MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fil-Myanmar
8.2.2021 - (2021/2540(RSP))
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Michael Gahler, Billy Kelleher, Isabel Wiseler-Lima, Miriam Lexmann, Daniel Caspary, Antonio Tajani
f'isem il-Grupp PPE
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0116/2021
B9-0128/2021
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Myanmar
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem (UDHR) tal-10 ta' Diċembru 1948,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Myanmar, b'mod partikolari dawk tad-19 ta' Settembru 2019[1], tal-14 ta' Ġunju 2018[2], tal-14 ta' Diċembru 2017[3], tal-22 ta' Novembru 2012[4], tal-20 ta' April 2012[5], tal-20 ta' Mejju 2010[6] u tal-25 ta' Novembru 2010[7],
– wara li kkunsidra l-Artikoli minn 18 sa 21 tal-UDHR,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 25 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) tal-1966,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-missjonijiet diplomatiċi fil-Myanmar tad-29 ta' Jannar 2021 dwar l-appoġġ għat-tranżizzjoni demokratika tal-Myanmar u l-isforzi biex jiġu promossi l-paċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-iżvilupp fil-pajjiż,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) tal-1 ta' Frar 2021 dwar il-Myanmar,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-G7 tat-3 ta' Frar 2021, li fiha kkundannaw il-kolp ta' stat fil-Myanmar,
– wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-5 ta' Frar 2021 dwar il-Myanmar,
– wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa tas-Segretarju Ġenerali tan-NU, António Guterres, tal-4 ta' Frar 2021,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Presidenza tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN) tal-1 ta' Frar 2021 dwar l-iżviluppi fir-Repubblika tal-Unjoni tal-Myanmar,
– wara li kkunsidra l-ICCPR,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tar-Rapporteur Speċjali tan-NU għall-Myanmar, Tom Andrews,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi fl-1 ta' Frar 2021, il-forzi armati tal-Myanmar, magħrufa bħala t-Tatmadaw, bi ksur ċar tal-kostituzzjoni Myanmarjana, arrestaw lill-President Win Myint u lill-Kunsillier tal-Istat Aung San Suu Kyi, kif ukoll lil membri ewlenin tal-gvern, ħatfu l-poter permezz ta' kolp ta' stat u ddikjaraw stat ta' emerġenza għal sena;
B. billi b'reazzjoni għall-kolp ta' stat, faqqgħu protesti f'diversi bliet fil-Myanmar; billi fis-7 ta' Frar 2021, mal-100 000 persuna ħadu sehem f'dimostrazzjoni paċifika kontra l-kolp ta' stat f'Yangon; billi mill-1 ta' Frar 2021 'l hawn, madwar 164 persuna bejn politiċi, uffiċjali tal-gvern, rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, reliġjużi u kittieba ġew arrestati jew miżmuma taħt arrest f'darhom illegalment;
C. billi fit-8 ta' Novembru 2020 fil-Myanmar saru elezzjonijiet parlamentari li raw lill-partit tal-Lega Nazzjonali għad-Demokrazija (NLD) joħroġ rebbieħ bi 396 minn 476 siġġu (madwar 83 % tas-siġġijiet kollha disponibbli); billi l-Partit tas-Solidarjetà u l-Iżvilupp tal-Unjoni (USDP), appoġġjat mit-Tatmadaw, rebaħ 33 siġġu biss; billi l-NLD kompla jżid il-maġġoranza parlamentari tiegħu mill-elezzjonijiet tal-2015 – l-ewwel elezzjonijiet demokratiċi fil-Myanmar mill-1990 – meta l-NLD rebaħ 360 siġġu u l-USDP 41; billi l-forzi armati kienu diġà rrifjutaw li jirrikonoxxu l-elezzjonijiet tal-1990 li fihom l-NLD rebaħ 392 mill-492 siġġu;
