Proċedura : 2021/2557(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B9-0166/2021

Testi mressqa :

B9-0166/2021

Dibattiti :

PV 10/03/2021 - 11
CRE 10/03/2021 - 11

Votazzjonijiet :

PV 11/03/2021 - 11
PV 11/03/2021 - 18

Testi adottati :

P9_TA(2021)0089

<Date>{03/03/2021}3.3.2021</Date>
<NoDocSe>B9‑0166/2021</NoDocSe>
PDF 190kWORD 55k

<TitreType>MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI</TitreType>

<TitreSuite>imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni</TitreSuite>

<TitreRecueil>skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura</TitreRecueil>


<Titre>dwar il-proklamazzjoni tal-UE bħala Żona ta' Libertà LGBTIQ</Titre>

<DocRef>(2021/2557(RSP))</DocRef>


<RepeatBlock-By><Depute>Roberta Metsola, Jeroen Lenaers, Maria Walsh, Isabel Wiseler‑Lima, Andrzej Halicki, Vladimír Bilčík</Depute>

<Commission>{PPE}f'isem il-Grupp PPE</Commission>

<Depute>Cyrus Engerer, Marc Angel, Łukasz Kohut, Leszek Miller, Robert Biedroń, Marek Belka, Evin Incir, Johan Danielsson, Włodzimierz Cimoszewicz</Depute>

<Commission>{S&D}f'isem il-Grupp S&D</Commission>

<Depute>Sophia in ’t Veld, Pierre Karleskind</Depute>

<Commission>{Renew}f'isem il-Grupp Renew</Commission>

<Depute>Terry Reintke, Tineke Strik, Sylwia Spurek, Alice Kuhnke, Rasmus Andresen, Gwendoline Delbos‑Corfield, Saskia Bricmont, Romeo Franz, Damian Boeselager, Sergey Lagodinsky, Patrick Breyer, Damien Carême, Ernest Urtasun, Grace O’Sullivan, Rosa D’Amato, Caroline Roose, Henrike Hahn, Marie Toussaint, Hannah Neumann, Kira Marie Peter‑Hansen, David Cormand, Daniel Freund, Francisco Guerreiro, Eleonora Evi, Sara Matthieu, Monika Vana, Claude Gruffat, Kim Van Sparrentak, Ignazio Corrao, Tilly Metz, Yannick Jadot, Alexandra Geese, Michael Bloss, Anna Cavazzini</Depute>

<Commission>{Verts/ALE}f'isem il-Grupp Verts/ALE</Commission>

<Depute>Malin Björk</Depute>

<Commission>{The Left}f'isem il-Grupp The Left</Commission>

</RepeatBlock-By>


B9‑0166/2021

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-proklamazzjoni tal-UE bħala Żona ta' Libertà LGBTIQ

(2021/2557(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (minn hawn 'il quddiem "il-Karta"),

 wara li kkunsidra l-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-ġurisprudenza relatata tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB),

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

 wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol[1],

- wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/194/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE[2],

- wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/113/KE tat-13 ta' Diċembru 2004 li timplimenta l-prinċipju ta' trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta' merkanzija u servizzi[3],

- wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol[4],

- wara li kkunsidra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE),

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Novembru 2020 bit-titolu "Unjoni ta' Ugwaljanza: Strateġija dwar l-Ugwaljanza tal-LGBTIQ 2020-2025"(COM(2020)0698),

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Frar 2019 dwar il-futur tal-Lista ta' Azzjonijiet LGBTI (2019-2024)[5],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Diċembru 2019 dwar id-diskriminazzjoni pubblika u d-diskors ta' mibegħda kontra persuni LGBTI, inklużi żoni mingħajr LGBTI[6],

 wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE għall-promozzjoni u l-protezzjoni tat-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem kollha mill-persuni leżbjani, gay, bisesswali, transġeneru u intersesswali (LGBTI), adottati mill-Kunsill fl-2013,

