Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0062/2021Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0062/2021

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-aħħar żviluppi fl-Assemblea Nazzjonali tal-Venezwela

18.1.2021 - (2021/2508(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Kati Piri, Maria‑Manuel Leitão‑Marques, Javi López
f'isem il-Grupp S&D

Proċedura : 2021/2508(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B9-0062/2021
Testi mressqa :
B9-0062/2021
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B9‑0062/2021

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-aħħar żviluppi fl-Assemblea Nazzjonali tal-Venezwela

(2021/2508(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Venezwela, b'mod partikolari dawk tal-10 ta' Lulju 2020 dwar is-sitwazzjoni umanitarja fil-Venezwela u l-kriżi tal-migrazzjoni u tar-rifuġjati[1], tas-16 ta' Jannar 2020 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela wara l-elezzjoni illegali tal-Presidenza tal-Assemblea Nazzjonali u tal-Bureau ġodda (kolp ta' stat parlamentari)[2] u tat-18 ta' Lulju 2019 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela[3],

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tas-6 ta' Jannar 2021 u tas-7 ta' Diċembru 2020 tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) f'isem l-Unjoni Ewropea dwar l-elezzjonijiet għall-Assemblea Nazzjonali tal-Venezwela,

 wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/2063 tat-13 ta' Novembru 2017 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela[4] u l-estensjoni tal-applikabbiltà tiegħu sa Novembru 2021,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tat-8 ta' Diċembru 2020 u tas-17 ta' Settembru 2020 tal-Grupp ta' Kuntatt Internazzjonali dwar il-Venezwela,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Grupp ta' Lima tal-5 ta' Jannar 2021 u tat-13 ta' Ottubru 2020,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Missjoni Internazzjonali Indipendenti ta' tiftix tal-fatti tan-NU dwar ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela tas-16 ta' Settembru 2020,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem tat-2 ta' Lulju 2020 fl-44 Sessjoni tal-Kunsill tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti Kriminali Internazzjonali bit-titlu "Attivitajiet ta' Eżami Preliminari (2020) – Venezwela I" tal-14 ta' Diċembru 2020,

 wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni Venezwelana,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-elezzjonijiet għall-Assemblea Nazzjonali tal-Venezwela li saru fis-6 ta' Diċembru 2020 ma ssodisfawx il-kundizzjonijiet aċċettati internazzjonalment kif mitlub mill-UE, mill-Grupp ta' Kuntatt Internazzjonali dwar il-Venezwela, mill-Grupp ta' Lima u minn bosta atturi internazzjonali oħra; billi l-elezzjonijiet naqsu wkoll milli jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa mil-liġijiet Venezwelani;

B. billi l-Gran Polo Patriótico Simón Bolívar (Great Patriotic Pole), koalizzjoni ta' partiti politiċi favur il-gvern immexxija mill-Partit Soċjalista Magħqud tal-Venezwela (PSUV), rebaħ l-elezzjonijiet għall-Assemblea Nazzjonali li saru fis-6 ta' Diċembru 2020 peress li kiseb 68,4 % tal-voti u rebaħ 240 siġġu minn 277; billi l-partiti mhux governattivi kisbu madwar 30 % tal-voti u 20 siġġu (7 % tal-għadd totali); billi l-elezzjoni kienet ikkaratterizzata minn rata tal-parteċipazzjoni tal-votanti storikament baxxa ta' 30,5 % biss;

C. billi l-maġġoranza tal-partiti tal-oppożizzjoni ma pparteċipawx fl-elezzjonijiet minħabba nuqqas ta' garanziji; billi f'dawn iċ-ċirkostanzi, la l-UE u lanqas atturi internazzjonali oħra ma rrikonoxxew ir-riżultati ta' dan il-proċess elettorali bħala leġittimi jew rappreżentattivi tar-rieda tal-poplu Venezwelan;

