Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0065/2021Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0065/2021

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-aħħar żviluppi fl-Assemblea Nazzjonali tal-Venezwela

18.1.2021 - (2021/2508(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Jordi Cañas, Dita Charanzová, Olivier Chastel, Nicola Danti, Klemen Grošelj, Moritz Körner, Ilhan Kyuchyuk, Javier Nart, Samira Rafaela, Frédérique Ries, María Soraya Rodríguez Ramos, Nicolae Ştefănuță, Dragoş Tudorache, Hilde Vautmans, Adrián Vázquez Lázara
f'isem il-Grupp Renew

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0056/2021

Proċedura : 2021/2508(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B9-0065/2021
Testi mressqa :
B9-0065/2021
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B9-0065/2021

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-aħħar żviluppi fl-Assemblea Nazzjonali tal-Venezwela

(2021/2508RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Venezwela, b'mod partikolari dik tas-16 ta' Jannar 2020 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela wara l-elezzjoni illegali tal-Presidenza tal-Assemblea Nazzjonali u tal-Bureau ġodda (kolp ta' stat parlamentari)[1] u dik tal-10 ta' Lulju 2020 dwar is-sitwazzjoni umanitarja fil-Venezwela u l-kriżi tal-migrazzjoni u tar-rifuġjati[2],

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet f'isem l-Unjoni Ewropea tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) tas-6 ta' Jannar 2021 dwar il-Venezwela u dwar l-elezzjonijiet tas-6 ta' Diċembru 2020 għall-Assemblea Nazzjonali u tas-7 ta' Diċembru 2020 dwar il-Venezwela u dwar l-elezzjonijiet tas-6 ta' Diċembru 2020 għall-Assemblea Nazzjonali, u d-dikjarazzjonijiet preċedenti tal-Kelliem tal-4 u s-16 ta' Ġunju 2020 dwar l-aħħar żviluppi dwar il-Venezwela,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Grupp ta' Kuntatt Internazzjonali tat-8 ta' Diċembru 2020 dwar l-elezzjonijiet tal-Assemblea Nazzjonali tal-Venezwela li saru fis-6 ta' Diċembru 2020 u dik tas-16 ta' Ġunju 2020 li rrifjutat bħala illeġittima in-nomina tad-direttiva tal-Kunsill Elettorali Nazzjonali (CNE) il-ġdida mill-Qorti Suprema tal-Ġustizzja (TSJ),

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Grupp ta' Lima tal-5 ta' Jannar 2021 dwar il-kriżi politika li sejra għall-agħar fil-Venezwela,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin tiegħu tal-11 ta' Ġunju 2020 dwar l-attakki reċenti fuq l-Assemblea Nazzjonali tal-Venezwela,

 wara li kkunsidra l-ewwel rapport tal-Missjoni Internazzjonali Indipendenti ta' tiftix tal-fatti tan-NU dwar ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela ppubblikat fis-16 ta' Settembru 2020,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OAS) tat-2 ta' Diċembru 2020, bit-titolu "Fostering Impunity: The Impact of the Failure of the Prosecutor of the International Criminal Court to Open an Investigation Into the Possible Commission of Crimes Against Humanity in Venezuela" (It-Trawwim tal-Impunità: L-Impatt tal-Fatt li l-Prosekutur tal-Qorti Kriminali Internazzjonali Naqas milli Jiftaħ Investigazzjoni dwar il-Possibbiltà li Twettqu Delitti Kontra l-Umanità fil-Venezwela), li jafferma mill-ġdid li hemm bażi raġonevoli biex jiġi konkluż li r-reġim ta' Nicolás Maduro ilu jwettaq delitti kontra l-umanità fil-Venezwela sa mit-12 ta' Frar 2014 u jikkundanna lill-Prosekutur tal-Qorti Kriminali Internazzjonali talli naqas milli jieħu azzjoni quddiem dawn id-delitti,

 wara li kkunsidra r-rapport ta' Jannar 2021 tal-Istitut CASLA bit-titolu "Crímenes de Lesa Humanidad, Represión Sistemática y Tortura.  Responsabilidad del régimen cubano" (Delitti kontra l-umanità, repressjoni sistematika u tortura fil-Venezwela. Responsabbiltà tar-reġim Kuban),

 wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/898 tad-29 ta' Ġunju 2020 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2017/2074 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela[3], li żiedet 11-il uffiċjal Venezwelan ewlieni mal-lista tal-individwi suġġetti għal miżuri restrittivi,

 wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni Venezwelana,

 wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI),

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi fis-6 ta' Diċembru 2020 saru elezzjonijiet parlamentari illegali u illeġittimi fil-Venezwela, li naqsu milli jikkonformaw mal-istandards internazzjonali minimi u ma wrew l-ebda rispett għall-prinċipji demokratiċi bażiċi bħall-pluraliżmu politiku, it-trasparenza u l-istat tad-dritt;

