MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fil-Myanmar
8.2.2021 - (2021/2540(RSP))
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Urmas Paet, Malik Azmani, Izaskun Bilbao Barandica, Olivier Chastel, Dita Charanzová, Klemen Grošelj, Bernard Guetta, Svenja Hahn, Moritz Körner, Ilhan Kyuchyuk, Nathalie Loiseau, Javier Nart, Dragoș Pîslaru, Frédérique Ries, María Soraya Rodríguez Ramos, Michal Šimečka, Nicolae Ştefănuță, Dragoş Tudorache, Hilde Vautmans
f'isem il-Grupp Renew
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0116/2021
B9‑0122/2021
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Myanmar
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Myanmar u dwar is-sitwazzjoni tar-Rohingya, b'mod partikolari dawk tal-21 ta' Mejju 2015[1], tas-7 ta' Lulju 2016[2], tal-15 ta' Diċembru 2016[3], tal-14 ta' Settembru 2017[4], tal-14 ta' Ġunju 2018[5], tat-13 ta' Settembru 2018[6] u tad-19 ta'Settembru 2019[7],
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni / tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà Josep Borrell tal-1 ta' Frar 2021,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen tal-1 ta' Frar 2021,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-Segretarju Ġenerali tan-NU Antonio Guterres tat-Tnejn, l-1 ta' Frar 2021,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1949 u l-protokolli addizzjonali tagħha,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,
– wara li kkunsidra r-Regola 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi t-Tnejn, l-1 ta' Frar 2021, il-militar tal-Myanmar ħataf il-poter tal-pajjiż f'kolp ta' stat; billi l-mexxejja ċivili tal-pajjiż Aung San Suu Kyi u bosta personalitajiet oħra għolja tal-gvern inklużi Win Myint, Han Tha Myint u U Nyan Win ġew detenuti waqt il-kolp ta' stat; billi d-detenuti qed jinżammu fir-residenzi uffiċjali tagħhom fil-kapitali Naypyidaw;
B. billi l-armata ħabbret li l-poter ingħata lill-kap kmandant tal-forzi armati, Min Aung Hlaing, u li qed tiddikjara stat ta' emerġenza nazzjonali għal sena;
C. billi l-kolp ta' stat isegwi rebħa enormi mill-partit ta' Suu Kyi, il-Lega Nazzjonali għad-Demokrazija (NLD), fl-elezzjonijiet ta' Novembru 2020;
D. billi l-Partit tas-Solidarjetà u l-Iżvilupp tal-Unjoni (USDP) appoġġat mill-militar kellu riżultat fqir fl-elezzjoni u appella għal votazzjoni ġdida, billi allega kampanja inġusta min-naħa tal-partit rebbieħ;
E. billi Min Aung Hlaing se jwettaq investigazzjoni dwar l-irregolaritajiet fil-votazzjoni; billi l-militar iddikjara li se jsiru elezzjonijiet ġodda wara r-riżultati tal-kummissjoni elettorali; billi ma ssemmew l-ebda data jew perjodu speċifiku dwar meta se jsiru l-elezzjonijiet ġodda;
F. billi kien hemm interruzzjonijiet fuq skala wiesgħa fuq fl-internet u fl-aċċess għall-aħbarijiet madwar il-pajjiż, u dan jaffettwa l-kapaċità tan-nies li jiksbu informazzjoni jew jorganizzaw kwalunkwe rispons fuq il-midja soċjali; billi ġew implimentati restrizzjonijiet nazzjonali fuq il-midja soċjali, u t-televiżjoni xxandar esklussivament l-istazzjon televiżiv ta' Myawaddy li huwa proprjetà tal-militar;
G. billi kien hemm protesti kontra l-kolp ta' stat fil-Myanmar; billi l-militar ma jippermettix dimostrazzjonijiet b'appoġġ għall-NLD; billi l-militar jorganizza dimostrazzjonijiet b'appoġġ għall-militar;
H. billi Suu Kyi ġiet akkużata bi ksur tal-liġijiet dwar l-importazzjoni u l-esportazzjoni u l-pussess ta' mezzi ta' komunikazzjoni illegali; billi jidher li dan l-apparati ta' komunikazzjoni huma walkie-talkies;
I. billi Suu Kyi ġiet ikkritikata internazzjonalment talli naqset milli titkellem pubblikament dwar l-akkużi ta' ġenoċidju fil-konfront tal-Musulmani Rohingya fl-Istat tal-Punent ta' Rakhine; billi Suu Kyi kontinwament żammet mal-militar, filwaqt li sejħet l-akkużi "miżinformazzjoni";
J. billi l-gvern u l-militar issa qed jiffaċċjaw investigazzjoni fil-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja (QIĠ) dwar akkużi ta' ġenoċidju u investigazzjoni fil-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) dwar akkużi ta' delitti kontra l-umanità;
K. billi l-Myanmar jospita madwar 135 grupp etniku ewlieni u seba' stati minoritarji etniċi; billi aktar minn 100 lingwa huma mitkellma fil-Myanmar; billi l-gvernijiet u l-awtoritajiet attwali u preċedenti tal-Myanmar iddiskriminaw b'mod sistematiku kontra l-minoranzi fil-pajjiż; billi l-politiki uffiċjali rigward ċerti gruppi minoritarji ġew deskritti bħala apartheid u ġenoċidju; billi 2.6 miljuni votanti ta' minoranza etnika ġew esklużi milli jipparteċipaw fl-elezzjonijiet ta' Novembru 2020;
