Proċedura : 2021/2576(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B9-0179/2021

Testi mressqa :

B9-0179/2021

Dibattiti :

PV 09/03/2021 - 23
CRE 09/03/2021 - 23

Votazzjonijiet :

Testi adottati :

P9_TA(2021)0088

<Date>{08/03/2021}8.3.2021</Date>
<NoDocSe>B9-0179/2021</NoDocSe>
PDF 194kWORD 55k

<TitreType>MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI</TitreType>

<TitreSuite>imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà</TitreSuite>

<TitreRecueil>skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura</TitreRecueil>


<Titre>dwar il-kunflitt Sirjan – 10 snin wara r-rewwixta</Titre>

<DocRef>(2021/2576(RSP))</DocRef>


<RepeatBlock-By><Depute>Nathalie Loiseau, Barry Andrews, Olivier Chastel, Engin Eroglu, Klemen Grošelj, Bernard Guetta, Moritz Körner, Javier Nart, Urmas Paet, Dragoș Pîslaru, Michal Šimečka, Nicolae Ştefănuță, Ramona Strugariu, Hilde Vautmans</Depute>

<Commission>{Renew}f'isem il-Grupp Renew</Commission>

</RepeatBlock-By>

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0177/2021

B9-0179/2021

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kunflitt Sirjan – 10 snin wara r-rewwixta

(2021/2576(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sirja, b'mod partikolari dik tal-15 ta' Marzu 2018 dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja[1], tat-18 ta' Mejju 2017 dwar l-istrateġija tal-UE rigward is-Sirja[2], tal-4 ta' Lulju 2017 dwar l-indirizzar tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-kuntest tad-delitti tal-gwerra u d-delitti kontra l-umanità, inkluż il-ġenoċidju[3], tal-24 ta' Ottubru 2019 dwar l-operazzjoni militari Torka fil-Grigal tas-Sirja u l-konsegwenzi tagħha[4], tal-10 ta' Lulju 2020 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-Abbozz ta' baġit emendatorju Nru 5/2020 tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2020 – Tkomplija tal-appoġġ għar-rifuġjati u għall-komunitajiet ospitanti fil-Ġordan, fil-Libanu u fit-Turkija b'rispons għall-kriżi fis-Sirja[5], u tas-17 ta' Novembru 2011 dwar appoġġ tal-UE għall-QKI: naffaċċjaw l-isfidi u negħlbu d-diffikultajiet[6],

 wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra tal-1949 u l-protokolli addizzjonali tagħhom,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet preċedenti tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar is-Sirja,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet preċedenti tal-Viċi President / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, fosthom dawk maħruġa fi Frar 2020 dwar l-aċċess umanitarju f'Idlib, tas-26 ta' Settembru 2019 dwar is-Sirja u tad-9 ta' Ottubru 2019 dwar l-iżviluppi reċenti fil-Grigal tas-Sirja,

 wara li kkunsidra l-aħħar dikjarazzjoni tal-Mibgħut Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti għas-Sirja, Geir O. Pedersen, indirizzata lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti fit-22 ta' Jannar 2021,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 2254 tat-18 ta' Diċembru 2015 u r-riżoluzzjoni 2533 tal-11 ta' Lulju 2020, li jestendu l-użu tal-punt ta' qsim tal-fruntiera ta' Bab Al Hawa sal-10 ta' Lulju 2021;

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-President tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti li jerġgħu jaffermaw is-sostenn qawwi tal-Kunsill lill-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi,

 wara li kkunsidra r-rapporti ta' kull xahar mibgħuta mill-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta' Armi Kimiċi (OPCW) lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-progress li sar fl-eliminazzjoni tal-programm tal-armi kimiċi Sirjan,

 wara li kkunsidra r-rapport bimestrali ppreżentat lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-implimentazzjoni tar-riżoluzzjonijiet umanitarji min-naħa tal-partijiet involuti kollha fil-kunflitt fis-Sirja,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 71/248 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, tal-21 ta' Diċembru 2016, li tistabbilixxi Mekkaniżmu Internazzjonali, Imparzjali u Indipendenti biex Jassisti fl-Investigazzjoni u l-Prosekuzzjoni tal-Persuni Responsabbli għad-Delitti l-Aktar Serji skont id-Dritt Internazzjonali li Twettqu fis-Sirja sa minn Marzu 2011,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti, ippubblikat mill-Kummissjoni ta' Inkjesta Internazzjonali Indipendenti tan-Nazzjonijiet Uniti dwar is-Sirja,

 wara li kkunsidra l-istrateġija tal-UE dwar is-Sirja, adottata fit-3 ta' April 2017, u l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-istrateġija reġjonali tal-UE relatata mas-Sirja u mal-Iraq u mat-theddida rrappreżentata mill-ISIL/Daesh, adottata fis-16 ta' Marzu 2015,

 wara li kkunsidra d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/30 tal-15 ta' Jannar 2021 li timplimenta d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja[7], li żdiedet il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Sirjan il-ġdid mal-lista tas-sanzjonijiet tal-UE, u d-deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja,

 wara li kkunsidra s-sanzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti li jiffriżaw il-fondi ta' persuni u entitajiet assoċjati mal-ISIL/Daesh u ma' Al-Qaeda, kif ukoll id-deċiżjonijiet ta' implimentazzjoni rilevanti tal-Kunsill tal-UE,

 wara li kkunsidra t-twaqqif, fl-2011, tas-Segretarjat tan-Network tal-UE għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tal-ġenoċidju, tad-delitti kontra l-umanità u tad-delitti tal-gwerra, li hu ospitat minn Eurojust,

 wara li kkunsidra l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2003/444/PESK tas-16 ta' Ġunju 2003 dwar il-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI)[8], il-Pjan ta' Azzjoni tagħha tal-2004, maħsub biex jikseb ir-ratifika u l-implimentazzjoni universali tal-QKI, kif ukoll il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE rivedut tal-2011,