D. billi l-partiti ewlenin tal-oppożizzjoni appellaw għal referendum nazzjonali – Consulta Popular – li sar bejn is-7 u t-12 ta' Diċembru 2020; billi skont ċerti organizzazzjonijiet, kważi 6,5 miljun Venezwelan ipparteċipaw f'din il-konsultazzjoni, li ammontaw għal 31,2 % tal-għadd totali ta' votanti – kemxejn ogħla mill-parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet parlamentari; billi dawn ir-riżultati ma jistgħux jiġu vverifikati peress li ma kien hemm l-ebda osservazzjoni esterna;

E. billi l-COVID-19 kompliet taggrava s-sitwazzjoni diġà kritika fil-Venezwela; billi skont l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, sat-13 ta' Jannar 2021 il-Venezwela kienet irrappurtat 116 983 każ u 1 073 mewta; billi aktarx li dawn iċ-ċifri mhumiex kompluti; billi l-kollass tas-sistema tas-saħħa, l-iperinflazzjoni, in-nuqqas gravi ta' ikel u mediċini u kriżi umanitarja mwiegħra ġiegħlu lil madwar parti waħda minn sitta tal-popolazzjoni jitilqu mill-pajjiż, u, sa tmiem l-2020, telqu aktar minn ħames miljun u nofs Venezwelan;

F. billi l-Missjoni Internazzjonali Indipendenti ta' tiftix tal-fatti tan-NU dwar ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela ppubblikat ir-rapport tagħha fis-16 ta' Settembru 2020, billi r-rapport stabbilixxa raġunijiet biex wieħed jemmen li l-awtoritajiet u l-forzi tas-sigurtà Venezwelani, sa mill-2014, ippjanaw u wettqu ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż qtil arbitrarju, eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, għajbien sfurzat, detenzjonijiet arbitrarji, tortura, u trattament krudili, inuman jew degradanti ieħor li jista' jammonta għal delitti kontra l-umanità;

G. billi f'Ottubru 2020, l-Assemblea Kostitwenti Nazzjonali adottat il-Liġi Kontra l-Imblokk, li hija mfassla biex tirrinunzja kwalunkwe restrizzjoni legali jew regolatorja meqjusa meħtieġa mill-Assemblea biex jiġu evitati s-sanzjonijiet u jitneħħew ir-restrizzjonijiet u l-iskrutinju parlamentari fuq l-esportazzjoni ta' minerali u oġġetti strateġiċi oħra; billi, skont il-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, il-persuni li jaħdmu fir-reġjun Arco Minero del Orinoco tal-Venezwela qegħdin maqbuda f'kuntest ta' sfruttament ta' ħaddiema u livelli għoljin ta' vjolenza minn gruppi kriminali li jikkontrollaw il-minjieri fiż-żona;

H. billi fit-12 ta' Novembru 2020, il-Kunsill estenda l-miżuri restrittivi kontra l-Venezwela sal-14 ta' Novembru 2021; billi dawn il-miżuri jinkludu embargo fuq l-armi u fuq it-tagħmir għar-repressjoni interna, kif ukoll projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar u l-iffriżar tal-assi fuq 36 mexxej u uffiċjal għoli Venezwelani;

I. billi l-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem għamel appelli ripetuti għat-tneħħija tas-sanzjonijiet ekonomiċi kontra l-Venezwela, bħal sanzjonijiet fuq l-esportazzjonijiet tad-diżil, sabiex tiġi ffaċilitata l-allokazzjoni tar-riżorsi matul il-pandemija; billi s-sanzjonijiet ekonomiċi imposti mill-Istati Uniti aggravaw l-effetti ta' din il-kriżi mwiegħra u, konsegwentement, is-sitwazzjoni umanitarja, meta wieħed iżomm f'moħħu li l-biċċa l-kbira tal-qligħ mill-munita barranija ġej mill-esportazzjonijiet taż-żejt, li ħafna minnhom huma marbuta mas-suq tal-Istati Uniti;

J. billi f'Diċembru 2020, il-Prosekutur tal-Qorti Kriminali Internazzjonali kkonkluda l-valutazzjoni preliminari tas-suġġett tagħhom u ddetermina li kien hemm bażi raġonevoli biex wieħed jemmen li seħħew delitti fil-ġurisdizzjoni tal-Qorti fil-Venezwela; billi deċiżjoni finali dwar il-kwistjoni se tittieħed fl-ewwel nofs tal-2021;