B. billi l-partiti tal-oppożizzjoni li jiffurmaw il-koalizzjoni Mesa de la Unidad Democrática (Round table tal-Unità Demokratika) qablu unanimament li ma jipparteċipawx fl-elezzjoni peress li l-kundizzjonijiet biex isiru elezzjonijiet ħielsa u ġusti ma kinux fis-seħħ; billi ffirmaw il-ftehim 27 partit politiku, inklużi l-akbar erba' partiti tal-oppożizzjoni Voluntad Popular (Rieda tal-Poplu), Primero Justicia (L-Ewwel il-Ġustizzja), Acción Democrática (Azzjoni Demokratika) u Un Nuevo Tiempo (Era Ġdida);

C. billi l-komunità internazzjonali, li tinkludi l-Unjoni Ewropea, il-Grupp ta' Kuntatt Internazzjonali, il-Grupp ta' Lima u l-Istati Uniti rrifjutat li jsiru elezzjonijiet parlamentari fl-2020 minħabba n-nuqqas totali tal-kundizzjonijiet biex jiġi żgurat li dawn l-elezzjonijiet ikunu ħielsa u ġusti, iddenunzjaw din il-farsa elettorali u ma rrikonoxxewx ir-riżultati; billi dawn l-elezzjonijiet illegali komplew iċekknu l-ispazju demokratiku fil-pajjiż għall-minimu assolut u ħolqu ostakli mill-akbar għar-riżoluzzjoni tal-kriżi politika fil-Venezwela;

D. billi fit-13 ta' Ġunju 2020, it-TSJ illeġittimu ħatar membri ġodda għas-CNE mingħajr ma kellu l-ebda setgħa legali li jagħmel dan; billi, skont l-Artikoli 187 u 296 tal-Kostituzzjoni tal-Venezwela, dawn il-ħatriet huma l-kompetenza unika u esklużiva tal-Assemblea Nazzjonali, li hija organu demokratikament elett mill-poplu Venezwelan; billi l-komunità internazzjonali ma rrikonoxxiet l-ebda deċiżjoni jew sentenza li ttieħdet b'mod unilaterali minn dawn il-korpi illeġittimi; billi l-uffiċjali responsabbli għal dawn id-deċiżjonijiet ġew inklużi wkoll fil-lista tas-sanzjonijiet tal-Kunsill;

E. billi r-rata ta' astensjoni elettorali kienet ogħla minn 80 % u għalhekk iċ-ċaħda tal-elezzjonijiet mill-poplu Venezwelan hija evidenti;

F. billi f'Lulju 2020, l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, immexxi minn Michelle Bachelet, sab li "d-deċiżjonijiet tat-Tribunal Suprem tal-Ġustizzja jnaqqsu l-possibbiltà li jinbnew kundizzjonijiet għal proċessi elettorali demokratiċi u kredibbli" u li huma "jaħtru retturi ġodda tal-Kunsill Elettorali Nazzjonali mingħajr il-kunsens tal-forzi politiċi kollha";

G. billi fis-16 ta' Settembru 2020 il-Missjoni Internazzjonali Indipendenti ta' tiftix tal-fatti tan-NU dwar ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela ħarġet l-ewwel rapport tagħha li jiddikjara li l-Istat Venezwelan għandu jżomm responsabbli lil dawk responsabbli għall-eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, l-għajbien sfurzat, id-detenzjonijiet arbitrarji u t-tortura, u jipprevjeni milli jseħħu aktar atti ta' din in-natura;

H. billi bħala riżultat tal-iżviluppi politiċi, tad-drittijiet tal-bniedem u soċjoekonomiċi, in-nies qed ikomplu jitilqu mill-Venezwela sabiex jaħarbu mill-vjolenza, l-insigurtà u t-theddid, kif ukoll min-nuqqas ta' ikel, ta' mediċini u ta' servizzi essenzjali; billi b'aktar minn sitt miljun Venezwelan jgħixu barra mill-pajjiż, il-maġġoranza l-kbira f'pajjiżi fl-Amerika Latina u l-Karibew, din saret waħda mill-akbar kriżijiet ta' spostament fid-dinja;