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tar-Raba' Konferenza ta' Brussell rigward "Appoġġ għall-futur tas-Sirja u tar-reġjun", li saret fit-30 ta' Ġunju 2020,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi, fl-aħħar ta' Frar 2011, ir-reġim Sirjan arresta, żamm f'detenzjoni u ttortura tfal Sirjani li kienu kitbu mal-ħitan tal-belt ta' Deraa slogans kontra l-President Bashar Al-Assad; billi fil-15 ta' Marzu 2011 eluf ta' Sirjani niżlu fit-toroq ta' Deraa u ta' Damasku, fi kwantitajiet rekord, biex jitolbu riformi demokratiċi, il-ħelsien tad-detenuti politiċi, il-waqfien tat-torturi, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt u l-organizzazzjoni ta' elezzjonijiet liberi u ġusti, kif ukoll it-tmiem tal-korruzzjoni; billi matul diversi snin dawn il-protesti popolari nxterdu mal-pajjiż kollu, fil-bliet il-kbar bħal Homs, Hama, Idlib u l-kwartieri popolari ta' Aleppo u ta' Damasku, kif ukoll fi bliet iżgħar, bħal Al-Hasakah fil-Grigal u Kafr Nabl fil-Majjistal;

B. billi r-rewwixta Sirjana tal-2011 kienet turija tad-diversità etnika u reliġjuża tas-Sirja, li involviet il-mexxejja tal-gruppi etniċi u reliġjużi kollha u tal-provinċji kollha tal-pajjiż;

C. billi r-reġim Sirjan wieġeb l-aspirazzjonijiet demokratiċi leġittimi tal-poplu tiegħu bl-akbar brutalità eżerċitata mill-forzi tas-sigurtà Sirjani u mill-milizji alleati taħt il-kmand tagħhom; billi minn Marzu 2011, skont in-Network Sirjan għad-Drittijiet tal-Bniedem, inqatlu aktar minn 230 000 ċivili, li minnhom 88 % mir-reġim Sirjan, 3 % mill-forzi Russi, 2 % minn Daesh u 2 % mill-gruppi armati tal-oppożizzjoni; billi aktar minn 15 000 ċivili ġew ittorturati sal-mewt, 99 % minnhom fil-ħabsijiet tar-reġim; billi, minn dak iż-żmien, aktar minn 150 000 ċivili sfaw vittma ta' għajbien furzat u għadhom miżmuma f'detenzjoni, li minnhom 88 % mir-reġim Sirjan, 6 % minn Daesh u 3 % mill-gruppi armati tal-oppożizzjoni; billi aktar minn 29 500 tifel u tifla nqatlu, li minnhom 78 % mir-reġim Sirjan u mill-milizji Iranjani, 7 % mill-forzi Russi u 3 % minn Daesh; billi aktar minn 28 500 mara nqatlu, li minnhom 77 % mir-reġim Sirjan, 6 % mill-forzi Russi u 3 % minn Daesh; billi, minn dak iż-żmien, aktar minn 3 400 membru tal-persunal tas-saħħa sfaw vittma ta' għajbien furzat jew ta' detenzjoni, li minnhom 98 % mir-reġim Sirjan;

D. billi r-reġim Sirjan uża armi kimiċi, missili Scud, artillerija konvenzjonali u bombi li jintefgħu mill-ajru, kif ukoll bombi bettija, bombi dispersivi u bombi inċendjarji fil-kwartieri ċivili densament popolati bħal Homs, Hama u n-naħa tal-Lvant ta' Aleppo; billi lid-dimostranti paċifiċi feruti minn tiri ta' armi tan-nar tal-forzi tas-sigurtà Sirjani ġew imċaħħda mill-kuri u ttorturati sal-mewt fl-isptarijiet militari u fiċ-ċentri ta' detenzjoni tal-pajjiż kollu, kif evidenzjat mir-rapport Caesar ippreżentat minn Franza lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti f'Mejju 2014; billi l-familji ma tħallewx sistematikament jidfnu lill-mejtin tagħhom fiċ-ċimiterji; billi l-bosta massakri ta' mijiet ta' rġiel, nisa u tfal fil-bliet rurali, bħal dak li sar f'Mejju 2012 f'Houla, kienu parti minn strateġija ta' intimidazzjoni tar-reġim Sirjan fil-konfront tal-vuċijiet kritiċi; billi l-Kummissjoni ta' Inkjesta tan-Nazzjonijiet Uniti dwar is-Sirja rrapportat dwar l-użu sistematiku tal-istupru bħala arma tal-gwerra min-naħa tal-forzi tar-reġim Sirjan u tal-milizji tagħhom;

E. billi n-Nazzjonijiet Uniti, permezz tal-mandat tal-Mibgħuta Speċjali tan-NU, bdew sensiela ta' inizjattivi biex jilħqu waqfien mill-ġlied bejn il-gruppi kollha, jinħelsu d-detenuti, jiġi garantit l-aċċess umanitarju għaż-żoni kollha tal-pajjiż, jiġu protetti l-ġurnalisti u l-NGOs u jinbeda djalogu inklużiv favur soluzzjoni politika tal-kunflitt li faqqa' wara l-2011;

F. billi r-Russja, sostnuta miċ-Ċina, użat il-veto fi 16-il riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti tal-2011, fosthom riżoluzzjoni dwar id-differiment tas-Sirja lill-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) u riżoluzzjoni dwar iż-żieda fl-aċċess umanitarju; billi l-Iran u Hezbollah kienu involuti direttament biex isostnu r-repressjoni taċ-ċivili min-naħa tar-reġim Sirjan; billi mill-2015 ir-Russja investiet riżorsi loġistiċi, diplomatiċi u finanzjarji biex torganizza intervent militari fuq skala kbira tal-forzi tal-ajru Russi bħala sostenn għar-reġim Sirjan; billi t-Turkija interveniet direttament fis-Sirja mill-2016 bit-tir li tokkupa r-reġjuni tat-Tramuntana tal-pajjiż, magħmula prevalentement minn enklavi Kurdi Sirjani;

G. billi l-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem diversi drabi ġibdet l-attenzjoni għall-ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem fis-Sirja, b'mod partikolari wara l-2011; billi ġurnalisti, NGOs u organizzazzjonijiet internazzjonali indipendenti, pereżempju il-Kummissjoni ta' Inkjesta Internazzjonali, Indipendenti tan-Nazzjonijiet Uniti dwar is-Sirja, iddokumentaw ksur li jikkostitwixxi delitti kontra l-umanità, delitti tal-gwerra, reati ta' tortura u vjolenza sesswali;

H. billi l-UE u l-Istati Membri tagħha ssospendew ir-relazzjonijiet diplomatiċi mar-reġim Sirjan fl-2012; billi l-UE għalqet id-delegazzjoni tagħha f'Damasku f'Diċembru 2012, b'segwitu għall-għeluq tal-ambaxxati tal-Istati Membri li sar fil-bidu tal-2012;

I. billi l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Sirja, iffirmat fl-2009, ġie sospiż fl-2011; billi l-adeżjoni tas-Sirja mal-Unjoni għall-Mediterran ġiet sospiża;

J. billi l-UE kienet l-akbar sieħeb kummerċjali tas-Sirja qabel l-2011; billi fl-2011 il-Kunsill adotta sanzjonijiet fil-konfront ta' persuni u entitajiet involuti fir-repressjoni taċ-ċivili u wara ġew rinforzati, biex tintlaħaq soluzzjoni politika negozjata; billi dawn is-sanzjonijiet jipprevedu derogi umanitarji;

K. billi t-tweġiba tar-reġim Sirjan lir-rewwixta kkawżat il-qerda tan-nisġa ekonomika u soċjali tas-Sirja; billi il-kollass tal-lira Sirjana ġie amplifikat mill-kollass tal-ekonomija Libaniża mill-2019 u mir-riperkussjonijiet ekonomiċi globali marbuta mal-pandemija tal-COVID-19 minn Marzu 2020;

L. billi s-Sirja, li tinsab taħt pressjoni internazzjonali intensa, iffirmat u rratifikat il-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi f'Ottubru 2013, wara li kkommettiet dak li sal-lum hu l-aktar attakk kimiku gravi tagħha fuq kwartier ċivili fin-naħa tal-Lvant ta' Ghouta, sobborg fil-Lvant ta' Damasku; billi, minn dak iż-żmien, it-Tim ta' Investigazzjoni u Identifikazzjoni tal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta' Armi Kimiċi (OPCW) qies ir-reġim Sirjan responsabbli mill-użu ta' armi kimiċi fuq iċ-ċivili f'diversi drabi; billi f'Lulju 2020 il-Kunsill Eżekuttiv tal-OPCW talab formalment, għal darb'oħra, lir-reġim Sirjan jiddikjara l-impjanti ta' armi kimiċi tiegħu;

M. billi, fil-bidu tal-2021, il-kunflitt kkawża kważi 7 miljun rifuġjat u aktar minn 13-il miljun persuna dipendenti mill-għajnuna umanitarja fis-Sirja, 6,8 miljun persuna spostata internament u aktar minn 3 miljun persuna li jgħixu f'żoni assedjati li diffiċli jintlaħqu; billi l-aċċess umanitarju għall-popolazzjonijiet kollha fil-bżonn għadu fundamentali u billi 40 % tal-popolazzjoni Sirjana tirrisjedi f'żoni mhux ikkontrollati mill-gvern; billi, barra mill-assistenza ġenerali tas-saħħa għall-popolazzjoni, il-pandemija tal-COVID-19 uriet kemm l-aċċess transfruntier għas-Sirja tal-Majjistral u tal-Grigal għadu kruċjali;

N. billi l-attakki ma jaqgħtu qatt fuq il-faċilitajiet tas-saħħa qerdu s-sistema tas-saħħa Sirjana, u ħallew lis-Sirjani f'diffikultà biex jegħlbu l-isfidi kkawżati mill-kriżi tal-COVID-19;   billi anqas minn 64 % tal-isptarijiet u 52 % taċ-ċentri ta' assistenza tas-saħħa primarja fis-Sirja huma operattivi; billi, skont l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), 70 % tal-persunal tas-saħħa ħarab mill-pajjiż;

O. billi l-attakki regolari fuq il-faċilitajiet tas-saħħa kkaratterizzaw sa mill-bidu nett il-kunflitt Sirjan, bi ksur sfaċċat tad-dritt umanitarju internazzjonali;   billi l-attakki saru anki fl-2020, minkejja li faqqgħet il-pandemija tal-coronavirus; billi f'dawn l-aħħar għaxar snin żdied ir-rikonoxximent internazzjonali tan-natura sistematika tal-attakki fuq l-assistenza tas-saħħa fis-Sirja, iżda ma kienx faċli li tiġi stabbilita b'mod ċar ir-responsabbiltà għal dawn l-attakki; billi r-riżoluzzjoni 2139 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, adottata fl-2014, titlob lill-partijiet kollha fil-kunflitt jirrispettaw il-prinċipju tan-newtralità medika, u insistiet fuq il-bżonn li l-partijiet involuti kollha jiddemilitarizzaw il-faċilitajiet mediċi u jastjenu minn attakki diretti lejn objettivi ċivili; billi, permezz tal-adozzjoni tar-riżoluzzjoni 2286 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti tal-2016, issaħħu l-miżuri speċifiċi għall-protezzjoni tal-assistenza tas-saħħa fiż-żoni ta' kunflitt fid-dinja kollha; billi s-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti waqqaf Bord ta' Inkjesta intern tan-Nazzjonijiet Uniti, li eżamina numru limitat ta' inċidenti li ġraw fil-Grigal tas-Sirja bejn Settembru 2019 u April 2020;

