Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0095/2021Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0095/2021

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-arrest ta' Alexei Navalny

19.1.2021 - (2021/2513(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Michael Gahler, Andrius Kubilius, Željana Zovko, Sandra Kalniete, David McAllister, Radosław Sikorski, Traian Băsescu, Eugen Tomac, Andrzej Halicki, Arba Kokalari, Miriam Lexmann, Tomasz Frankowski
f'isem il-Grupp PPE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0090/2021

Proċedura : 2021/2513(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B9-0095/2021
Testi mressqa :
B9-0095/2021
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B9-0095/2021

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-arrest ta' Alexei Navalny

(2021/2513(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Settembru 2020 dwar is-sitwazzjoni fir-Russja, l-avvelenament ta' Alexei Navalny[1],

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali,

 wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

 wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Federazzjoni Russa, b'mod partikolari l-Kapitolu 2 u speċifikament l-Artikolu 29 tagħha dwar il-ħarsien tal-libertà tal-kelma, u l-obbligi internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem li r-Russja ntrabtet li tosserva bħala Membru tal-Kunsill tal-Ewropa, tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) u tan-Nazzjonijiet Uniti,

 wara li kkunsidra l-iskambju ta' fehmiet ma' Alexei Navalny u ma' politiċi ewlenin oħra tal-oppożizzjoni demokratika mir-Russja li sar fil-Kumitat għall-Affarijiet Barranin tal-Parlament Ewropew fis-27 ta' Novembru 2020,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-President tal-Kummissjoni Ewropea u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà wara d-detenzjoni ta' Alexei Navalny f'Moska fis-17 ta' Jannar 2021,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-mexxejja tal-Istati Membri tal-UE dwar id-detenzjoni ta' Alexei Navalny mal-wasla tiegħu f'Moska,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fid-9 ta' Diċembru 1998,

 wara li kkunsidra r-Reġim Globali ta' Sanzjonijiet tal-UE b'rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem, adottat mill-Kunsill fis-7 ta'Diċembru 2020,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi Alexei Navalny, politiku ewlieni tal-oppożizzjoni Russa, avukat, blogger u attivist kontra l-korruzzjoni, kixef diversi każijiet ta' korruzzjoni li jinvolvu intrapriżi kummerċjali u politiċi Russi, u sar wieħed mill-aktar mexxejja effettivi tal-oppożizzjoni Russa;

B. billi fil-passat Alexei Navalny ġie detenut, arrestat u kkundannat, f'tentattivi li jitwaqqfu l-attivitajiet politiċi u pubbliċi tiegħu; billi l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddikjarat li wħud minn dawk il-proċeduri huma abbużivi u jmorru kontra l-prinċipju ta' proċess ġust;

C. billi ġie rrappurtat li Alexei Navalny waqa' f'koma fl-20 ta' Awwissu 2020 abbord titjira domestika Russa, ġie ttrasportat lejn sptar fil-belt Russa ta' Omsk, u ttieħed b'ajruplan il-Ġermanja fejn irċieva trattament mediku fil-klinika Charité;

D. billi l-attentat ta' assassinju ta' Alexei Navalny seħħ matul it-tħejjija għall-elezzjonijiet lokali u reġjonali tar-Russja fit-13 ta' Settembru 2020, meta qal li kien favur strateġija ta' "votazzjoni intelliġenti" biex jingħelbu l-kandidati tar-reġim ta' Putin;

E. billi fil-15 ta' Ottubru 2020 l-Unjoni Ewropea introduċiet sanzjonijiet kontra sitt uffiċjali Russi u entità waħda involuta fl-attentat ta' avvelenament ta' Alexei Navalny; il-miżuri jikkonsistu mill-iffriżar tal-assi u l-projbizzjonijiet tal-ivvjaġġar;

F. billi mal-wasla tiegħu f'Moska fis-17 ta' Jannar 2021, wara li qatta' s-sitt xhur ta' qabel fil-Ġermanja fejn għadda minn trattament mediku u sussegwentement baqa' f'konvalexxenza, Alexei Navalny ġie detenut mill-awtoritajiet fl-ajruport;