K. billi mill-2014, l-oppożizzjoni Venezwelana qed tintensifika l-isforzi tagħha biex twassal għal bidla fil-gvern; billi l-oppożizzjoni ħadet ħafna forom li jinkludu azzjoni politika, ċivili, diplomatika u militari; billi l-Operazzjoni Libertà f'April 2019 u l-Operazzjoni Gideon f'Mejju 2020 fittxew li jniedu sforz appoġġjat mill-militar biex jitwarrab il-President Maduro; billi dawn l-azzjonijiet ma jservux biex tinbena l-fiduċja fost il-partijiet interessati;

L. billi l-allegazzjonijiet ta' korruzzjoni u ta' ġestjoni ħażina kixfu diversi ftehimiet proposti li jinvolvu t-tmexxija li waslet fi tmiem il-mandat tagħha tal-Assemblea Nazzjonali; billi l-allegazzjonijiet jinkludu kuntratt prospettiv mal-Gvern tal-Paragwaj dwar kummissjoni ta' USD 26 miljun li għandha titħallas lil partijiet terzi u ftehim ieħor fallut biex jiġu rkuprati l-assi minn bank Brittaniku;

M. billi 80,3 % tar-rekwiżiti impenjati skont il-Pjan ta' Rispons tal-Uffiċċju tan-NU għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji (UNOCHA) għall-Venezwela fl-2020 ma ġewx issodisfati (mis-USD 762,5 miljun impenjati ngħataw biss USD 150,6 miljun); billi total ta' EUR 2,544 biljun ġew imwiegħda bħala riżultat tal-Konferenza Internazzjonali tad-Donaturi li saret f'Mejju 2020 b'solidarjetà mar-rifuġjati u l-migranti Venezwelani; billi s'issa ma hemm l-ebda informazzjoni pubblika disponibbli dwar l-ammonti effettivament imħallsa mill-istati jew mill-organizzazzjonijiet reġjonali; billi l-pakkett ta' appoġġ ta' Tim Ewropa jinkludi EUR 6 miljun għall-Venezwela u fondi addizzjonali għall-għajnuna fil-livell subreġjonali; billi fl-10 ta' Diċembru 2020, l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni u l-UNHCR nedew appell għal wegħda ta' USD 1,4 biljun fl-2021 sabiex jirrispondu għall-ħtiġijiet tar-rifuġjati Venezwelani u l-kriżi tal-migranti;

1. Jesprimi s-solidarjetà u l-appoġġ sħiħ tiegħu mal-poplu tal-Venezwela li qiegħed iġarrab l-effetti ta' kriżi umanitarja u politika serja, li bħalissa qiegħda tiġi aggravata mill-pandemija tal-COVID-19; jitlob li jitneħħew is-sanzjonijiet ekonomiċi mifruxa kontra l-Venezwela, li qed ikollhom impatt dirett fuq il-popolazzjoni u jxekklu l-ġlieda kontra l-pandemija, inkluż il-forniment ta' tagħmir u provvisti essenzjali meħtieġa għall-ġlieda kontra l-coronavirus, u jillimitaw it-tixrid tagħha madwar id-dinja;

2. Għadu konvint li soluzzjoni paċifika, politika u demokratika hija l-unika soluzzjoni sostenibbli għall-kriżi tal-Venezwela, u jfakkar li l-vjolenza, inkluż kwalunkwe ndħil militari jew vjolenti fil-pajjiż, mhijiex alternattiva;

3. Jiddispjaċih għall-fatt li l-elezzjonijiet Venezwelani għall-Assemblea Nazzjonali li saru fis-6 ta' Diċembru 2020 saru mingħajr ftehim nazzjonali dwar il-kundizzjonijiet elettorali;

