MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fil-Myanmar
8.2.2021 - (2021/2540(RSP))
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Ryszard Antoni Legutko, Raffaele Fitto, Anna Fotyga, Elżbieta Kruk, Tomasz Piotr Poręba, Elżbieta Rafalska, Veronika Vrecionová, Ryszard Czarnecki, Bogdan Rzońca, Assita Kanko, Adam Bielan, Ruža Tomašić, Eugen Jurzyca, Jadwiga Wiśniewska, Emmanouil Fragkos, Valdemar Tomaševski, Evžen Tošenovský, Witold Jan Waszczykowski
f'isem il-Grupp ECR
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0116/2021
B9-0125/2021
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar on the situation in Myanmar
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Myanmar,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) f'isem l-Unjoni Ewropea tat-2 ta' Frar 2021 dwar il-Myanmar,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-President tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN) tal-1 ta' Frar 2021 dwar l-iżviluppi fir-Repubblika tal-Unjoni tal-Myanmar,
– wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-4 ta' Frar 2021 dwar is-sitwazzjoni fil-Myanmar,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,
– wara li kkunsidra r-Regola 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi fl-1 ta' Frar 2021, jum qabel il-Parlament tal-Myanmar kien dovut għal ġurament fil-membri eletti fl-elezzjoni ġenerali ta' Novembru 2020, l-armata tal-Myanmar (Tatmadaw) wettqet kolp ta' stat u ddikjarat stat ta' emerġenza għal sena sħiħa fil-Myanmar;
B. billi mijiet ta' Membri tal-Parlament tqiegħdu taħt arrest domiċiljari u mill-inqas 147 persuna ġew detenuti sa mill-kolp ta' stat, inkluż il-President Win Myint, il-Kunsillier tal-Istat Aung San Suu Kyi, leġiżlaturi, mexxejja tal-partiti u uffiċjali mill-gvern imkeċċi; billi Aung San Suu Kyi ġiet akkużata b'pussess ta' walkie-talkies importati illegalment, li jista' jirriżulta f'sentenza ta' sentejn ħabs;
C. billi l-elezzjoni ġenerali tat-8 ta' Novembru 2020 irriżultat f'rebħa kbira għal-Lega Nazzjonali għad-Demokrazija (NLD), immexxija minn Aung San Suu Kyi; billi l-militar iġġustifika l-kontroll tiegħu billi akkuża lil-NLD bi frodi fl-elezzjoni ġenerali, permezz tal-Partit tal-Unjoni għas-Solidarjetà u l-Iżvilupp (USDP), allegazzjoni li ġiet miċħuda mill-osservaturi;
D. billi fit-2 ta' Frar 2021, il-ħaddiema tal-kura tas-saħħa u l-ħaddiema taċ-ċivil madwar il-pajjiż nedew kampanja nazzjonali ta' diżubbidjenza ċivili b'oppożizzjoni għall-kolp ta' stat; billi diversi dimostranti ġew arrestati; billi l-protesti ġeneralment paċifiċi żdiedu fin-numru u fl-iskala fil-Myanmar f'dawn l-aħħar jiem;
E. billi s-servizzi tal-internet u tat-televiżjoni ġew interrotti wara l-kolp ta' stat u, fl-4 ta' Frar 2021, l-armata tal-Myanmar ordnat lill-fornituri tas-servizzi tal-internet jimblukkaw l-aċċess għal diversi pjattaformi tal-midja soċjali f'tentattiv biex jiġu eliminati sinjali ta' dissidenza;
F. billi fil-5 ta' Frar 2021, it-Tatmadaw issikkat ir-repressjoni tagħha fuq dak li kien il-gvern ċivili, bl-arrest ta' Win Htein, mexxej għoli tal-partit NLD, fuq akkużi ta' sedizzjoni;
G. billi 12-il sena wara l-adozzjoni ta' kostituzzjoni ġdida u tliet elezzjonijiet regolari aktar tard, il-militar fil-Myanmar għad għandu kontroll sod fuq il-gvern tal-pajjiż; billi t-Tatmadaw hija istituzzjoni fiha nnifisha li lanqas biss hija nominalment responsabbli għat-tmexxija ċivili tal-pajjiż;