 wara li kkunsidra r-riżultati tal-Istħarriġ dwar l-LGBT fl-UE li tnieda mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) fl-2019,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Settembru 2020 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar id-determinazzjoni ta' riskju ċar ta' ksur gravi tal-istat tad-dritt mir-Repubblika tal-Polonja[7],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2018 dwar proposta li titlob lill-Kunsill jiddetermina, skont l-Artikolu 7(1) tat-TUE, l-eżistenza ta' riskju ċar ta' ksur serju mill-Ungerija tal-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni[8],

 wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa tal-31 ta' Marzu 2010 tal-Kumitat tal-Ministri lill-istati membri dwar miżuri biex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentament sesswali jew l-identità tal-ġeneru (CM/Rec(2010)5) u l-istandards adottati mill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa,

 wara li kkunsidra l-Memorandum tat-3 ta' Diċembru 2020 tal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-istigmatizzazzjoni tal-persuni LGBTI fil-Polonja,

 wara li kkunsidra d-dibattitu fil-Kumitat għall-Affarijiet Attwali tal-Kungress tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali tal-Kunsill tal-Ewropa, u r-rapporti sussegwenti tiegħu bit-titolu "Fact-finding report on the role of local authorities with regard to the situation and rights of LGBTIQ people in Poland" (Rapport ta' ġbir ta' informazzjoni dwar ir-rwol tal-awtoritajiet lokali fir-rigward tas-sitwazzjoni u d-drittijiet tal-persuni LGBTIQ fil-Polonja) tas-27 ta' Jannar 2021 u "Protecting LGBTIQ people in the context of rising anti-LGBTIQ hate speech and discrimination: The role of local and regional authorities" (Nipproteġu lill-persuni LGBTIQ fil-kuntest ta' diskors ta' mibegħda u diskriminazzjoni akbar kontra l-persuni LGBTIQ: Ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali) tal-10 ta' Frar 2021,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi d-drittijiet tal-LGBTIQ huma drittijiet tal-bniedem;

B. billi d-dritt għal trattament ugwali u għan-nondiskriminazzjoni huwa dritt fundamentali minqux fit-Trattati tal-UE u fil-Karta u għandu jiġi rrispettat bis-sħiħ; billi l-Istati Membri kollha impenjaw ruħhom li jonoraw l-obbligi u d-dmirijiet skont id-dritt internazzjonali u t-Trattati tal-UE li jirrispettaw, jiggarantixxu, jipproteġu u jissodisfaw id-drittijiet fundamentali; billi l-ġlieda kontra l-inugwaljanza fl-UE hija responsabbiltà kondiviża, li tirrikjedi azzjoni u sforzi konġunti f'kull livell tal-gvern;

C. billi minn Marzu 2019, aktar minn 100 reġjun, kontea u muniċipalità madwar il-Polonja adottaw riżoluzzjonijiet li jiddikjaraw lilhom infushom ħielsa mill-hekk imsejħa ideoloġija LGBTI jew adottaw "Karti Reġjonali dwar id-Drittijiet tal-Familja"; billi f'Novembru 2020, il-belt Ungeriża ta' Nagykáta adottat riżoluzzjoni li tipprojbixxi "d-disseminazzjoni u l-promozzjoni tal-propaganda LGBTQ"; billi dawn ir-riżoluzzjonijiet jiddiskriminaw direttament u indirettament kontra l-persuni LGBTIQ; billi r-riżoluzzjonijiet ta' żoni ħielsa mil-LGBT jiddikjaraw oppożizzjoni għall-"ideoloġija tal-moviment LGBT" u jitolbu lill-gvernijiet lokali biex ma jieħdu l-ebda azzjoni li tinkoraġġixxi t-tolleranza fil-konfront tal-persuni LGBTIQ, inkluż l-irtirar tal-għajnuna finanzjarja minn organizzazzjonijiet li għandhom l-għan li jippromwovu n-nondiskriminazzjoni u l-ugwaljanza; billi l-"Karti Reġjonali dwar id-Drittijiet tal-Familja" jużaw definizzjoni stretta ħafna tal-familja, filwaqt li jitolbu lill-muniċipalitajiet jipproteġu d-drittijiet tal-familja fil-politiki, l-inizjattivi u l-finanzjament kollha tagħhom; billi, peress li jagħmlu enfasi biss fuq dawn it-tipi ta' familja, il-Karti Reġjonali qegħdin jitolbu b'mod indirett li ssir diskriminazzjoni kontra l-forom l-oħra kollha ta' familji, b'mod partikolari l-familji b'ġenitur wieħed, il-koppji tal-istess sess u l-familji b'ġenituri tal-istess sess, u li ma jiġix ipprovdut appoġġ finanzjarju għal proġetti u inizjattivi li jipproteġu u jippromwovu d-drittijiet fundamentali, li jorganizzaw edukazzjoni kontra d-diskriminazzjoni jew li bi kwalunkwe mod ieħor jappoġġjaw l-ugwaljanza u l-persuni LGBTIQ;