G. billi l-awtoritajiet Russi jsostnu li ġie arrestat talli naqas milli jikkonforma ma' ordni ta' Qorti Russa li tobbligah jirrapporta lill-awtoritajiet penitenzjarji Russi kompetenti waqt li kien qed jirkupra minn attentat ta' assassinju organizzat mill-awtoritajiet Russi, kif intwera mill-investigazzjoni ta' Bellingcat;

H. billi fit-18 ta' Jannar 2021 l-awtoritajiet Russi ressqu kawża kriminali ġdida kontra Alexei Navalny, fejn akkużawh bi frodi relatata mat-trasferiment ta' flus lil diversi organizzazzjonijiet tal-karità;

I. billi nhar it-Tnejn 18 ta' Jannar 2021 il-prosekuturi pubbliċi talbu lill-qorti tibgħat lil Alexei Navalny il-ħabs għal 30 ġurnata;

J. billi, skont is-soċjetà magħrufa għad-drittijiet tal-bniedem Russa Memorial, fil-Federazzjoni Russa hemm aktar minn 300 priġunier politiku u reliġjuż; billi l-UE turi solidarjetà mad-dissidenti kollha u mal-poplu Russu, li, minkejja t-theddida għal-libertà tagħhom u għal ħajjithom u l-pressjoni mill-Kremlin u mill-awtoritajiet Russi, ikomplu jiġġieldu għal-libertà, id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija;

K. billi minn Diċembru 2020 fost l-istrumenti disponibbli għall-Unjoni Ewropea hemm ukoll ir-Reġim Globali ta' Sanzjonijiet tal-UE b'rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem, magħruf bħala l-Att Magnitsky Ewropew, li jikkonċerna individwi u entitajiet responsabbli għal ksur u abbuż serju tad-drittijiet tal-bniedem fid-dinja kollha, li huma involuti f'dan il-ksur u l-abbuż jew li huma assoċjati miegħu;

1. Jikkundanna bil-qawwa l-arrest ta' Alexei Navalny mar-ritorn tiegħu f'Moska, u jitlob il-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tiegħu; jikkundanna għal darb'oħra l-attentat fuq ħajtu, u jesprimi wkoll it-tħassib kbir tiegħu dwar l-ispazju li qed jiċkien għall-oppożizzjoni politika, l-ilħna dissidenti u s-soċjetà ċivili fil-Federazzjoni Russa;

2. Jikkundanna bil-qawwa l-arrest ta' madwar 60 ġurnalist u sostenitur ta' Alexei Navalny li kienu preżenti fl-ajruport biex jilqgħuh;

3. Jemmen li l-arrest ta' Alexei Navalny huwa żvilupp estremament inkwetanti, li jkompli jiddeterjora r-relazzjoni diġà diffiċli bejn l-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni Russa, ikkawżata minn ksur kontinwu tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, kampanji ta' diżinformazzjoni, atti ta' interferenza fil-proċess elettorali ta' pajjiżi oħra, u bil-ħolqien u l-appoġġ ta' kunflitti f'pajjiżi sħab fil-viċinat tal-Lvant;

4. Iqis li Alexei Navalny mhuwiex biss mexxej prominenti tal-oppożizzjoni demokratika, iżda huwa wkoll mexxej morali għar-Russi kollha, li jistmerru l-korruzzjoni mifruxa u l-impunità ta' dawk fil-poter; isostni li d-determinazzjoni u l-qlubija tiegħu huma sinjal ta' tama għal dawk kollha fir-Russja li jemmnu li l-libertà, id-demokrazija, il-pluraliżmu politiku u l-akkontabilità huma possibbli f'pajjiżhom;

5. Iqis li l-arrest ta' Alexei Navalny huwa tentattiv ċar biex titwarrab u tiġi eliminata mix-xena politika l-unika persuna li f'dawn l-aħħar snin irnexxielha tikkostitwixxi sfida reali għall-awtoritajiet, u li tkompli tagħmel dan qabel l-elezzjonijiet parlamentari skedati għall-ħarifa tal-2021; jemmen li b'dan il-mod ir-reġim juri d-disprezz tiegħu lejn il-poplu tiegħu stess, jipprova jibqa' fil-poter akkost ta' kollox, u jċaħħad lill-poplu minn kwalunkwe opportunità ta' demokrazija u libertà;