4. Jirrimarka li l-elezzjonijiet naqsu milli jikkonformaw mal-istandards internazzjonali għal proċess kredibbli u naqsu milli jimmobilizzaw lill-poplu Venezwelan biex jieħu sehem; ifakkar li n-nuqqas ta' pluraliżmu politiku u l-mod kif l-elezzjonijiet ġew ippjanati u eżegwiti, fosthom l-iskwalifika tal-mexxejja tal-oppożizzjoni, ma ppermettewx lill-UE tirrikonoxxi l-proċess elettorali bħala kredibbli, inklużiv jew trasparenti, u lanqas ma ppermettew li r-riżultati tal-elezzjonijiet jitqiesu bħala rappreżentattivi tar-rieda demokratika tal-poplu Venezwelan;

5. Jiddispjaċih ħafna għall-fatt li l-Assemblea Nazzjonali bdiet il-mandat tagħha fil-5 ta' Jannar 2021 abbażi ta' dawn l-elezzjonijiet mhux demokratiċi;

6. Jafferma mill-ġdid il-pożizzjoni tiegħu li trid tinstab soluzzjoni sostenibbli għall-kriżi profonda fil-Venezwela sabiex jintemm l-impass attwali permezz ta' djalogu inklużiv u negozjati li jwasslu għal proċessi kredibbli, inklużivi u demokratiċi, fosthom elezzjonijiet lokali, presidenzjali u leġiżlattivi taħt osservazzjoni internazzjonali, Kunsill Elettorali Nazzjonali u Qorti Suprema kompletament indipendenti, libertà sħiħa tal-istampa, u parteċipazzjoni politika għall-Venezwelani kollha;

7. Jappella lill-UE biex iżżomm l-impenn tagħha mal-atturi politiċi u tas-soċjetà ċivili kollha li qed jistinkaw biex jirrestawraw id-demokrazija fil-Venezwela, b'mod partikolari Juan Guaidó u rappreżentanti oħra tal-Assemblea Nazzjonali li waslet fi tmiem il-mandat tagħha u li kienet eletta fl-2015, l-aħħar darba li l-Venezwelani setgħu jipparteċipaw liberament fi proċess elettorali;

8. Itenni l-obbligu li jiġu garantiti b'mod sħiħ ir-rispett u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem fil-Venezwela u jimpenja ruħu li jkun partikolarment viġilanti fir-rigward ta' kwalunkwe att ta' repressjoni, b'mod partikolari kontra membri tal-oppożizzjoni;

9. Jistieden lill-awtoritajiet u l-mexxejja Venezwelani jagħtu prijorità lill-interessi tal-poplu Venezwelan u, b'mod urġenti, jingħaqdu flimkien biex jibdew proċess ta' tranżizzjoni mmexxi mill-Venezwela sabiex tinstab soluzzjoni paċifika, inklużiva u sostenibbli għall-kriżi politika; ifakkar li l-UE tinsab lesta li tappoġġja tali proċess u li tieħu miżuri mmirati addizzjonali;

10. Jirrikonoxxi li l-UE hija l-uniku attur internazzjonali li jista' jservi bħala interlokutur għall-Venezwelani kollha; jesprimi l-appoġġ qawwi tiegħu għall-VP/RGħ fir-rwol kruċjali tiegħu bħala medjatur; jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-Kummissjoni jitkellmu b'vuċi unika u joħolqu kunsens mal-membri tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU biex jiżguraw l-appoġġ tagħhom għal soluzzjoni fit-tul tal-kriżi;

11. Ifakkar li l-kriżi fil-Venezwela hija l-aktar waħda sottofinanzjata fid-dinja u jistieden lill-komunità internazzjonali tonora l-impenji finanzjarji tagħha u tiżborża l-ammonti impenjati għall-kriżi umanitarja fil-Venezwela;

12. Jisħaq fuq il-ħtieġa li jintużaw assi u riżorsi Venezwelani bbażati barra l-pajjiż biex tiġi miġġielda l-kriżi umanitarja profonda li l-pajjiż qed jiffaċċja, u li dan isir taħt l-awspiċji tan-NU;

13. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Grupp Lima, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana u lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani.

 

Aġġornata l-aħħar: 20 ta' Jannar 2021
Avviż legali - Politika tal-privatezza