D. billi l-Ombudsman Pollakk għad-Drittijiet tal-Bniedem beda disa' lmenti kontra xi wħud mir-reġjuni, il-kontej u l-muniċipalitajiet li adottaw riżoluzzjonijiet dwar li huma ħielsa mill-"ideoloġija LGBT", u dan s'issa wassal biex erba' riżoluzzjonijiet ġew iddikjarati mhux kostituzzjonali mill-qrati amministrattivi; billi f'Jannar 2021, il-belt Pollakka ta' Nowa Dęba rtirat ir-riżoluzzjoni tagħha fejn iddikjarat lilha nnifisha ħielsa mill-hekk imsejħa ideoloġija LGBT wara t-telf ta' ftehim ta' ġemellaġġ mal-belt Irlandiża ta' Fermoy; billi l-kontea Pollakka ta' Sztum u l-belt Pollakka ta' Tomaszów Mazowiecki rtiraw ir-riżoluzzjonijiet tagħhom li adottaw il-Karti Reġjonali dwar id-Drittijiet tal-Familja f'Settembru u f'Ottubru 2020 rispettivament;

E. billi n-Norveġja rtirat mill-għoti ta' fondi lir-reġjuni, lill-kontej u lill-muniċipalitajiet Pollakki li kienu adottaw riżoluzzjonijiet fejn iddikjaraw lilhom infushom ħielsa mill-hekk imsejħa ideoloġija LGBTI jew li kienu adottaw "Karti Reġjonali dwar id-Drittijiet tal-Familja"; billi l-Kummissjoni rrifjutat applikazzjonijiet għall-finanzjament tal-UE skont il-programm tagħha ta' ġemellaġġ bejn il-bliet minn bliet Pollakki li kienu adottaw żoni ħielsa mil-LGBTI jew riżoluzzjonijiet dwar id-drittijiet tal-familja; billi l-fondi kollha tal-UE ġestiti skont ir-Regolamenti dwar Dispożizzjonijiet Komuni 2021-2027 iridu jirrispettaw il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni u jirrispettaw id-drittijiet fundamentali kif stabbilit fit-Trattat, inkluż abbażi tal-orjentazzjoni sesswali, u billi l-muniċipalitajiet li jaġixxu bħala impjegaturi jridu jirrispettaw id-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, li tipprojbixxi d-diskriminazzjoni u l-fastidju abbażi tal-orjentazzjoni sesswali fl-impjieg, f'konformità mas-sentenza fil-Kawża C-507/18 Associazione Avvocatura per i ditti LGBTI[9];

F. billi tliet NGOs ressqu lment legali quddiem il-Kummissjoni fejn enfasizzaw li l-"Karti Reġjonali dwar id-Drittijiet tal-Familja" u r-riżoluzzjonijiet li jiddikjaraw ir-reġjuni, il-kontej u l-muniċipalitajiet ħielsa mill-hekk imsejħa ideoloġija LGBTI jintroduċu diskriminazzjoni kontra l-persuni LGBTIQ u b'hekk jiksru d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE li tistabbilixxi qafas ġenerali għat-trattament ugwali fl-impjieg u fix-xogħol, kif ukoll l-Artikoli 15 u 21 tal-Karta dwar il-libertà tal-għażla ta' xogħol u d-dritt li wieħed jaħdem u dwar in-nondiskriminazzjoni rispettivament; billi sal-lum il-Kummissjoni la pprovdiet tweġiba għal dan l-ilment legali u lanqas irrikonoxxiet formalment ksur tad-dritt tal-UE;

G. billi l-adozzjoni ta' riżoluzzjonijiet dwar li huma ħielsa mill-hekk imsejħa ideoloġija LGBT jew il-"Karti Reġjonali dwar id-Drittijiet tal-Familja" huma parti minn kuntest usa' ta' diskriminazzjoni u attakki akbar kontra l-komunità LGBTIQ fil-Polonja, li jinkludu l-karatterizzazzjoni tad-diversità tas-sesswalità, l-identità u l-espressjoni bħala ideoloġija perikoluża, ta' diskors ta' mibegħda dejjem akbar minn awtoritajiet pubbliċi, uffiċjali eletti – inkluż mill-President attwali – u l-midja favur il-Gvern, kif ukoll ta' arresti ta' attivisti favur id-drittijiet tal-LGBTIQ, ta' attakki kontra l-mixjiet Pride u programmi u azzjonijiet ta' sensibilizzazzjoni u l-projbizzjonijiet tagħhom, inkluż fl-iskejjel, u ta' dimostrazzjonijiet diskriminatorji kontra l-LGBT; billi d-diskors ta' mibegħda mill-awtoritajiet pubbliċi jilleġittimizza u jkompli jinstiga l-klima ta' intolleranza u diskriminazzjoni kontra l-persuni LGBTIQ; billi l-eżerċitar tal-libertà tal-espressjoni għandu dmirijiet u responsabbiltajiet, b'mod partikolari għall-awtoritajiet pubbliċi, il-politiċi u l-opinjonisti, u billi dawn ma għandhomx jieħdu sehem f'diskors ta' mibegħda jew kwalunkwe diskors li jistigmatizza lill-persuni LGBTIQ, u għandhom jiddenunzjaw u jiġġieldu bis-sħiħ dawn in-narrattivi u l-istigmatizzazzjoni, inkluż meta dawn ikunu espressi minn partijiet privati;

H. billi l-attivisti Pollakki li qed jaġixxu kontra u jinfurmaw lill-pubbliku dwar ir-riżoluzzjonijiet dwar li huma ħielsa mill-hekk imsejħa ideoloġija LGBTI u l-"Karti Reġjonali dwar id-Drittijiet tal-Familja" qed jiffaċċjaw kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika (SLAPP) minħabba x-xogħol tagħhom; billi l-attivisti Pollakki li qed jaħdmu biex jiddenunzjaw id-dikjarazzjonijiet kontra l-LGBTIQ u l-karti tal-familja, inklużi l-awturi tas-sit web "Atlas of Hate" u l-ħallieq tal-proġett tar-ritratti "żoni ħielsa mil-LGBT", ġew soġġetti għal kawżi mingħajr bażi mressqa minn gvernijiet lokali jew organizzazzjonijiet fundamentalisti li qed jitolbu kumpens finanzjarju sostanzjali, u għal kampanja  ta' tħammiġ li tiddiskrevihom bħala giddibin talli jużaw għodod kreattivi ta' promozzjoni; billi dawn l-azzjonijiet huma maħsuba b'mod ċar biex jintimidaw u jsikktu lis-soċjetà ċivili; billi l-awtoritajiet Pollakki għandhom id-dmir li jipproteġu bis-sħiħ lill-persuni kollha li jappartjenu għall-minoranzi, inklużi l-persuni LGBTIQ, mill-ostilità u l-aggressjoni, u li jippermettulhom iwettqu l-attivitajiet tagħhom b'mod liberu; billi l-Kummissjoni ma introduċietx leġiżlazzjoni anti-SLAPP, minkejja talbiet ripetuti mill-Parlament;

I. billi ġew ippreżentati żewġ petizzjonijiet (Nru 0448/2020 u Nru 0354/2020) dwar il-kwistjoni taż-"żoni ħielsa mil-LGBTI fil-Polonja" quddiem il-Kumitat għall-Petizzjonijiet; billi dawn il-petizzjonijiet ġew diskussi fil-Kumitat għall-Petizzjonijiet fis-26 ta' Jannar 2021 u, minħabba t-tweġiba mhux sodisfaċenti tal-Kummissjoni, għadhom miftuħa biex il-Kummissjoni tkompli tiċċara s-sitwazzjoni;

J. billi l-Istħarriġ II dwar l-LGBTI ippubblikat mill-FRA f'Mejju 2020 jenfasizza żieda fl-intolleranza u l-vjolenza fil-konfront tal-persuni LGBTIQ jew il-persuni meqjusa li huma LGBTIQ fil-Polonja, u juri n-nuqqas sħiħ ta' fiduċja min-naħa tal-persuni LGBTIQ Pollakki fl-isforzi tal-gvern biex jiġġieled id-diskriminazzjoni u l-vjolenza, filwaqt li jirreġistra l-inqas perċentwal mill-postijiet kollha fl-Unjoni (4 % biss), u l-ogħla perċentwal ta' persuni li wieġbu li jevitaw li jmorru f'ċerti postijiet minħabba l-biża' li jiġu attakkati, iffastidjati jew mhedda (79 %); billi dan juri korrelazzjoni ċara bejn il-governanza fobika għal-LGBTIQ u ż-żieda fid-diskriminazzjoni u l-vjolenza kontra l-persuni LGBTIQ;

K. billi l-Parlament diġà ħeġġeġ lill-Istati Membri jikkriminalizzaw "l-hekk imsejħa prattiki ta' terapija ta' konverżjoni"; billi r-rapport ta' Mejju 2020 tal-Espert Indipendenti tan-NU dwar il-protezzjoni kontra l-vjolenza u d-diskriminazzjoni bbażati fuq l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru talab lill-Istati Membri jadottaw projbizzjonijiet fuq prattiki ta' "terapija ta' konverżjoni"; billi l-prattika għadha titwettaq f'mill-anqas 69 pajjiż madwar id-dinja, inkluż fl-Unjoni Ewropea, fejn ġie rrapportat li l-użu ta' medikazzjoni, psikoterapija u tindif ritwali fit-terapija ta' konverżjoni seħħew fl-Istati Membri tal-UE[10]; billi l-prattika ġiet ipprojbita biss f'żewġ Stati Membri tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri Malta u l-Ġermanja;

L. billi l-oppożizzjoni kontra l-persuni LGBTIQ ta' spiss tkun marbuta ma' deterjorament aktar mifrux fis-sitwazzjoni tad-demokrazija, tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet fundamentali; billi l-Parlament Ewropew esprima t-tħassib serju tiegħu f'diversi riżoluzzjonijiet dwar id-deterjorament fl-istat tad-dritt fil-Polonja, b'mod partikolari fir-rigward tal-indipendenza tal-ġudikatura u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali; billi għadha ma ngħatat l-ebda tweġiba xierqa għall-inizjattiva tal-Parlament dwar l-istabbiliment ta' mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali li għandu jkun irregolat minn ftehim interistituzzjonali bejn il-Parlament, il-Kummissjoni u l-Kunsill;

M. billi l-Parlament esprima l-pożizzjoni tiegħu f'diversi riżoluzzjonijiet tiegħu dwar is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt, id-drittijiet fundamentali u d-demokrazija fil-Polonja, filwaqt li kkonkluda li teżisti theddida sistemika għall-valuri tal-Artikolu 2 tat-TUE u li din tikkostitwixxi riskju ċar ta' ksur serju ta' dawn il-valuri; billi s-seduti ta' smigħ mal-awtoritajiet Pollakki organizzati mill-Kunsill skont l-Artikolu 7(1) tat-TUE b'reazzjoni għat-theddid għal valuri komuni Ewropej fil-Polonja ma taw l-ebda riżultat; billi s-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali fil-Polonja mhux biss ma ġietx indirizzata iżda marret għall-agħar ukoll b'mod serju minn mindu tnediet il-proċedura, flimkien mas-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali, speċifikament dawk tal-persuni LGBTIQ u n-nisa; billi l-Kunsill għandu jiżgura li s-seduti ta' smigħ skont l-Artikolu 7(1) tat-TUE jindirizzaw ukoll żviluppi ġodda u jivvalutaw ir-riskji ta' ksur tad-drittijiet fundamentali;

N. billi l-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen iddikjarat fid-diskors tagħha tal-2020 dwar l-Istat tal-Unjoni waqt il-Plenarja tal-Parlament Ewropew li "żoni fejn ma hemmx rispett lejn l-LGBTQI huma żoni fejn ma hemmx umanità. U ma hemmx posthom fl-Unjoni tagħna"; billi l-President tal-Kummissjoni ddikjarat ukoll li LGBTQI hija l-identità ta' persuna mhux ideoloġija[11]; billi l-Kummissjoni u l-Kunsill għandhom joqogħdu lura milli jinterpretaw b'mod strett il-prinċipju tal-istat tad-dritt; billi l-Kummissjoni ma għandhiex toqgħod lura milli tuża l-għodod kollha, inklużi l-proċeduri ta' ksur, il-Qafas tal-Istat tad-Dritt, l-Artikolu 7 tat-TUE, kif ukoll ir-Regolament adottat reċentement dwar il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni f'każ ta' nuqqasijiet ġeneralizzati fir-rigward tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri, sabiex jiġi indirizzat il-ksur tad-drittijiet fundamentali tal-persuni LGBTIQ kullimkien fl-Unjoni; billi l-programm il-ġdid taċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri jista' jikkontribwixxi għall-bini ta' soċjetà mhux diskriminatorja u aktar ugwali billi jagħmel il-fondi disponibbli għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jippromwovu l-ugwaljanza LGBTIQ;

O. billi filwaqt li l-persuni LGBTIQ fil-Polonja qed jiffaċċjaw diskriminazzjoni sistematika, din hija wkoll kwistjoni madwar l-UE, filwaqt li ftit li xejn sar progress jew ma sar l-ebda progress biex tittaffa d-diskriminazzjoni persistenti kontra l-persuni LGBTIQ u l-fastidju li dawn isofru; billi d-diskriminazzjoni pubblika, id-diskors ta' mibegħda u r-reati ta' mibegħda kontra l-persuni LGBTIQ għadhom prevalenti madwar l-UE; billi dawn l-attakki jiksru d-drittijiet fundamentali tal-persuni LGBTIQ u r-rispons mill-awtoritajiet pubbliċi ta' spiss għadu inadegwat; billi l-persuni LGBTIQ f'kull Stat Membru għadhom jiffaċċjaw rata ogħla ta' diskriminazzjoni fl-oqsma kollha tal-ħajja, inkluż fuq il-post tax-xogħol u fl-iskola, u prevalenza għolja ta' attakki fiżiċi, emozzjonali u sesswali, kemm online kif ukoll offline, u dan iwassal għal rata ta' suwiċidju inkwetanti fost iż-żgħażagħ LGBTIQ[12], u b'mod speċjali fost il-persuni transġeneru;

P. billi l-persuni transġeneru għadhom jiffaċċjaw uħud mill-agħar forom ta' diskriminazzjoni, vjolenza u persekuzzjoni; billi fl-2018 il-Kummissjoni ppubblikat studju bit-titolu "Trans and intersex equality rights in Europe – a comparative analysis" (Id-drittijiet tal-ugwaljanza bejn il-persuni trans u intersesswali – analiżi komparattiva); billi 13-il pajjiż biss mill-31 pajjiż li ġew mistħarrġa fl-istudju għandhom leġiżlazzjoni nazzjonali, mill-anqas sa ċertu punt, li tipprovdi protezzjoni fuq il-bażi ta' identità tal-ġeneru u/jew karatteristiċi sesswali;

Q. billi ħafna Stati Membri ma għandhomx liġijiet speċifiċi kontra d-diskriminazzjoni li mill-anqas jaderixxu mal-istandards minimi tal-UE li jipproteġu lill-persuni mid-diskriminazzjoni, id-diskors ta' mibegħda u l-vjolenza bbażati fuq l-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru, l-espressjoni tal-ġeneru u l-karatteristiċi sesswali, u billi naqsu milli jieħdu azzjoni biex jirrimedjaw din il-lakuna legali; billi d-direttiva orizzontali dwar in-nondiskriminazzjoni, li tista' telimina parzjalment din id-diskrepanza fil-protezzjoni lil hinn mill-impjieg, ilha imblukkata fil-Kunsill għal aktar minn 10 snin; billi l-implimentazzjoni ta' miżuri legali kontra d-diskriminazzjoni, meta jkunu jeżistu, għadha insuffiċjenti f'ħafna Stati Membri; billi l-Kummissjoni biħsiebha testendi l-lista ta' "reati tal-UE" skont l-Artikolu 83(1) tat-TFUE biex tkopri r-reati ta' mibegħda u d-diskors ta' mibegħda, inkluż meta jkunu mmirati lejn il-persuni LGBTIQ;

R. billi Malta, il-Portugall u xi reġjuni ta' Spanja biss ipprojbixxew intervent mediku fuq persuni intersesswali mingħajr il-kunsens tagħhom; billi ħafna Stati Membri qed ikomplu jsegwu approċċ li huwa medikalizzat u patoloġiku ħafna;

S. billi l-iżviluppi legali fl-Ungerija fixklu b'mod serju d-drittijiet fundamentali tal-persuni LGBTIQ; billi l-adozzjoni tal-Artikolu 33 tal-Abbozz Omnibus T/9934 tipprojbixxi de facto r-rikonoxximent legali tal-ġeneru għal persuni trans u intersesswali fl-Ungerija, u tesponihom għal diskriminazzjoni u tikser id-dritt għall-privatezza tagħhom; billi f'Diċembru 2020, il-Parlament Ungeriż adotta emendi kostituzzjonali li jkomplu jirrestrinġu d-drittijiet tal-persuni LGBTIQ, jinjoraw l-eżistenza ta' persuni transġeneru u mhux binarji u jirrestrinġu d-dritt tagħhom għall-ħajja tal-familja, u liġi li se ċċaħħad lil koppji mhux miżżewġa mid-dritt għall-adozzjoni;

T. billi f'Jannar 2021, il-Parlament Latvjan beda jeżamina l-emenda kostituzzjonali li għandha l-għan li tillimita l-estensjoni tal-kunċett tal-familja, kif indikat fis-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali, fejn din irrikonoxxiet l-applikazzjoni tal-Liġi tax-Xogħol għal mudelli tal-familja differenti u obbligat lil-leġiżlatur jiżgura l-appoġġ u l-protezzjoni ta' koppji tal-istess sess;

U. billi abbozz ta' liġi li jipprojbixxi attivitajiet li għandhom l-għan li jindirizzaw it-teorija tal-identità tal-ġeneru fil-kuntesti edukattivi ġie adottat mis-Senat Rumen f'Ġunju 2020; billi l-President Rumen irrifjuta li jimplimenta l-liġi, u minflok talab rieżami tal-kostituzzjonalità; billi f'Diċembru 2020 il-Qorti Kostituzzjonali Rumena ddikjarat li l-liġi kienet inkompatibbli mal-Kostituzzjoni; billi dan juri li kontrolli u bilanċi effettivi fl-Istati Membri fir-rigward tal-istat tad-dritt u d-demokrazija huma kruċjali għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-LGBTIQ;

V. billi li tkun ġenitur fi Stat Membru wieħed ifisser li inti ġenitur fl-Istati Membri kollha; billi hemm każijiet ta'tfal b'żewġ ġenituri tal-istess sess li qed jiffaċċjaw diffikultajiet minħabba n-nuqqas ta' dispożizzjonijiet legali għar-rikonoxximent reċiproku ta' ċertifikat tat-twelid b'żewġ ġenituri tal-istess sess; billi deċiżjoni li ġejja tal-QĠUE se tiddeċiedi dwar il-każ ta' wild b'żewġ ommijiet leżbjani li qed jiffaċċja apolidija minħabba din il-lakuna legali; billi l-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza tal-LGBTIQ tipprevedi inizjattiva leġiżlattiva biex tiġi eliminata din id-diskrepanza legali u reviżjoni tal-linji gwida tal-2009 dwar il-moviment liberu, it-tnejn skedati għall-2022; billi l-koppji tal-istess sess għadhom qed jiffaċċjaw diffikultajiet meta jeżerċitaw il-libertà tal-moviment fl-UE, iżda l-Kummissjoni madankollu ma pproponietx li tagħti bidu għal leġiżlazzjoni dwar ir-rikonoxximent reċiproku tar-relazzjonijiet;

W. billi l-ġlieda kontra l-inugwaljanza fl-UE hija responsabbiltà kondiviża, li tirrikjedi azzjoni u sforzi konġunti f'kull livell tal-gvern, u billi l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom rwol ewlieni x'jaqdu f'dan ir-rigward; billi dawn l-awtoritajiet huma ta' spiss responsabbli għall-implimentazzjoni tal-liġijiet tal-UE u għat-tħaddin tal-ugwaljanza u d-diversità; billi l-Kungress tal-Awtoritajiet lokali u Reġjonali tal-Kunsill tal-Ewropa adotta riżoluzzjoni li tfakkar fir-responsabbiltajiet tal-awtoritajiet lokali fil-protezzjoni tad-drittijiet tal-persuni LGBTIQ u stednithom jaħtru "Espert Lokali dwar l-Ugwaljanza u d-Diversità"[13];

X. billi l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, bħala rappreżentant tal-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-UE, ġie mistieden jikkunsidra jieħu azzjoni, fl-ambitu tal-kompetenzi tiegħu, b'rispons għall-iżvilupp ta' żoni ħielsa mill-hekk imsejħa ideoloġija LGBT;

Y. billi l-persuni LGBTIQ għandhom igawdu f'kull post fl-Unjoni Ewropea l-libertà li jgħixu u juru pubblikament l-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru, l-espressjoni tal-ġeneru u l-karatteristiċi sesswali tagħhom mingħajr biża' ta' intolleranza, diskriminazzjoni jew persekuzzjoni għal dawk ir-raġunijiet; billi d-dritt għall-ażil huwa ggarantit mill-Karta; billi jeħtieġ li tiġi żgurata l-protezzjoni xierqa tal-applikanti vulnerabbli, inklużi l-applikanti LGBTIQ, fil-kuntest tas-sistema Ewropea komuni tal-ażil u r-riforma tagħha;

Z. billi, pjuttost milli jiddiskriminaw kontra l-persuni LGBTIQ, l-awtoritajiet fil-livelli kollha ta' governanza madwar l-Unjoni Ewropea kollha għandhom jipproteġu u jippromwovu l-ugwaljanza u d-drittijiet fundamentali ta' kulħadd, inklużi l-persuni LGBTIQ, u jiżguraw id-drittijiet tagħhom b'mod sħiħ;

1. B'dan jiddikjara lill-Unjoni Ewropea "Żona ta' Libertà LGBTIQ";

2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.

 

[1] ĠU L 303, 2.12.2002, p. 16.

[2] ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77.

[3] ĠU L 373, 21.12.2004, p. 37.

[4] ĠU L 204, 26.7.2006, p. 23.

[5] ĠU C 449, 23.12.2020, p. 146.

[6] Testi adottati, P9_TA(2019)0101.

[7] Testi adottati, P9_TA(2020)0225.

[8] ĠU C 433, 23.12.2019, p. 66.

[9] Sentenza tat-23 ta' April 2020, Associazione Avvocatura per i ditti LGBTI, C-507/18, EU:C:2020:289.

[12] A long way to go for LGBTI equality (Fadal ħafna xi jsir fir-rigward tal-ugwaljanza tal-LGBTI), FRA, 2020, https://fra.europa.eu/sites/default/files/fra_uploads/fra-2020-lgbti-equality-1_en.pdf; Rapport tal-2020 Rainbow Europe, ILGA-Europe, https://www.ilga-europe.org/rainboweurope/2020

[13] https://rm.coe.int/protecting-lgbti-people-in-the-context-of-rising-anti-lgbti-hate-speec/1680a16129

Aġġornata l-aħħar: 8 ta' Marzu 2021Avviż legali - Politika tal-privatezza