1. Jinsab estremament imħasseb dwar is-sitwazzjoni fil-Myanmar; iħeġġeġ lill-militar fil-Myanmar biex jeħles minnufih lill-politiċi kollha tal-NLD li bħalissa qed jinżammu taħt detenzjoni domiċiljari u biex jerġa' jinstalla lill-gvern elett demokratikament;
2. Huwa xxukkjat mir-rekord tal-militar tal-Myanmar; ifakkar fil-ksur gravi u kontinwu tad-drittijiet tal-bniedem li wettaq, il-metodi awtokratiċi ta' governanza tiegħu u r-restrizzjonijiet li impona fuq id-drittijiet tal-libertà ta' espressjoni, ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda paċifika;
3. Jinsisti fuq il-protezzjoni tad-dimostranti paċifiċi fil-Myanmar u jħeġġeġ lill-militar jippermetti protesti; jistieden lill-militar fil-Myanmar jeħles minnufih lil kwalunkwe priġunier politiku fil-pajjiż;
4. Jinsab estremament imħasseb dwar l-attakki fuq difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar; jitlob il-ħelsien tad-difensuri kollha tad-drittijiet tal-bniedem miżmuma fil-Myanmar;
5. Jistieden lill-Kunsill jimponi sanzjonijiet immirati kontra dawk responsabbli għall-kolp ta' stat u biex jikkunsidra miżuri oħra possibbli;
6. Jenfasizza li dan il-kolp ta' stat m'għandux ineħħi l-attenzjoni minn fuq il-prosekuzzjoni kriminali ta' dawk li huma responsabbli għall-attakki kontra l-popolazzjoni Rohingya u dawk fil-poter li ppermettew li l-qtil ikompli għaddej; itenni li l-ħidma tal-QKI għandha ssir b'mod imparzjali, irrispettivament mis-sitwazzjoni politika fil-post;
7. Jinsab imħasseb serjament dwar id-diskriminazzjoni konsistenti kontra diversi minoranzi fil-pajjiż, inkluża l-esklużjoni tagħhom mill-parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet; jinsisti li l-elezzjonijiet ma jistgħux u qatt m'għandhom jeskludu votanti abbażi tal-etniċità tagħhom;
8. Jinsab imħasseb serjament dwar l-interruzzjoni diġitali li kkawża l-militar biex tiġi limitata l-komunikazzjoni u l-informazzjoni tinżamm milli toħroġ mill-pajjiż; jappella b'urġenza għall-istabbiliment mill-ġdid immedjat tal-konnessjonijiet tal-internet u tat-telefown fil-pajjiż; iħeġġeġ lill-militar jiggarantixxi aċċess sħiħ għas-servizzi tal-internet u tat-telefown għaċ-ċittadini tiegħu, inklużi dawk li bħalissa jinsabu taħt detenzjoni domiċiljari; jinsisti dwar il-protezzjoni tal-libertà tal-espressjoni;
9. Jinsisti li l-NGOs, il-ġurnalisti u l-osservaturi indipendenti jingħataw aċċess sħiħ għall-pajjiż; jenfasizza l-ħtieġa li tingħata għajnuna umanitarja lil dawk l-aktar fil-bżonn; jistieden lill-militar jippermetti immedjatament li tiġi pprovduta għajnuna umanitarja fil-pajjiż kollu;
10. Itenni t-talba tiegħu għal sanzjonijiet immirati kontra dawk li huma responsabbli għal dak li jista' jikkostitwixxi atti ta' ġenoċidju kontra r-Rohingya; itenni ulterjorment l-appell tiegħu lill-awtoritajiet tal-Myanmar biex joħolqu kundizzjonijiet u garanziji għar-ritorn sikur, volontarju, dinjituż u sostenibbli, taħt is-sorveljanza tan-NU, ta' dawk ir-Rohingya li jixtiequ jirritornaw lura lejn l-art nattiva tagħhom; jissottolinja l-ħtieġa urġenti li jinbeda l-proċess tat-tneħħija tal-preferenzi kummerċjali tal-Myanmar taħt ir-reġim tal-UE "Kollox ħlief Armi" minħabba d-deterjorament kontinwu tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż;
11. Jenfasizza li dawk kollha li huma responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar jeħtieġ li jitressqu quddiem il-ġustizzja;
12. Ifaħħar lil dawk li tkellmu pubblikament kontra l-kolp ta' stat fil-Myanmar; jistieden lill-komunità internazzjonali tistitwixxi sanzjonijiet stretti ġodda kontra l-militar fil-Myanmar; ifaħħar lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti Antonio Guterres għall-kliem qawwi tiegħu dwar l-azzjonijiet tal-militar tal-Myanmar u jistieden lill-Kummissjoni, flimkien man-NU, tistinka biex tinstab soluzzjoni sostenibbli fil-Myanmar;
13. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Gvern u lill-Parlament tal-Myanmar, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri tal-UE, lis-Segretarju Ġenerali tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN), lill-Kummissjoni Intergovernattiva tal-ASEAN dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, lir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar, lill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati u lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU.