MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-istrateġija tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima
11.12.2020 - (2020/2532(RSP))
skont l-Artikolu 136(5) tar-Regoli ta' Proċedura
Lídia Pereira, Marek Paweł Balt, Nils Torvalds, Pär Holmgren, Petros Kokkalis
f'isem il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
B9‑0422/2020
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-istrateġija tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) u l-Protokoll ta' Kjoto anness magħha,
– wara li kkunsidra l-Ftehim adottat fil-21 Konferenza tal-Partijiet għall-UNFCCC (COP 21) li saret f'Pariġi fit-12 ta' Diċembru 2015 (il-Ftehim ta' Pariġi),
– wara li kkunsidra l-istrateġija tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima ta' April 2013 u d-dokumenti ta' ħidma tal-persunal li jakkumpanjawha,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tat-12 ta' Novembru 2018 dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima (COM(2018)0738),
– wara li kkunsidra l-"Adaptation Gap Report 2018" tal-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2019 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (COM(2019)0640),
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-4 ta' Marzu 2020 għal regolament li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1999 ("il-Liġi Ewropea dwar il-Klima") (COM(2020)0080),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Mejju 2020 bit-titolu "Strateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030: Inreġġgħu n-natura lura f'ħajjitna" (COM(2020)0380),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Mejju 2020 bit-titolu "Strateġija "Mill-Għalqa sal-Platt" għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent" (COM(2020)0381),
– wara li kkunsidra r-rapport speċjali tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) dwar it-tisħin globali ta' 1,5° C, il-ħames rapport ta' valutazzjoni tiegħu (AR5) u r-rapport ta' sintesi tiegħu, kif ukoll ir-rapport speċjali tiegħu dwar it-tibdil fil-klima u l-art, u r-rapport speċjali tiegħu dwar l-oċean u l-krijosfera fi klima li qed tinbidel,
– wara li kkunsidra l-Valutazzjoni Globali dwar il-Bijodiversità u s-Servizzi Ekosistemiċi ppubblikata mill-Pjattaforma Intergovernattiva tal-Politika tax-Xjenza dwar il-Bijodiversità u s-Servizzi Ekosistemiċi (IPBES) fil-31 ta' Mejju 2019,
– wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 33/2018 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri bit-titolu "Il-ġlieda kontra d-deżertifikazzjoni fl-UE: theddida dejjem akbar li tirrikjedi azzjoni addizzjonali",
– wara li kkunsidra r-rapport ewlieni tal-Kummissjoni Dinjija dwar l-Adattament tal-2019, bit-titolu "Adapt Now: A Global Call for Leadership on Climate Resilience" (Adatta Issa: Sejħa Globali għat-Tmexxija u r-Reżiljenza għat-Tibdil fil-Klima),
– wara li kkunsidra s-Seba' Programm ta' Azzjoni Ambjentali sal-2020 tal-UE u l-viżjoni tiegħu għall-2050,
– wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2020 dwar il-15-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet (COP15) għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika[1],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2020 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew[2],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Novembru 2019 dwar l-emerġenza klimatika u ambjentali[3],
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) ibbażat fuq l-indikaturi tal-25 ta' Jannar 2017 bit-titolu "Climate change, impacts and vulnerability in Europe 2016" (Tibdil fil-klima, l-impatti u l-vulnerabbiltà fl-Ewropa 2016),
– wara li kkunsidra l-valutazzjoni tal-indikaturi tal-EEA tat-2 ta' April 2019 bit-titolu "Economic losses from climate-related extremes in Europe" (Telfien ekonomiku minħabba fenomeni estremi relatati mal-klima fl-Ewropa),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-EEA tal-4 ta' Settembru 2019 bit-titolu "Climate change adaptation in the agriculture sector in Europe" (Adattament għat-tibdil fil-klima fis-settur tal-agrikoltura fl-Ewropa),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-EEA tal-4 ta' Diċembru 2019 bit-titolu "The European environment state and outlook 2020: knowledge for transition to a sustainable Europe" (L-ambjent Ewropew – l-istat u l-prospetti għall-2020: għarfien għal tranżizzjoni lejn Ewropa sostenibbli),
– wara li kkunsidra l-opinjoni xjentifika tal-Grupp indipendenti ta' Konsulenti Xjentifiċi Ewlenin tal-Kummissjoni tad-29 ta' Ġunju 2020 dwar l-adattament għall-effetti fuq is-saħħa relatati mat-tibdil fil-klima,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-EEA tat-8 ta' Settembru 2020 bit-titolu "Healthy environment, healthy lives: how the environment influences health and well-being in Europe" (Ambjent b'saħħtu, ħajjiet f'saħħithom: kif l-ambjent jinfluwenza s-saħħa u l-benessri fl-Ewropa),
– wara li kkunsidra l-Qafas ta' Sendai tan-NU għat-Tnaqqis tar-Riskju ta' Diżastri 2015-2030,
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma[4],
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2020/741 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Mejju 2020 dwar ir-rekwiżiti minimi għall-użu mill-ġdid tal-ilma[5],
– wara li kkunsidra l-Qafas ta' Adattament ta' Cancún,
– wara li kkunsidra l-Mekkaniżmu Internazzjonali ta' Varsavja għal Telf u Ħsara assoċjati mal-Impatti tat-Tibdil fil-Klima,
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2007/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2007 dwar il-valutazzjoni u l-immaniġġjar tar-riskji tal-għargħar[6],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Settembru 2015 dwar is-segwitu għall-Inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej "Right2Water"[7],
– wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 33/2018 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri bit-titolu "Il-ġlieda kontra d-deżertifikazzjoni fl-UE: theddida dejjem akbar li tirrikjedi azzjoni addizzjonali",
– wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 25/2018 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri bit-titolu "Direttiva dwar l-Għargħar: inkiseb progress fil-valutazzjoni tar-riskji, iżda jeħtieġ li jsir titjib fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni",
– wara li kkunsidra r-rapporti tal-Kummissjoni "Projections of economic impacts of climate change in sectors of the EU based on bottom-up analysis" (Projezzjonijiet tal-impatti ekonomiċi tat-tibdil fil-klima fis-setturi tal-UE bbażati fuq analiżi minn isfel għal fuq (PESETA)), b'mod partikolari r-rapporti PESETA III u IV tal-2018 u l-2020,
– wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar strateġija tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima (O-000075/2020 – B9‑0075/2020),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 136(5) u 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,