D. billi l-għadd ta' nies li ħarġu jivvutaw fl-elezzjonijiet demokratiċi kollha kien konsistentement ta' madwar 70 %, ċifra li turi l-appoġġ tal-poplu tal-Myanmar għad-demokrazija;
E. billi l-parlament il-ġdid kellu jiltaqa' għall-ewwel darba dakinhar tal-kolp ta' stat; billi l-kolp ta' stat militari effettivament injora r-rieda espressa demokratikament mill-poplu tal-Myanmar, u jirrifletti l-intenzjoni tat-Tatmadaw li għal darb'oħra jassumu poter sħiħ fuq il-Myanmar, bħalma għamlu matul il-ħakma militari tagħhom, li uffiċjalment intemmet fl-2012 iżda fir-realtà qatt ma spiċċat; billi t-Tatmadaw iddikjaraw li se jsiru elezzjonijiet ġodda wara l-istat ta' emerġenza impost għal sena, li jimplika nuqqas ta' rappreżentanza parlamentari matul dan il-perjodu;
F. billi, minkejja l-kolp ta' stat, fl-4 ta' Frar 2021, 70 membru parlamentari elett ħadu l-ġurament tal-ħatra u wiegħdu li jkomplu jiżvolġu l-funzjoni tal-parlament u jwettqu l-mandat tagħhom bħala rappreżentanti tal-poplu;
G. billi t-Tatmadaw, evidentement konxji mil-livell baxx ta' appoġġ li għandhom fost il-popolazzjoni, irrifjutaw li jaċċettaw ir-riżultati elettorali u allegaw frodi massiċċa fil-votazzjoni mingħajr ma ressqu l-ebda evidenza; billi l-kummissjoni elettorali u l-osservaturi elettorali tal-Myanmar ma kkonfermawx l-allegazzjonijiet tat-Tatmadaw;
H. billi l-Kostituzzjoni tal-Myanmar tgħid li l-President biss jista' effettivament itemm tmexxija ċivili; billi, għaldaqstant, il-kolp ta' stat militari tal-1 ta' Frar 2021 ma kienx kostituzzjonali peress li l-President Win Myint ġie arrestat illegalment;
I. billi t-Tatmadaw poġġew lill-Ġeneral Myint Swe bħala president interim; billi l-Kap Kmandant tal-forzi armati, il-Ġeneral Min Aung Hlaing, li qiegħed fuq listi ta' sanzjonijiet internazzjonali minħabba l-parteċipazzjoni tiegħu fil-persekuzzjoni tal-minoranza Musulmana, x'aktarx se jibqa' l-persuna prinċipali inkarigata mid-deċiżjonijiet;
J. billi mindu beda l-kolp ta' stat, it-Tatmadaw illimitaw severament l-ispazju għas-soċjetà ċivili, u ħarġu restrizzjonijiet severi fuq il-midja, inklużi blackouts sħaħ tal-internet u tal-pjattaformi tal-midja soċjali; billi osservaturi internazzjonali qed jakkużaw lit-Tatmadaw li użaw aħbarijiet foloz biex jimmanipulaw l-opinjoni pubblika dwar il-kolp ta' stat;
K. billi l-forzi armati għamluha drawwa li jermarġinaw rivali u kritiċi politiċi billi jixluhom b'reati oskuri; billi Aung San Suu Kyi ġiet arrestata u aktar tard akkużata bl-importazzjoni illegali ta' mill-inqas 10 walkie-talkies; billi l-President Win Myint tneħħa mill-kariga u fl-1 ta' Frar 2021 ġie arrestat talli kiser ir-regolamenti ta' emerġenza relatati mal-coronavirus u jinsab akkużat li sellem karozza mimlija partitarji matul il-kampanja elettorali s-sena li għaddiet; billi, jekk jinstabu ħatja, it-tnejn jistgħu jiffaċċjaw sa massimu ta' tliet snin priġunerija; billi l-fatt li jkollhom kondotta maħmuġa tista' tipprekludihom milli jerġgħu jkunu f'kariga pubblika;
L. billi b'riżultat ta' ħakma militari ta' għaxar snin, li ntemmet – parzjalment biss – fl-2012, it-Tatmadaw għandhom immaġni pubblika ħażina u l-krudeltà tagħhom tnissel biża'; billi madwar 100 grupp ingħaqdu mal-moviment ta' diżubbidjenza ċivili, li appella għal strajkijiet fis-servizz mediku, fost setturi oħra;
M. billi l-Myanmar għandu storja twila ta' taqbida demokratika u soppressjoni militari; billi minn meta sar indipendenti mir-Renju Unit fl-1948, u b'mod partikolari matul il-perjodu twil bejn l-1962 u l-2015, il-forzi armati kellhom kontroll b'saħħtu fuq il-poter u llimitaw kwalunkwe progress demokratiku, inklużi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, xekklu d-drittijiet tal-bniedem u bagħtu l-ħabs lill-attivisti tal-oppożizzjoni, inkluża r-rebbieħa tal-Premju Nobel għall-Paċi tal-1991 Aung San Suu Kyi, li kienet miżmuma taħt arrest f'darha tul partijiet kbar tal-perjodu bejn l-1989 u l-2010;
N. billi l-kostituzzjoni attwali daħlet fis-seħħ fl-2008 u fiha nuqqasijiet demokratiċi serji, peress li tiggarantixxi 25 % tas-siġġijiet parlamentari lit-Tatmadaw u b'hekk effettivament tagħti lill-forzi armati s-setgħa li jużaw il-veto għal kwalunkwe bidla kostituzzjonali ulterjuri, li tirrikjedi 75 % tal-voti; billi l-kostituzzjoni tkompli tiżgura li t-Tatmadaw iżommu kontroll sħiħ tal-forzi tas-sigurtà, il-pulizija, u l-Ministeri tal-Intern, tad-Difiża u tal-Fruntieri;
O. billi, wara sensiela ta' protesti u taqbidiet interni, il-pajjiż beda jiftaħ gradwalment b'mod demokratiku fl-ewwel snin ta' wara l-2010, li wasslu għal żieda fil-libertajiet ċivili, inkluż progress demokratiku bil-mod il-mod – viżibbli fl-elezzjonijiet ġenerali tal-2015 kif ukoll f'sensiela ta' elezzjonijiet każwali – li lkoll intrebħu b'distakk wiesa' mill-NLD, il-partit fl-oppożizzjoni;
P. billi minħabba n-natura sensittiva tas-sitwazzjoni ġenerali, il-Myanmar, filwaqt li ilu bi gvern semidemokratiku u ċivili mill-2015, għadu fi stat fraġli u mimli tensjoni, peress li l-forzi favur id-demokrazija u t-Tatmadaw, minkejja l-fehmiet kondiviżi l-aktar dwar ċerti proġetti ta' żvilupp ekonomiku u riformi ekonomiċi, kellhom viżjonijiet fundamentalment differenti dwar it-triq li kellu jieħu l-pajjiż;
Q. billi l-ftuħ demokratiku fil-Myanmar, li beda fl-2010, kien fil-biċċa l-kbira mmotivat mill-bżonn li l-pajjiż jiżviluppa ekonomikament, peress li kien qed ibati minħabba sanzjonijiet internazzjonali stretti b'riżultat tal-ħakma militari tiegħu u s-sitwazzjoni devastanti tad-drittijiet tal-bniedem; billi bħala riżultat ta' riformi demokratiċi kawti, ċerti sanzjonijiet internazzjonali ġew revokati bil-mod bil-mod, u dan ippermetta l-iżvilupp ekonomiku u kien ta' benefiċċju għal partijiet kbar tal-popolazzjoni tal-Myanmar;
R. billi l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, partikolarment kontra l-minoranza Musulmana fil-Myanmar – speċjalment ir-Rohingya – li l-gvern tal-Myanmar naqas milli jirrikonoxxi bħala grupp etniku ta' pajjiżu, kompla għaddej wara l-ftuħ demokratiku u traġikament laħaq il-qofol tiegħu fl-atroċitajiet li twettqu fl-2017 u li n-NU kkaratterizzat bħala tindif etniku, u wassal għal eżodu massiċċ ta' rifuġjati lejn il-pajjiż ġar tal-Bangladesh; billi l-minoranza Rohingya, minkejja bosta appelli mill-komunità internazzjonali, għadha tiġi ppersegwitata fil-Myanmar sal-ġurnata tal-lum;
S. billi l-appelli internazzjonali biex jieqaf it-tindif etniku tar-Rohingya u biex titjieb is-sitwazzjoni tagħhom ġew fil-biċċa l-kbira injorati mill-gvern tal-Myanmar; billi, konsegwentement, f'Settembru 2019 il-Parlament Ewropew fl-aħħar mill-aħħar issospenda lil Aung San Suu Kyi, li dak iż-żmien kienet Kunsillier tal-Istat u Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Myanmar, mill-komunità tal-Premju Sakharov għad-Drittijiet tal-Bniedem talli naqset milli tieħu azzjoni kontra dan il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem dokumentat sew; billi minn dak iż-żmien 'l hawn inħarġu sanzjonijiet internazzjonali kontra l-forzi armati u l-Kap Kmandant, il-Ġeneral Min Aung Hlaing, fost persuni oħra, minħabba ksur tad-drittijiet tal-bniedem;
T. billi fil-Myanmar hemm 135 grupp etniku, inklużi l-popli Rohingya, Karen, Rakhine, Shan u Chin; billi l-kunflitti interni wasslu għall-mewt traġika ta' eluf ta' nies tul dawn l-aħħar għexieren ta' snin; billi l-ġlied li seħħ reċentement fl-Istat ta' Karen wassal għall-ispostament ta' 4 000 persuna minn Diċembru 2020 'l hawn;
U. billi mill-2013 'l hawn, l-Unjoni Ewropea appoġġjat politikament u finanzjarjament il-proċess ta' tranżizzjoni demokratika tal-Myanmar u għamlet sforzi enormi biex tippromwovi l-paċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-iżvilupp fil-pajjiż; billi f'Ottubru 2015, l-UE ffirmat ftehim ta' waqfien mill-ġlied mal-pajjiż kollu bħala xhud internazzjonali, li jirrifletti r-rwol ewlieni tagħha b'appoġġ għall-proċess ta' paċi; billi l-UE allokat EUR 688 miljun f'appoġġ għall-iżvilupp lill-Myanmar tul il-perjodu 2014-2020; billi l-Myanmar jibbenefika minn preferenzi kummerċjali taħt l-iskema "Kollox ħlief Armi" (EBA), li tippermetti aċċess bla dazju u bla kwoti għas-suq uniku tal-UE;
V. billi l-Myanmar huwa lokalizzat strateġikament fil-Bajja ta' Bengal u ilu jipprova jibbenefika minn u jattira investimenti u finanzi internazzjonali mill-Istati Uniti, l-Ewropa, iċ-Ċina u pajjiżi oħra;
W. billi l-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) kien ittrasferixxa USD 350 miljun f'finanzjament ta' emerġenza għall-coronavirus lill-Myanmar ġimgħa qabel il-kolp ta' stat;
X. billi t-Tatmadaw u l-ġenerali tagħhom qed jiffaċċjaw allegazzjonijiet ta' korruzzjoni mifruxa u huma involuti profondament fl-ekonomija tal-Myanmar bis-sjieda ta' konglomerati b'saħħithom, jikkontrollaw il-kummerċ tal-pajjiż fil-ġada u l-injam prezzjuż, jimmaniġġjaw infrastruttura bħal portijiet u digi u jmexxu banek, kumpaniji tal-assigurazzjoni, sptarijiet, gyms u mezzi tax-xandir; billi l-kolp ta' stat militari jpoġġi f'riskju l-involviment kontinwu tal-investimenti internazzjonali, it-turiżmu u l-finanzi;
Y. billi l-kolp ta' stat intlaqa' b'kundanna, kritika u tħassib minn firxa wiesgħa ta' atturi internazzjonali bħall-Istati Uniti, ir-Renju Unit, il-Ġappun, l-Indja, l-Awstralja u l-Kanada; billi l-Presidenza tal-ASEAN ħarġet dikjarazzjoni li fiha ħeġġet "id-djalogu, ir-rikonċiljazzjoni u r-ritorn għan-normalità";
Z. billi s-Segretarju Ġenerali tan-NU Guterres sejjaħ il-kolp ta' stat "assolutament inaċċettabbli"; billi l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU ħareġ stqarrija għall-istampa li fiha esprima "tħassib serju" dwar il-kolp ta' stat militari fil-Myanmar u appella għall-ħelsien immedjat tal-mexxejja eletta tal-pajjiż, Aung San Suu Kyi, u l-President Win Myint; billi ċ-Ċina u r-Russja opponew l-adozzjoni ta' test aktar b'saħħtu min-naħa tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; billi fis-7 ta' Frar 2021, ir-Rapporteur Speċjali tan-NU għall-Myanmar Tom Andrews ippubblika dikjarazzjoni li fiha ħeġġeġ lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU – fost partijiet ikkonċernati oħra – biex ilaqqa' sessjoni speċjali minnufih;
1. Jesprimi s-simpatija u l-appoġġ tiegħu għall-poplu tal-Myanmar fil-ġlieda paċifika u leġittima tiegħu għad-demokrazija, il-libertà u d-drittijiet tal-bniedem;
2. Jikkundanna bil-qawwa l-kolp ta' stat militari fil-Myanmar u jistieden lit-Tatmadaw jirrispettaw bis-sħiħ l-eżitu tal-elezzjonijiet demokratiċi ta' Novembru 2020 u, biex ma jitpoġġiex f'periklu l-progress demokratiku kollu miksub f'dawn l-aħħar snin, idaħħlu lura minnufih lill-gvern ċivili, itemmu l-istat ta' emerġenza, u jippermettu lill-parlamentari eletti kollha jassumu l-mandati tagħhom sabiex jiġu restawrati l-ordni kostituzzjonali u n-normi demokratiċi;
3. Jappella għall-ħelsien immedjat u inkondizzjonat tal-President Win Myint, il-Kunsillier tal-Istat Aung San Suu Kyi, u dawk kollha li ġew arrestati illegalment bl-iskuża ta' elezzjonijiet foloz jew riżultati elettorali frawdolenti u akkużi assurdi oħra bla bażi; ifakkar lit-Tatmadaw li dawn it-tip ta' allegazzjonijiet ikomplu jnaqqsu l-kredibbiltà domestika u internazzjonali tagħhom; jissottolinja li l-forzi armati tal-Myanmar iridu jiċċaraw fuq liema bażi ġuridika saru l-arresti u li jridu jiggarantixxu wkoll li d-drittijiet tal-persuni arrestati jiġu rispettati bis-sħiħ, inkluża l-protezzjoni kontra l-maltrattament, u li jkollhom aċċess għal avukat tal-għażla tagħhom u għall-familji tagħhom;
4. Itenni l-offerta magħmula mill-VP/RGħ, li fiha ddikjara li l-Unjoni Ewropea kienet lesta tappoġġja djalogu mal-partijiet ikkonċernati ewlenin kollha li jixtiequ jsolvu s-sitwazzjoni in bona fede u jirrestawraw l-ordni kostituzzjonali fil-Myanmar;
5. Jikkritika bil-qawwa l-limitazzjoni tad-drittijiet ċivili u tal-bniedem, kif ukoll ir-restrizzjonijiet fuq il-libertà tal-espressjoni u tal-għaqda, u f'dan id-dawl jikkundanna bil-qawwa wkoll is-soppressjoni tal-libertà tal-midja permezz ta' blackouts fuq l-internet kif ukoll restrizzjoni u imblukkar ta' pjattaformi tal-midja soċjali bħal Facebook u Twitter;
6. Jissottolinja li l-blackouts fuq it-telekomunikazzjoni huma ta' theddida addizzjonali għall-popolazzjoni u dan, flimkien mal-pandemija tal-COVID-19 li għaddejja bħalissa kif ukoll mal-kunflitt intern attwali bl-involviment ta' gruppi armati, ipoġġi lill-popolazzjoni ċivili f'riskju f'diversi partijiet tal-pajjiż; jenfasizza, għalhekk, li s-servizzi kollha tat-telefonija u l-internet jerġgħu jibdew jiffunzjonaw minnufih;
7. Jenfasizza d-dikjarazzjoni tal-VP/RGħ li fiha ddikjara li l-Unjoni Ewropea tistenna li s-sikurezza taċ-ċittadini kemm tal-Myanmar kif ukoll tal-Istati Membri tagħha tiġi żgurata f'kull mument u li l-UE tikkunsidra l-għażliet kollha għad-dispożizzjoni tagħha biex tiżgura li d-demokrazija tirbaħ;