P. billi l-Għoljiet tal-Golan ilhom territorji Sirjani okkupati mill-Istat ta' Iżrael mill-1967;

Q. billi l-Istati Membri rratifikaw l-Istatut ta' Ruma tal-QKI mill-2009; billi fl-2011 il-Kunsill waqqaf is-Segretarjat tan-Network tal-UE għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tal-ġenoċidju, tad-delitti kontra l-umanità u tad-delitti tal-gwerra, li hu ospitat minn Eurojust, billi l-istrateġija tal-UE dwar is-Sirja tistieden lill-UE tippromwovi l-obbligu ta' rendikont għad-delitti tal-gwerra kommessi fis-Sirja, bil-għan li jkunu aġevolati proċess ta' rikonċiljazzjoni nazzjonali u ġustizzja ta' tranżizzjoni;

R. billi fl-2018 għall-ewwel darba tnediet Skwadra ta' Investigazzjoni Konġunta mmexxija mill-awtoritajiet ġudizzjarji u inkarigati mill-infurzar tal-liġi ta' Franza u tal-Ġermanja biex tiffaċilita l-arrest u l-prosekuzzjoni tal-kriminali tal-gwerra Sirjani b'segwitu għall-pubblikazzjoni tar-rapport Caesar, li kixef il-prattiki sistematiċi li bihom mijiet ta' eluf ta' nisa u rġiel fiċ-ċentri ta' detenzjoni Sirjani mill-2011 tħallew bil-ġuħ u ġew ittorturati;

1. Jesprimi s-sostenn tiegħu għall-aspirazzjonijiet demokratiċi tal-poplu Sirjan li, 10 snin ilu fil-15 ta' Marzu 2011, għamel dimostrazzjoni paċifika biex jitlob riformi demokratiċi f'Deraa, f'Damasku u fil-bqija tal-pajjiż; jagħti ġieħ lill-500 000 vittma tar-repressjoni u tal-kunflitt fis-Sirja mill-bidu tar-rewwixta popolari; jemmen li l-futur tas-Sirja għandu jibqa' f'idejn il-poplu Sirjan;

2. Jesprimi tħassib kbir bl-istall politiku ta' dawn l-aħħar għaxar snin u jfaħħar l-isforzi li saru mill-Mibgħut Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti, Geir O. Pedersen, biex isib soluzzjoni politika għall-kunflitt; jikkondividi t-tħassib tal-Mibgħut Speċjali għan-nuqqas ta' progress; huwa wkoll imħasseb bil-kollass ekonomiku u għall-kriżi umanitarja diżastruża li laqtu lis-Sirja;

3. Jistieden lir-Russja, lill-Iran u lil Hezbollah jirtiraw mit-territorju Sirjan it-truppi tagħhom, li operaw mingħajr mandat tan-Nazzjonijiet Uniti; jiddeplora r-rwol tar-Russja u tal-Iran talli sostnew ir-repressjoni totali tar-reġim Sirjan fil-konfront tal-popolazzjoni ċivili u talli ħadu l-kontroll tal-proċess politiku u tar-riżorsi ekonomiċi fis-Sirja;

4. Jistieden lit-Turkija tirtira t-truppi tagħha mit-Tramuntana tas-Sirja, territorju li tokkupa illegalment u mingħajr mandat tan-Nazzjonijiet Uniti; jikkundanna t-trasferimenti illegali ta' Kurdi Sirjani mit-territorju okkupat fit-Tramuntana tas-Sirja lejn it-Turkija għal skopijiet ta' detenzjoni u prosekuzzjoni, bi ksur tal-obbligi internazzjonali tat-Turkija fil-qafas tal-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra; huwa inkwetat bil-fatt li l-ispostamenti li qegħdin isiru fit-Turkija jaf ikunu ekwivalenti għal tindif etniku kontra l-popolazzjoni Kurda Sirjana; jenfasizza li l-intervent tat-Turkija dgħajjef l-isforzi internazzjonali kontra Daesh; jikkundanna bil-qawwa l-użu min-naħa tat-Turkija ta' merċenarji Sirjani fil-kunflitti fil-Libja u fin-Nagorno-Karabakh, bi ksur tad-dritt internazzjonali;

5. Jesprimi s-sostenn tiegħu għar-riżoluzzjoni 2254 tal-2015 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, li tistabbilixxi proċess ta' riforma kostituzzjonali mmexxi mis-Sirja; jesprimi dispjaċir kbir għan-nuqqas ta' impenn min-naħa tar-reġim Sirjan, minkejja l-impenn ripetut u d-disponibbiltà li wrew il-movimenti tal-oppożizzjoni Sirjana biex jinnegozjaw mar-reġim Sirjan bil-għan li titfassal Kostituzzjoni Sirjana ġdida;

6. Jopponi kwalunkwe normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet diplomatiċi mar-reġim Sirjan sakemm fis-Sirja ma jsirx progress fundamentali fil-post, b'impenn ċar, kostanti u kredibbli fi proċess politiku inklużiv; iqis li l-elezzjonijiet presidenzjali Sirjani li jmiss tal-2021 huma nieqsa minn kwalunkwe kredibbiltà f'għajnejn il-komunità internazzjonali fil-kuntest attwali;

 

7. Jemmen bis-sħiħ fid-diversità reliġjuża u etnika tas-Sirja; jiddeplora l-azzjonijiet diskriminatorji li ilu jieħu r-reġim Sirjan kontra s-Sirjani Kurdi; jikkundanna l-attakki mmirati tar-reġim Sirjan kontra l-ilħna kritiċi tal-komunità Alevita, bħar-rebbieħ tal-Premju Sakharov tal-Parlament Ewropew Ali Ferzat għall-kritika tiegħu kontra l-President Bashar Al Assad, kif ukoll l-attakki tar-reġim Sirjan kontra 124 knisja Kristjana, kif dokumentat min-Network Sirjan għad-Drittijiet tal-Bniedem; jikkundanna bil-qawwa l-assassinju ta' minoranzi reliġjużi min-naħa tad-Daesh, partikolarment id-delitti ta' ġenoċidju kontra l-Yazidi u persuni ta' twemmin Musulman Xiita u Kristjan bejn l-2014 u l-2018; jiddeplora bil-qawwa l-persekuzzjoni tal-minoranzi taħt il-gruppi armati tal-oppożizzjoni;

8. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar it-tensjonijiet dejjem akbar fil-Kurdistan Iraqi, li f'dawn l-aħħar snin gawda aktar stabbiltà mis-Sirja u pprovda kenn sikur lil rifuġjati Sirjani;

9. Ifakkar lill-komunità internazzjonali fil-gravità u l-kobor tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem imwettaq fis-Sirja mill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt; jissottolinja r-responsabbiltà kbira tar-reġim Sirjan fid-deċiżjoni tiegħu li jirrispondi għal protesti paċifiċi b'repressjoni totali u b'mezzi inkwalifikabbli; ifakkar fl-importanza tar-rapport Caesar u l-konferma, ippreżentata lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti minn Franza fl-2014, tal-kredibbiltà tar-ritratti tal-11 000 priġunier identifikati li tħallew bil-ġuħ u ġew ittorturati għall-mewt f'ċentri ta' detenzjoni u sptarijiet militari fl-inħawi ta' Damasku bejn l-2011 u l-2013;

10. Jikkundanna bil-qawwa l-qtil ta' 550 ġurnalist internazzjonali u Sirjan min-naħa tar-reġim Sirjan u għexieren ta' persuni min-naħa tad-Daesh u gruppi armati oħra; jistieden lir-reġim Sirjan jeħles minnufih lill-400 ġurnalist li, skont in-Network Sirjan għad-Drittijiet tal-Bniedem, qed iżomm arrestati l-ħabs;

11. Jikkundanna bl-aktar mod qawwi l-użu tal-istupru bħala arma tal-gwerra kontra n-nisa, sew jekk mir-reġim Sirjan u l-milizzji tiegħu kif dokumentat mill-Kumitat Indipendenti Internazzjonali tan-NU, u sew jekk mid-Daesh fuq nisa Yazidi u Xiiti; ifakkar fir-rwol tan-nisa fir-rewwixta tal-2011 u l-importanza fundamentali tal-inklużjoni tan-nisa fil-livelli kollha tal-istrutturi tal-poter politiku, ekonomiku u ġudizzjarju tas-Sirja, inkluż fil-ġustizzja tranżizzjonali;

12. Jikkundanna bil-qawwa l-attakki fuq il-ħaddiema umanitarji minn kull naħa, speċjalment mir-reġim Sirjan u d-Daesh; jirrimarka r-responsabbiltà partikolari tar-reġim Sirjan fil-qtil immirat ta' ħaddiema umanitarji sa mill-2011, kif ukoll ir-responsabbiltà kbira tar-Russja, bħal fil-każ tal-bumbardament ta' 21 sptar temporanju ta' Médecins Sans Frontières (MSF) f'Ottubru 2015;

13. Itenni bl-aktar mod qawwi l-kundanna tiegħu fil-konfront ta' attakki mill-ajru Russi li fihom inqatlu total ta' aktar minn 6 900 persuna ċivili – fosthom 2 000 tifel u tifla – permezz ta' munizzjon dispersiv, bombi termobariċi u missili fuq distanza twila, immirati lejn ċentri tal-midja indipendenti, sptarijiet, infrastruttura umanitarja, inklużi 'l fuq minn 207 faċilitajiet mediċi, skont in-Network Sirjan għad-Drittijiet tal-Bniedem, u unitajiet tad-difiża ċivili Sirjani bħal membri tal-organizzazzjoni umanitarja tal-Elmi Bojod; jikkundanna t-tentattivi tar-Russja li tħammeġ ir-reputazzjoni tal-Elmi Bojod fil-midja tal-Punent permezz ta' kampanja ta' diżinformazzjoni aggressiva u sostnuta fuq il-midja soċjali; jikkundanna bl-aktar mod qawwi l-involviment ta' ajruplani tal-gwerra Russi fl-attakki kimiċi tar-reġim Sirjan, bħal fil-massakru kimiku ta' Khan Sheikhoun f'April 2017, segwit minnufih mill-bumbardament – min-naħa ta' ajruplani tal-gwerra Russi – tal-uniku sptar fejn kienu qed jingħataw il-kura l-vittmi; jiddeplora l-attakki Iżraeljani fuq it-territorju Sirjan;

14. Iħeġġeġ lir-reġim Sirjan jeħles minnufih lill-130 000 priġunier politiku li qed jinżammu arrestati inġustament, inklużi nisa, irġiel u tfal li sfaw vittmi ta' għajbien sfurzat min-naħa tal-forzi tas-sigurtà Sirjani; jikkundanna bil-qawwa l-użu sistematiku ta' tortura, trattamenti inumani u vjolenza sesswali fil-kundizzjonijiet orribbli li qed jinżammu fihom, mingħajr ebda aċċess għal qorti ċivili, għal avukat, għal kura medika jew għall-familji tagħhom; jenfasizza li qed jiġu mċaħħda mid-drittijiet bażiċi tagħhom għal proċess ġust, inkluż biż-żamma ta' informazzjoni dwar l-arrest tagħhom u bl-użu tat-tortura biex jiġu mġiegħla jammettu ħtija li m'għandhomx; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Sirjani biex, mingħajr ebda eċċezzjoni, jagħtu aċċess immedjat u bla xkiel għall-faċilitajiet ta' detenzjoni lill-NGOs umanitarji u l-organizzazzjonijiet ta' monitoraġġ internazzjonali rikonoxxuti mingħajr preavviż;

15. Jirriafferma li l-persuni responsabbli għal dawn id-delitti għandhom jitressqu quddiem il-ġustizzja kif dovut, inkluż mill-Istati Membri tal-UE, fin-nuqqas ta' proċessi ta' ġustizzja tranżizzjonali internazzjonali jew nazzjonali oħra; jenfasizza l-importanza essenzjali li tissolva l-kwistjoni ta' dawk arrestati u li sfaw vittmi ta' għajbien sfurzat min-naħa tal-partijiet kollha involuti fil-kunflitt bħala parti fundamentali minn kwalunkwe proċess tranżitorju biex ikun hemm il-paċi;