A. billi t-tibdil osservat fil-klima diġà qed ikollu impatt wiesa' fuq l-ekosistemi (u b'mod partikolari fuq il-bijodiversità), is-setturi soċjali u ekonomiċi (biż-żieda fl-inugwaljanza) u s-saħħa tal-bniedem; billi huwa importanti li jiġi evitat li jfeġġu theddidiet multipli u li spiss jinteraġixxu flimkien għall-ekosistemi u l-organiżmi selvaġġi, inkluż it-telf u d-degradazzjoni ta' ħabitats; billi l-effetti tat-tibdil fil-klima qed ikomplu jiġu rreġistrati globalment u fl-UE, u billi hemm aktar evidenza li t-tibdil fil-klima fil-ġejjieni se jżid in-numru ta' avvenimenti estremi relatati mal-klima f'ħafna reġjuni tal-UE, kif ukoll f'pajjiżi terzi, u jikkawża invażjonijiet ta' portaturi ta' mard infettiv li jistgħu jwasslu biex jerġa' jfeġġ mard infettiv li preċedentement kien ġie eliminat fl-UE; billi l-adattament għat-tibdil fil-klima mhux biss huwa fl-interess ekonomiku tal-UE, iżda huwa wkoll essenzjali għall-benessri tal-pubbliku;
B. billi l-Istati Membri, ir-reġjuni u s-setturi fl-UE huma, u huwa mbassar li se jkunu, affettwati b'mod differenti mit-tibdil fil-klima; billi r-reġjuni kostali u insulari huma partikolarment vulnerabbli għall-impatti tat-tibdil fil-klima; billi l-kapaċità ta' adattament tvarja b'mod sinifikanti bejn ir-reġjuni tal-UE, u l-kapaċità ta' adattament tar-reġjuni insulari u ultraperiferiċi tal-UE hija limitata; billi l-istrateġiji ta' adattament għandhom iħeġġu wkoll tranżizzjoni għal żvilupp sostenibbli fiż-żoni vulnerabbli, bħall-gżejjer, filwaqt li jibnu fuq soluzzjonijiet tajbin għall-ambjent u bbażati fuq in-natura; billi ż-żona tal-Mediterran se ssofri aktar mill-effetti tal-mortalità tal-bnedmin, l-iskarsezza tal-ilma, id-deżertifikazzjoni, it-telf tal-ħabitats u n-nirien fil-foresti relatati mas-sħana;
C. billi l-iskollijiet tal-qroll u l-mangrovji, li huma bjar tal-karbonju naturali essenzjali, huma f'riskju minħabba t-tibdil fil-klima;
D. billi s-saħħa tal-ħamrija hija fattur ewlieni fil-mitigazzjoni tal-effetti tad-deżertifikazzjoni, peress li l-ħamrija hija l-akbar ġibjun tal-karbonju u s-sinsla tal-ekosistemi u l-għelejjel kollha, u għandha kapaċità sinifikanti ta' żamma tal-ilma u rwol importanti fit-titjib tar-reżiljenza tas-soċjetà għat-tibdil ambjentali;
E. billi s-settur tal-ilma, l-agrikoltura, is-sajd, il-forestrija u l-bijodiversità tal-art u tal-baħar huma marbuta b'mod qawwi, u huma relatati wkoll max-xejriet tat-tibdil fl-użu tal-art u t-tibdil tal-popolazzjoni; billi l-impatti tat-tibdil fil-klima f'partijiet oħra tad-dinja jistgħu jaffettwaw lill-UE permezz tal-kummerċ, il-flussi finanzjarji internazzjonali, is-saħħa pubblika, il-migrazzjoni u s-sigurtà;
F. billi l-konsum kumplessiv tal-enerġija fis-settur tal-ilma fl-UE huwa sinifikanti u jeħtieġ li jkun aktar effiċjenti sabiex jikkontribwixxi għall-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi u l-għanijiet klimatiċi tal-UE għall-2030 u biex tinkiseb newtralità f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju fl-2050;
G. billi d-Direttiva Qafas dwar l-Ilma (WFD) ma tinkludix dispożizzjonijiet speċifiċi sabiex jiġu indirizzati l-impatti tat-tibdil fil-klima; billi fil-komunikazzjoni tagħha dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-Kummissjoni madankollu tirrikonoxxi li l-funzjonijiet naturali tal-ilma tal-wiċċ u l-ilma ta' taħt l-art iridu jiġu restawrati;
H. billi l-bini huwa responsabbli għal madwar 40 % tal-konsum tal-enerġija u 36 % tal-emissjonijiet ta' CO2 fl-UE, u billi r-rinnovazzjoni estensiva tiegħu, inkluża rinnovazzjoni estensiva fi stadji, hija għalhekk kruċjali biex jintlaħaq l-objettiv tal-UE ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra żero netti sal-2050;
I. billi l-EEA stmat li l-avvenimenti estremi relatati mat-temp u l-klima kkawżaw telf ta' EUR 426 biljun bejn l-1980 u l-2017 fl-Istati Membri tal-EU-28, u qalet li l-ispejjeż tal-ħsarat mit-tibdil fil-klima mistennija jkunu għoljin, anki jekk il-Ftehim ta' Pariġi jiġi implimentat; billi dawn l-ispejjeż għandhom jitqiesu fl-analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji tal-miżuri li għandhom jiġu implimentati; billi l-investimenti li huma reżiljenti għall-klima jistgħu jillimitaw l-effetti avversi tat-tibdil fil-klima u b'hekk inaqqsu l-ispiża tal-adattament; billi l-impatti tat-tibdil fil-klima barra l-UE x'aktarx li se jkollhom riperkussjonijiet ekonomiċi, soċjali u politiċi fuq l-UE b'diversi modi, inkluż permezz tal-kummerċ, tal-flussi finanzjarji internazzjonali, tal-ispostament ikkawżat mill-klima u tas-sigurtà; billi l-investimenti meħtieġa għall-adattament għat-tibdil fil-klima għadhom ma ġewx ivvalutati jew inkorporati fiċ-ċifri relatati mal-klima tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP);
J. billi t-tibdil fil-klima u l-impatti tiegħu jistgħu jitnaqqsu b'mod sostanzjali permezz ta' politika ta' mitigazzjoni globali ambizzjuża kompatibbli mal-għan ta' mitigazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi; billi l-impenji attwali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet mhumiex biżżejjed biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi u se jirriżultaw f'tisħin globali ta' aktar minn 3 °C 'il fuq mil-livelli preindustrijali;
K. billi l-adattament għat-tibdil fil-klima huwa meħtieġ biex wieħed jantiċipa u jlaħħaq mal-effetti avversi attwali u futuri tat-tibdil fil-klima u biex jiġu evitati jew jitnaqqsu r-riskji fuq perjodu ta' żmien qasir, medju u fit-tul mit-tibdil fil-klima; billi strateġija ta' adattament robusta tal-UE hija fundamentali għat-tħejjija tar-reġjuni u tas-setturi vulnerabbli; billi l-isforzi kollettivi internazzjonali, fost l-oħrajn fir-rigward tal-iżvilupp sostenibbli, il-bijodiversità u t-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri għandhom jiġu integrati aħjar fl-istrateġija l-ġdida;
L. billi l-mekkaniżmi għall-finanzjament ta' miżuri ta' adattament biex jiġu indirizzati t-telf u l-ħsara jew l-ispostament ikkawżat mill-klima se jkunu aktar effettivi jekk in-nisa, inklużi n-nisa fil-livell taċ-ċittadini, ikunu jistgħu jipparteċipaw b'mod sħiħ fil-proċess tat-tfassil, fit-teħid tad-deċiżjonijiet u fl-implimentazzjoni; billi jekk jitqies l-għarfien tan-nisa, inkluż l-għarfien lokali u indiġenu, dan jista' jwassal għal avvanzi fil-ġestjoni tad-diżastri, isaħħaħ il-bijodiversità, itejjeb il-ġestjoni tal-ilma, itejjeb is-sigurtà tal-ikel, jipprevjeni d-deżertifikazzjoni, jipproteġi l-foresti, jiżgura tranżizzjoni rapida għal teknoloġiji ta' enerġija rinnovabbli u jappoġġja s-saħħa pubblika;
M. billi l-perikli għas-saħħa relatati mat-tibdil fil-klima se jaffettwaw lin-nies, b'mod partikolari xi gruppi vulnerabbli (l-anzjani, it-tfal, dawk li jaħdmu barra u dawk mingħajr dar); billi dawn il-perikli, fost l-oħrajn, qed iżidu l-morbidità u l-mortalità minħabba avvenimenti estremi tat-temp (mewġ ta' sħana, maltempati, għargħar, nirien) u mard infettiv li qed ifeġġ (li t-tixrid, iż-żmien u l-intensità tiegħu huma affettwati minn bidliet fit-temperatura, fl-umdità u fl-ammont ta' xita li tagħmel); billi bidliet fl-ekosistemi jistgħu jżidu wkoll ir-riskju ta' mard infettiv;
N. billi skont l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, it-tibdil fil-klima previst se jikkawża madwar 250 000 mewta addizzjonali fis-sena sal-2030;
O. billi r-restawr tal-ekosistemi, bħall-foresti, il-bwar, it-torbieri u l-artijiet mistagħdra, iwassal għal bidla pożittiva fil-bilanċ tal-karbonju tas-sistema rispettiva tal-użu tal-art u hija miżura kemm ta' mitigazzjoni kif ukoll ta' adattament;
P. billi l-investiment fil-prevenzjoni ta' diżastri ambjentali jista' jtejjeb b'mod effiċjenti l-adattament għat-tibdil fil-klima u jnaqqas il-frekwenza u l-intensità ta' avvenimenti estremi tat-temp relatati mal-klima;
Q. billi, skont ir-rapport speċjali tal-IPCC dwar it-tibdil fil-klima u l-art tal-2019, il-konservazzjoni ta' ekosistemi b'livell għoli ta' karbonju għandha impatt pożittiv immedjat fir-rigward tat-tibdil fil-klima; billi l-impatt pożittiv tar-restawr u ta' miżuri oħra relatati mas-sistemi tal-użu tal-art mhuwiex immedjat;
R. billi l-objettiv tal-kisba ta' stat ekoloġiku tajjeb għall-korpi tal-ilma huwa ta' importanza kruċjali għall-adattament, bl-istat ekoloġiku tal-korpi tal-ilma jkun taħt pressjoni dejjem akbar mill-klima li qed tinbidel;
Osservazzjonijiet ġenerali
1. Jenfasizza li l-adattament huwa meħtieġ għall-Unjoni kollha u għall-pajjiżi u r-reġjuni kollha biex jiġu minimizzati l-impatti avversi u irriversibbli tat-tibdil fil-klima, filwaqt li fl-istess ħin jiġu implimentati miżuri ta' mitigazzjoni ambizzjużi biex jiġu segwiti sforzi biex it-tisħin globali jinżamm taħt il-1,5 °C meta mqabbel mal-livelli preindustrijali, isir użu sħiħ mill-opportunitajiet għal tkabbir reżiljenti għall-klima u żvilupp sostenibbli, u jiġu massimizzati l-kobenefiċċji ma' politiki u leġiżlazzjoni oħra dwar l-ambjent; jenfasizza, f'dan il-kuntest, l-impenn sod tiegħu favur il-mira globali għall-adattament kif definit fil-Ftehim ta' Pariġi;
2. Jirrikonoxxi li l-bliet u r-reġjuni tal-UE diġà qed jiffaċċjaw l-effetti avversi wiesgħa tat-tibdil fil-klima, bħal ammonti estremi ta' xita, għargħar u nixfiet ,u li dawn il-fenomeni jirrappreżentaw riskji ambjentali, ekonomiċi u għas-sikurezza għall-komunitajiet u n-negozji lokali; iqis li l-istrateġija futura għandha tirrifletti din l-urġenza u tipproponi miżuri xierqa f'dan ir-rigward;
3. Jissuġġerixxi li n-natura reattiva tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea jiġi kkomplementat minn adattament ippjanat b'mod proattiv għat-tibdil fil-klima, li jnaqqas il-vulnerabbiltà tat-territorju tal-UE u tal-abitanti tiegħu billi jżid il-kapaċità ta' adattament u jnaqqas is-sensittività tiegħu;
4. Jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-Kummissjoni Globali dwar l-Adattament għall-ħidma tagħha biex tiġbed l-attenzjoni lejn l-adattament;
5. Jitlob li jkun hemm enfasi mġedda u mtejba fuq l-adattament; huwa kuntent, għalhekk, li l-Kummissjoni se tippreżenta strateġija ġdida bħala komponent ewlieni tal-politika tal-UE dwar il-klima u jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta l-istrateġija mingħajr dewmien; iqis li hija opportunità biex jintwera li l-UE hija minn ta' quddiem nett globalment fil-bini tar-reżiljenza globali għall-klima permezz ta' żieda fil-finanzjament, kif ukoll bil-promozzjoni tax-xjenza, is-servizzi, it-teknoloġiji u l-prattiki għall-adattament; iqis li l-istrateġija l-ġdida għandha tkun parti integrali tal-Patt Ekoloġiku Ewropew bil-għan li tinbena UE reżiljenti permezz tal-ħolqien u ż-żamma ta' sistemi b'kapaċità ta' adattament u ta' reazzjoni għolja fi klima li qed tinbidel b'pass mgħaġġel billi tingħata spinta lill-iżvilupp ekonomiku sostenibbli, tiġi ssalvagwardjata l-kwalità tal-ħajja u s-saħħa pubblika, tiġi żgurata s-sigurtà tal-ilma u tal-ikel, tiġi rrispettata u mħarsa l-bijodiversità, u ssir bidla lejn sorsi ta' enerġija nadifa u żgurati l-klima u l-ġustizzja soċjali; jilqa' r-reġim ta' governanza mtejjeb għall-adattament skont il-Liġi Ewropea dwar il-Klima;
6. Jilqa' l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tal-istrateġija tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima ta' Novembru 2018 u jieħu nota tal-konklużjoni tagħha li l-objettivi wesgħin tal-istrateġija ma ġewx issodisfati għalkollox, iżda li sar progress lejn l-azzjonijiet individwali kollha tagħha; jemmen, f'dan ir-rigward, li l-għanijiet stabbiliti fl-istrateġija l-ġdida jridu jkunu aktar ambizzjużi sabiex l-UE tkun ippreparata għall-effetti avversi mbassra tat-tibdil fil-klima;
7. Jitlob li jitqies l-adattament għat-tibdil fil-klima meta tinbena u tiġi rinnovata l-infrastruttura eżistenti, fis-setturi kollha u fl-ippjanar tal-ispazju, u jitlob li l-ippjanar tal-ispazju, il-bini, l-infrastruttura rilevanti kollha u investimenti oħrajn ikollhom reżistenza effettiva għall-klima, b'mod partikolari permezz ta' eżami ex ante biex tiġi vvalutata l-kapaċità tal-proġetti li jlaħħqu mal-impatti klimatiċi fuq perjodu medju u fit-tul f'xenarji differenti ta' żieda fit-temperatura globali, sabiex ikun magħruf jekk humiex eliġibbli għall-finanzjament mill-Unjoni u biex ikun żgurat li l-fondi tal-UE qed jintefqu b'mod effiċjenti fuq proġetti dejjiema u kompatibbli mal-klima; jitlob riforma tal-istandards u l-prattika tal-inġinerija madwar l-UE għall-integrazzjoni tar-riskji klimatiċi fiżiċi;
8. Jenfasizza li l-infrastruttura ekoloġika tikkontribwixxi għall-adattament għat-tibdil fil-klima permezz tal-protezzjoni tal-kapital naturali, il-konservazzjoni tal-ħabitats naturali u l-ispeċijiet, l-istat ekoloġiku tajjeb, il-ġestjoni tal-ilma u s-sigurtà tal-ikel;
9. Jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-istrateġija 2013 tonqos milli tindirizza kif xieraq l-urġenza li jiġu implimentati miżuri ta' adattament; jitlob li jkun hemm governanza msaħħa tal-istrateġija l-ġdida, l-identifikazzjoni ta' oqsma ta' prijorità u ħtiġijiet ta' investiment, inkluża valutazzjoni ta' kemm l-investimenti tal-UE jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-vulnerabbiltà klimatika kumplessiva tal-Unjoni, proċess ta' rieżami aktar frekwenti, b'għanijiet ċari, valutazzjoni xierqa, u indikaturi informati mill-aktar xjenza reċenti biex jitkejjel il-progress fl-implimentazzjoni tagħha; jirrikonoxxi l-ħtieġa li l-miżuri u l-pjanijiet jinżammu kontinwament aġġornati f'dinja li għaddejja minn tibdil bla preċedent; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tirrevedi u taġġorna b'mod regolari l-istrateġija l-ġdida f'konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Liġi Ewropea dwar il-Klima;
10. Jinnota wkoll li l-progress dwar l-għadd ta' strateġiji ta' adattament lokali u reġjonali kien aktar limitat milli mistenni, b'differenzi bejn l-Istati Membri; iħeġġeġ lill-Istati Membri jinċentivaw u jassistu lir-reġjuni fl-implimentazzjoni ta' pjanijiet ta' adattament u fit-teħid ta' azzjoni; jissottolinja li l-istrateġiji ta' adattament għandhom iqisu l-ispeċifiċitajiet territorjali u l-għarfien lokali; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li r-reġjuni kollha tal-UE jkunu lesti biex jindirizzaw l-impatti tat-tibdil fil-klima permezz tal-adattament; jirrikonoxxi f'dan il-kuntest il-valur tal-Patt tas-Sindki, li żied il-kooperazzjoni dwar l-adattament fil-livell lokali, u tad-djalogi nazzjonali permanenti dwar il-klima u l-enerġija fuq bosta livelli, kif stabbilit fir-Regolament dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika; jitlob rwol imsaħħaħ għall-adattament fil-Patt Klimatiku Ewropew;
11. Jenfasizza l-importanza tal-ġestjoni tar-riskji klimatiċi fiżiċi u jitlob l-integrazzjoni ta' valutazzjonijiet obbligatorji tar-riskju klimatiku fl-istrateġija tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima, inkluż tal-pjanijiet ta' adattament nazzjonali;
12. Jitlob li l-akkwist pubbliku jservi bħala eżempju tal-użu ta' materjali u servizzi li jirrispettaw il-klima;
13. Jenfasizza l-importanza li jiġi promoss aktar l-adattament għat-tibdil fil-klima fir-reġjuni u l-bliet fl-istrateġija l-ġdida, pereżempju permezz tal-promozzjoni ta' oqfsa leġiżlattivi li jirrikjedu strateġiji adegwati ta' adattament u monitoraġġ fil-livelli reġjonali u tal-bliet wara konsultazzjoni xierqa mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, inklużi s-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, it-trade unions u n-negozji lokali, flimkien ma' inċentivi finanzjarji biex jgħinu fl-implimentazzjoni tagħhom; jisħaq li għandha tingħata attenzjoni speċjali lit-tisħiħ tat-tħejjija u tal-kapaċità ta' adattament taż-żoni ġeografiċi l-aktar vulnerabbli, bħalma huma ż-żoni kostali, il-gżejjer u r-reġjuni ultraperiferiċi, li huma affettwati b'mod partikolari mit-tibdil fil-klima minħabba diżastri naturali u disturbi estremi tat-temp; jesprimi dispjaċir għall-fatt li kien hemm nuqqas kbir ta' perspettiva tal-ġeneru fl-istrateġija tal-Kummissjoni dwar l-adattament tal-2013 u jinsisti fuq perspettiva tal-ġeneru li tikkunsidra b'mod sħiħ il-vulnerabbiltajiet tan-nisa u l-bniet, u li tirrispetta wkoll l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-parteċipazzjoni;
14. Jisħaq fuq il-ħtieġa li jittejbu l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni transfruntiera dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima, kif ukoll fir-rispons rapidu għal diżastri klimatiċi; jistieden, f'dan il-kuntest, lill-Kummissjoni tappoġġja lill-Istati Membri fil-kondiviżjoni tal-għarfien u l-aħjar prattiki dwar l-isforzi differenti b'rabta mal-adattament għat-tibdil fil-klima fil-livell reġjonali u lokali;
15. Jenfasizza l-ħtieġa li l-Istati Membri, ir-reġjuni u l-bliet jibnu l-kapaċità ta' adattament tagħhom biex inaqqsu l-vulnerabbiltajiet u l-impatti soċjali tat-tibdil fil-klima; jitlob lill-Kummissjoni u lill-aġenziji tal-UE jipprovdu l-bini tal-kapaċitajiet u t-taħriġ meħtieġa, u qafas għall-iskambju xieraq ta' informazzjoni u tal-aħjar prattiki bejn l-awtoritajiet lokali, sottonazzjonali u nazzjonali;
16. Jenfasizza li l-istrateġiji ta' adattament għandhom jinkoraġġixxu wkoll bidla fil-mudell fiż-żoni vulnerabbli, bħall-gżejjer, abbażi ta' soluzzjonijiet tajbin għall-ambjent u bbażati fuq in-natura, u għandhom iżidu l-awtosuffiċjenza sabiex jiżguraw kundizzjonijiet ta' għajxien aħjar, inklużi prattiki tal-agrikoltura u s-sajd sostenibbli u lokali, ġestjoni sostenibbli tal-ilma, użu akbar tal-enerġija rinnovabbli, eċċ., f'konformità mal-SDGs, sabiex jitrawmu r-reżiljenza tagħhom u l-protezzjoni tal-ekosistemi tagħhom;
17. Jinnota l-ħtieġa ulterjuri tal-immappjar tal-impatti tat-tibdil fil-klima, pereżempju l-okkorrenza ta' diżastri naturali; jilqa', għalhekk, il-proġett Climate-ADAPT tal-Osservatorju tal-UE għat-Tibdil fil-Klima u s-Saħħa, li diġà tnieda, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli tiżviluppa u tespandi l-proġett biex ikopri aktar setturi;
18. Jenfasizza s-sinerġiji importanti u l-kompromessi potenzjali bejn il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih; jisħaq fuq il-fatt li l-evalwazzjoni tal-istrateġija dwar l-adattament attwali stabbiliet il-ħtieġa li titpoġġa aktar enfasi fuq ir-rabta bejn l-adattament u l-mitigazzjoni fil-politiki u l-pjanijiet; jinnota li approċċi sinerġistiċi għal dawn il-kwistjonijiet huma essenzjali kemm minħabba l-urġenza tal-kriżijiet tal-klima u tal-ambjent kif ukoll minħabba l-ħtieġa li tiġi protetta s-saħħa tal-bniedem u tissaħħaħ ir-reżiljenza tas-sistemi ekoloġiċi u soċjali, filwaqt li jiġi żgurat li ħadd ma jitħalla jibqa' lura; jisħaq li filwaqt li l-isforzi komuni huma vitali sabiex tiġi żgurata azzjoni effettiva fir-rigward tal-mitigazzjoni minħabba n-natura transfruntiera globali tagħha, għandha tingħata wkoll attenzjoni partikolari lill-impatti tat-tibdil fil-klima u l-ispejjeż ta' adattament għal kull reġjun, b'mod partikolari dawk ir-reġjuni li qed jiffaċċjaw l-isfida doppja tal-kontribut għall-isforz globali tal-mitigazzjoni filwaqt li jġarrbu l-ispejjeż dejjem akbar tal-indirizzar tal-impatti relatati mal-klima;
19. Jemmen li l-effetti avversi tat-tibdil fil-klima potenzjalment jistgħu jaqbżu l-kapaċitajiet ta' adattament tal-Istati Membri; huwa tal-fehma, għalhekk, li l-Istati Membri u l-Unjoni għandhom jaħdmu flimkien biex jevitaw, jimminimizzaw u jindirizzaw it-telf u l-ħsara assoċjati mat-tibdil fil-klima, kif previst fl-Artikolu 8 tal-Ftehim ta' Pariġi; jagħraf il-bżonn li jkomplu jiġu żviluppati miżuri biex jindirizzaw it-telf u l-ħsara;
20. Jirrikonoxxi li l-impatti tat-tibdil fil-klima min-natura tagħhom huma transfruntiera, u jaffettwaw, pereżempju, il-kummerċ, il-migrazzjoni u s-sigurtà; iħeġġeġ għalhekk lill-Kummissjoni tiżgura li l-istrateġija l-ġdida tkun olistika u tkopri l-firxa sħiħa ta' impatti klimatiċi;
21. Jisħaq li l-UE trid tkun lesta għal spostamenti kkawżati mill-klima u jirrikonoxxi l-ħtieġa li jittieħdu miżuri adegwati sabiex jiġu protetti d-drittijiet tal-bniedem ta' popolazzjonijiet mhedda mill-effetti tat-tibdil fil-klima;
Soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura u infrastruttura ekoloġika
22. Ifakkar li t-tibdil fil-klima u l-impatti tiegħu jaffettwaw mhux biss lill-bnedmin, iżda anki lill-bijodiversità u l-ekosistemi terrestri u tal-baħar, u li, skont ir-rapport ta' riferiment tal-IPBES, it-tibdil fil-klima bħalissa huwa t-tielet l-aktar fattur dirett importanti li jtellef il-bijodiversità madwar id-dinja, u l-għajxien sostenibbli se jkun essenzjali biex tiġi mmitigata l-interferenza antropoġenika perikoluża mas-sistema klimatika u biex ikun hemm adattament għaliha; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw koerenza akbar bejn l-implimentazzjoni tal-miżuri ta' adattament u l-miżuri ta' konservazzjoni tal-bijodiversità li jirriżultaw mill-istrateġija għall-bijodiversità għall-2030;
23. Iħeġġeġ l-iżvilupp ta' Network Trans-Ewropew tan-Natura tassew koerenti u reżiljenti, li jkun jikkonsisti f'kurituri ekoloġiċi għall-prevenzjoni tal-iżolament ġenetiku, biex l-ispeċijiet jitħallew jemigraw u biex jinżammu u jissaħħu ekosistemi f'saħħithom, filwaqt li jiġi permess l-iżvilupp ta' infrastruttura tradizzjonali iżda reżiljenti għall-klima;
24. Jisħaq fuq l-importanza li jintużaw soluzzjonijiet ta' adattament sostenibbli bbażati fuq in-natura, fuq l-importanza tal-konservazzjoni u r-restawr tal-ekosistemi tal-baħar u tal-art li jistgħu simultanjament jikkontribwixxu għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih, tal-protezzjoni tal-bijodiversità u l-ġlieda kontra tipi differenti ta' tniġġis; jitlob li l-istrateġija l-ġdida tinkludi pjanijiet ta' azzjoni ambizzjużi biex jiżdied l-użu ta' dawn is-soluzzjonijiet, b'finanzjament adegwat, inkluż mill-QFP, l-InvestEU u l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, u jipproponi li jiġu eżaminati l-portafolli tal-prodotti finanzjarji disponibbli u li jittejbu t-termini tal-finanzjament biex tiġi rrimedjata s-sitwazzjoni attwali ta' investiment subottimali; jitlob barra minn hekk li jsir użu tajjeb mill-programm LIFE, u li jitħalla jaġixxi bħala katalizzatur għall-innovazzjoni fl-adattament u jsir spazju fejn issir sperimentazzjoni bis-soluzzjonijiet, jiġu żviluppati soluzzjonijiet u jiġu pprovati fi proġetti pilota sabiex tinbena r-reżiljenza tal-Unjoni għar-riskju klimatiku;
25. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi vvalutat u jsir aktar użu mill-potenzjal tal-foresti, is-siġar u l-infrastruttura ekoloġika fl-adattament għat-tibdil fil-klima u fil-provvista ta' servizzi tal-ekosistema bħal, pereżempju, is-siġar f'żoni urbani, li jistgħu jibbilanċjaw temperaturi estremi, minbarra li jipprovdu benefiċċji oħra, bħat-titjib tal-kwalità tal-arja; jitlob li jitħawlu aktar siġar fil-bliet, li jingħata appoġġ għall-ġestjoni sostenibbli tal-foresti u għal rispons integrat għan-nirien fil-foresti, inkluż, pereżempju, taħriġ adegwat għall-pumpiera involuti fit-tifi ta' dawn in-nirien, sabiex il-foresti tal-UE jiġu protetti mill-qerda kkawżata minn avvenimenti klimatiċi estremi; jenfasizza li l-miżuri kollha ta' adattament għar-riforestazzjoni u għall-agrikoltura għandhom ikunu bbażati fuq l-aħħar għarfien xjentifiku u għandhom jiġu implimentati b'rispett sħiħ għall-prinċipji ekoloġiċi;
26. Jinnota li l-identifikazzjoni ta' żoni tal-foresti li baqgħu l-eqreb għall-istat naturali tagħhom u għalhekk għandhom jingħataw protezzjoni partikolari, kienet waħda mill-prijoritajiet tat-tieni programm ta' azzjoni ambjentali tal-UE tal-1977; jinnota wkoll li, filwaqt li s'issa għadha ma ttieħdet l-ebda azzjoni, din l-UE għamlitha wkoll prijorità fl-Istrateġiji għall-Bijodiversità għall-2030; jistieden lill-Kummissjoni tallinja l-istrateġija futura tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima mal-objettivi tal-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità, b'mod partikolari fir-rigward tal-protezzjoni stretta tal-foresti primarji kollha u tal-objettivi tagħha ta' konservazzjoni u ta' restawr;
27. Jenfasizza r-rwol tal-ekosistemi ta' foresti intatti[8] sabiex jingħelbu l-fatturi li joħolqu stress fuq l-ambjent, inkluż it-tibdil fil-klima, grazzi għall-proprjetajiet inerenti tagħhom li jippermettulhom jimmassimizzaw il-kapaċità ta' adattament tagħhom, u li jinkludu sekwenzi ta' speċijiet evoluttivi li jkunuadattati b'mod uniku biex jissopravivu għal bidliet staġjonali kbar fit-temperatura u disturbi fil-livell tal-pajsaġġ maż-żmien;
28. Jissottolinja li diversi teknoloġiji jippermettu t-tħawwil mill-ġdid tas-siġar; jifhem li, f'xi sitwazzjonijiet, xogħlijiet ta' kostruzzjoni li jsiru fil-bliet jistgħu jinvolvu l-qerda ta' żoni ekoloġiċi, u jappoġġja, f'dan il-kuntest, it-tħawwil mill-ġdid tas-siġar, li jagħtihom ħajja ġdida f'postijiet ġodda u ddisinjati tajjeb;
29. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikklassifikaw l-infrastruttura ekoloġika taħt il-kategorija tal-infrastruttura kritika għall-finijiet tal-programmazzjoni, il-finanzjament u l-investimenti;
30. Jinnota li ċerti komponenti tal-infrastruttura ekoloġika jsofru wkoll tf'kundizzjonijiet ta' sħana akbar u f'kundizzjonijiet ta' stress oħrajn, u li sabiex dawn joħolqu effetti ta' tkessiħ mhux biss fiżiċi iżda anki fiżjoloġiċi, jeħtieġ li nipprovdulhom kundizzjonijiet, ħamrija u umdità favorevoli biex jiffjorixxu f'żoni urbani; jenfasizza, għalhekk, ir-rwol tal-ippjanar urban ekoloġiku kif xieraq li jikkunsidra l-ħtiġijiet tad-diversi komponenti tal-infrastruttura ekoloġika u mhux biss it-tħawwil tas-siġar;
31. Jirrikonoxxi r-rwol tal-oċeani fl-adattament għat-tibdil fil-klima, u jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żgurati u promossi ibħra u oċeani f'saħħithom u reżiljenti; ifakkar li r-rapport speċjali tal-IPCC bit-titolu "The Ocean and Cryosphere in a Changing Climate" (L-Oċean u l-Krijosfera fi Klima li qed Tinbidel), jispeċifika li l-mekkaniżmi klimatiċi jiddependu fuq is-saħħa tal-oċeani u tal-ekosistemi tal-baħar li bħalissa huma affettwati mit-tisħin globali, it-tniġġis, l-isfruttament żejjed tal-bijodiversità tal-baħar, l-aċidifikazzjoni, id-deossiġenazzjoni u l-erożjoni tal-kosta; jenfasizza li l-IPCC jinnota wkoll li l-oċeani huma parti mis-soluzzjoni biex jiġu mmitigati u adattati l-effetti tat-tibdil fil-klima, u jissottolinja l-ħtieġa li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet serra u t-tniġġis fl-ekosistemi, kif ukoll li jittejbu l-bjar tal-karbonju naturali;
32. Jinnota li d-degradazzjoni tal-ekosistemi tal-kosta u tal-baħar thedded is-sigurtà fiżika, ekonomika u tal-ikel tal-komunitajiet lokali u tal-ekonomija b'mod ġenerali, u ddgħajjef il-kapaċità tagħhom li jipprovdu servizzi kritiċi fl-ekosistema bħall-ikel, il-ħżin tal-karbonju u l-ġenerazzjoni tal-ossiġenu, kif ukoll li jappoġġjaw soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura għall-adattament għat-tibdil fil-klima;
33. Iwissi li ċerti żoni kostali jistgħu jiġu taħt pressjoni kbira minħabba ż-żieda fil-livelli tal-ibħra u d-dħul ta' ilma mielaħ kemm fl-akwiferi kostali użati għall-estrazzjoni tal-ilma tax-xorb u kemm f'kanali tad-drenaġġ, kif ukoll minħabba temp estrem, li jista' jkollu konsegwenzi bħal falliment tal-uċuħ tar-raba', kontaminazzjoni ta' korpi tal-ilma, ħsara lill-infrastruttura, u spostament furzat; jinkoraġġixxi l-iżvilupp ta' infrastruttura ekoloġika fil-bliet mal-kosta, li ġeneralment ikunu jinsabu qrib artijiet mistagħdra, sabiex jiġu ppreservati l-bijodiversità u l-ekosistemi kostali, kif ukoll jissaħħu l-iżvilupp sostenibbli tal-ekonomija, it-turiżmu u l-pajsaġġi tal-kosta, li jgħinu wkoll biex tittejjeb ir-reżiljenza għat-tibdil fil-klima f'dawn iż-żoni vulnerabbli, li huma affettwati b'mod partikolari miż-żieda fil-livelli tal-ibħra;
34. Jappoġġa inizjattivi, inkluż l-iżvilupp ta' strateġiji urbani u għal ippjanar aħjar tal-ispazju, għall-użu tal-potenzjal ta' soqfa u infrastruttura oħra, bħal parks, ġonna urbani, soqfa u ħitan ekoloġiċi, apparati tal-filtrazzjoni tal-arja, bankini friski, konkrit penetrabbli u miżuri oħra li jistgħu jikkontribwixxu għat-tkessiħ ta' temperaturi urbani għoljin, iż-żamma u l-użu mill-ġdid tal-ilma tax-xita u l-produzzjoni tal-ikel, filwaqt li jitnaqqas it-tniġġis tal-arja, titjieb il-kwalità tal-ħajja fl-ibliet, jitnaqqsu r-riskji għas-saħħa tal-bniedem u tiġi protetta l-bijodiversità, inklużi d-dakkara; jemmen li infrastruttura bħal toroq, parkeġġi, binarji tal-ferrovija u sistemi ta' enerġija u ta' drenaġġ, fost l-oħrajn, jeħtieġ li jsiru reżistenti għall-bijodiversità u għat-tibdil fil-klima;
35. Jirrikonoxxi li l-valutazzjonijiet mill-awtoritajiet pubbliċi tal-impatt tal-pjanijiet ta' ġestjoni tat-territorju u l-iżvilupp urban fuq is-sistema tal-ilma jistgħu jipprovdu lill-awtoritajiet tal-ippjanar bil-pariri meħtieġa dwar modi kif wieħed jibni mingħajr ma jikkawża problemi għas-sistema tal-ilma; jistieden lill-Istati Membri jinkorporaw dawn il-valutazzjonijiet fl-approċċ tagħhom; jistieden lill-Istati Membri jfasslu mapep tal-periklu tal-għargħar u tar-riskju tal-għargħar skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2007/60/KE dwar il-valutazzjoni u l-immaniġġjar tar-riskji tal-għargħar, u b'hekk inaqqsu l-impatt tal-għargħar;