6. Jenfasizza li hemm konverġenza dejjem akbar ta' attitudnijiet u tattiċi bejn ir-reġim fir-Russja u d-dittatorjat fil-Belarussja; jemmen li ż-żewġ reġimi jibżgħu mit-talba li qed tikber għal bidla fost il-popli tagħhom, u huwa għalhekk li s-serq tal-elezzjonijiet huwa soluzzjoni politika konvenjenti għalihom; iqis li l-konsegwenza mhux intenzjonata hija ż-żieda fid-determinazzjoni tal-poplu li jistinka għall-bidla, għaliex kieku jingħata opportunità, jagħżel il-libertà, id-demokrazija u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem universali;

7. Jenfasizza d-determinazzjoni tiegħu li jsegwi mill-qrib l-iżvilupp tas-sitwazzjoni ta' Alexei Navalny u l-benesseri tiegħu, kemm fiżiku kif ukoll mentali, li l-awtoritajiet Russi biss huma responsabbli għalihom; itenni l-ħtieġa li s-sanzjonijiet li ġew introdotti s'issa fir-rigward tal-avvelenament ta' Alexei Navalny jiġu estiżi biex jinkludu lill-individwi involuti fl-arrest tiegħu u lil dawk li taw l-ordnijiet biex jiġi arrestat; iqis, barra minn hekk, li l-UE m'għandhiex toqgħod lura milli tapplika r-Reġim Globali ta' Sanzjonijiet tal-UE b'rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem fir-rigward tal-każ ta' Alexei Navalny; jissuġġerixxi, barra minn hekk, li l-Kunsill u r-Rappreżentant Għoli jużawh fil-konfront ta' prosekuturi u mħallfin li jipparteċipaw f'deċiżjonijiet tal-qorti motivati politikament;

8. Jagħti parir lill-Kunsill biex jintroduċi sanzjonijiet kontra oligarki Russi b'rabtiet mar-reġim u membri taċ-ċirku ta' ġewwa tal-President Putin li jippossjedu assi fl-Unjoni Ewropea u jgawdu l-libertà tal-ivvjaġġar lejn l-Istati Membri; jemmen li dawn is-sanzjonijiet għandhom jiġu estiżi wkoll għall-membri tal-familja immedjata tagħhom; isostni li l-Unjoni Ewropea m'għandhiex tibqa' post akkoljenti għall-ġid Russu ta' oriġini mhux ċara;

9. Ifakkar li l-avvelenament u issa l-arrest ta' Alexei Navalny huma biss l-aħħar fost ħafna żviluppi li jsaħħu l-ħtieġa li l-UE u l-Istati Membri tagħha jwettqu valutazzjoni mill-ġdid bir-reqqa tar-relazzjonijiet tagħhom mar-Russja, inklużi l-ħames prinċipji gwida u l-kooperazzjoni ekonomika; iqis li l-promozzjoni tad-demokrazija, flimkien mat-tisħiħ tal-valuri u l-prinċipji universali, għandha tkun il-qofol tal-istrateġija l-ġdida tal-UE fil-konfront tal-Federazzjoni Russa;

10. Jitlob b'insistenza li l-awtoritajiet Russi jwaqqfu l-prattika ta' intimidazzjoni u persekuzzjoni politika tal-kritiċi tagħhom, inklużi l-media indipendenti, il-bloggers, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-imprendituri, l-attivisti, u persuni mid-dinja tal-kultura u l-arti; ifakkar li se jintużaw sanzjonijiet f'każijiet oħra ta' oppressjoni sistemika tal-oppożizzjoni kif ukoll ta' frodi fl-elezzjonijiet li jmiss;

11. Jistieden lill-Istati Membri tal-UE jikkoordinaw il-pożizzjonijiet tagħhom dwar ir-Russja u jitkellmu b'vuċi waħda f'fora bilaterali u multilaterali mal-awtoritajiet Russi; jemmen, barra minn hekk, li l-UE għandha tieħu vantaġġ mill-bidla tal-amministrazzjoni f'Washington biex issaħħaħ l-għaqda trans-Atlantika fil-protezzjoni tad-demokrazija u l-valuri fundamentali mir-reġimi awtoritarji; ifakkar li l-Parlament jappoġġa lill-poplu Russu fil-ġlieda tiegħu għal-libertajiet fundamentali, id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija;

12. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa u lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa.

 

 

Aġġornata l-aħħar: 20 ta' Jannar 2021
Avviż legali - Politika tal-privatezza