MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sikurezza tal-impjant tal-enerġija nukleari f'Ostrovets, il-Belarussja
3.2.2021 - (2021/2511(RSP))
skont l-Artikolu 136(5) tar-Regoli ta' Proċedura
Cristian‑Silviu Buşoi
f'isem il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija
B9‑0109/2021
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sikurezza tal-impjant tal-enerġija nukleari f'Ostrovets, il-Belarussja
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-10 u l-11 ta' Diċembru 2020,
– wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar is-sikurezza tal-impjant tal-enerġija nukleari f'Ostrovets, il-Belarussja (O-000004/2021 – B9‑0000/2021),
– wara li kkunsidra r-Regoli 136(5) u 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija,
A. billi s-sikurezza nukleari hija prijorità ewlenija għall-Unjoni Ewropea kemm fil-fruntieri esterni tagħha kif ukoll lil hinn minnhom;
B. billi l-Grupp ta' Regolaturi Ewropew dwar is-Sikurezza Nukleari (ENSREG) jiġbor flimkien l-għarfien espert estensiv miksub mir-rieżami bejn il-pari tal-impjanti tal-enerġija nukleari li jinsabu kemm fl-UE kif ukoll barra minnha;
C. billi tim ta' rieżami bejn il-pari tal-ENSREG żar il-Belarussja u l-impjant tal-enerġija nukleari ta' Ostrovets f'Marzu 2018, wara l-attivitajiet preparatorji meħtieġa, inkluż il-wasla tat-tweġibiet għall-mistoqsijiet bil-miktub tat-tim ta' rieżami bejn il-pari, u ippubblika r-rapport finali tiegħu f'Lulju 2018;
D. billi l-ENSREG talab lill-awtoritajiet Belarussi jiżviluppaw Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali, sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni f'waqtha tar-rakkomandazzjonijiet kollha dwar it-titjib tas-sikurezza identifikati fir-rapport ta' rieżami bejn il-pari, soġġett għal rieżami indipendenti futur kif inhu l-każ għall-pajjiżi kollha tal-UE u dawk mhux tal-UE li jipparteċipaw fil-proċess tat-test tal-istress;
E. billi l-Belarussja ppubblikat il-Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali tagħha f'Awwissu 2019 iżda qablet biss ma' rieżami bejn il-pari ulterjuri mill-ENSREG f'Ġunju 2020, wara li sarulha talbiet ripetuti u pressjoni konsiderevoli ta' livell għoli min-naħa tal-UE;
F. billi dan il-proċess ulterjuri ta' rieżami bejn il-pari għadu għaddej u l-ENSREG se jlesti u jippubblika s-sejbiet tiegħu fix-xhur li ġejjin, u għandu l-għan li jkollu rapport preliminari maħruġ mill-ENSREG u trażmess lill-Belarussja qabel il-bidu kummerċjali tal-impjant, li huwa ppjanat għal Marzu 2021 mill-awtoritajiet Belarussi;
G. billi l-impjant beda jiġġenera l-elettriku fit-3 ta' Novembru 2020 minkejja t-tħassib multiplu dwar is-sikurezza u mingħajr evidenza tal-livell ta' implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet mir-rieżami bejn il-pari tal-UE tal-2018 u mill-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA);
H. billi l-bidu fiżiku tal-impjant twettaq fin-nuqqas ta' liċenzja operattiva, peress li l-proċedura ta' liċenzjar inbidlet f'Lulju 2020;
I. billi l-kummerċ tal-elettriku bejn il-Belarussja u l-UE waqaf fit-3 ta' Novembru 2020, meta l-impjant ta' Ostrovets ġie konness mal-grilja tal-elettriku, wara d-deċiżjoni konġunta tal-Istati Baltiċi f'Awwissu 2020 li jwaqqfu l-iskambji kummerċjali tal-elettriku mal-Belarussja ladarba l-impjant ta' Ostrovets jibda jipproduċi l-elettriku;
1. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-pożizzjoni ġeografika tal-impjant tal-enerġija nukleari ta' Ostrovets, li jinsab 50 km 'l bogħod minn Vilnius (il-Litwanja) u qrib ħafna ta' pajjiżi oħra tal-UE bħall-Polonja, il-Latvja u l-Estonja;
2. Jiddeplora l-fatt li l-proġett qed jiġi implimentat minkejja l-protesti taċ-ċittadini Belarussi, u li l-membri tal-NGOs Belarussi li qed ifittxu li jqajmu kuxjenza dwar il-kostruzzjoni tal-impjant f'Ostrovets ġew ippersegwitati u arrestati illegalment;
3. Jinnota bi tħassib li l-impjant qed jiġi mħaddem bħala proġett ġeopolitiku tal-Belarussja u r-Russja u li l-bini u l-operazzjoni futura tiegħu huma sors ta' theddida possibbli għall-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha fir-rigward tas-sikurezza, is-saħħa u l-protezzjoni tal-ambjent;
4. Jibqa' mħasseb dwar l-ikkommissjonar mgħaġġel ta' impjant tal-enerġija nukleari li ma jikkonformax mal-ogħla standards internazzjonali ambjentali u tas-sikurezza nukleari, inkluż mar-rakkomandazzjonijiet tal-IAEA;
5. Jiddeplora n-nuqqas persistenti ta' trasparenza u ta' informazzjoni uffiċjali rigward l-għeluq ta' emerġenza rikorrenti tar-reattur u l-ħsara fit-tagħmir matul l-istadju tal-ikkommissjonar tal-impjant fl-2020, inkluża l-ħsara f'erba' transformers tal-vultaġġ u l-funzjonament ħażin tas-sistemi ta' tkessiħ, filwaqt li kien hemm tmien inċidenti magħrufa matul l-istadju ta' kostruzzjoni tal-impjant, inklużi żewġ inċidenti relatati mar-reċipjent taħt pressjoni tar-reattur;
6. Jinnota li r-rieżami bejn il-pari tal-UE fl-2018 żvela bosta nuqqasijiet u li għadd limitat biss tar-rakkomandazzjonijiet tiegħu ġew irrappurtati li ġew implimentati s'issa, u li dik l-implimentazzjoni jeħtieġ li tiġi vverifikata mill-esperti tal-UE;
7. Jinnota li l-kwantità u l-frekwenza tal-inċidenti ta' sikurezza jqajmu tħassib kbir rigward l-assigurazzjoni u l-kontroll ħżiena tal-kwalità fl-istadji tad-diżinn tal-impjant, il-fażijiet tal-manifattura u l-assemblaġġ u s-sikurezza operattiva baxxa tiegħu, li jeħtieġ li jiġu indirizzati b'mod xieraq fir-rieżami bejn il-pari tal-UE;
8. Iħeġġeġ lill-Belarussja tiżgura rispett sħiħ għall-istandards internazzjonali tas-sikurezza nukleari u ambjentali, u kooperazzjoni trasparenti, inklużiva u kostruttiva mal-awtoritajiet internazzjonali mingħajr aktar dewmien; jistieden lill-Belarussja twaqqaf l-applikazzjoni selettiva tal-istandards tal-IAEA u tar-rakkomandazzjonijiet tar-rieżami bejn il-pari;
9. Jinnota li l-istandards tas-sikurezza nukleari għandhom jingħataw l-ogħla prijorità mhux biss matul l-ippjanar u l-kostruzzjoni iżda wkoll matul l-operazzjoni tal-impjant tal-enerġija nukleari, u għandhom jiġu ssorveljati b'mod kostanti minn regolatur indipendenti;
10. Jinsab imħasseb li l-awtorità regolatorja attwali fil-Belarussja (Gosatomnadzor — Department of Nuclear and Radiation Safety of the Ministry for Emergency Situations — Department of Nuclear and Radiation Safety of the Ministry for Emergency Situations) tinsab taħt pressjoni politika kostanti u hija nieqsa minn indipendenza suffiċjenti kemm fil-forma kif ukoll fis-sustanza; jenfasizza, għalhekk, li rieżami trasparenti u b'reqqa bejn il-pari huwa kruċjali wkoll matul il-fażi operattiva tal-impjant;
11. Jinnota d-deċiżjoni tal-partijiet għall-Konvenzjoni tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (UNECE) dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali f'Kuntest Transkonfinali (il-Konvenzjoni Espoo) tal-11 ta' Diċembru 2020 dwar il-konformità tal-Belarussja mal-obbligi tagħha skont il-konvenzjoni fir-rigward tal-impjant tal-enerġija nukleari Belarussu f'Ostrovets, u jħeġġeġ lill-Belarussja tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tal-Konvenzjoni ta' Espoo;
12. Jenfasizza l-ħtieġa li tinbena u tinżamm sistema ta' twissija bikrija għall-kejl tar-radjazzjoni fil-pajjiżi tal-UE li jinsabu qrib l-impjant;
13. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Belarussi jikkooperaw bis-sħiħ mal-ENSREG fil-proċess tat-test tal-istress, inkluż rieżami formali u implimentazzjoni urġenti tal-Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali tal-Belarussja;
14. Jiddispjaċih li missjoni ta' rieżami bejn il-pari tal-ENSREG fl-impjant ta' Ostrovets, li oriġinarjament kienet ippjanata li ssir f'Diċembru 2020, kellha tiġi kkanċellata minħabba raġunijiet organizzattivi min-naħa tal-ospitant kif ukoll minħabba l-pandemija tal-COVID-19;
15. Jilqa' l-ewwel fażi tar-rieżami bejn il-pari attwali tal-UE li tikkonsisti fi żjara fuq il-post fil-bidu ta' Frar 2021; jenfasizza l-importanza tat-tlestija f'waqtha tal-proċess ta' rieżami bejn il-pari u l-pubblikazzjoni tas-sejbiet tiegħu, u li tal-anqas rapport preliminari għandu jiġi trażmess lill-Belarussja qabel Marzu 2021, li hija d-data tal-bidu kummerċjali tal-impjant ippjanat mill-awtoritajiet Belarussi; jinnota li l-kwistjonijiet kollha ta' sikurezza huma ugwalment importanti u jridu jiġu indirizzati qabel il-bidu kummerċjali tal-impjant;
16. Jiddispjaċih ħafna dwar il-bidu kummerċjali mgħaġġel tal-impjant f'Marzu 2021, u jenfasizza li r-rakkomandazzjonijiet kollha dwar is-sikurezza tal-ENSREG iridu jiġu implimentati qabel ma l-impjant tal-enerġija nukleari jkun jista' jibda l-operazzjonijiet kummerċjali tiegħu; iħeġġeġ lill-Kummissjoni taħdem mill-qrib mal-awtoritajiet Belarussi sabiex tissospendi l-proċess tal-bidu sakemm ir-rakkomandazzjonijiet kollha tat-testijiet tal-istress tal-UE jiġu implimentati bis-sħiħ u sakemm ikun hemm fis-seħħ kull titjib tas-sikurezza meħtieġ, u wara li s-soċjetà Belarussa u l-pajjiżi ġirien ikunu ġew infurmati kif xieraq dwar il-miżuri meħuda;
17. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-ENSREG ikomplu b'rieżami bejn il-pari trasparenti u b'reqqa tal-impjant, biex jinsistu dwar l-implimentazzjoni immedjata tar-rakkomandazzjonijiet kollha u biex jiżguraw monitoraġġ effettiv tal-proċess ta' implimentazzjoni, inklużi żjarat regolari mit-tim ta' rieżami bejn il-pari fis-sit ta' Ostrovets, inkluż matul l-operazzjoni tal-faċilità; jenfasizza f'dan ir-rigward l-importanza ta' kooperazzjoni effikaċi mal-IAEA;
18. Jinnota li, minkejja l-ftehim komuni bejn il-pajjiżi Baltiċi biex jitwaqqfu l-iskambji kummerċjali tal-elettriku mal-Belarussja, għadu possibbli għall-elettriku mill-Belarussja li jidħol fis-suq tal-UE permezz tal-grilja Russa;
19. Ifakkar fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-10 u l-11 ta' Diċembru 2020, u jappoġġa l-isforzi biex issir investigazzjoni tal-miżuri possibbli għall-prevenzjoni tal-importazzjonijiet tal-elettriku kummerċjali minn faċilitajiet nukleari ta' pajjiżi terzi li ma jissodisfawx il-livelli ta' sikurezza rikonoxxuti tal-UE, inkluż l-impjant tal-enerġija nukleari f'Ostrovets;
20. Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta u tipproponi miżuri biex tissospendi l-kummerċ tal-elettriku mal-Belarussja b'mod li jkun konformi mal-obbligi skont id-dritt internazzjonali dwar il-kummerċ, l-enerġija u l-enerġija nukleari, sabiex jiġi żgurat li l-elettriku prodott fl-impjant ta' Ostrovets ma jidħolx fis-suq tal-enerġija tal-UE filwaqt li l-Estonja, il-Latvja u l-Litwanja jibqgħu konnessi man-network BRELL;
21. Jenfasizza l-importanza strateġika li tiġi aċċellerata s-sinkronizzazzjoni tan-network tal-elettriku Baltiku man-Network Kontinentali Ewropew, u jenfasizza li l-operazzjoni futura tal-impjant tal-enerġija nukleari ta' Ostrovets m'għandu bl-ebda mod ifixkel id-desinkronizzazzjoni tal-Estonja, il-Latvja u l-Litwanja min-network BRELL, u li l-Unjoni Ewropea għandha tkompli l-integrazzjoni tat-tliet Stati Baltiċi fil-grilja tal-elettriku tal-UE;
22. Jesprimi s-solidarjetà sħiħa tiegħu maċ-ċittadini tal-Belarussja u maċ-ċittadini tal-pajjiżi tal-UE li huma direttament ikkonċernati mill-kostruzzjoni u l-operazzjoni tal-impjant ta' Ostrovets u jitlob għal aktar involviment ta' livell għoli tal-UE u tal-istituzzjonijiet tagħha f'din il-kwistjoni ta' importanza Ewropea aħħarija;
23. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.