Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0056/2021Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0056/2021

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-aħħar żviluppi fl-Assemblea Nazzjonali tal-Venezwela

18.1.2021 - (2021/2508(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Leopoldo López Gil, Dolors Montserrat, Esteban González Pons, Paulo Rangel, Michael Gahler, Antonio Tajani, David McAllister, Gabriel Mato, Antonio López‑Istúriz White, Francisco José Millán Mon, Isabel Wiseler‑Lima, Miriam Lexmann, Cláudia Monteiro de Aguiar, Álvaro Amaro
f'isem il-Grupp PPE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0056/2021

Proċedura : 2021/2508(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B9-0056/2021
Testi mressqa :
B9-0056/2021
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B9‑0056/2021

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-aħħar żviluppi fl-Assemblea Nazzjonali tal-Venezwela

(2021/2508(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Venezwela, b'mod partikolari dawk tal-31 ta' Jannar 2019 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela[1] u tas-16 ta' Jannar 2020 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela wara l-elezzjoni illegali tal-Presidenza tal-Assemblea Nazzjonali u tal-Bureau ġodda (kolp ta' stat parlamentari)[2],

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-6 ta' Jannar 2021 tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ),

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-8 ta' Diċembru 2020 tal-Grupp ta' Kuntatt Internazzjonali dwar l-elezzjonijiet tal-Assemblea Nazzjonali tal-Venezwela li saru fis-6 ta' Diċembru 2020,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-VP/RGħ tas-7 ta' Diċembru 2020 dwar l-elezzjonijiet għall-Assemblea Nazzjonali tal-Venezwela,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-kopresidenti tal-Grupp tiegħu għas-Sostenn għad-Demokrazija u Koordinazzjoni tal-Elezzjonijiet tat-2 ta' Diċembru 2020 dwar in-nuqqas ta' rikonoxximent tal-Parlament Ewropew tal-elezzjonijiet leġiżlattivi fil-Venezwela fis-6 ta' Diċembru 2020,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet reċenti tas-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet reċenti mill-Grupp ta' Lima,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Grupp ta' Kuntatt Internazzjonali tas-16 ta' Ġunju 2020 dwar il-kredibbiltà kompromessa tal-organu elettorali tal-Venezwela, u tal-24 ta' Ġunju 2020 dwar il-kriżi politika li sejra għall-agħar fil-Venezwela,

 wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/898 tad-29 ta' Ġunju 2020 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2017/2074 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela[3], li żiedet 11-il uffiċjal Venezwelan ewlieni mal-lista tal-individwi suġġetti għal miżuri restrittivi,

 wara li kkunsidra l-Konferenza Internazzjonali tad-Donaturi b'solidarjetà mar-rifuġjati u l-migranti Venezwelani fl-Amerika Latina u l-Karibew tas-26 ta' Mejju 2020,

 wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni Venezwelana,

 wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI),

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-elezzjonijiet leġiżlattivi tas-6 ta' Diċembru 2020 saru mingħajr ma kienu konformi mal-istandards minimi internazzjonali għal proċess kredibbli u naqsu milli jirrispettaw il-pluraliżmu politiku, id-demokrazija, it-trasparenza u l-istat tad-dritt; billi l-parteċipazzjoni kienet estremament baxxa u l-UE, flimkien ma' organizzazzjonijiet reġjonali u pajjiżi demokratiċi oħra, la rrikonoxxiet l-elezzjonijiet u lanqas l-Assemblea Nazzjonali stabbilita minn dan il-proċess illeġittimu; billi l-forzi demokratiċi fil-Venezwela rrifjutaw li jkunu involuti f'din il-farsa elettorali;

B. billi fl-10 ta' Jannar 2019, Nicolás Maduro użurpa b'mod illeġittimu l-poter presidenzjali quddiem il-Qorti Suprema tal-Ġustizzja tal-Venezwela, bi ksur tal-ordni kostituzzjonali;

C. billi fit-23 ta' Jannar 2019, il-President tal-Assemblea Nazzjonali tal-Venezwela elett b'mod leġittimu u demokratiku, Juan Guaidó, ħa l-ġurament tal-ħatra bħala l-President interim tal-Venezwela, f'konformità mal-Artikolu 233 tal-Kostituzzjoni Venezwelana;

D. billi l-UE u l-Parlament ripetutament appellaw biex il-Venezwela terġa' lura lejn id-demokrazija u l-istat tad-dritt permezz ta' proċess politiku kredibbli;

E. billi, fl-2017, il-Parlament ta l-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb tiegħu lill-oppożizzjoni demokratika u lill-priġunieri politiċi fil-Venezwela;

F. billi l-popolazzjoni Venezwelana qed tiffaċċja kriżi soċjali, ekonomika, sanitarja u demokratika bla preċedent, u aktar minn ħames miljun ruħ emigraw barra mill-pajjiż – fenomenu li qed jiġi aggravat mill-effetti tal-pandemija tal-COVID-19;

G. billi Nicolás Maduro pubblikament ċaħad il-possibbiltà li jorganizza b'mod urġenti elezzjonijiet presidenzjali, leġiżlattivi u lokali ħielsa, ġusti, trasparenti, inklużivi u kredibbli bi tweġiba għat-talbiet tal-VP/RGħ, tal-Grupp ta' Kuntatt Internazzjonali u tal-Parlament;

H. billi l-Parlament, permezz tar-riżoluzzjoni tiegħu tal-31 ta' Jannar 2019 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela, irrikonoxxa lis-Sur Juan Guaidó bħala l-president interim leġittimu tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela skont il-Kostituzzjoni Venezwelana, u esprima l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-pjan direzzjonali politiku tiegħu;

