir-rigward tal-kontrolli uffiċjali fil-post ta' kontroll fuq il-fruntiera minn fejn l-oġġetti jitilqu mill-Unjoni u ċerti dispożizzjonijiet dwar it-tranżitu u t-trażbord (C(2020)07418),

 wara li kkunsidra l-ittra tal-Kummissjoni tas-6 ta' Novembru 2020, li permezz tagħha hija talbet lill-Parlament jiddikjara li mhux se joġġezzjona għar-Regolament delegat,

 wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel lill-President tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati, bid-data 2 ta' Diċembru 2020,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta' regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali)[1], u b'mod partikolari l-punti (b) u (d) tal-Artikolu 51(1) u l-Artikolu 144(6) tagħha,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 111(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għal deċiżjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

A. billi r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/2124[2] jistabbilixxi regoli għat-twettiq ta' kontrolli uffiċjali mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri[3] fuq kunsinni ta' annimali u oġġetti fit-tranżitu, fit-trasbord u fit-tkomplija tat-trasport fl-Unjoni;

B. billi l-punti (b) u (d) tal-Artikolu 51(1) tar-Regolament (UE) 2017/625 jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta atti delegati dwar regoli biex jiġu stabbiliti l-iskadenzi u l-arranġamenti għat-twettiq ta' verifiki tad-dokumenti u, fejn meħtieġ, verifiki tal-identità u verifiki fiżiċi fuq kategoriji ta' annimali u oġġetti soġġetti għall-kontrolli uffiċjali previsti fl-Artikolu 47(1) ta' dak ir-Regolament li jidħlu fl-Unjoni bi trasport bil-baħar jew bl-ajru minn pajjiż terz, meta dawk l-annimali jew oġġetti jiġu trasferiti minn bastiment jew inġenju tal-ajru u jiġu ttrasportati taħt superviżjoni doganali lejn bastiment jew inġenju tal-ajru ieħor fl-istess port jew ajruport bi tħejjija għat-tkomplija tal-vjaġġ ("kunsinni trasbordati") kif ukoll regoli biex jiġu stabbiliti l-każijiet fejn, u l-kondizzjonijiet li fihom, it-transitu ta' kunsinni tal-kategoriji ta' annimali u oġġetti msemmija fl-Artikolu 47(1) jista' jiġi awtorizzat u ċerti kontrolli uffiċjali li għandhom jitwettqu fil-postijiet ta' kontroll fuq il-fruntiera fuq tali kunsinni, inklużi l-każijiet u l-kondizzjonijiet għall-ħżin ta' oġġetti fi mħażen doganali jew ħielsa jew żoni ħielsa approvati b'mod speċjali;

C. billi, fid-29 ta' Ottubru 2020, il-Kummissjoni bagħtet lill-Parlament ir-Regolament delegat, u b'hekk infetaħ il-perjodu ta' skrutinju ta' xahrejn biex il-Parlament joġġezzjona għal dak ir-Regolament delegat;

D. billi, fost l-oħrajn, ir-Regolament delegat jintroduċi flessibbiltà fil-ġestjoni tal-kontrolli uffiċjali ta' beni li minn Stat Membru lejn l-Irlanda u viċi versa jgħaddu mill-Gran Brittanja ("pont fuq l-art"), li jippermetti l-użu ta' sistemi nazzjonali ta' ġestjoni tal-informazzjoni, u b'hekk jikkontribwixxi biex inaqqas il-piż amministrattiv għall-Istati Membri kkonċernati;

E. billi r-Regolament delegat għandu jidħol fis-seħħ b'urġenza u japplika mill-1 ta' Jannar 2021, sabiex jiġi żgurat li l-miżuri previsti f'dak ir-Regolament ikunu effettivi wara li l-perjodu ta' tranżizzjoni stabbilit fil-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika jintemm fil-31 ta' Diċembru 2020;

1. Jiddikjara li ma joġġezzjonax għar-Regolament delegat;

2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

 

Aġġornata l-aħħar: 14 ta' Diċembru 2020
Avviż legali - Politika tal-privatezza