16. Jilqa' l-ewwel sentenza li qatt ingħatat fil-konfront ta' uffiċjal tas-sigurtà tar-reġim Sirjan għal kompliċità f'delitti kontra l-umanità fl-24 ta' Frar 2021 mill-qorti ta' Koblenz fil-Ġermanja;

17. Jikkundanna bil-qawwa s-16-il veto fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti min-naħa tar-Russja, bl-appoġġ taċ-Ċina, biex is-Sirja titressaq quddiem il-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI); ifakkar li l-QKI għandha tibqa' l-ġurisdizzjoni primarja għall-ġustizzja internazzjonali f'każijiet ta' ġenoċidju, delitti kontra l-umanità, delitti tal-gwerra u delitti ta' aggressjoni;

18. Jenfasizza li d-Daesh għadu attiv fir-reġjun u ma ġiex megħlub; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar id-diffikultajiet biex tiġi ppreservata u jinkiseb aċċess għal evidenza fir-rigward ta' delitti mwettqa mid-Daesh; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappoġġjaw l-isforzi fuq il-post biex tiġi ddokumentata u ppreservata l-evidenza ta' dawk id-delitti; jilqa' l-passi meħuda fil-qorti kontra ċittadini tal-UE u ta' pajjiżi terzi li ssieħbu mad-Daesh;

19. Ifaħħar l-isforzi magħmula mill-Istati Membri tal-UE mill-2019 'l hawn biex jiżguraw appoġġ internazzjonali wiesa' għal garanzija ta' finanzjament fit-tul għall-Mekkaniżmu Internazzjonali, Imparzjali u Indipendenti biex Jassisti fl-Investigazzjoni u l-Prosekuzzjoni tal-Persuni Responsabbli għad-Delitti l-Aktar Serji skont id-Dritt Internazzjonali li Twettqu fir-Repubblika Għarbija Sirjana sa minn Marzu 2011 (MIII) fil-baġit ġenerali tan-NU;

20. Jilqa' l-Iskwadra ta' Investigazzjoni Konġunta Franko-Ġermaniża b'appoġġ għall-prosekuzzjoni fil-konfront tad-delitti kontra l-umanità ddokumentati mir-rapport Caesar; jilqa' l-mandati ta' arrest internazzjonali maħruġa miż-żewġ pajjiżi fl-2018 biex jiġu arrestati tliet uffiċjali tas-sigurtà ta' livell għoli; ifaħħar ir-rwol tal-NGOs Sirjani lokali fil-verifika, id-dokumentazzjoni, il-ġbir u l-protezzjoni tal-evidenza ta' delitti kontra l-umanità u delitti tal-gwerra, kif ukoll ir-rwol komplementari ta' NGOs bħall-Kummissjoni għall-Ġustizzja u r-Responsabbiltà Internazzjonali fl-assistenza lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u ġudizzjarji Ewropej biex jittieħdu passi effettivi fil-konfront ta' kriminali tal-gwerra preżenti fit-territorju tal-Istati Membri tal-UE; jistieden lill-UE tipprovdi aktar taħriġ legali lis-Sirjani biex ikunu jistgħu jiżvolġu rwol fil-ġlieda kontra l-impunità;

21. Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta pjan ta' azzjoni tal-UE dwar l-impunità, b'kapitlu speċifiku dwar is-Sirja; jenfasizza li dan il-pjan ta' azzjoni għandu jara li jkun hemm aktar koordinament u armonizzazzjoni fl-isforzi u r-riżorsi tal-Istati Membri biex il-kriminali tal-gwerra jitressqu quddiem il-ġustizzja fl-UE; hu tal-fehma li l-ġustizzja tranżizzjonali għandha rwol fundamentali biex tiġi żgurata l-paċi fit-tul;

22. Jistieden lill-UE tniedi fond Ewropew apposta għall-vittmi ta' delitti kontra l-umanità fis-Sirja;

23. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jtejbu l-koordinament fil-qasam tar-riżorsi ġudizzjarji, tal-pulizija u tal-immigrazzjoni bl-iżvilupp ta' ġurisdizzjonijiet komuni sabiex jiġu mutwalizzati l-kompetenzi ġudizzjarji fl-Istati Membri kollha u tiġi ffaċilitata l-prosekuzzjoni; jenfasizza li l-Istati Membri li huma mgħammra aħjar għandhom jikkondividu l-esperti u l-interpreti tagħhom sabiex jiġu ffaċilitati investigazzjonijiet effiċjenti u effettivi, filwaqt li kull Stat Membru għandu jagħmel ħiltu biex jaħtar prosekutur apposta għal dawn id-delitti sabiex jitħaffu l-isforzi ta' koordinament fil-qasam ġudizzjarju;

24. Jistieden lill-Istati Membri jikkondividu awtomatikament, fil-livell tal-UE, informazzjoni dwar persuni li jkun suspettat li huma kriminali tal-gwerra skont l-Artikolu 1f tal-Konvenzjoni ta' Ġinevra; hu tal-fehma li hemm bżonn ukoll kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-awtoritajiet tal-immigrazzjoni u l-prosekuturi pubbliċi dwar persuni li jkun suspettat li huma kriminali tal-gwerra fil-livell nazzjonali;

25. Iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha tal-UE, mingħajr ebda eċċezzjoni, biex jikkooperaw bis-sħiħ fil-ġlieda kontra l-impunità; jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar in-nuqqas ta' kooperazzjoni ta' ċerti Stati Membri fil-prosekuzzjoni ta' kriminali tal-gwerra Sirjani;

26. Jesprimi l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-isforzi Ewropej immexxija min-Netherlands minn Settembru 2020 biex jinfetħu proċedimenti legali kontra s-Sirja fil-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja (QIĠ) għal ksur tal-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura;

27. Jistieden lill-Istati Membri biex, fil-konferenza li jmiss tal-OPCW fir-rebbiegħa tal-2021, jitolbu s-sospensjoni tas-sħubija tas-Sirja fl-OPCW talli ffalsifikat l-evidenza tal-użu ta' armi kimiċi; jerġa' jesprimi x-xokk u l-kundanna tiegħu għat-336 attakk kimiku dokumentat min-naħa tar-reġim Sirjan bl-użu ta' gass tal-kloru, sarin u mustarda tal-kubrit fuq il-popolazzjoni ċivili;

28. Jikkundanna bil-qawwa l-liġijiet il-ġodda tar-reġim Sirjan li jċaħħdu lis-Sirjani li jgħixu barra l-pajjiż mill-proprjetà privata tagħhom; jemmen li din il-politika tmur kontra l-interess fit-tul tas-Sirja li ssib il-paċi u l-għaqda nazzjonali;

29. Jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar it-tbatija kontinwa tal-poplu Sirjan, għaxar snin mindu beda l-kunflitt; jesprimi tħassib partikolari dwar il-fatt li, fl-aħħar sena biss, il-bżonnijiet umanitarji fis-Sirja żdiedu b'għoxrin fil-mija, u li 4,5 miljun Sirjan ieħor issa qegħdin f'kundizzjoni ta' insigurtà fir-rigward tal-ikel, filwaqt li 90 % qed jgħixu taħt is-soll tal-faqar; iqis li l-aċċess umanitarju għandu jibqa' prijorità ċentrali għall-UE fis-Sirja, u li ż-żieda fil-bżonnijiet tirrikjedi rispons finanzjarju u politiku akbar min-naħa tal-UE; jinnota li r-riżoluzzjoni 2533 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-qsim tal-fruntiera f'Bab al Hawa waslet biex tiġġedded f'Lulju 2021; hu tal-fehma li t-twassil transfruntier tal-assistenza umanitarja għall-persuni li bħalissa jiddependu fuq il-konsenja transfruntiera mhuwiex affidabbli; ifakkar li 2,4 miljun[1] Sirjan jiddependu fuq il-qsim tal-fruntiera għas-sopravivenza tagħhom u li jekk dan ma jiġix estiż għal minimu ta' 12-il xahar ikollu konsegwenzi serji u ta' theddida għall-ħajja; jikkundanna l-azzjonijiet ta' membri tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti li ppruvaw jillimitaw l-aċċess umanitarju għal skopijiet politiċi; iħeġġeġ lill-membri kollha tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti jagħtu l-appoġġ tagħhom għat-tiġdid tar-riżoluzzjoni dwar il-konsenja transfruntiera sabiex tiġi evitata kriżi umanitarja akbar u jiżguraw l-espansjoni u l-appoġġ għal interventi trasversali mwettqa f'konformità ma' prinċipji umanitarji; jenfasizza l-importanza li tiġi żgurata r-riawtorizzazzjoni immedjata tal-punti ta' qsim tal-fruntiera bejn Bab al-Salam u Yarubiyah f'konformità mar-riżoluzzjoni 74/169 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti biex jiġi żgurat li l-għajnuna tilħaq lill-popolazzjonijiet fil-bżonn kemm fil-Majjistral kif ukoll fil-Grigal permezz tal-aktar rotot diretti;

30. Jistieden lill-komunità internazzjonali tindirizza b'urġenza l-livelli rekord ta' bżonnijiet umanitarji tal-poplu Sirjan ġewwa u barra s-Sirja; iħeġġeġ lill-UE biex, bħala dik li laqqgħet il-Ħames Konferenza tad-Donaturi ta' Brussell dwar is-Sirja, timmobilizza donaturi internazzjonali oħra biex jiżdied l-appoġġ għas-settur tas-saħħa fil-Pjan ta' Risposta Umanitarja fis-Sirja permezz ta' finanzjament akbar, flessibbli u pluriennali li jkopri l-bżonnijiet tal-popolazzjoni fit-tul; jistieden lid-donaturi internazzjonali jinvestu speċifikament fi programmi li jsewwu, jirrestawraw u jsaħħu l-faċilitajiet tas-saħħa li saritilhom ħsara jew inqerdu, flimkien ma' infrastrutturi ċivili oħra li ġarrbu ħsara;

31. Iħeġġeġ lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti jinkludi appelli espliċiti għall-protezzjoni tal-ħaddiema tas-saħħa fir-riżoluzzjonijiet tan-NU u d-diskussjonijiet uffiċjali li ġejjin; jistieden lill-Istati Membri tal-UE biex, f'dan ir-rigward, joffru appoġġ politiku u operazzjonali għal inizjattivi ta' responsabbiltà u investigazzjonijiet immexxija min-NU favur ir-rispett tad-dritt umanitarju internazzjonali;

32. Jenfasizza, ftit jiem qabel il-Ħames Konferenza tad-Donaturi ta' Brussell tad-29 u t-30 ta' Marzu, l-importanza mhux biss li jinżammu l-wegħdiet ta' assistenza umanitarja iżda li din l-assistenza favur is-Sirjani, il-persuni spostati internament u r-rifuġjati, kif ukoll il-komunitajiet milquta mill-kriżi fir-reġjun, tiżdied; jirrimarka l-fatt li l-UE u l-Istati Membri tagħha kienu l-akbar donaturi umanitarji b'risposta għall-kriżi umanitarja fis-Sirja, tant li mill-2011 l-għajnuniet laħqu l-EUR 20 biljun; jesprimi tħassib serju dwar l-allegati pjanijiet tal-Gvern tar-Renju Unit li jnaqqas b'mod sinifikanti l-kontribuzzjonijiet tiegħu f'termini ta' għajnuna, inkluż tnaqqis ta' 67 % għas-Sirja u 88 % għal-Libanu;