8. Ifaħħar lill-poplu tal-Myanmar, li sofra għexieren ta' snin ta' ħakma militari u, minkejja li bbenefika biss minn libertajiet demokratiċi limitati, qed ikompli bil-missjoni tiegħu għal Myanmar demokratiku, u jfaħħru talli ċifra impressjonanti ta' madwar 70 % ħarġu jivvutaw fl-elezzjonijiet tal-2020, rata li hija ogħla mill-biċċa l-kbira tal-elezzjonijiet fil-pajjiżi Ewropej u li hija indikatur ċar tax-xewqa taċ-ċittadini li jipparteċipaw fit-tmexxija demokratika ta' pajjiżhom;
9. Itenni l-appoġġ qawwi tiegħu lis-soċjetà ċivili u lid-difensuri tad-demokrazija fil-Myanmar u jistieden lill-UE u lill-istituzzjonijiet tagħha jkomplu bl-isforzi mmirati lejn l-avvanz tas-soċjetà ċivili, minkejja l-limitazzjonijiet attwali u possibbilment kontinwi imposti mill-gvern militari attwali;
10. Jafferma mill-ġdid il-konvinzjoni tiegħu li d-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem huma fundamentali sabiex ikun hemm tkabbir ekonomiku u prosperità sostenibbli u verament inklużivi;
11. Itenni li, minkejja li naqset milli tikkundanna b'mod adegwat il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem kontra l-minoranzi fil-Myanmar, Aung San Suu Kyi tibqa' s-simbolu tal-poplu tal-Myanmar fejn jidħlu l-aspirazzjonijiet u l-ambizzjonijiet demokratiċi għal futur aktar ġust u demokratiku; jesprimi, f'dan il-kuntest, filwaqt li jtenni t-talba preċedenti għall-ħelsien immedjat tagħha, l-ammirazzjoni tiegħu għall-istorja personali tagħha u jesprimi t-twemmin sod tiegħu li se tkompli tkun marbuta mill-qrib mat-triq li se tieħu art twelidha;
12. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar iż-żieda fil-livell ta' informazzjoni falza u manipulata ċċirkolata mit-Tatmadaw fil-Myanmar, u jara preżenza dejjem akbar ta' tali aħbarijiet foloz mhux biss fil-pajjiż, iżda anke f'reġjuni oħra fejn hemm tilwim jew kunflitti madwar id-dinja; jinnota li din hi xejra inkwetanti li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, flimkien mal-alleati internazzjonali tagħha, għandhom ifittxu li jsibu risposta adegwata għaliha;
13. Ifakkar li l-Myanmar huwa marbut li jissodisfa l-obbligi u l-impenji tiegħu fir-rigward tal-prinċipji demokratiċi u d-drittijiet tal-bniedem, li huma komponent essenzjali tal-iskema EBA; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jżidu l-pressjoni fuq it-Tatmadaw u jieħdu kwalunkwe miżura għad-dispożizzjoni tagħhom biex jiżguraw li l-awtoritajiet eletti jirritornaw fil-poter; jistieden lill-Kummissjoni, fid-dawl tal-iżviluppi reċenti, tikkunsidra li tieħu miżuri protettivi addizzjonali, filwaqt li żżomm f'moħħha l-effetti pożittivi tal-preferenza kummerċjali mogħtija preċedentement fuq is-soċjetà ċivili u l-ekonomija ċivili;
14. Jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-organizzazzjonijiet finanzjarji internazzjonali l-oħra jiskrutinizzaw mill-qrib l-attivitajiet finanzjarji tat-Tatmadaw u l-membri tagħhom u jiddefinixxu x'tip ta' miżuri xierqa jistgħu jittieħdu f'każ li s-sitwazzjoni fil-Myanmar ma titjiebx jew saħansitra tmur għall-agħar;
