Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0108/2021Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0108/2021

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza

3.2.2021 - (2020/2818(RSP))

imressqa wara l-Mistoqsija għal Tweġiba Orali B9‑0004/2021
skont l-Artikolu 136(5) tar-Regoli ta' Proċedura

Lucia Ďuriš Nicholsonová
f'isem il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali

Proċedura : 2020/2818(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B9-0108/2021
Testi mressqa :
B9-0108/2021
Testi adottati :

B9‑0108/2021

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza

(2020/2818(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-Artikoli 166 u 165 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

 wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 14 u 15 tagħha,

 wara li kkunsidra l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali pproklamat mill-Kunsill Ewropew, mill-Parlament Ewropew u mill-Kummissjoni Ewropea f'Novembru 2017, u b'mod partikolari l-prinċipji 1 "edukazzjoni, taħriġ u tagħlim tul il-ħajja", u 4 "appoġġ attiv għall-impjiegi" tiegħu,

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-1974 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) dwar il-Liv bi Ħlas għall-Edukazzjoni,

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza" (COM(2020)0274) u d-dokumenti ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjawha (SWD(2020)0121) u (SWD(2020)0122),

 wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET) għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza (COM(2020)0275),

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "il-kisba sal-2025 taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni" (COM(2020) 0625) u d-dokumenti ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjaha (SWD(2020) 0212),

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Pjan ta' Azzjoni dwar l-Edukazzjoni Diġitali 2021-2027. Tfassil mill-ġdid tal-edukazzjoni u t-taħriġ għall-era diġitali", (COM(2020) 0624) u d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjaha (SWD(2020) 0209),

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni bit-titolu "Digital Economy and Society Index (DESI) 2020 Human capital" (Indiċi tal-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali (DESI) 2020 Kapital uman)[1],

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Strateġija Industrijali Ġdida għall-Ewropa" (COM/2020/0102) li tiddikjara li "it-tranżizzjonijiet tewmin ekoloġiċi u diġitali se jaffettwaw kull parti tal-ekonomija, is-soċjetà u l-industrija tagħna", "industrija kompetittiva tiddependi minn li tirrekluta u li żżomm forza tax-xogħol kwalifikata", u li tipprevedi li "fil-ħames snin li ġejjin biss, 120 miljun Ewropew se jkollhom jaġġornaw il-ħiliet tagħhom jew jitħarrġu mill-ġdid",

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea bit-titolu "Il-Patt Ekoloġiku Ewropew" (COM/2019/0640) li tiddikjara li sabiex isir possibbli t-tibdil kollu msemmi fil-komunikazzjoni "huma meħtieġa taħriġ mill-ġdid u taħriġ ta' aġġornament proattivi biex wieħed jaħsad il-benefiċċji tat-tranżizzjoni ekoloġika",

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2020 dwar it-taħriġ mill-ġdid u t-taħriġ ta' aġġornament bħala bażi biex jiżdiedu s-sostenibbiltà u l-impjegabbiltà, fil-kuntest ta' appoġġ għall-irkupru ekonomiku u l-koeżjoni soċjali,

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta' Ġunju 2020 dwar il-ġlieda kontra l-kriżi tal-COVID-19 fl-edukazzjoni u t-taħriġ,

 wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-8 ta' Novembru 2019 dwar l-iżvilupp ulterjuri taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni biex jiġu appoġġjati sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ orjentati lejn il-futur[2],

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-3 ta' Marzu 2017 dwar Intejbu l-Ħiliet tan-Nisa u l-Irġiel fis-Suq tax-Xogħol tal-UE[3],

 wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-19 ta' Diċembru 2016 dwar Perkorsi ta' Titjib tal-Ħiliet: Opportunitajiet Ġodda għall-Adulti[4],

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta' Diċembru 2017 dwar aġenda mġedda tal-UE għall-edukazzjoni għolja[5],

 wara li kkunsidra d-Deċiżjoni (UE) 2018/646 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' April 2018 dwar qafas komuni għall-għoti ta' servizzi aħjar għall-ħiliet u l-kwalifiki (Europass) u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 2241/2004/KE[6],

 wara li kkunsidra l-qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (ET 2020),

 wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-5 ta' Mejju 2020 dwar "Il-finanzjament sostenibbli għat-tagħlim tul il-ħajja u l-iżvilupp tal-ħiliet, fil-kuntest tal-għadd insuffiċjenti ta' ħaddiema b'ħiliet speċjalizzati" (Opinjoni esploratorja fuq talba tal-Presidenza Kroata),

 wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar "Il-futur tax-xogħol — il-ksib ta' għarfien u ħiliet adegwati sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-impjiegi futuri" (Opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Bulgara)[7],

 wara li kkunsidra l-Istħarriġ Ewropew dwar il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol[8],

 wara li kkunsidra r-riċerka tal-Eurofound dwar l-impatt tad-diġitalizzazzjoni fuq l-użu tal-ħiliet u l-iżvilupp tal-ħiliet[9],

 wara li kkunsidra l-istudju tas-Cedefop bit-titolu "Empowering adults through upskilling and reskilling pathways" (Tisħiħ tal-pożizzjoni tal-adulti permezz ta' perkorsi ta' taħriġ ta' aġġornament u ta' taħriġ mill-ġdid), il-volumi 1 u 2,

 wara li kkunsidra r-rapport tas-Cedefop bit-titolu "Skills forecast - trends and challenges to 2030" (Tbassir tal-ħiliet - xejriet u sfidi għall-2030)[10],

 wara li kkunsidra l-Panorama ta' Ħiliet tas-Cedefop[11] u l-Indiċi Ewropew tal-Ħiliet[12],

 wara li kkunsidra l-istudju STOA bit-titolu "Rethinking education in the digital age" (Ir-reviżjoni tal-edukazzjoni fl-era diġitali)[13],

 wara li kkunsidra l-bażi ta' data Skills for Jobs tal-OECD[14],

 wara li kkunsidra l-istudju tal-OECD bit-titolu "Getting Skills Right. Increasing Adult Learning Participation. Learning from successful reforms" (Fokus fuq il-Ħiliet it-Tajbin. Żieda fil-Parteċipazzjoni fit-Tagħlim għall-Adulti. Tagħlim minn riformi li rnexxew)[15],

 wara li kkunsidra n-nota ta' politika tal-OECD tal-10 ta' Lulju 2020, bit-titolu "Skill measures to mobilise the workforce during the COVID-19 crisis" (Miżuri għall-ħiliet biex tiġi mmobilizzata l-forza tax-xogħol matul il-kriżi tal-COVID-19)[16],

 wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Ottubru 2020 dwar il-futur tal-edukazzjoni Ewropea fil-kuntest tal-COVID-19[17],

 wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ottubru 2020 dwar ir-Rinforz tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ[18],

 wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Ġunju 2018 dwar il-modernizzazzjoni tal-edukazzjoni fl-UE[19],

 wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Settembru 2017 dwar aġenda ġdida għall-ħiliet għall-Ewropa[20],

 wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2016 dwar politiki dwar il-ħiliet għall-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ[21],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Settembru 2015 dwar il-ħolqien ta' suq tax-xogħol kompetittiv tal-UE għas-seklu 21: it-tqabbil tal-ħiliet u l-kwalifiki mad-domanda u l-opportunitajiet ta' impjieg, bħala mod ta' rkupru mill-kriżi[22],

 wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza (O-000006/2021 – B9‑0004/2021),

 wara li kkunsidra l-Artikoli 136(5) u 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

A. billi t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, flimkien max-xejriet demografiċi u l-globalizzazzjoni qed ibiddlu n-natura tax-xogħol, il-kontenut tal-impjiegi u l-ħiliet u l-kwalifiki meħtieġa għalihom; billi t-taħriġ ta' aġġornament u t-taħriġ mill-ġdid se jkunu kruċjali biex jiġu indirizzati l-isfidi u l-opportunitajiet iġġenerati mix-xejriet makro li qed jaċċelleraw, u se jkunu essenzjali biex jiġi indirizzat id-distakk dejjem akbar fil-ħiliet fis-suq tax-xogħol tal-UE;

B. billi l-"Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza" tikkonforma bis-sħiħ mal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, u b'mod partikolari mal-ewwel prinċipju tiegħu, li jistabbilixxi li "kulħadd għandu d-dritt għal edukazzjoni, taħriġ u tagħlim tul il-ħajja ta' kwalità u inklużivi sabiex jinżammu u jinkisbu ħiliet li jippermettu l-parteċipazzjoni sħiħa fis-soċjetà u tranżizzjonijiet b'suċċess fis-suq tax-xogħol";