I. billi f'Jannar 2021, il-prosekuturi Żvizzeri identifikaw kontijiet bankarji li fihom madwar USD 10.1 biljun f'fondi suspettużi marbuta mar-reġim ta' Maduro, li huwa maħsub li ġew minn fondi pubbliċi miżapproprjati fil-Venezwela; billi mill-2019 'il hawn, il-prosekuturi Żvizzeri sabu aktar minn 100 kont fi 30 bank; billi r-reġim, barra minn hekk, kien qed jirrikorri għall-isfruttament tal-minjieri tad-deheb, u twettqu estrazzjoni u sfruttament taħt kundizzjonijiet illegali u kriminali li jipperikolaw kemm lid-drittijiet tal-bniedem kif ukoll lill-ambjent, sabiex id-deheb jinbiegħ barra mill-pajjiż b'mod illeċitu bħala sors kruċjali ta' dħul; billi dawn it-tranżazzjonijiet qed isiru mingħajr l-ebda benefiċċju għall-Venezwelani nfushom li kulma jmur qed jiftaqru aktar;

J. billi l-Parlament, permezz tar-riżoluzzjoni tiegħu tal-31 ta' Jannar 2019, irrikonoxxa lil Juan Guaidó bħala l-president interim leġittimu tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela skont il-Kostituzzjoni tal-Venezwela;

K. billi fis-26 ta' Diċembru 2020, l-Assemblea Nazzjonali leġittima tal-2015 ipproċediet biex tgħaddi leġiżlazzjoni sabiex testendi l-mandat kostituzzjonali u amministrattiv tagħha għal sena sa meta  ikunu jistgħu jsiru elezzjonijiet ħielsa, ġusti, verifikabbli u demokratiċi fil-Venezwela;

L. billi l-aktar rapport reċenti ppubblikat mill-Istitut CASLA fl-14 ta' Jannar 2021 jipprovdi evidenza tal-ippjanar strateġiku ta' repressjoni sistematika u tad-delitti kontinwi kontra l-umanità mwettqa mir-reġim, u jiżvela xejriet ġodda ta' tortura, iż-żieda fiċ-ċentri klandestini illegali ta' detenzjoni u ta' tortura, u l-interferenza ta' stati oħra fl-istigazzjoni u l-eżekuzzjoni ta' tali delitti; billi dan ir-rapport jenfasizza wkoll il-kundizzjonijiet inumani li fihom il-priġunieri politiċi jinżammu taħt l-art u jiġu esposti għal tortura fiżika u psikoloġika kontinwa, li ma tissodisfax l-istandards minimi tar-Regoli għat-Trattament tal-Priġunieri adottati mill-Ewwel Kungress tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Prevenzjoni tal-Kriminalità u t-Trattament ta' Trasgressuri, li sar f'Ġinevra fl-1955, u approvat mill-Kunsill Ekonomiku u Soċjali fir-riżoluzzjonijiet tiegħu 663 C (XXIV) tal-31 ta' Lulju 1957 u 2076 (LXII) tat-13 ta' Mejju 1977;

M. billi hemm biżżejjed evidenza tal-involviment dirett u l-appoġġ tal-awtoritajiet Kubani fir-repressjoni sistematika tal-popolazzjoni Venezwelana li tgħin lir-reġim ta' Maduro jibqa' fil-poter;

1. Jirrifjuta l-elezzjonijiet parlamentari illegali u illeġittimi organizzati fis-6 ta' Diċembru 2020 mir-reġim dittatorjali ta' Nicolás Maduro u jtenni li l-proċess elettorali la kien konformi mal-kundizzjonijiet u l-istandards aċċettati internazzjonalment u lanqas mal-liġijiet tal-Venezwela, u la kien ħieles u ġust u lanqas ma rrappreżenta r-rieda tal-poplu Venezwelan;

2. Ma jirrikonoxxi la l-leġittimità u lanqas il-legalità tal-Assemblea Nazzjonali installata fil-5 ta' Jannar 2021 abbażi ta' dawn l-elezzjonijiet nondemokratiċi;

3. Jafferma mill-ġdid il-pożizzjoni tiegħu li jkompli jirrikonoxxi l-mandat tal-Assemblea Nazzjonali leġittima tal-Venezwela, eletta f'Diċembru 2015, li kienet l-aħħar espressjoni ħielsa tal-Venezwelani fi proċess elettorali, kif ukoll lill-President leġittimu tal-Assemblea Nazzjonali u lill-President interim leġittimu tal-Venezwela Juan Guaidó;