H. billi, mill-2017 'l hawn, aktar minn 700 000 Rohingya ħarbu mill-Myanmar għas-sikurezza tagħhom fil-Bangladesh wara r-repressjoni, il-vjolazzjonijiet serji kontinwi tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż il-każijiet ta' qtil fuq skala kbira, l-istupru u l-ħruq ta' villaġġi mwettqa mill-gruppi armati tal-Myanmar fl-Istat ta' Rakhine, li fih kienu jgħixu aktar minn miljun Rohingya; billi l-poplu Rohingya ilu uffiċjalment mingħajr stat sa mill-promulgazzjoni tal-liġijiet dwar iċ-ċittadinanza Burmiżi tal-1982, li jċaħħdu lir-Rohingya mid-drittijiet ċivili, politiċi u soċjoekonomiċi bażiċi bħal-libertà ta' moviment, il-parteċipazzjoni politika, l-impjieg u l-benesseri soċjali; billi Aung San Suu Kyi ffaċċjat kritika internazzjonali mifruxa li hija tbiegħdet mill-kredenzjali demokratiċi tagħha billi qablet mat-Tatmadaw dwar kwistjonijiet li jvarjaw mil-libertà tal-istampa għall-politika militari fl-indirizzar tar-Rohingya u minoranzi etniċi oħra;
I. billi minkejja l-implimentazzjoni tal-klawsola ta' salvagwardja fl-2019 u l-ksur kontinwu tad-drittijiet fundamentali, il-Myanmar żied l-esportazzjonijiet tar-ross tiegħu lejn l-UE, u dan ikkawża disturbi serji fis-suq;
1. Jikkundanna bil-qawwa l-kolp ta' stat mit-Tatmadaw fil-Myanmar; jistieden lill-militar jeħles minnufih u mingħajr kundizzjonijiet lill-President, lill-Kunsillier tal-Istat u lil dawk kollha li ġew arrestati, u jtemm immedjatament l-istat ta' emerġenza;
2. Jistieden lill-militar jeżerċita trażżin massimu, inkluż fir-rigward tad-dimostranti, jirrestawra t-telekomunikazzjonijiet, jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem, il-libertà ta' espressjoni, il-libertajiet fundamentali u l-istat tad-dritt, u jerġa' jistabbilixxi l-gvern ċivili;
3. Jenfasizza li kwalunkwe allegazzjoni ta' irregolaritajiet fil-votazzjoni għandha tiġi solvuta permezz tal-mezzi legali u amministrattivi xierqa;
4. Jappella lill-UE tkompli tappoġġa t-tranżizzjoni ċivili u demokratika tal-Myanmar, il-proċess ta' paċi u r-rikonċiljazzjoni nazzjonali tiegħu, u l-iżvilupp soċjoekonomiku inklużiv tiegħu; jemmen li s-setgħa garantita kostituzzjonalment lill-armata tostakola t-tranżizzjoni ulterjuri tal-Myanmar lejn demokrazija sħiħa;
5. Jinkoraġġixxi t-twettiq ta' djalogu u rikonċiljazzjoni f'konformità mar-rieda u l-interessi tal-poplu tal-Myanmar;
6. Itenni l-kundanna qawwija tiegħu tal-ksur kollu tad-drittijiet tal-bniedem fil-passat u fil-preżent, u tal-attakki sistematiċi u mifruxa, inklużi l-qtil, il-fastidju, l-istupru u l-qerda tal-proprjetà, id-delitti tal-gwerra u d-delitti kontra l-umanità, imwettqa mill-forzi armati kontra l-popolazzjoni Rohingya; jikkundanna d-diskriminazzjoni li għaddejja kontra r-Rohingya u r-restrizzjonijiet ħorox imposti fuq il-libertà ta' moviment tagħhom u l-privazzjoni tas-servizzi bażiċi tagħhom fil-Myanmar; jenfasizza li l-gvern jeħtieġlu jtemm l-ispostament sistematiku tal-poplu Rohingya minn djarhom u mill-komunitajiet tagħhom fl-Istat ta' Rakhine, kif ukoll dak ta' popli etniċi u reliġjużi oħra fi stati bħal Kachin u Shan, u li dawk kollha responsabbli jridu jitressqu quddiem il-ġustizzja;
7. Ifakkar li l-Myanmar jeħtieġlu jissodisfa l-obbligi u l-impenji tiegħu fir-rigward tal-prinċipji demokratiċi u d-drittijiet fundamentali tal-bniedem, li huma komponent essenzjali tal-iskema Kollox ħlief Armi u l-Iskema Ġeneralizzata ta' Preferenzi; jistieden lill-Kummissjoni, fid-dawl tal-iżviluppi reċenti, tieħu miżuri protettivi addizzjonali fejn ġustifikat abbażi tal-kriterji rilevanti u appoġġati minn evidenza xierqa, li jistgħu jinkludu sospensjoni tal-preferenzi kummerċjali mogħtija lill-Myanmar;
8. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tal-pajjiżi tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja, u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Myanmar.