C. billi l-edukazzjoni fl-era diġitali tinkludi l-edukazzjoni diġitali formali iżda wkoll l-edukazzjoni informali u mhux formali fil-ħiliet tekniċi, personali u taċ-ċittadinanza tul il-ħajja taċ-ċittadini Ewropej;

D. billi s-sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ formali qed isibuha dejjem aktar diffiċli biex iwieġbu għall-firxa sħiħa ta' ħtiġijiet u domandi individwali u soċjali f'dinja li dejjem qed tinbidel;

E. billi l-kriżi tal-COVID-19 biddlet id-dinja tax-xogħol, aċċellerat is-sensji u l-obsolexxenza ta' ħafna impjiegi, enfasizzat l-importanza tal-ħiliet diġitali u l-kompetenza diġitali, żiedet id-distakk diġitali, u rrinforzat il-ħtieġa li jiġu aġġornati l-ħiliet tal-forza tax-xogħol Ewropea, b'mod partikolari fir-rigward taż-żieda drammatika fil-ħtieġa ta' ħiliet diġitali u teknoloġiċi kif ukoll ħiliet personali bħar-reżiljenza u l-adattabilità; billi dawn il-ħtiġijiet se jkunu saħansitra aktar urġenti bl-użu aktar mifrux tal-intelliġenza artifiċjali (IA), li tista' tibdel kompletament il-mudelli tax-xogħol u tissostitwixxi xi tipi ta' attivitajiet; billi l-pandemija fixklet l-attivitajiet edukattivi u ta' taħriġ, filwaqt li affettwat b'mod partikolari lill-istudenti tal-VET, u wasslet għal żieda fil-qgħad, b'mod partikolari fost iż-żgħażagħ li qed jitħabtu biex jagħmlu tranżizzjoni mill-edukazzjoni għax-xogħol; billi l-lockdown infurzat matul il-kriżi tal-COVID-19 ipprovda l-opportunità biex il-ħaddiema jaġġornaw il-ħiliet tagħhom;

F. billi l-kompetenzi ewlenin huma kruċjali fis-soċjetà tal-għarfien u f'kuntest ta' tagħlim tul il-ħajja, peress li jiggarantixxu aktar flessibbiltà fl-adattament għas-soċjetajiet u s-swieq tax-xogħol li qed jinbidlu;

G. billi għad hemm bosta inugwaljanzi fl-aċċess għall-edukazzjoni u l-ħiliet għal gruppi vulnerabbli fis-soċjetà, kif ukoll bejn il-ġeneri, b'ċittadini li jkunu ġejjin minn sfondi etniċi differenti, persuni b'diżabilità jew nisa b'inqas probabbiltà li jkollhom l-opportunità li jitgħallmu ħiliet ġodda;

H. billi jeħtieġ li individwi jkunu mgħammra bil-ħiliet meħtieġa fis-suq tax-xogħol u bil-kapaċità li jadattaw malajr għad-domandi għal ħiliet li qed jinbidlu matul ħajjithom; billi minn 37 % sa 69 % tal-kompiti fl-UE jistgħu jiġu awtomatizzati f'ħafna setturi, li jwassal għal bidla sinifikanti fil-prestazzjoni[23]; billi skont ir-riċerka tal-Eurofound, 28 % mill-ħaddiema jirrapportaw li għandhom il-ħiliet biex ilaħħqu ma' dmirijiet aktar impenjattivi;

I. billi t-taħriġ ta' aġġornament u t-taħriġ mill-ġdid mhumiex biss responsabbiltà individwali iżda wkoll responsabbiltà soċjali, peress li livelli baxxi ta' ħiliet bażiċi u parteċipazzjoni baxxa tal-adulti f'attivitajiet ta' taħriġ inaqqsu l-opportunitajiet ta' impjieg tagħhom fis-suq tax-xogħol, jiġġeneraw inugwaljanzi soċjali u ekonomiċi u jikkontribwixxu għal livelli għoljin ta' faqar;

J. billi n-nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet u n-nuqqas ta' ħiliet jippreżentaw sfidi importanti għas-suq tax-xogħol u għas-sistemi edukattivi tal-UE; billi hemm nuqqas enormi ta' ħiliet diġitali fost il-forza tax-xogħol, u 42 % miċ-ċittadini tal-UE għandhom nuqqas ta' ħiliet diġitali bażiċi[24]; billi huma meħtieġa investimenti sinifikanti biex jiġi indirizzat id-distakk fil-ħiliet diġitali;

K. billi l-ġenerazzjoni attwali ta' żgħażagħ għandha livell għoli ta' ħiliet; billi t-taħriġ tal-ħiliet, it-taħriġ ta' aġġornament u t-taħriġ mill-ġdid mhumiex l-unika soluzzjoni għan-nuqqas ta' impjiegi għaż-żgħażagħ; billi huma meħtieġa miżuri addizzjonali għall-impjiegi biex jiġi żgurat il-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità u sostenibbli; billi x-xenarju tal-impjiegi qed jevolvi malajr, u huwa stmat li 65 % mit-tfal tal-lum li jibdew l-iskola primarja fl-aħħar mill-aħħar se jispiċċaw jaħdmu f'tipi ta' impjiegi kompletament ġodda li għadhom lanqas biss jeżistu[25]; billi fl-2019 l-internet huwa diġà użat minn 85 % miċ-ċittadini, u 58 % biss kellhom mill-inqas ħiliet diġitali bażiċi[26];

L. billi l-ambizzjoni tal-Patt Ewropew biex tinkiseb in-newtralità klimatika sal-2050 u l-mira li l-emissjonijiet tas-CO2 jitnaqqsu b'60 % sal-2030 se tfisser tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima, ċirkolari u effiċjenti fl-użu tal-enerġija; billi dan se jkollu impatt fundamentali fuq is-setturi kollha tal-ekonomija, li jagħmel it-taħriġ mill-ġdid tal-forza tax-xogħol u l-fokus fuq ħiliet ekoloġiċi fil-perkorsi edukattivi kollha kruċjali biex tinkiseb tranżizzjoni ġusta li ma tħalli lil ħadd jaqa' lura;

M. billi, minbarra l-ħiliet teknoloġiċi u diġitali, il-ħsieb kritiku huwa wieħed mill-ħiliet ewlenin li n-nies jeħtieġu fl-era diġitali; billi hemm ħtieġa ċara li jissaħħaħ il-ħsieb kritiku fost il-gruppi kollha taċ-ċittadini sabiex ikunu jistgħu jgawdu l-potenzjal sħiħ tal-għodod diġitali u jiġu protetti mill-perikli tagħhom;

N. billi s-sistemi ta' edukazzjoni moderni, innovattivi u inklużivi b'teknoloġiji diġitali fil-qalba tagħhom jinsabu f'pożizzjoni tajba biex iħejju ġenerazzjonijiet ġodda ta' professjonisti għall-isfidi u l-opportunitajiet fil-futur;

O. billi l-aċċess ugwali għal miżuri ta' taħriġ tal-ħiliet, ta' taħriġ ta' aġġornament u ta' taħriġ mill-ġdid ta' kwalità u inklużivi, kif ukoll għal informazzjoni dwar ir-riżorsi għall-ħiliet, konsulenza, taħriġ edukattiv u vokazzjonali għall-persuni kollha, inkluż għal gruppi vulnerabbli, anzjani u persuni li jgħixu f'żoni urbani żvantaġġati jew f'żoni u gżejjer rurali u remoti, huwa kruċjali għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza; billi r-riċerka tal-Eurofound turi li żdiedet l-inugwaljanza fl-aċċess tal-ħaddiema għat-taħriġ[27];

P. billi f'xi pajjiżi tal-UE l-ammont ta' ħin li t-tfal iddedikaw għal attivitajiet skolastiċi naqas bin-nofs matul il-kriżi tal-COVID-19; billi l-għeluq ta' istituzzjonijiet edukattivi u ta' taħriġ, anke jekk temporanju, jista' jkollu konsegwenzi sinifikanti għall-istudenti, iħalli impatt negattiv fuq l-eżiti tat-tagħlim u jżid l-inugwaljanzi eżistenti;

Q. billi, għall-kuntrarju tas-sistema skolastika obbligatorja, it-tagħlim għall-adulti huwa impenn volontarju magħmul minħabba motivazzjoni personali jew professjonali, li jirrappreżenta aktar sfida għall-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ;

R. billi ħiliet aġġornati jagħmluha aktar faċli għan-nies biex jibqgħu impjegati fis-suq tax-xogħol u biex jiġu inklużi soċjalment, li huwa fundamentali wkoll għas-saħħa mentali u għall-ħajja ta' miljuni ta' ċittadini tagħna;

S. billi ma jeżistux ħiliet differenti skont is-sess tal-persuna, iżda hemm differenzi bejn il-ġeneri f'termini ta' għażliet u żvilupp tal-karriera;

T. billi l-politiki dwar l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-ħiliet jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri; billi l-UE għandha rwol importanti fl-appoġġ, fil-koordinazzjoni u fl-ikkomplementar tal-azzjonijiet tal-Istati Membri f'dawn l-oqsma; billi sfidi ġodda jirrikjedu l-mobilizzazzjoni ta' għodod Ewropej u politiki ta' appoġġ fi ħdan iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni; billi programmi tal-Unjoni bħall-Erasmus+, il-Garanzija Ewropea għaż-Żgħażagħ u l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà għandhom rwol importanti fit-taħriġ ta' aġġornament taż-żgħażagħ;

U. billi, madankollu, it-teknoloġiji diġitali għandhom jitqiesu bħala għodod li jipprovdu edukazzjoni u taħriġ ta' kwalità; billi fil-futur se jkun hemm ħtieġa akbar ta' ħiliet diġitali (kodifikazzjoni, loġistika u robotika) - li se jikkonċernaw mhux biss il-korsijiet tal-edukazzjoni tal-IT iżda se jolqtu l-kurrikulu kollu kemm hu;

V. billi l-opportunitajiet ta' taħriġ u żvilupp tal-ħiliet abilitati diġitalment għandhom jiġu esplorati aħjar u ffaċilitati, pereżempju taħriġ online għal gruppi vulnerabbli jew persunal ta' SMEs li jeħtieġu l-għoti ta' taħriġ aktar flessibbli f'kooperazzjoni mill-qrib mal-istituzzjonijiet u l-korpi reġjonali responsabbli;

W. billi r-rati ta' parteċipazzjoni fl-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal fl-Ewropa għat-tfal taħt it-3 snin għadhom taħt 33 % f'nofs il-pajjiżi tal-UE[28];

X. billi, skont il-Eurofound, l-implikazzjonijiet għal ħiliet relatati mal-użu ta' mudelli ta' negozju abilitati diġitalment, bħal xogħol fuq pjattaforma diġitali, għandhom jiġu esplorati aħjar u indirizzati strateġikament, kemm bl-indirizzar tan-nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet u l-eliminazzjoni tal-ħiliet, jew permezz tal-iżvilupp ta' ħiliet bħal ħiliet trasversali u intraprenditorjali;

Y. billi fl-2019, 10.2 % minn dawk ta' bejn it-18 u l-24 sena fl-UE kienu kkompletaw mhux aktar minn edukazzjoni sekondarja tal-ewwel livell u ma kinux qed ikomplu jistudjaw jew jitħarrġu (persuni li telqu kmieni mill-iskola)[29];

Z. billi ilu rikonoxxut ir-rwol importanti li għandu t-tagħlim fuq il-post tax-xogħol għall-użu u l-iżvilupp tal-ħiliet; l-ECS 2019 juri li hija minoranza biss ta' organizzazzjonijiet li tgħaqqad b'mod koerenti l-prattiki fuq il-post tax-xogħol li jottimizzaw l-użu tal-ħiliet u jappoġġjaw l-iżvilupp tal-ħiliet;

AA. billi fl-2017, 72 % mill-għalliema fl-Ewropa kienu nisa; billi 9 % mill-għalliema li jaħdmu fl-UE kellhom inqas minn 30 sena, filwaqt li 36 % kellhom 50 sena jew aktar[30];

1. Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza", li tqiegħed il-ħiliet fil-qalba tal-aġenda tal-politika tal-UE u tiżgura li d-dritt għal taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja ta' kwalità u inklużivi għal kulħadd u fl-oqsma u s-setturi kollha, minqux fl-ewwel prinċipju tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, isir realtà madwar l-Unjoni;

2. Jilqa' t-12-il azzjoni emblematika stipulati fil-komunikazzjoni kif ukoll l-objettivi kwantitattivi li għandhom jintlaħqu sal-2025; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu aċċessibbiltà wiesgħa għat-taħriġ tal-ħiliet u t-taħriġ ta' aġġornament għal gruppi vulnerabbli, inklużi persuni b'diżabilità, adulti b'livell baxx ta' ħiliet, minoranzi, inklużi r-Rom, kif ukoll persuni bi sfond ta' migrazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni twettaq riċerka dwar kif jista' jiġi implimentat dan id-dritt, u biex tintroduċi mekkaniżmu ta' monitoraġġ li jħeġġeġ lill-Istati Membri jistabbilixxu programmi ta' azzjoni nazzjonali u jippreżentaw rapporti nazzjonali regolari dwar kif dan id-dritt qed jiġi żgurat;

3. Jenfasizza l-importanza ta' aċċess għat-taħriġ u t-taħriġ mill-ġdid għal ħaddiema f'industriji u f'setturi li jeħtieġ li jwettqu bidliet fundamentali fid-dawl ta' tranżizzjoni ekoloġika u diġitali; jenfasizza li l-kwalifiki u l-kompetenzi ċċertifikati jipprovdu valur miżjud lill-ħaddiema, itejbu l-pożizzjonijiet tagħhom fis-suq tax-xogħol, u jistgħu jiġu trasferiti fi tranżizzjonijiet tas-suq tax-xogħol; jitlob li l-politika pubblika dwar il-ħiliet tkun orjentata lejn ir-rikonoxximent, iċ-ċertifikazzjoni u l-validazzjoni tal-kwalifiki u tal-kompetenzi;

4. Jissottolinja li l-ħiliet u t-tagħlim tul il-ħajja huma vitali għat-tkabbir sostenibbli, il-produttività, l-investiment u l-innovazzjoni, u għalhekk huma fatturi ewlenin għall-kompetittività tan-negozji, speċjalment l-SMEs; jenfasizza li l-kooperazzjoni mill-qrib u l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-atturi rilevanti kollha involuti fl-iżvilupp tal-ħiliet, inklużi s-sħab soċjali u l-livelli kollha tal-gvern, huma kruċjali biex jiġi żgurat li kulħadd ikun jista' jakkwista l-ħiliet meħtieġa fis-suq tax-xogħol u fis-soċjetà inġenerali; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li jinġabru data, informazzjoni u tbassir aġġornati rigward il-ħtiġijiet u d-domanda fis-suq tax-xogħol, inkluż fil-livell lokali; jappoġġja t-tnedija tal-Patt għall-Ħiliet, bl-għan li jissaħħu l-azzjonijiet imwettqa minn kumpaniji għat-taħriġ ta' aġġornament u t-taħriġ mill-ġdid tal-forza tax-xogħol tal-Ewropa; jitlob li l-Patti lokali għall-Ħiliet jilħqu aħjar lill-persuni minn setturi milquta l-aktar mill-kriżi tal-COVID-19 u jgħinuhom jiksbu kwalifiki mill-ġdid biex jibqgħu attivi fis-suq tax-xogħol;

5. Ifakkar li l-immodernizzar tas-sistemi vokazzjonali, edukattivi u ta' taħriġ huwa kruċjali biex iż-żgħażagħ u l-adulti jitħejjew għat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, kif ukoll biex jiġi żgurat li l-ħaddiema ta' età medja u dawk f'età aktar avvanzata jżommu u jiżviluppaw il-ħiliet meħtieġa biex jissalvagwardjaw l-impjegabbiltà u jestendu l-ħajja tax-xogħol; ifakkar, barra minn hekk, li din il-modernizzazzjoni hija kruċjali għall-irkupru mill-pandemija tal-COVID-19; jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni għal "Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET) għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza"; jisħaq li l-programmi tal-VET iridu jkunu mmirati, orjentati lejn il-futur, aċċesibbli, permeabbli, interkonnessi fil-livell tal-UE, u ffukati fuq l-istudenti, jippermettu perkorsi individwali flessibbli, jipprovdu lill-istudenti tal-VET u lill-għalliema b'sett ta' ħiliet biex isiru ċittadini attivi u demokratiċi, u biex jirnexxu fis-suq tax-xogħol u fis-soċjetà; ifakkar li l-modernizzazzjoni tal-programmi tal-VET trid timxi id f'id ma' żieda fl-attraenza tagħhom, sabiex aktar żgħażagħ jagħżlu li jidħlu għalihom; jenfasizza l-importanza tal-aħjar prattiki relatati mas-sistemi ta' edukazzjoni doppja u l-VET li jistgħu jikkontribwixxu għal bidliet strutturali fis-suq tax-xogħol u jwasslu għal livelli ogħla ta' impjieg taż-żgħażagħ;

6. Jemmen li l-apprendistati jistgħu jkollhom rwol importanti f'dan ir-rigward, billi jħejju liż-żgħażagħ għal impjiegi li għalihom hawn domanda kbira, u għalhekk jistgħu jikkontribwixxu għall-integrazzjoni sostenibbli tagħhom fis-suq tax-xogħol; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jużaw ir-riżorsi tal-UE għall-promozzjoni tal-VET u biex iħeġġu lill-impjegaturi biex joħolqu programmi ta' internship u apprendistat imħallsa għall-istudenti ta' skejjel vokazzjonali, kif ukoll jorganizzaw kompetizzjonijiet u kampjonati industrijali għalihom; iħeġġeġ lill-kumpaniji biex jiżguraw it-taħriġ ta' aġġornament u t-taħriġ mill-ġdid tal-forza tax-xogħol tagħhom u biex isaħħu l-forniment ta' apprendistati f'konformità mal-Qafas ta' Kwalità għat-Traineeships u mal-Qafas Ewropew għal Apprendistati ta' Kwalità u Effettivi; jappella f'dan ir-rigward biex il-Kummissjoni tirrieżamina l-istrumenti Ewropej eżistenti bħall-Qafas ta' Kwalità għall-Apprendistati u l-Qafas Ewropew għal Apprendistati ta' Kwalità u Effettivi, u biex iddaħħal kriterji ta' kwalità għal proposti, inkluż il-prinċipju ta' remunerazzjoni ġusta għat-trainees u l-interns, aċċess għall-protezzjoni soċjali, impjieg sostenibbli u drittijiet soċjali; jisħaq li dawn il-kriterji jiżguraw it-tranżizzjoni tat-trainees u l-apprendisti lejn impjieg stabbli u ta' kwalità, u jgħinu jiżguraw opportunitajiet ibbilanċjati bejn il-ġeneri għal persuni fis-setturi kollha, kif ukoll opportunitajiet li joffru sigurtà fit-tul, protezzjoni soċjali u kundizzjonijiet tax-xogħol ugwali u deċenti, u li ma jikkontribwixxux għall-ħolqien ta' impjieg prekarju;

7. Ifakkar li l-ħiliet vokazzjonali huma wieħed mill-motivaturi tal-ekonomija Ewropea, u jitlob li jkun hemm korrelazzjoni bejn l-edukazzjoni konvenzjonali u l-VET, fejn l-iżvilupp tal-ħiliet fil-VET, kemm bħala fokus ċentrali jew bħala parti komplementari mill-għażliet disponibbli kemm għall-istudenti kif ukoll għall-adulti, jista' jagħti spinta lill-opportunitajiet disponibbli għal persuni li qed ifittxu impjieg, irawwem il-mobbiltà professjonali u jtejjeb ir-reżiljenza tas-suq tax-xogħol f'sitwazzjonijiet ta' kriżi;

8. Jagħti parir lill-Kummissjoni biex tipprovdi rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri li jikkorrelataw il-VET mal-Aġenda għall-Ħiliet, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-kompetenzi nazzjonali u l-prinċipju tas-sussidjarjetà, b'fokus fuq it-titjib tal-gwida bikrija dwar il-karrieri tal-VET u l-massimizzazzjoni tal-għadd ta' opportunitajiet li ż-żgħażagħ Ewropej ikollhom biex jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom; jilqa', f'dan l-aspett, l-input ipprovdut dwar is-suġġett mis-Cedefop u mill-Eurofound;

9. Jissottolinja l-importanza kbira li jingħata appoġġ attiv lill-għalliema u lill-ħarrieġa billi jiġi adottat pakkett ta' politika effettiv biex jiġi żgurat li dawn ikunu mħejjija u aġġornati sew fil-ħiliet għat-trasformazzjoni diġitali u ekoloġika tal-iskejjel u tal-istituzzjonijiet edukattivi; jemmen li t-trade unions edukattivi jridu jkunu involuti fid-definizzjoni tal-ħiliet u l-kompetenzi meħtieġa li għandhom jinkisbu mill-għalliema u l-ħarrieġa fi ħdan l-iżvilupp professjonali inizjali u kontinwu fir-rigward tat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali; jemmen li l-investimenti fl-edukazzjoni pubblika jridu jiżdiedu b'mod konsiderevoli u li d-djalogu soċjali mat-trade unions jrid ikun pilastru ewlieni biex jiġu ggarantiti salarji u pensjonijiet adegwati, kif ukoll kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti għall-professjonisti fis-setturi tal-edukazzjoni u t-taħriġ;

10. Jisħaq fuq il-ħtieġa li, bl-involviment tas-sħab soċjali, tittejjeb is-sistema ta' antiċipazzjoni tal-ħiliet biex jiġu identifikati aħjar il-bidliet emerġenti fil-ħtiġijiet b'rabta mal-ħiliet, jingħataw ħiliet ġeneriċi, settorjali u speċifiċi għall-impjieg fejn meħtieġ, u jiġu minimizzati r-restrizzjonijiet fil-ħiliet u l-iżbilanċi fil-ħiliet; jilqa' f'dan ir-rigward l-azzjonijiet proposti mill-Kummissjoni biex tittejjeb l-informazzjoni dwar il-ħiliet; jenfasizza li l-applikazzjoni tal-intelliġenza artifiċjali u tal-analiżi tal-big data għall-informazzjoni dwar il-ħiliet fid-definizzjoni ta' profili tal-impjiegi ġodda għandha tiġi mmonitorjata regolarment u sistematikament biex jiġu evitati l-preġudizzju u d-diskriminazzjoni diretta u indiretta, u li għandhom jiġu żgurati miżuri korrettivi; jissottolinja li t-tisħiħ tal-gwida dwar il-karrieri minn età bikrija u l-aċċess ugwali għall-informazzjoni u l-appoġġ għall-istudenti u l-istudenti adulti jistgħu jgħinu fl-għażla ta' perkorsi edukattivi u vokazzjonali xierqa li jwasslu għal opportunitajiet ta' impjieg li jaqblu mal-interessi, mat-talent u mal-kompetenzi tagħhom, u b'hekk jonqos in-nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet; jenfasizza l-importanza ta' kooperazzjoni bejn is-servizzi tal-impjiegi u s-servizzi soċjali biex jiġu identifikati u appoġġjati persuni li jkunu tilfu xogħolhom reċentement jew li jinsabu f'riskju li jitilfu xogħolhom; jissottolinja l-importanza tal-gwida tul il-ħajja fl-Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa u l-ħtieġa li jittejjeb l-aċċess għal gwida ta' kwalità;

11. Jilqa' r-rakkomandazzjoni biex l-Istati Membri jsaħħu s-sistemi ta' twissija bikrija bl-għan li jidentifikaw żgħażagħ f'riskju li jsiru NEETs (barra mill-edukazzjoni, impjieg, jew taħriġ); huwa konvint li azzjonijiet preventivi, bħal valutazzjonijiet tal-ħiliet u gwida għall-karriera u vokazzjonali li jiffukaw fuq għajnuna mogħtija lil dawk li jitilqu kmieni mill-iskola biex jidħlu f'impjieg jew edukazzjoni qabel jisfaw qiegħda, jekk jitwettqu kif xieraq flimkien mal-forniment ta' edukazzjoni ġenerali inklużiva u mhux diskriminatorja, jistgħu jwasslu għal tnaqqis fl-għadd ta' NEETs fuq terminu twil;

12. Jisħaq fuq il-ħtieġa li tingħata spinta lir-rwol tas-sħab soċjali billi jiġi żgurat li l-politika dwar il-ħiliet tħeġġeġ ftehimiet kollettivi fir-rigward tad-definizzjoni u r-regolamentazzjoni tal-ħiliet u t-taħriġ kontinwu, billi ssir konsultazzjoni mas-sħab soċjali dwar il-kompetenzi meħtieġa u l-aġġornament tal-kurrikuli tas-sistemi edukattivi u ta' taħriġ, u billi jitfassal b'mod konġunt mar-rappreżentanti tal-ħaddiema taħriġ fuq il-post tax-xogħol li jkun adattat għall-ħtiġijiet tal-forza tax-xogħol;

13. Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi indikatur dwar id-diskrepanzi fil-ħiliet fit-tabella ta' valutazzjoni soċjali, f'konformità mal-għanijiet u l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li jista' jkun utli għal dawk li jfasslu l-politika fil-livell nazzjonali biex jidentifikaw fejn ikunu meħtieġa aktar sforzi u biex jikkoordinaw aħjar fil-livell tal-UE, filwaqt li jittraċċaw l-evoluzzjonijiet u l-progress tad-diskrepanzi fil-ħiliet, u jinċentivaw konverġenza 'l fuq fost l-Istati Membri;