15. Ifakkar lit-Tatmadaw li l-finanzjament ta' emerġenza maħruġ reċentement mill-FMI b'reazzjoni għall-coronavirus irid jintuża biex jiġu indirizzati l-ostakli ekonomiċi kif ukoll in-nuqqasijiet tas-saħħa marbuta mal-pandemija u jtenni li l-FMI u istituzzjonijiet internazzjonali oħra se jissorveljaw mill-qrib din is-sitwazzjoni; jenfasizza li l-azzjonijiet tat-Tatmadaw se jkollhom impatt fuq id-deċiżjonijiet futuri meħuda minn istituzzjonijiet internazzjonali;
16. Jistieden lill-VP/RGħ jikkollabora mill-qrib ma' sħab tal-istess fehma, bħall-Istati Uniti, ir-Renju Unit, il-Ġappun, l-Indja, l-Awstralja, il-Kanada u, b'mod partikolari, il-membri tal-ASEAN, u jaħdem mill-qrib magħhom fis-simplifikazzjoni ta' pożizzjonijiet u inizjattivi sabiex issir ħidma lejn ir-ritorn ta' gvern ċivili fil-Myanmar mill-aktar fis possibbli;
17. Jestendi l-appoġġ tiegħu lir-Rapporteur Speċjali tan-NU għall-Myanmar, Tom Andrews, u jilqa' l-kooperazzjoni mill-qrib bejn l-UE u n-NU u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra fir-rigward tal-Myanmar;
18. Jistieden lill-VP/RGħ jistabbilixxi wkoll kanal ta' komunikazzjoni mal-gvernijiet taċ-Ċina u r-Russja sabiex jintlaħaq qbil dwar interessi u pożizzjonijiet komuni rigward il-Myanmar; jistieden ukoll liċ-Ċina u lir-Russja jinvolvu ruħhom attivament fid-diplomazija internazzjonali u jerfgħu r-responsabbiltà tagħhom bħala membri permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u jistennihom jiżvolġu rwol kostruttiv fl-iskrutinju tas-sitwazzjoni fil-Myanmar;
19. Jilqa' d-dikjarazzjoni tal-Presidenza tal-ASEAN dwar l-iżviluppi fir-Repubblika tal-Unjoni tal-Myanmar, li fiha enfasizzat l-importanza li jiġu rispettati l-prinċipji tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-governanza tajba, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u l-protezzjoni tagħhom;
20. Ifakkar fin-natura multietnika tal-Myanmar u jħeġġeġ lit-Tatmadaw jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet inaljenabbli ta' kull etniċità, u jissottolinja li l-Unjoni Ewropea se tkompli tissorvelja mill-qrib l-azzjonijiet tat-tmexxija militari fir-rigward tal-minoranzi tagħha, b'mod partikolari r-Rohingya, li diġà sofrew krudeltà enormi fil-passat; jesprimi, f'dan ir-rigward, il-gratitudni u r-rispett tiegħu lill-gvern u l-poplu tal-Bangladesh li laqgħu u komplew jospitaw madwar miljun rifuġjat Rohingya mill-Myanmar; jissottolinja fermament li l-Myanmar fl-aħħar mill-aħħar iġorr ir-responsabbiltà għal dawn ir-rifuġjati u għandu jiżgura li jiġu rimpatrijati u riintegrati b'mod sikur, uman u ordnat fil-Myanmar;
21. Jistieden lill-VP/RGħ u lill-Istati Membri jsegwu mill-qrib is-sitwazzjoni fil-Myanmar, u jistieden lill-VP/RGħ jirrapporta lura għand il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin tal-Parlament fuq bażi regolari sabiex jiġi żgurat djalogu parlamentari adegwat dwar din is-sitwazzjoni importanti u inkwetanti;
22. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Uniti, ir-Renju Unit, il-Ġappun, l-Indja, l-Awstralja, il-Kanada u l-Istati Membri tal-ASEAN, il-Laqgħa Asja-Ewropa u s-Segretarjat tal-Assemblea Interparlamentari tal-ASEAN, is-Segretarju Ġenerali tan-NU u l-Pyidaungsu Hluttaw (l-Assemblea tal-Unjoni tal-Myanmar), il-President, il-Kunsillier tal-Istat u l-forzi armati tal-Myanmar.