I. billi 25 mis-27 Stat Membru rrikonoxxew lil Juan Guaidó bħala l-uniku president interim leġittimu tal-pajjiż sakemm jissejħu elezzjonijiet presidenzjali ħielsa, trasparenti u kredibbli ġodda sabiex terġa' tiġi stabbilita d-demokrazija; billi bosta stati demokratiċi diġà rrikonoxxew l-Assemblea Nazzjonali stabbilita mill-elezzjonijiet tal-2015 bħala l-uniku organu leġittimu u demokratiku fil-Venezwela u rrifjutaw l-organu illeġittimu ta' Maduro stabbilit mill-elezzjoni mhux demokratika tas-6 ta' Diċembru 2020;

J. billi l-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-QKI ħabbar fl-14 ta' Diċembru 2020, qabel ir-rapport preliminari tiegħu u wara evalwazzjoni u analiżi dettaljati tal-informazzjoni disponibbli li hemm raġunijiet validi biex wieħed jemmen li l-awtoritajiet ċivili, il-membri tal-forzi armati u l-individwi favur il-Gvern fil-Venezwela huma responsabbli għal "priġunerija, tortura, stupru u/jew forom oħra ta' vjolenza sesswali u persekuzzjoni ta' grupp jew komunità għal raġunijiet politiċi, u jaf wettqu delitti serji ħafna kontra l-umanità", u wasal għall-istess konklużjoni bħal dik tal-Missjoni Indipendenti Internazzjonali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti;

K. billi fit-3 ta' Jannar 2021 il-priġunier politiku u indiġenu tal-grupp etniku ta' Pemón, Salvador Franco, miet minħabba mard f'ħabs Venezwelan mingħajr ma rċieva ebda attenzjoni medika, minkejja l-fatt li minn Novembru 2020 huwa kellu digriet tal-qorti, li ġie injorat, biex jiġi ttrasferit għal sptar;

L. billi, mill-5 ta' Jannar 2021, ir-reġim intensifika l-attakki u l-persekuzzjoni tiegħu fil-konfront tal-ftit mezzi tal-midja liberi u indipendenti li fadal fil-pajjiż filwaqt li kkonfiska l-assi u l-għodod tagħhom u ġegħelhom iwaqqfu immedjatament l-attività tagħhom;

M. billi, skont rapporti tal-istampa u attivisti tad-drittijiet tal-bniedem, mill-inqas 23 persuna reċentement mietu f'kunflitt bejn il-pulizija u l-gangs fil-kapitali Venezwelana, Caracas; billi l-Gvern Venezwelan qed jiffaċċja skrutinju u investigazzjoni internazzjonali għall-qtil imwettaq mill-forzi tas-sigurtà tiegħu;

1. Itenni li sakemm isiru elezzjonijiet verament ħielsa, kredibbli, inklużivi, trasparenti u kompletament demokratiċi fil-Venezwela, huwa se jkompli jikkunsidra l-Assemblea Nazzjonali eletta f'Diċembru 2015 u l-President tagħha Juan Guaidó bħala l-uniku korp politiku demokratiku u rappreżentattiv leġittimu fil-Venezwela; jitlob lill-Kunsill u lill-Istati Membri jirrikonoxxu b'mod inekwivoku l-Assemblea Nazzjonali eletta fl-2015 u l-President tagħha Juan Guaidó, bħala l-uniku korp leġittimu li jirrappreżenta lid-demokratiċi Venezwelani;

2. Jiddikjara li se jinjora kwalunkwe konsegwenza politika tal-proċess frodulenti li seħħ fis-6 ta' Diċembru 2020 minħabba n-nuqqas ta' leġittimità demokratika tiegħu u l-parteċipazzjoni elettorali baxxa taċ-ċittadini Venezwelani, u mhu se jirrikonoxxi ebda deċiżjoni oħra li ġejja minn dan il-proċess falz, fosthom il-formazzjoni illegali, illeġittima u mhux demokratika ta' korp leġiżlattiv ġdid;

3. Jappoġġja bis-sħiħ l-investigazzjonijiet tal-QKI dwar id-delitti u l-atti ta' repressjoni mifruxa mwettqa mir-reġim Venezwelan; jitlob lill-Unjoni Ewropea tappoġġja l-inizjattiva tal-Istati Partijiet tal-QKI biex jiftħu investigazzjoni dwar l-allegati delitti kontra l-umanità mwettqa mir-reġim ta' Maduro sabiex dawk responsabbli jagħtu kont ta' għemilhom;

4. Jappoġġja bil-qawwa t-talba tas-Segretarju Ġenerali tan-NU li ssir investigazzjoni indipendenti u sħiħa dwar il-każijiet ta' qtil li twettqu, f'konformità mar-riżoluzzjonijiet tiegħu adottati preċedentement;

5. Jikkundanna l-mewt tal-priġunier politiku u l-mexxej indiġenu tal-grupp etniku Pemón, Salvador Franco, li miet fil-kustodja tal-pulizija u mingħajr attenzjoni medika u riżultat ta' malnutrizzjoni u mard relatat mal-post mhux sanitarju fejn kien miżmum;

6. Jitlob il-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet ta' aktar minn 350 priġunier politiku miżmuma fil-Venezwela, ċifra ċċertifikata minn Foro Penal Venezolano u l-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani;

7. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-President interim leġittimu tar-Repubblika u tal-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela Juan Guaidó, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-pajjiżi tal-Grupp ta' Lima, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana u lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani.

 

Aġġornata l-aħħar: 20 ta' Jannar 2021
Avviż legali - Politika tal-privatezza