14. Huwa tal-fehma li jrid jittejjeb ir-rikonoxximent reċiproku tal-eżiti tat-tagħlim, tad-diplomi, tat-taħriġ, tal-kwalifiki professjonali u tal-ħiliet miksuba fi Stat Membru ieħor, u li dan jgħin biex jingħelbu n-nuqqasijiet ta' ħiliet u n-nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet; jemmen li dan jippermetti wkoll li l-adulti jiksbu kwalifiki sħaħ, irawwem il-mobbiltà, jagħmel is-suq tax-xogħol tal-UE aktar integrat u reżiljenti, u jsaħħaħ il-kompetittività tal-Ewropa; jenfasizza l-importanza li jiġu indirizzati n-nuqqasijiet ta' ħiliet u n-nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet billi tiġi ffaċilitata l-mobbiltà tal-istudenti u r-rikonoxximent transfruntier tal-kwalifiki permezz ta' użu aħjar minn għodod bħall-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki, is-CV tal-Europass, is-Sistema Ewropea għat-Trasferiment ta' Krediti (ECVET), il-Panorama ta' Ħiliet, l-ESCO jew il-EURES, eċċ.; jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-ksib taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni sal-2025;

15. Jenfasizza li ħafna ċittadini jiksbu ħiliet u esperjenza siewja barra mis-sistema tal-edukazzjoni jew it-taħriġ formali, kif inhu pereżempju l-każ ta' indukraturi informali li jipprovdu kura lill-persuni b'diżabilità jew lill-anzjani; jemmen li dawn il-ħiliet informali għandhom jiġu rikonoxxuti, billi jistgħu jgħinu lill-indukraturi informali biex iżidu l-possibbiltajiet tagħhom fis-suq tax-xogħol;

16. Jitlob li tiġi implimentata bis-sħiħ id-Direttiva dwar ir-Rikonoxximent ta' Kwalifiki Professjonali, billi l-qafas ta' taħriġ komuni inkluż fiha jista' jżid l-għadd ta' professjonisti li jibbenefikaw mis-sistema ta' rikonoxximent awtomatiku, u jappoġġja l-korrelazzjoni tagħha mal-iżvilupp mill-Kummissjoni Ewropea ta' Passaport tal-Ħiliet tal-UE diġitali u pan-Ewropew;

17. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom sabiex iżommu lill-istudenti barranin wara li jiggradwaw mill-universitajiet tal-UE; jisħaq li l-għoti ta' aċċess lill-gradwati għall-mobbiltà intra-UE u viża valida għal dawk li jkunu qed ifittxu impjieg jista' jżid l-attraenza tal-UE kollha kemm hi;

18. Jitlob li tiġi żblukkata l-proposta attwali tal-Karta Blu sabiex il-kumpaniji Ewropej jingħataw il-kompetenzi meħtieġa biex jibqgħu jew isiru kompetittivi;

19. Josserva li l-pandemija tal-COVID-19 aċċentwat l-importanza kemm tal-ħiliet diġitali bażiċi kif ukoll dawk avvanzati, kif ukoll ta' sistemi edukattivi reżiljenti u l-kapaċità tagħhom li jaġġustaw bejn il-metodi ta' tagħlim personali, mill-bogħod u online, u ibridi; josserva wkoll li l-pandemija tal-COVID-19 bidlet id-domanda għall-ħiliet fis-suq tax-xogħol, u b'hekk żiedet id-diskrepanza fil-ħiliet diġitali u aggravat l-inugwaljanzi u d-defiċits preeżistenti fl-edukazzjoni; jenfasizza l-ħtieġa li kull ċittadin ikollu mill-inqas ħiliet diġitali bażiċi u li speċjalisti b'livell għoli ta' ħiliet jiġu mħarrġa u mgħammra b'ħiliet diġitali avvanzati u b'mentalità innovattiva u intraprenditorjali;

20. Jesprimi dispjaċir għall-fatt li għad hemm disparitajiet bejn il-ġeneri fl-aċċess tan-nisa għall-iżvilupp tal-ħiliet u l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol[31]; jissottolinja li l-isfidi ewlenin li jiffaċċjaw in-nisa jinkludu ostakli għall-edukazzjoni u t-taħriġ fis-suġġetti STEM (xjenza, teknoloġija, inġinerija, u matematika), restrizzjonijiet soċjokulturali u ekonomiċi, speċjalment f'ekonomiji rurali u informali, u nuqqas sinifikanti fil-promozzjoni ta' opportunitajiet indaqs tan-nisa biex jagħżlu professjonijiet li ħafna drabi jkunu ddominati mill-irġiel; jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ networks ta' mentoraġġ, u b'hekk tippermetti aktar mudelli eżemplari femminili biex in-nisa jitħeġġu jagħmlu għażliet alternattivi għal impjiegi tradizzjonalment sterjotipati fir-rigward tal-ġeneri[32]; jitlob li jiġu evitati l-istereotipi u l-istereotipizzazzjoni tal-ġeneru permezz tat-taħriġ, billi dawn huma marbuta mal-impjegabbiltà u joħolqu ċirku vizzjuż, u b'hekk jipperpetwaw segregazzjoni qawwija tax-xogħol; jisħaq li 90 % mill-impjiegi jirrikjedu ħiliet diġitali bażiċi, u n-nisa jirrappreżentaw biss 17 % mill-persuni f'korsijiet u karrieri tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT) fl-UE[33] u 36 % biss mill-gradwati STEM[34], minkejja l-fatt li l-bniet imorru aħjar mis-subien fil-litteriżmu diġitali[35];

21. Jenfasizza l-importanza tal-edukazzjoni u tal-iżvilupp tal-ħiliet fl-indirizzar tal-preġudizzju bejn il-ġeneri u fl-appoġġ mogħti lill-ugwaljanza bejn il-ġeneri, u jitlob sforzi akbar kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak Ewropew biex dan l-iżbilanċ bejn il-ġeneri jitkisser u biex jiġi żgurat li n-nisa jkunu jistgħu jaċċessaw tagħlim u taħriġ ta' kwalità tul il-ħajja, inkluż wara perjodi ta' assenza għal raġunijiet ta' kura; jenfasizza l-ħtieġa ta' proċessi ta' reklutaġġ u għażla sensittivi għall-ġeneru fis-settur privat u dak pubbliku, u b'mod partikolari f'setturi orjentati lejn il-futur, bħal STEM u s-settur diġitali fejn in-nisa mhumiex irrappreżentati biżżejjed; jenfasizza f'dan ir-rigward li d-diskriminazzjoni abbażi tal-ġeneru hija dannuża mhux biss għall-individwu affettwat iżda wkoll għas-soċjetà kollha kemm hi; ifakkar li jridu jittieħdu miżuri sabiex l-impatt tal-kriżi ma jaggravax l-inugwaljanzi bejn il-ġeneri, filwaqt li jiġi mmitigat l-impatt sproporzjonat u dejjiemi fuq id-drittijiet tan-nisa, id-dħul u l-protezzjoni soċjali, u jiġu evitati aktar inugwaljanzi u diskriminazzjoni fid-dinja tax-xogħol, b'attenzjoni partikolari għas-suq tax-xogħol fir-rigward tal-ġeneru, it-tranżizzjoni diġitali u ekoloġika, u d-distribuzzjoni inugwali ta' xogħol domestiku u ta' kura mhux imħallas;

22. Jissottolinja li l-opportunitajiet indaqs għal kulħadd huma kruċjali, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmluha prijorità li jnaqqsu d-distakk fil-ħiliet diġitali, billi jiżguraw li r-reġjuni vulnerabbli u ċ-ċittadini fil-bżonn, kif ukoll dawk fir-riskju ta' esklużjoni soċjali, inklużi l-persuni b'diżabilità jew dawk li ġejjin minn minoranzi etniċi, ikollhom aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ diġitali, il-hardware minimu meħtieġ, aċċess wiesa' għall-internet, u appoġġ diġitali u għodod oħra ta' tagħlim teknoloġiku; jissottolinja li jrid jingħata appoġġ lil dawn il-kategoriji biex jiżdiedu l-ħiliet diġitali meħtieġa biex jirnexxu u biex jiġu evitati inugwaljanzi dejjem aktar profondi, filwaqt li jiġi żgurat li ħadd ma jitħalla jaqa' lura;

23. Josserva b'interess kbir l-opportunitajiet u l-isfidi pprovduti mill-firxa ta' soluzzjonijiet diġitali bħat-telexogħol, li għalihom huwa kruċjali l-iżvilupp ta' ħiliet diġitali; ifakkar l-importanza ta' qafas leġiżlattiv Ewropew li jkollu l-għan li jirregola l-kundizzjonijiet tat-telexogħol u d-dritt għall-iskonnessjoni madwar l-Unjoni, kif ukoll li jiżgura kundizzjonijiet tax-xogħol u ta' impjieg deċenti fl-ekonomija diġitali mmotivati mill-akkwist ta' ħiliet ġodda;

24. Jisħaq fuq il-bosta opportunitajiet li x-xogħol diġitali joffri biex jitjiebu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-impjegati, inklużi impjegati qrib l-età tal-irtirar, u biex tiżdied l-inklużjoni ta' persuni b'diżabilità; Jesprimi dispjaċir għall-fatt li persuni b'diżabilità għadhom żvantaġġati fis-suq tax-xogħol, u li spiss in-nuqqas ta' aċċess tagħhom għall-edukazzjoni u t-taħriġ jista' jkun responsabbli għall-esklużjoni tagħhom mis-suq tax-xogħol; jitlob li jkun hemm fokus partikolari mill-Kummissjoni, fir-rakkomandazzjonijiet tagħha lill-Istati Membri, fuq modi ta' titjib tal-aċċess ta' persuni b'diżabilità għal taħriġ diġitali tal-ħiliet jew għal taħriġ mill-ġdid diġitali, b'koordinazzjoni mal-ħtiġijiet il-ġodda tal-ekonomija diġitali globali emerġenti;

25. Josserva li fil-kuntest taż-żieda fit-telexogħol, il-Kummissjoni u l-Istati Membri jridu jpoġġu l-ħiliet li jrawmu dan il-mod ġdid ta' xogħol fiċ-ċentru tal-istrateġiji tagħhom; jissottolinja li t-tele-edukazzjoni u t-tele-skejjel joħolqu sfidi kemm għall-edukaturi kif ukoll għar-riċevituri tal-edukazzjoni, u li l-ħiliet meħtieġa biex jitwasslu t-tele-edukazzjoni u t-taħriġ tal-ħarrieġa u tal-edukaturi huma prijorità fuq terminu qasir għall-Ewropa f'dan iż-żmien;

26. Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja l-offerta ta' taħriġ għall-ħaddiema li jirċievu benefiċċji għal xogħol b'ħinijiet iqsar jew għal qgħad parzjali, inkluż permezz tal-iskema SURE; jistieden lill-Istati Membri joffru miżuri ta' taħriġ xierqa għall-ħaddiema affettwati;

27. Jistieden lill-impjegaturi jadattaw il-prattiki fuq il-post tax-xogħol li jikkapitalizzaw fuq il-ħiliet tal-forza tax-xogħol u li jappoġġjaw l-iżvilupp tal-ħiliet permezz ta' fokus fuq l-edukazzjoni tal-ġenerazzjoni li jmiss ta' maniġers fuq kwistjonijiet rigward l-użu ta' prattiki organizzattivi li jistimulaw l-użu u l-iżvilupp tal-ħiliet, kif ukoll fuq is-sostenn tal-gvernijiet nazzjonali u s-sħab soċjali fl-iżvilupp ta' networks u strutturi ta' appoġġ biex jagħtu pariri lill-organizzazzjonijiet dwar l-aktar kombinamenti xierqa ta' prattiki fuq il-post tax-xogħol għaċ-ċirkustanzi tagħhom;

28. Jitlob li jiġu ffaċilitati r-rikonoxximent, il-validazzjoni u l-portabbiltà tal-kisbiet fil-qasam tat-tagħlim mhux formali u informali, inklużi dawk żviluppati f'forom ta' impjieg abilitati diġitalment bħal xogħol fuq pjattaforma diġitali;

29. Jitlob miżuri Ewropej nazzjonali, reġjonali u lokali immedjati u kuraġġużi, mekkaniżmi ta' evalwazzjoni u riżorsi biex il-ħiliet diġitali jitqiegħdu fil-qalba tal-politiki tal-edukazzjoni u t-taħriġ, filwaqt li jiġi ssalvagwardjat livell għoli ta' qari u ta' ħiliet matematiċi fost l-istudenti, fejn il-ħiliet diġitali, l-għodod tal-IT u l-aċċess għall-internet isiru disponibbli għal kulħadd, jittejbu l-ħiliet diġitali tal-għalliema u l-ħarrieġa, u l-iskejjel, l-istituzzjonijiet ta' taħriġ, il-fornituri tal-VET u l-organizzazzjonijiet attivi fil-qasam tal-edukazzjoni għall-adulti u l-universitajiet jiġu mgħammra bi pjattaformi ta' tagħlim online pubbliċi u indipendenti, b'teknoloġiji oħra u bl-infrastruttura diġitali meħtieġa li tippermetti t-tagħlim online u mill-bogħod, kif ukoll it-tagħlim imħallat; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq l-importanza ta' approċċ ġenwin ta' tagħlim tul il-ħajja; jappoġġja l-azzjonijiet ippjanati mill-Kummissjoni kif stipulati fl-Aġenda għall-Ħiliet u fil-Pjan għall-Edukazzjoni Diġitali 2021-2027, u jitlob li jkun hemm aktar kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri f'dan il-qasam; jissottolinja l-importanza ta' inċentivi għall-iżvilupp ta' kontenut ta' tagħlim diġitali u ta' moduli tal-kurrikuli ewlenin f'konformità mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, b'enfasi fuq il-ħiliet diġitali u ekoloġiċi, inkluż permezz ta' pjattaformi ta' taħriġ online;

30. Jiddeplora l-fatt li fl-Ewropa għad hemm tfal mingħajr aċċess għall-edukazzjoni, kif ukoll studenti mingħajr aċċess jew aċċess adegwat għall-edukazzjoni diġitali minħabba nuqqas ta' tagħmir diġitali, software jew konnessjoni tal-internet, jew inkella dawn ikunu inadegwati; itenni l-ħtieġa li tittejjeb il-konnettività fil-livelli kollha, b'mod partikolari f'żoni rurali u remoti fejn spiss tkun nieqsa, u li jiżdied l-aċċess għat-tagħmir diġitali; jiġbed l-attenzjoni għall-innovazzjoni mill-aktar avvanzata f'kompjuters, tablets u software edukattivi fl-Ewropa;

31. Jissottolinja li l-konsegwenzi tal-COVID-19 joffru opportunità unika biex tiġi aċċellerata r-rivoluzzjoni diġitali u teknoloġika fit-tagħlim tul il-ħajja, li tista' tkisser l-ostakli fiżiċi, fejn possibbli, u żżid b'mod sinifikanti l-ilħuq u l-impatt tagħha; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-fornituri tal-edukazzjoni biex iżidu l-opportunitajiet ta' tagħlim mingħajr post, li jippermetti li studenti f'żoni remoti u rurali jew inkella barra mill-pajjiż jaċċessaw korsijiet madwar l-UE mingħajr restrizzjonijiet ta' lok;

32. Jisħaq li għandhom jiġu żviluppati u implimentati miżuri Ewropej u nazzjonali, inklużi programmi edukattivi u investimenti mmirati, bl-għan aħħari li tiġi żgurata t-tħejjija taċ-ċittadini għal impjiegi futuri li jirrikjedu ħiliet diġitali, u dan sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tat-tranżizzjoni diġitali fis-suq tax-xogħol tal-UE u jkun possibbli li l-kumpaniji jagħmlu użu sħiħ mill-metodi ta' ħidma ġodda, bħat-telexogħol;

33. Jindika l-ħtieġa li tiġi ċċarata aktar l-inizjattiva tal-Universitajiet Ewropej u l-ambizzjoni tagħha li tistabbilixxi standards għall-edukazzjoni għolja fl-UE; itenni li kooperazzjoni ta' suċċess bejn l-universitajiet dejjem kienet tiddependi minn approċċ minn isfel għal fuq, mill-indipendenza u mill-eċċellenza akkademika, u li l-proċess ta' Bolonja huwa għodda importanti għall-kooperazzjoni universitarja fl-UE u lil hinn minnha;

34. Josserva li t-tranżizzjoni ekoloġika hija motivatur importanti tad-domanda għall-ħaddiema fis-setturi kollha u tista' toħloq miljuni ta' impjiegi; ifakkar li tranżizzjoni b'suċċess lejn ekonomija ekoloġika jeħtieġ li timxi id f'id ma' miżuri ta' taħriġ tal-ħiliet, taħriġ mill-ġdid u taħriġ ta' aġġornament biex jiġu żviluppati l-ħiliet, l-għarfien u l-kompetenza meħtieġa minn ekonomija ekoloġika; jilqa' f'dan ir-rigward l-azzjonijiet tal-Kummissjoni biex jiġi appoġġjat l-akkwist ta' ħiliet għat-tranżizzjoni ekoloġika; jitlob azzjoni rapida biex jiġu evitati restrizzjonijiet fil-ħiliet f'dan il-qasam u biex l-UE tkun tista' tibqa' mexxejja globali fl-ekonomija ekoloġika; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali biex jintegraw l-iżvilupp sostenibbli u l-kompetenzi u l-ħiliet ambjentali fis-sistemi ta' taħriġ u edukattivi;