33. Ifaħħar ir-rwol tal-istati ġirien fis-solidarjetà li wrew u l-assistenza li jagħtu lir-rifuġjati Sirjani fil-Libanu, il-Ġordan, it-Turkija u l-Iraq; iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE jkomplu jiffinanzjaw programmi ta' assistenza umanitarja fil-pajjiżi ospitanti tar-rifuġjati u għall-persuni spostati internament fis-Sirja; iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE jipprovdu l-finanzjament u l-appoġġ kollu li hemm bżonn biex jiġi żgurat li t-tfal rifuġjati Sirjani kollha fil-pajjiżi ospitanti jkollhom aċċess mhux biss għall-edukazzjoni primarja, iżda anke għall-edukazzjoni sekondarja; iħeġġeġ lill-pajjiżi ospitanti kollha jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa biex dan jinkiseb u jneħħu kwalunkwe ostaklu amministrattiv jew leġiżlattiv; iħeġġeġ lill-pajjiżi ospitanti jiffukaw fuq l-aċċess għall-impjiegi, is-servizzi tas-saħħa u l-edukazzjoni, kif ukoll id-dokumentazzjoni ċivika, u b'hekk irawmu l-kapaċità tar-rifuġjati li jaħdmu biex isiru indipendenti;

34. Jistieden lill-Istati Membri kollha tal-UE jagħtu l-appoġġ tagħhom għal assistenza umanitarja bbażata fuq il-prinċipji mingħajr ma jinnormalizzaw ir-relazzjonijiet mar-reġim Sirjan; iwissi kontra l-investiment ta' assi finanzjarji tal-UE fir-rikostruzzjoni ġenerali tas-Sirja – sew direttament u sew indirettament – jekk ir-reġim Sirjan ma jimplimentax proċess politiku kredibbli; jiddeplora l-pjanijiet kummerċjali Russi, Iranjani, Ċiniżi u Torok intiżi biex japprofittaw mill-qerda tas-Sirja; jopponi bil-qawwa kwalunkwe normalizzazzjoni min-naħa ta' kwalunkwe Stat Membru tal-UE; jikkundanna bil-qawwa l-laqgħat ta' Membri tal-Parlament Ewropew mar-reġim Sirjan, u jenfasizza li dawk il-Membri ma jirrappreżentawx lill-Parlament Ewropew;

35. Jistieden lill-Istati Membri jżommu fis-seħħ is-sanzjonijiet fuq individwi u entitajiet involuti fir-repressjoni fis-Sirja; jenfasizza l-importanza li tiġi evitata kwalunkwe konsegwenza negattiva mhux intenzjonata tas-sanzjonijiet permezz ta' eżenzjonijiet umanitarji għal azzjoni umanitarja bbażata fuq il-prinċipji, u l-importanza li jiġu indirizzati l-problemi ta' konformità bankarja eċċessiva bi sħab mal-Istati Uniti;

36. Ifakkar lill-Istati Membri kollha tal-UE li s-Sirja mhijiex pajjiż sikur għal finijiet ta' rimpatriju; jemmen li kwalunkwe rimpatriju għandu jkun sikur, volontarju, dinjituż u infurmat, f'konformità mal-pożizzjoni ddikjarata tal-UE; jistieden lill-Istati Membri kollha tal-UE jastjenu milli jorjentaw il-politiki nazzjonali tagħhom lejn iċ-ċaħda ta' ċerti kategoriji ta' Sirjani mill-istatus ta' protezzjoni, u jmorru lura minn din it-tendenza jekk diġà applikaw politiki bħal dawn; iħeġġeġ lil-Libanu, lit-Turkija u lill-pajjiżi kollha fir-reġjun jissospendu d-deportazzjoni ta' ċittadini Sirjani lura lejn is-Sirja kontra r-rieda tagħhom;

37. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar id-deterjorament tas-sitwazzjoni umanitarja, sanitarja u tas-sigurtà fil-kampijiet bħal f'dak ta' Al Hol f'Rojava fl-Amministrazzjoni Awtonoma tat-Tramuntana u tal-Lvant tas-Sirja; jemmen li ċ-ċittadini kollha tal-UE miżmuma f'dawk il-kampijiet jeħtieġ jiġu pproċessati quddiem qorti; jesprimi x-xokk tiegħu wara l-qtil ta' impjegat tal-MSF li kien qed jaħdem fil-kamp ta' Al Hol fl-24 ta' Frar 2021, li jkompli juri kemm il-vjolenza qed tiswa ħajjiet u kemm  huma perikolużi l-kundizzjonijiet tal-għajxien fil-kamp;

38. Jistieden lill-Istati Membri tal-UE jipproteġu liċ-ċittadini tfal li jistgħu jinsabu miżmuma arrestati għal reati relatati mas-sigurtà jew assoċjazzjoni ma' gruppi armati;

39. Jistieden lill-Istati Membri tal-UE jiffaċilitaw ir-ritorn tat-tfal lejn pajjiżhom għar-riabilitazzjoni, ir-riintegrazzjoni u/jew il-prosekuzzjoni, skont il-każ, f'konformità sħiħa mad-dritt internazzjonali;

40. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar ir-ritorn tad-Daesh fil-Grigal; ifaħħar l-isforzi tal-koalizzjoni internazzjonali kontra d-Daesh; jenfasizza l-importanza ta' impenn kontinwu u fit-tul min-naħa tal-Istati Uniti fil-koalizzjoni;

41. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, kif ukoll lill-gvernijiet tal-Istati Membri.

 

 

[1] ĠU C 162, 10.5.2019, p. 119.

[2] ĠU C 307, 30.8.2018, p. 117.

[3] ĠU C 334, 19.9.2018, p. 69.

[4] Testi adottati, P9_TA(2019)0049.

[5] Testi adottati, P9_TA(2020)0195.

[6] ĠU C 153E, 31.5.2013, p. 115.

[7] ĠU L 12 I, 15.1.2021, p. 3.

[8] ĠU L 150, 18.6.2003, p. 67.

Aġġornata l-aħħar: 10 ta' Marzu 2021Avviż legali - Politika tal-privatezza