36. Ifakkar li t-tibdil fil-klima għandu impatt kemm fuq il-kwantità tal-ilma kif ukoll fuq il-kwalità tiegħu, peress li fluss aktar baxx fil-korpi tal-ilma jfisser anqas dilwizzjoni ta' sustanzi li jagħmlu ħsara li huma theddida għall-bijodiversità, is-saħħa tal-bniedem u l-provvista tal-ilma tax-xorb; jitlob, għalhekk, li ssir ġestjoni aħjar tal-ilma f'żoni urbani u rurali, inkluż il-ħolqien ta' miżuri ta' drenaġġ sostenibbli permezz ta' titjib aħjar tal-ispazju, li jissalvagwardja u jirkupra s-sistemi ta' fluss naturali, u ta' miżuri għaż-żamma naturali tal-ilma biex jgħinu jimmoderaw l-għargħar u n-nixfiet, jiffaċilitaw ir-riforniment tal-ilma ta' taħt l-art u jiżguraw id-disponibbiltà ta' riżorsi tal-ilma għall-produzzjoni tal-ilma tax-xorb; jenfasizza li l-miżuri ta' adattament fil-ġestjoni tal-ilma għandhom ikunu konsistenti mal-miżuri għat-titjib tas-sostenibbiltà u ċ-ċirkolarità fil-biedja, irawmu t-tranżizzjoni enerġetika u jikkonservaw u jirrestawraw l-ekosistemi u l-bijodiversità; jitlob, f'dan ir-rigward, rabta b'saħħitha bejn il-pjan ta' azzjoni futur għal tniġġis żero dwar l-ilma, l-arja u l-ħamrija u l-istrateġija tal-UE l-ġdida dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima;
37. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jimplimentaw b'mod sħiħ id-Direttiva 2000/60/KE, li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma, u b'hekk ittejjeb il-kwalità tal-ilmijiet upstream; jinnota li l-miżuri biex jinżamm u jiġi estratt l-ilma minn korpi tal-ilma upstream għandhom impatt fuq il-korpi tal-ilma downstream – anki b'mod transfruntier – u dan jista' jxekkel l-iżvilupp ekonomiku ta' żoni downstream u jillimita d-disponibbiltà ta' riżorsi ta' ilma tax-xorb; jitlob miżuri ta' politika koerenti f'oqsma differenti biex jikkontribwixxu għall-kisba ta' stat ekoloġiku tal-korpi tal-ilma fl-UE li jkun mill-anqas tajjeb, u jisħaq fuq l-importanza kruċjali li jiġu żgurati flussi ekoloġiċi konformi mad-WFD u titjib sinifikanti fil-konnettività tal-ekosistema tal-ilma ħelu;
38. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jippromwovu l-użu mill-ġdid tal-ilma sabiex jipprevjenu kunflitti fl-allokazzjoni bejn użi differenti tal-ilma, filwaqt li jipprovdu disponibbiltà suffiċjenti ta' riżorsi tal-ilma għall-produzzjoni tal-ilma tax-xorb, li hija essenzjali għall-kisba tad-dritt tal-bniedem għall-ilma;
39. Jinnota l-livell għoli ta' konsum ta' enerġija fis-settur tal-ilma; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra miżuri effiċjenti fl-enerġija u l-possibbiltà li l-ilma mormi ttrattat jintuża bħala sors "fuq il-post" ta' enerġija rinnovabbli; jinnota li d-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi ma ġietx riveduta mill-adozzjoni tagħha fl-1991; jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi d-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi sabiex tiżgura li din tikkontribwixxi b'mod pożittiv għall-għanijiet klimatiċi u ambjentali tal-Unjoni;
Miżuri ta' adattament u konsistenza
40. Jenfasizza l-ħtieġa li l-adattament għat-tibdil fil-klima jiġi integrat fil-politiki rilevanti kollha tal-UE u li jiġu massimizzati l-kobenefiċċji magħhom għal futur aktar sostenibbli, bħall-agrikoltura u l-produzzjoni tal-ikel, il-forestrija, it-trasport, il-kummerċ, l-enerġija, l-ambjent, il-ġestjoni tal-ilma, il-bini, l-infrastruttura, l-industrija, il-politika ta' koeżjoni u l-iżvilupp lokali, u l-politiki soċjali, u l-ħtieġa li jiġi żgurat li inizjattivi oħra tal-Patt Ekoloġiku Ewropew ikunu konsistenti mal-miżuri tal-adattament għat-tibdil fil-klima u l-miżuri ta' mitigazzjoni;
41. Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta bir-reqqa l-impatt klimatiku u ambjentali tal-proposti leġiżlattivi u baġitarji rilevanti kollha, u tiżgura li dawn ikunu allinjati għalkollox mal-għan li t-tisħin globali jiġi limitat għal taħt il-1,5 °C;
42. Jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-politiki tal-UE ppermettew sussidji ta' ħsara għall-klima u l-ambjent fil-perjodu 2014-2020, li kkontribwew għal tnaqqis fir-reżiljenza tal-ekosistemi tal-UE; iħeġġeġ li r-regoli applikabbli fost l-oqsma ta' politika kollha għandhom jipprevjenu tali użu ta' riżorsi pubbliċi;
43. Jistieden lill-Kummissjoni tadotta approċċ ambizzjuż għall-mewġa ta' rinnovazzjoni li ġejja u tadotta inizjattivi xierqa li jiżguraw rinnovazzjonijiet fi stadji u profondi b'fokus kosteffiċjenti b'saħħtu; jilqa', f'dan il-kuntest, l-ambizzjoni tal-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen li tistabbilixxi "Bauhaus Ewropea" li tlaqqa' flimkien inġiniera, periti u persunal ieħor mis-settur tal-bini kif enfasizzat fid-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni fis-16 ta' Settembru 2020 fil-Parlament Ewropew;
44. Jitlob li l-istrateġija l-ġdida tkun konsistenti mal-azzjoni u l-ftehimiet globali bħall-Ftehim ta' Pariġi, l-SDGs u l-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika; jitlob lill-Kummissjoni tidentifika azzjonijiet li jippromwovu u jiffaċilitaw l-adattament barra l-UE fl-istrateġija l-ġdida, b'mod partikolari fil-pajjiżi l-anqas żviluppati u fl-istati gżejjer żgħar li huma affettwati l-aktar mit-tibdil fil-klima u ż-żieda fil-livelli tal-ibħra, u żżid l-assistenza teknika tagħha għall-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp u l-iskambju tal-aħjar prattiki magħhom bħala parti mill-azzjoni esterna tagħha;
45. Jitlob li l-istrateġija ta' adattament il-ġdida tippromwovi u tiżviluppa soluzzjonijiet ta' adattament ma' pajjiżi terzi, speċjalment fil-partijiet tad-dinja li huma l-aktar vulnerabbli għat-tibdil fil-klima u affettwati l-aktar minnu; jenfasizza, barra minn hekk, il-ħtieġa ta' bini tal-kapaċitajiet effettiv u mmirat f'pajjiżi li qed jiżviluppaw, it-tixrid ta' teknoloġiji għall-adattament għat-tibdil fil-klima, u r-responsabbiltajiet li jeżistu tul il-ktajjen tal-provvista kollha;
46. Jitlob lill-Kummissjoni tindirizza b'mod adegwat u rapidu d-deżertifikazzjoni u d-degradazzjoni tal-art, problemi li diġà qed jaffettwaw lill-biċċa l-kbira tal-pajjiżi fl-Unjoni u li qed ifeġġu bħala waħda mill-konsegwenzi l-aktar viżibbli tat-tibdil fil-klima, u tiżviluppa metodoloġija u indikaturi biex tivvaluta l-estent tagħhom; jenfasizza wkoll il-ħtieġa li jiġi indirizzat l-issiġillar tal-ħamrija; ifakkar fis-sejbiet tar-rapport speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri bit-titolu "Il-ġlieda kontra d-deżertifikazzjoni fl-UE: theddida dejjem akbar li tirrikjedi azzjoni addizzjonali", b'mod partikolari fil-ħtieġa li jissaħħaħ il-qafas legali tal-UE għall-ħamrija, li jiżdiedu l-azzjonijiet lejn it-twettiq tal-impenn tal-Istati Membri li jiksbu newtralità f'termini tad-degradazzjoni tal-art fl-UE sa mhux aktar tard mill-2030, u li jiġu indirizzati aħjar il-kawżi sottostanti tad-deżertifikazzjoni, b'mod partikolari l-prattiki agrikoli mhux sostenibbli; jesprimi dispjaċir għan-nuqqas ta' politika u azzjoni speċifiċi tal-UE f'dan ir-rigward; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tippreżenta strateġija tal-UE biex tiġġieled id-deżertifikazzjoni fil-qafas tal-istrateġija ta' adattament; jitlob li jkun hemm biżżejjed fondi biex tiġi miġġielda d-deżertifikazzjoni u d-degradazzjoni tal-art;
47. Jirrikonoxxi l-impatti inugwali tat-tibdil fil-klima, u l-fatt li l-impatti avversi se jvarjaw mhux biss bejn l-Istati Membri, iżda, aktar importanti minn hekk, anki bejn ir-reġjuni, u b'hekk jaffettwaw il-ħtiġijiet rispettivi tagħhom għall-miżuri ta' adattament; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tfassal gwida għall-Istati Membri u r-reġjuni biex tgħinhom jimmiraw il-miżuri ta' adattament tagħhom bl-aktar mod effettiv;
48. Jisħaq fuq il-ħtieġa li jittejbu t-tħejjija u l-kapaċità ta' adattament ta' żoni ġeografiċi b'esponiment għoli għat-tibdil fil-klima, bħar-reġjuni insulari u ultraperiferiċi tal-UE;