35. Jenfasizza li l-mobbiltà tal-istudenti u tal-għalliema hija waħda mill-għodod prinċipali għall-iskambju tal-ideat u tal-aħjar prattiki, kif ukoll għaż-żieda fil-kwalità tat-taħriġ fil-ħiliet madwar l-Unjoni; jinsisti li din il-mobbiltà għandha tkun aċċessibbli u inklużiva; josserva li, filwaqt li l-mobbiltà fiżika dejjem għandu jkollha rwol primarju, it-tagħlim virtwali se jsir dejjem aktar importanti bħala komplement, u kif jidher mill-miżuri tal-COVID-19, anke bħala sostitut in extremis;

36. Josserva li l-ħiliet kreattivi u artistiċi huma essenzjali għall-ekonomija, u jitlob l-introduzzjoni ta' approċċ aktar orizzontali fl-Aġenda għall-Ħiliet sabiex dawn jiġu inklużi fil-kurrikuli kollha;

37. Jisħaq li l-implimentazzjoni tal-Aġenda għall-Ħiliet tirrikjedi finanzjament xieraq fil-livell Ewropew, nazzjonali u lokali; jistenna li l-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027 u Next Generation EU jipprovdu riżorsi miżjuda b'mod sinifikanti għall-iżvilupp tal-ħiliet; ifakkar li r-responsabbiltà prinċipali għat-taħriġ ta' aġġornament u t-taħriġ mill-ġdid hija tal-Istati Membri u tal-kumpaniji, u għalhekk jappella biex l-Istati Membri jinvestu aktar fil-baġits għall-iżvilupp tal-ħiliet u l-edukazzjoni, billi investiment importanti fil-kapital uman huwa essenzjali biex jiġu żgurati l-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza;

38. Jissottolinja l-importanza ta' programmi u strumenti bħal Erasmus+, Orizzont Ewropa, il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, Ewropa Kreattiva, il-Programm Ewropa Diġitali u l-Garanziji għaż-Żgħażagħ u t-Tfal fl-appoġġ mogħti liż-żgħażagħ u lill-adulti biex jiksbu l-kompetenzi ġodda u l-ħiliet ta' kwalità meħtieġa fl-ekonomija diġitali u ekoloġika u fid-dinja tax-xogħol, kif ukoll fl-għoti ta' opportunitajiet ta' mobbiltà għat-tagħlim; jitlob li l-potenzjal ta' dawn il-programmi jiġi esplorat b'mod kontinwu mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri sabiex titrawwem korrelazzjoni permanenti tal-ħiliet mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol;

39. Jenfasizza l-opportunitajiet potenzjali offruti mill-programm Erasmus+ speċjalment fil-qasam tal-edukazzjoni għall-adulti, u l-ħtieġa li tingħata spinta għall-baġit tiegħu għall-2021-2027;

40. Jistieden lill-Istati Membri jipprijoritizzaw it-taħriġ mill-ġdid u t-taħriġ ta' aġġornament fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tagħhom; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-FSE+ ikollhom biżżejjed finanzjament u li jappoġġjaw il-pjanijiet integrati fil-livell lokali biex jingħata għajnuna għat-taħriġ ta' aġġornament u t-taħriġ mill-ġdid, speċjalment għall-gruppi l-aktar vulnerabbli –  inklużi persuni f'riskju li jsiru qiegħda – biex jiġi żgurat li kull persuna f'setturi vulnerabbli tku tista' terġa' tikkwalifika u tiżviluppa ħiliet ġodda biex tibqa' attiva fis-suq tax-xogħol u tibbenefika mit-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali; jindika l-potenzjal ta' kontijiet individwali tal-apprendiment, mekkaniżmu ta' finanzjament ewlieni għall-implimentazzjoni tal-Aġenda għall-Ħiliet, bħala pass lejn intitolamenti universali għat-tagħlim tul il-ħajja;

41. Jissottolinja li l-gwida vokazzjonali u għall-karriera hija kruċjali biex jiġu appoġġjati għażliet motivati u intelliġenti għall-karriera, u jiġi evitat li l-istudenti jitilqu kmieni mill-edukazzjoni u mit-taħriġ, kif ukoll li l-appoġġ matul l-istudji u t-taħriġ huwa wkoll kruċjali għal perkors ta' tagħlim u żvilupp tal-ħiliet li jirnexxi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw id-disponibbiltà ta' din il-gwida għaż-żgħażagħ li tkun tinkludi l-iżvilupp ta' ħiliet intraprenditorjali;

42. Jissottolinja l-importanza għal investiment f'taħriġ formali u informali u fit-tagħlim tul il-ħajja sabiex jiġu żgurati taħriġ u tranżizzjonijiet tal-forza tax-xogħol ġusti, u l-promozzjoni tat-taħriġ u t-tagħlim matul il-ħinijiet tax-xogħol;

43. Josserva li s-sors prinċipali ta' finanzjament tal-UE għall-edukazzjoni huwa l-Fond Soċjali Ewropew+, u jisħaq fuq l-importanza li jiġi żgurat li dawn il-fondi jibqgħu disponibbli għal dan il-għan, speċjalment fi żminijiet ta' kriżi;

44. Jitlob li jiġu stabbiliti politiki dwar il-liv bi ħlas għall-edukazzjoni f'konformità mal-Konvenzjoni tal-ILO dwar il-Liv bi Ħlas għall-Edukazzjoni, li tippermetti li l-ħaddiema jattendu programmi ta' taħriġ matul il-ħinijiet tax-xogħol u mingħajr spejjeż personali, sabiex jiġi promoss it-tagħlim tul il-ħajja;

45. Jissottolinja l-ħtieġa ta' strateġiji ta' edukazzjoni, sensibilizzazzjoni, gwida u motivazzjoni, kif ukoll sistemi ta' tagħlim tul il-ħajja, li jkunu ta' kwalità tajba u inklużivi, flessibbli u aċċessibbli għal kulħadd, sabiex jiġu promossi l-kompetittività fis-suq tax-xogħol, l-inklużjoni soċjali u l-opportunitajiet indaqs; jistieden lill-Kummissjoni u b'mod partikolari lill-Istati Membri jiżguraw aċċess ugwali għal edukazzjoni ta' kwalità, u biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għal programmi ta' kwalità għolja għall-iżvilupp tal-ħiliet għal studenti adulti, inklużi adulti b'livell baxx ta' kwalifiki u b'livell baxx ta' ħiliet, kif ukoll gruppi żvantaġġati u ċittadini vulnerabbli bħal persuni b'diżabilità, persuni anzjani, persuni mingħajr dar, NEETs u persuni bi sfond ta' migrazzjoni; jissottolinja l-ħtieġa li titqajjem sensibilizzazzjoni dwar l-importanza tal-iżvilupp tal-ħiliet matul il-ħajja għall-benefiċċju individwali, ekonomiku u soċjali; iħeġġeġ l-involviment ta' partijiet ikkonċernati fl-edukazzjoni, inklużi s-servizzi soċjali, is-soċjetà ċivili u fornituri ta' edukazzjoni mhux formali, biex jiġu identifikati u jintlaħqu dawk li jkunu l-aktar imbiegħda mis-suq tax-xogħol; jissottolinja l-ħtieġa ta' soluzzjonijiet lokali innovattivi biex jitqies mill-ġdid kif għandhom jiġu indirizzati d-diskrepanza fil-ħiliet u n-nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet;

46. Jissottolinja li l-potenzjal tal-parteċipanti fl-edukazzjoni jista' jingħata spinta permezz tal-prattika, u f'dan il-kuntest jisħaq fuq l-importanza li tiżdied l-influwenza tal-impjegaturi fuq il-mudell għas-sistema ta' edukazzjoni vokazzjonali; jenfasizza li l-impjegaturi għandu jkollhom rwol importanti fl-għoti ta' opportunitajiet lill-għalliema u l-ħarrieġa, ta' internships fl-intrapriżi, u b'hekk jikkontribwixxu biex jiżdiedu l-kompetenzi professjonali tal-għalliema u tal-ħarrieġa; jitlob kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn in-negozju u l-edukazzjoni fil-livelli kollha billi jiġu pprovduti programmi ta' internship u apprendistat fil-kumpaniji għall-istudenti tal-VET;