4. Jistieden lill-Kunsill u lill-Istati Membri jirrikonoxxu wkoll il-kontinwazzjoni kostituzzjonali tal-Assemblea Nazzjonali leġittima tal-Venezwela eletta fl-2015 u lill-President interim leġittimu tal-Venezwela, Juan Guaidó;

5. Jitlob li jitwaqqaf Grupp ta' Kuntatt bejn il-Membri tal-Parlament Ewropew u r-rappreżentanti tal-Assemblea Nazzjonali eletti demokratikament sabiex jiffaċilita l-kuntatti regolari mal-forzi demokratiċi fil-Venezwela;

6. Itenni li l-unika soluzzjoni sostenibbli għall-kriżi multidimensjonali fil-Venezwela, li għandha impatt fuq ir-reġjun kollu, hija triq politika, paċifika u demokratika 'l quddiem, li tinvolvi elezzjonijiet presidenzjali, parlamentari, reġjonali u lokali li jkunu kredibbli, inklużivi, ħielsa, ġusti u trasparenti li jirrispettaw l-istandards internazzjonali, b'garanziji għal kundizzjonijiet ekwi u għall-parteċipazzjoni bla xkiel tal-partiti politiċi kollha, u li jsiru taħt osservazzjoni internazzjonali oġġettiva; iqis li biex dawn l-elezzjonijiet isiru b'mod paċifiku, il-komunità internazzjonali trid taħdem flimkien mal-forzi politiċi Venezwelani biex tfittex modi kif timmonitorja u tiddiżarma lill-gruppi ċivili armati u lill-aġenziji tas-sigurtà u tal-intelligence li jaġixxu barra mil-liġi;

7. Itenni t-tħassib serju tiegħu dwar is-severità tal-emerġenza umanitarja, li toħloq theddida profonda għall-ħajjiet tal-Venezwelani, u li qed tkompli tiggrava minħabba l-pandemija tal-COVID-19; jiġbed l-attenzjoni lejn il-kriżi migratorja allarmanti u l-effetti kollaterali tagħha madwar ir-reġjun kollu u jfaħħar l-isforzi u s-solidarjetà murija mill-pajjiżi ġirien;

8. Jikkundanna r-repressjoni l-aktar reċenti fuq il-libertà tal-espressjoni mwettqa mir-reġim u l-għeluq ta' gazzetti u stabbilimenti tal-midja li mhumiex politikament allinjati mar-reġim ta' Maduro;

9. Jiddenunzja t-theddid li sar mill-Viċi President tal-Assemblea Nazzjonali ikkostitwita illegalment, Iris Varela, fis-sens li se tordna l-arrest u l-prosekuzzjoni ta' membri tal-oppożizzjoni u l-President Juan Guaidó, kif ukoll il-konfiska tal-assi tagħhom u r-revoka taċ-ċittadinanza tagħhom;

10. Jilqa' d-deċiżjoni reċenti tal-Kunsill ta' Ġunju 2020 li jestendi s-sanzjonijiet immirati għal 11-il individwu ieħor, li ma tagħmilx ħsara lill-popolazzjoni Venezwelana, u jitlob li dawn is-sanzjonijiet jissaħħu u jiġu estiżi b'mod immedjat; iqis li l-awtoritajiet tal-UE jeħtiġilhom konsegwentement jillimitaw il-movimenti tal-individwi mniżżla f'dik il-lista, kif ukoll dawk tal-eqreb qraba tagħhom, u jiffriżaw l-assi u l-viżi tagħhom; jappella wkoll għall-projbizzjoni immedjata fuq il-kummerċ u ċ-ċirkolazzjoni fl-UE tad-deheb tad-demm mill-Venezwela;

11. Jappoġġja bis-sħiħ l-investigazzjonijiet tal-QKI dwar id-delitti u l-atti ta' repressjoni estensivi mwettqa mir-reġim Venezwelan; iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea tappoġġja l-inizjattiva tal-Istati Partijiet tal-QKI li jiftħu investigazzjoni tad-delitti kontra l-umanità kommessi mir-reġim ta' Maduro, ħalli dawk responsabbli jagħtu kont ta' għemilhom;

12. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-President interim leġittimu tar-Repubblika u tal-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-pajjiżi tal-Grupp ta' Lima, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana u lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani.

 

Aġġornata l-aħħar: 20 ta' Jannar 2021
Avviż legali - Politika tal-privatezza