49. Jirrikonoxxi li l-impatti avversi tat-tibdil fil-klima se jaffettwaw b'mod partikolari lill-gruppi foqra u żvantaġġjati fis-soċjetà, peress li hemm it-tendenza li jkollhom kapaċitajiet ta' adattament aktar limitati u jiddependu aktar minn riżorsi sensittivi għall-klima; jisħaq li l-isforzi ta' adattament għat-tibdil fil-klima jeħtieġ li jindirizzaw ir-rabta bejn it-tibdil fil-klima u s-sorsi soċjoekonomiċi wiesgħa ta' vulnerabbiltà, inklużi l-faqar u l-inugwaljanza bejn il-ġeneri;
50. Jitlob it-tisħiħ tas-sistemi ta' protezzjoni soċjali biex jiġu protetti r-reġjuni u n-nies l-aktar vulnerabbli mill-impatti avversi tat-tibdil fil-klima, kif ukoll għall-identifikazzjoni tal-gruppi vulnerabbli fit-tfassil ta' politiki dwar l-adattament ġust fil-livelli rilevanti kollha tal-governanza;
51. Jenfasizza li l-għażla ta' miżuri ta' adattament għandha ssir abbażi ta' analiżi ta' kriterji multipli permezz tal-effiċjenza, l-effettività, l-ispiża finanzjarja, il-konsistenza mal-mitigazzjoni, perspettiva urbana, eċċ.; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa definizzjoni ta' protezzjoni kontra t-tibdil fil-klima bħala mod kif tiżgura li l-miżuri kollha jkunu effettivi u xierqa għall-iskop tagħhom;
52. Jenfasizza r-riskju ta' adattament ħażin għat-tibdil fil-klima u l-ispejjeż assoċjati tiegħu; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tiżviluppa indikaturi biex tkejjel jekk l-Unjoni hijiex tissodisfa l-miri tal-adattament, abbażi tal-impatti previsti;
53. Iħeġġeġ l-iżvilupp ta' metodoloġiji u approċċi komuni għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-effettività tal-azzjonijiet ta' adattament, filwaqt li jirrikonoxxi li l-impatti tat-tibdil fil-klima u l-azzjonijiet ta' adattament huma lokali u speċifiċi għall-kuntest;
Finanzjament
54. Jitlob li jkun hemm aktar finanzjament fil-livelli kollha ta' governanza u għall-mobilizzazzjoni tal-investimenti pubbliċi u privati fl-adattament; ifakkar fil-pożizzjoni tiegħu li titlob mira ta' nfiq relatat mal-klima ta' 30 % u mira ta' nfiq relatat mal-bijodiversità ta' 10 % fil-QFP 2021-2027 li jmiss u f'Next Generation EU, li għandhom jikkontribwixxu kemm għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima kif ukoll għall-adattament għalih; jitlob li r-reżiljenza għat-tibdil fil-klima titqies bħala kriterju ewlieni fil-fondi rilevanti kollha tal-UE; iqis li l-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), bħala bank klimatiku, għandu jiffinanzja wkoll miżuri ta' adattament għat-tibdil fil-klima[9]; jistieden lill-BEI, bħala l-bank klimatiku tal-UE, biex jipprovdi kif xieraq il-finanzjament tal-UE għall-adattament għat-tibdil fil-klima u jimpenja ruħu favur livell ta' ambizzjoni akbar dwar l-adattament fil-Pjan Direzzjonali ta' Bank Klimatiku tiegħu, u jitlob aktar inċentivi għall-SMEs, li jista' jkollhom rwol ewlieni fl-iżvilupp ta' soluzzjonijiet sostenibbli u innovattivi għall-adattament; jisħaq li l-QFP li jmiss u l-Fond għall-Irkupru la għandhom iwasslu għal żieda fil-pressjoni fuq l-ekosistemi, la għat-tnaqqis fil-konnettività tagħhom, u lanqas għall-isfruttament eċċessiv tagħhom peress li użu sostenibbli tan-natura biss se jippermetti lill-Unjoni timmitiga l-interferenza antropoġenika perikoluża mas-sistema klimatika u nadattaw għaliha[10]; jitlob appoġġ finanzjarju adegwat għall-implimentazzjoni tal-miri ta' protezzjoni u restawr tal-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-finanzjament tal-adattament għat-tibdil fil-klima jkun inklużiv u reattiv għal kwistjonijiet ta' ġeneru;
55. Jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-metodoloġija ta' trekkjar tal-UE għall-finanzjament għat-tibdil fil-klima ma tagħmilx distinzjoni bejn il-mitigazzjoni u l-adattament, u li l-allokazzjoni għall-klima kienet diffiċli biex tiġi segwita, peress li qed tintuża aktar bħala għodda għall-kontabilità milli bħala appoġġ effettiv għall-ippjanar tal-politika; jitlob sistema ta' allokazzjoni għall-klima li tkun speċifika għall-politiki u tinkludi kriterji ta' monitoraġġ li jippermettu tqabbil bejn il-fondi tal-UE, u li tiddistingwi bejn mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u adattament għalih fost l-istrumenti tal-baġit tal-UE kollha;
56. Iħeġġeġ użu aħjar tal-Fond ta' Solidarjetà tal-UE bħala mekkaniżmu ta' finanzjament ta' "rikostruzzjoni aħjar" li jipprovdi wkoll inċentivi għall-adattament u l-ippjanar li jħares 'il quddiem;
57. Jirrikonoxxi li l-adattament għandu prezz; jinnota, madankollu, li l-ispiża tan-nuqqas ta' azzjoni mistennija tkun ħafna akbar; jinsisti fuq l-importanza li jsiru l-investimenti fl-adattament peress li, minbarra li jiġu salvati l-ħajjiet u li l-ambjent jiġi protett, l-azzjonijiet ta' prevenzjoni jistgħu jkunu aktar kosteffikaċi; jenfasizza l-prinċipju tal-prevenzjoni u jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa approċċi biex tiżgura li l-ispejjeż li jirriżultaw min-nuqqas ta' teħid ta' miżuri ta' adattament ma jiġux mgħoddija lill-pubbliku ġenerali u li jiġi infurzat il-prinċipju ta' "min iniġġes iħallas" li jagħti responsabbiltajiet dwar l-adattament lil min iniġġes; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri jiżguraw li l-investimenti pubbliċi jkunu reżiljenti għall-klima u, fl-istess ħin, jipprovdu inċentivi għal investimenti privati ekoloġiċi u sostenibbli biex jaġixxu bħala katalizzatur għal bidliet sistemiċi; jemmen li l-prinċipju ta' "tagħmel l-ebda ħsara" għandu jkun ċar fl-istrateġija ta' adattament li ġejja, b'mod partikolari sabiex jiġu evitati l-impatti negattivi fuq il-bijodiversità kif ukoll adattament ħażin;
58. Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni li testendi l-kamp ta' applikazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-UE biex ikopri emerġenzi tas-saħħa pubblika bħal pandemiji;
Sensibilizzazzjoni, għarfien u riċerka dwar l-adattament
59. Jissottolinja l-importanza tas-sensibilizzazzjoni dwar l-effetti tat-tibdil fil-klima, bħal avvenimenti estremi tat-temp, inkluż fuq is-saħħa u l-ambjent, u dwar il-ħtieġa ta' adattament, kif ukoll il-benefiċċji tiegħu, mhux fost dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, iżda anki permezz ta' informazzjoni xierqa u kontinwa u attivitajiet edukattivi fl-istadji u l-oqsma kollha tal-ħajja; jesprimi dispjaċir, f'dan il-kuntest, għall-fatt li sar tnaqqis fil-baġit ta' programmi importanti bħall-UE għas-Saħħa u Erasmus;
60. Jirrikonoxxi li l-lakuni fl-għarfien prijoritarji ma ġewx eliminati u li feġġew lakuni ġodda; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tkompli tidentifika u timla l-lakuni fl-għarfien, anki fir-rigward ta' setturi kritiċi, sabiex jiġi żgurat teħid ta' deċiżjonijiet infurmat, billi jiġu żviluppati aktar għodod bħal Climate-ADAPT u l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija/Komunità ta' Għarfien u Innovazzjoni (Climate-KIC tal-EIT); jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq l-importanza ta' kondiviżjoni aħjar tal-għarfien bejn l-Istati Membri, li għadha mhijiex biżżejjed, u ta' titjib fil-koordinazzjoni dwar kwistjonijiet bħal baċiri idrografiċi internazzjonali, difiżi kontra l-għargħar, kodiċijiet ta' bini u kostruzzjoni f'żoni li potenzjalment huma f'riskju kbir; jistieden lill-Kummissjoni toħloq forum dwar l-analiżi u l-immudellar tal-adattament biex ittejjeb l-użu ta' mudelli tal-impatti tat-tibdil fil-klima u tal-adattament għalih għat-tfassil tal-politika;