47. Jisħaq fuq l-importanza li jintlaħqu persuni f'żoni rurali u remoti u li l-opportunitajiet għat-taħriġ ta' aġġornament u t-taħriġ mill-ġdid isiru aktar aċċessibbli u mfassla għall-persuni li jaħdmu fl-agrikoltura, fis-sajd, fil-forestrija u f'impjiegi oħra f'dawn ir-reġjuni, kif ukoll li dawn jingħataw il-ħiliet ekoloġiċi, diġitali u dawk kollha meħtieġa biex jaħtfu aħjar l-opportunitajiet attwali u futuri offruti mill-ekonomija ekoloġika u blu, u biex ikunu jistgħu jagħtu kontribut importanti għall-preservazzjoni tal-ambjent;

48. Ifakkar li l-programmi barra mill-iskola u t-tagħlim mhux formali u informali, inklużi attivitajiet ta' volontarjat, huma importanti biex jiġu pprovduti opportunitajiet ta' tagħlim adattabbli u ħiliet u għarfien ġodda lill-maġġoranza tal-persuni li ma jistgħux jintlaħqu mill-edukazzjoni formali;

49. Jissottolinja l-ħtieġa li tiżdied l-attraenza tal-professjoni tat-tagħlim u li l-istatus soċjali għoli tal-għalliema jiġi ttrattat bħala direzzjoni strateġika għal azzjoni f'pajjiżi individwali tal-UE; jisħaq li l-attrazzjoni tal-aħjar kandidati għall-professjoni tat-tagħlim, flimkien mat-titjib tal-kwalifiki u t-taħriġ ta' aġġornament tal-għalliema esperjenzati għandhom jiġu ttrattati bħala prijorità mill-Kummissjoni u l-Istati Membri;

50. Jissottolinja li l-kompetenza prinċipali għat-taħriġ ta' aġġornament u għat-taħriġ mill-ġdid hija tal-Istati Membri; jemmen li sabiex jinkisbu t-tranżizzjonijiet tewmin ekoloġiċi u diġitali, hemm opportunità u benefiċċju reali għall-iżvilupp ta' punt uniku ta' servizz pan-UE għall-ħiliet ta' teknoloġija avvanzata li jikkoordina l-aħjar prattika, it-taħriġ ta' aġġornament u t-taħriġ mill-ġdid ta' teknoloġija avvanzata mmexxija mill-industrija, u li jkun immotivat mid-data biex jiġu ddeterminati l-ħtiġijiet b'rabta mal-ħiliet madwar l-UE;

51. Jisħaq fuq l-importanza ta' ħiliet trażversali, interpersonali u interkulturali, minbarra ħiliet diġitali u tekniċi, fl-iżgurar ta' edukazzjoni sħiħa għall-individwi, fl-indirizzar tal-isfidi globali attwali u futuri, u fl-appoġġ mogħti lit-tranżizzjoni diġitali u dik ekoloġika, li jagħmluhom aktar inklużivi u ġusti;

52. Josserva l-azzjonijiet ippjanati mill-Kummissjoni biex tippromwovi l-Ħiliet għall-Ħajja, b'mod partikolari l-aġġornament tal-Aġenda Ewropea għat-Tagħlim tal-Adulti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tapprofondixxi din l-enfasi billi tintegra l-ħiliet għall-ħajja fis-setturi kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ; jisħaq li l-ħiliet għall-ħajja għandhom jiġu mifhuma wkoll barra mill-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol; jissottolinja li ċ-ċittadini kollha għandu jkollhom aċċess għal ħiliet għall-iżvilupp personali, sabiex tissaħħaħ il-pożizzjoni tagħhom fis-soċjetajiet tal-lum li qed jinbidlu malajr; ifakkar li dan huwa partikolarment importanti biex tiġi appoġġjata r-reżiljenza taċ-ċittadini fi żminijiet ta' kriżi, meta trid tingħata attenzjoni wkoll għall-benessri; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu attenzjoni speċifika għall-iżvilupp ta' ħiliet personali bħal ħiliet analitiċi, intelliġenza emozzjonali, tmexxija, ħiliet intraprenditorjali u finanzjarji, tisħiħ tal-pożizzjoni, ħidma f'tim, komunikazzjoni, kooperazzjoni, responsabbiltà, adattabbiltà, kreattività, innovazzjoni, ħsieb kritiku u ħiliet lingwistiċi, li se jsiru saħansitra aktar importanti għaċ-ċittadinanza attiva u d-dinja tax-xogħol wara l-COVID-19;

53. Jindika li f'soċjetà li qed tixjieħ, huwa kruċjali li jiġi żgurat it-tagħlim tul il-ħajja, filwaqt li l-kultura tat-tagħlim tul il-ħajja tiġi enfasizzata minn età żgħira sa età akbar; ifakkar li l-ġlieda kontra l-qgħad fost l-anzjani fl-UE tibqa' importanti; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu aktar attenzjoni lill-ħaddiema ta' età akbar u biex jiżguraw li dawn ikunu jistgħu jipparteċipaw fi programmi individwalizzati ta' taħriġ ta' aġġornament u ta' taħriġ mill-ġdid li jippermettulhom jadattaw għall-ħtiġijiet tal-ħiliet li qed jinbidlu, u b'hekk jibqgħu attivi fis-suq tax-xogħol għal aktar żmien, igawdu minn kwalità tajba tal-ħajja u minn livell ta' indipendenza suffiċjenti; jissottolinja li għandha tingħata attenzjoni speċjali għat-titjib tal-ħiliet u t-teknoloġiji diġitali, li jistgħu joffru metodi u opportunitajiet ġodda għall-edukazzjoni tal-adulti u tal-anzjani wkoll, kif ukoll għall-għoti ta' garanzija ta' aċċess għall-internet u t-titjib tal-infrastruttura diġitali, b'mod partikolari f'żoni rurali u remoti; josserva, f'dan ir-rigward, ir-rwol taċ-ċentri komunitarji, il-libreriji u s-soluzzjonijiet ta' tagħlim mill-bogħod imfassla apposta sabiex it-tagħlim tul il-ħajja jsir aktar aċċessibbli għall-anzjani; jissottolinja li l-ġenerazzjonijiet aktar anzjani huma wkoll riżorsa prezzjuża minħabba l-esperjenza tagħhom, li għandhom ikunu mħeġġa jikkondividu biex jiżdiedu l-ħiliet f'ġenerazzjonijiet iżgħar ta' ħaddiema;

54. Jissottolinja l-ħtieġa li jiżdied l-għadd ta' tfal taħt l-età ta' 3 snin fl-edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal (ECEC), u li jkun hemm enfasi akbar fuq l-iżvilupp mill-ewwel snin tal-ħajja tat-tfal, il-ħiliet ta' riċerka u approċċ kreattiv għat-tagħlim dwar id-dinja; jindika li l-bidu bikri tal-edukazzjoni preprimarja għandu impatt sinifikanti fuq il-ksib ta' eżiti aħjar fl-istadji aktar tardivi tal-edukazzjoni, u li l-iżbilanċ fil-parteċipazzjoni fl-ECEC jista' jikkontribwixxi għad-differenzi fl-opportunitajiet u fl-attivitajiet edukattivi disponibbli tat-tfal mill-istadji l-aktar bikrija tal-iżvilupp;

55. Jenfasizza l-ħtieġa ta' implimentazzjoni rapida tal-azzjonijiet imħabbra mill-Kummissjoni biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet b'rabta mal-ħiliet tas-suq tax-xogħol u biex jingħata kontribut għal irkupru rapidu mill-kriżi tal-COVID-19; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi skeda ta' żmien ċara tal-azzjonijiet previsti;

56. Jissottolinja l-ħtieġa ta' soluzzjonijiet immirati biex jippermettu li kumpaniji u impjegaturi privati jħeġġu u jappoġġjaw taħriġ fuq il-post tax-xogħol u liv għat-taħriġ, inkluż billi jeżaminaw vawċers għat-taħriġ jew ir-rikonoxximent awtomatiku tal-ħiliet miksuba fuq ix-xogħol; ifakkar fl-importanza strateġika ta' inizjattivi bħal EuroSkills u WorldSkills, li huma eżempji mudell tal-bini ta' sħubiji bejn l-intrapriżi, il-gvern, l-awtoritajiet reġjonali u dawk edukattivi; jitlob li jiġi appoġġjat l-iżvilupp ulterjuri tal-inizjattiva EuroSkills permezz tal-finanzjament ta' proġetti konġunti, l-iskambju tal-esperjenzi, il-bini tal-potenzjal tal-istituzzjonijiet li jipprovdu taħriġ għall-ħtiġijiet ta' EuroSkills, il-ħolqien ta' klassijiet master ta' EuroSkills, kampusijiet tal-industrija għaż-żgħażagħ b'talent, u sistema ta' taħriġ għall-ħarrieġa u l-esperti fl-industrija;

57. Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

 

Aġġornata l-aħħar: 11 ta' Frar 2021
Avviż legali - Politika tal-privatezza