61. Jenfasizza l-ammont kbir ta' innovazzjoni li fuqu huma msejsa l-proġetti u l-miżuri għall-adattament għat-tibdil fil-klima, bħal żvilupp ta' teknoloġiji, servizzi diġitali, eċċ., u jisħaq fuq il-ħtieġa li l-UE tappoġġja l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' inizjattivi bħal dawn;
62. Jisħaq fuq l-importanza li tiġi appoġġjata r-riċerka u l-innovazzjoni permezz tal-programm Orizzont Ewropa u mekkaniżmi oħra ta' finanzjament fl-oqsma tal-adattament għat-tibdil fil-klima, soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura, teknoloġiji ekoloġiċi u soluzzjonijiet oħra li jistgħu jgħinu fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-fenomeni estremi tat-temp; ifakkar ukoll fil-potenzjal ta' Orizzont Ewropa li jrawwem ir-reżiljenza għall-klima taċ-ċittadini tal-UE, u b'hekk jikkontribwixxi għall-adattament anki permezz tat-trasformazzjoni tas-soċjetà; jesprimi dispjaċir, f'dan il-kuntest, għall-fatt li sar tnaqqis kbir fil-baġits fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni għal programmi bħal Orizzont Ewropa, peress li dan it-tnaqqis se jnaqqas il-kompetittività tal-UE f'teknoloġiji mill-aktar avvanzati u soluzzjonijiet għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u għall-adattament għalih; ifakkar fir-rwol fundamentali tar-riċerkaturi fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq l-importanza ta' kollaborazzjoni xjentifika mill-qrib bejn is-sħab internazzjonali; jinnota li s-sħubija Ewropea għall-innovazzjoni agrikola (EIP-AGRI) tista' tkun għodda importanti għall-iżvilupp ta' teknoloġiji u prattiki ġodda għall-adattament għat-tibdil fil-klima fis-sistemi agroalimentari;
63. Jisħaq fuq l-importanza li l-miżuri ta' adattament ikunu bbażati fuq l-aħħar għarfien xjentifiku u data aċċessibbli; jinnota, f'dan il-kuntest, il-ħidma li diġà twettqet minn programmi tal-UE bħal COPERNICUS, u jenfasizza r-rwol tal-ġbir ta' data infurzat biex jiġi żgurat l-aktar tbassir preċiż possibbli; jitlob żieda fir-riċerka u l-iżvilupp biex jinstabu soluzzjonijiet innovattivi għall-adattament u għal appoġġ immirat għall-innovazzjonijiet diġitali li jisfruttaw il-potenzjal tad-diġitalizzazzjoni għal trasformazzjoni sostenibbli;
64. Jinnota li l-effetti tat-tibdil fil-klima fuq is-saħħa se jiżdiedu u li, skont ir-Rapport tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) dwar is-Saħħa u t-Tibdil fil-Klima, u l-Lancet Countdown, huwa biss issa li dawn l-impatti qed jibdew jiġu meqjusa; jisħaq, għalhekk, fuq l-importanza li jiġi studjat aktar l-impatt tat-tibdil fil-klima fuq is-saħħa tal-bniedem u jitlob li jsir investiment fir-riċerka f'dan il-qasam, għal kooperazzjoni transsettorjali dwar il-valutazzjoni u s-sorveljanza tar-riskji, u għal aktar sensibilizzazzjoni u kapaċità fis-settur tas-saħħa, inkluż fil-livell lokali, u għall-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki u l-aħħar għarfien dwar ir-riskji mit-tibdil fil-klima għas-saħħa tal-bniedem, permezz ta' programmi tal-UE bħal Orizzont Ewropa u l-programm LIFE; jitlob li d-data li tinġabar tingħata lill-Ispazju Ewropew tad-Data dwar is-Saħħa;
65. Jistieden lill-Kummissjoni biex fl-istrateġija tagħha tqis il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-Istati Membri jkollhom sistemi tas-saħħa reżiljenti għall-klima, li jkunu kapaċi jantiċipaw u jirreaġixxu għall-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima fuq is-saħħa, b'mod partikolari għall-persuni l-aktar vulnerabbli, billi jinvolvu b'mod sħiħ lill-komunità tas-saħħa fit-tfassil tal-istrumenti għall-adattament; jisħaq li dan għandu jinkludi programmi ta' prevenzjoni, pjanijiet dwar miżuri ta' adattament u kampanji ta' sensibilizzazzjoni dwar l-effetti tat-tibdil fil-klima fuq is-saħħa, bħall-mewt, il-korriment, ir-riskju miżjud ta' mard li jinġarr mill-ikel u mill-ilma li jirriżulta minn temperaturi estremi, l-għargħar u n-nirien, kif ukoll l-effetti li jirriżultaw minn ekosistemi mfixkla, li jġibu riskji ta' mard, tibdil fl-istaġuni tal-polline u allerġiji; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi wkoll ir-riżorsi meħtieġa għaż-żamma u l-iżvilupp ulterjuri tan-network ta' sorveljanza tal-mard li jinġarr minn vetturi u ta' sorveljanza entomoloġika, u l-implimentazzjoni xierqa tiegħu fl-Istati Membri;
Twissija bikrija u reazzjoni rapida
66. Jitlob li l-istrateġija l-ġdida tiffoka aktar fuq il-prevenzjoni tal-kriżijiet u l-ippjanar tat-tħejjija, u l-ġestjoni u r-reazzjoni għad-diżastri, inkluż fil-pandemiji, billi tisfrutta s-sinerġiji kollha mal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili msaħħaħ u bl-involviment attiv ta' aġenziji tal-UE bħall-EEA u ċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC); huwa tal-fehma li l-Istati Membri għandhom jikkoordinaw il-ħolqien ta' dawn il-pjanijiet ta' tħejjija mal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili permezz taċ-Ċentru ta' Koordinazzjoni tar-Reazzjoni f'każ ta' Emerġenza tiegħu; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa linji gwida dwar emerġenzi ta' sħana urbana u tħeġġeġ l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri f'dan il-kuntest;
67. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżviluppaw pjanijiet adegwati ta' prevenzjoni u ta' reazzjoni rapida għad-diżastri klimatiċi bħal mewġ tas-sħana, għargħar u nixfiet, li jqisu l-ispeċifiċitajiet tar-reġjuni, bħar-reġjuni tal-fruntieri jew tal-kosta, u jinkludu mekkaniżmi għal azzjoni transfruntiera, filwaqt li jiżguraw responsabbiltajiet kondiviżi u solidarjetà bejn l-Istati Membri u ma' pajjiżi terzi; jinsisti fuq il-ħtieġa li tiġi adottata strateġija ta' adattament għat-territorji u l-bliet esposti għall-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima, abbażi ta' approċċ innovattiv ġdid għall-prevenzjoni u l-ġestjoni tar-riskji bbażat fuq l-ekosistemi, b'mod partikolari billi jiġu identifikati żoni ta' riżerva, żoni li jżommu l-għargħar, protezzjonijiet naturali u, f'każijiet fejn huma essenzjali, protezzjonijiet artifiċjali;
68. Jitlob lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali biex jistabbilixxu sistemi ta' twissija bikrija fil-ħin u jħejju għodod xierqa biex iwieġbu għal avvenimenti estremi tat-temp u impatti negattivi oħra tat-tibdil fil-klima, kif ukoll pandemiji;
°
° °
69. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni.
- [1] Testi adottati, P9_TA(2020)0015.
- [2] Testi adottati, P9_TA(2020)0005.
- [3] Testi adottati, P9_TA(2019)0078.
- [4] ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1
- [5] ĠU L 177, 5.6.2020, p. 3.
- [6] ĠU L 288, 6.11.2007, p. 27.
- [7] ĠU C 16, 22.9.2017, p. 99.
- [8] Watson, J. E. M. et al..: "The exceptional value of intact forest ecosystems", Nature, Ecology and Evolution (Il-valur eċċezzjonali tal-ekosistemi ta' foresti intatti. Ekoloġija u Evoluazzjoni tan-Natura), Vol. 2, Nru 4, Macmillan Publishers Limited, Londra, 2018.
- [9] Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Lulju 2020 dwar il-konklużjonijiet tal-laqgħa straordinarja tal-Kunsill Ewropew tas-17-21 ta' Lulju 2020, Testi adottati, P9_TA(2020)0206.
- [10] IPBES, Global Assessment Report on Biodiversity and Ecosystem Services (Rapport ta' Valutazzjoni Globali dwar il-Bijodiversità u s-Servizzi Ekosistemiċi), 2019.