Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0181/2021Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0181/2021

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-kunflitt Sirjan – 10 snin wara r-rewwixta

8.3.2021 - (2021/2576(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Michael Gahler, Lukas Mandl, Antonio López-Istúriz White, Isabel Wiseler-Lima, Tom Vandenkendelaere, David Lega, Janina Ochojska, Adam Jarubas
f'isem il-Grupp PPE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0177/2021

Proċedura : 2021/2576(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B9-0181/2021
Testi mressqa :
B9-0181/2021
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B9-0181/2021

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kunflitt Sirjan – 10 snin wara r-rewwixta

(2021/2576(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sirja,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-2021 tal-Kummissjoni ta' Inkjesta dwar ir-Repubblika Għarbija Sirjana tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU (UNHRC) tat-18 ta' Frar 2021,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni Internazzjonali Indipendenti ta' Inkjesta dwar ir-Repubblika Għarbija Sirjana tal-1 ta' Marzu 2021,

 wara li kkunsidra ż-żewġ rapporti tal-Kummissjoni Internazzjonali Indipendenti ta' Inkjesta dwar ir-Repubblika Għarbija Sirjana tat-2 u tat-28 ta' Marzu 2020,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-16 ta' Frar 2021 mill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) f'isem l-UE dwar l-allinjament ta' ċerti pajjiżi terzi fir-rigward tal-miżuri restrittivi kontra s-Sirja,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni Internazzjonali Indipendenti ta' Inkjesta dwar ir-Repubblika Għarbija tas-Sirja tas-7 ta' Lulju 2020 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Għarbija Sirjana,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tan-NU u l-Unjoni Ewropea, bħala l-Presidenti Konġunti tar-Raba' Konferenza ta' Brussell, li saret fit-30 ta' Ġunju 2020, dwar "Appoġġ għall-futur tas-Sirja u r-reġjun",

 wara li kkunsidra d-diskors tal-Kummissarju Olivér Várhelyi tat-30 ta' Ġunju 2020 fis-sessjoni plenarja ta' waranofsinhar tar-Raba' Konferenza ta' Brussell dwar il-futur tas-Sirja u r-reġjun, li fakkar li l-objettivi ġenerali tal-Unjoni Ewropea fis-Sirja baqgħu ma nbidlux,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-9 ta' April 2020 tal-VP/RGħ f'isem l-UE dwar il-ħruġ tal-ewwel rapport tat-Tim ta' Investigazzjoni u Identifikazzjoni tal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta' Armi Kimiċi,

 wara li kkunsidra r-rapport ta' Human Rights Watch tal-15 ta' Ottubru 2020 bit-titolu "Targeting Life in Idlib: Syrian and Russian Strikes on Civilian Infrastructure" (Ħajjet in-nies fil-mira f'Idlib: attakki Sirjani u Russi fuq l-infrastruttura ċivili),

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 2533(2020) tal-11 ta' Lulju 2020 u 2504(2020) tal-10 ta' Jannar 2020, li t-tnejn li huma jittrattaw il-punti ta' qsim tal-fruntiera ta' Bab al-Salam u Bab al-Hawa u l-forniment tal-għajnuna umanitarja,

 wara li kkunsidra l-pożizzjoni konġunta tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u tal-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitati kompetenti kkonsultati f'konformità mal-Artikolu 234 tar-Regolament Finanzjarju (2018/1046), dwar l-estensjoni tal-Fond Fiduċjarju Reġjonali tal-Unjoni Ewropea b'Reazzjoni għall-Kriżi Sirjana (Fond Fiduċjarju Madad),

 wara li kkunsidra l-1290 laqgħa plenarja tal-Kunsill Permanenti tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) tad-19 ta' Novembru 2020,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kunsill Affarijiet Barranin tas-6 ta' Marzu 2020,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-1  u tat-18 ta' Frar 2020 attribwibbli għall-Kelliem tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar is-Sirja,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tat-13 ta' Jannar 2020 mill-VP/RGħ u l-Kummissarju għall-Ġestjoni tal-Kriżijiet Janez Lenarčič dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja,

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta' Ottubru 2019 dwar il-Grigal tas-Sirja,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi wara għaxar snin ta' gwerra, il-kriżi fis-Sirja hija kkaratterizzata minn tbatija u ħtiġijiet bla parallel, b'aktar minn 13-il miljun ruħ, li 6 miljuni minnhom huma nisa u tfal, li jeħtieġu għajnuna umanitarja; billi aktar minn nofs miljun ruħ tilfu ħajjithom waqt li aktar minn miljun ruħ indarbu; billi mill-1 ta' Diċembru 2019, l-ostilitajiet li komplew jiżdiedu fil-Majjistral tas-Sirja spostaw aktar minn 950 000 ruħ, madwar 7 miljun ruħ ġew spostati internament (inklużi 2,7 miljun fil-Majjistral tas-Sirja) u aktar minn 5,6 miljun ruħ ġew imġiegħla jfittxu kenn f'pajjiżi ġirien;

B. billi l-prattikanti umanitarji u dawk li jappoġġaw il-kawża umanitarja qed ikomplu jqajmu tħassib dwar is-sigurtà u l-protezzjoni tal-persuni rimpatrijati u tal-individwi spostati fid-dawl tal-kundizzjonijiet f'ħafna żoni tal-pajjiż u l-mistoqsijiet li jqajjem l-approċċ tal-Gvern Sirjan fir-rigward tar-rikonċiljazzjoni politika;

C. billi s-sitwazzjoni fil-kamp ta' Al-Hol għadha mwiegħra; billi aktar minn 90 % tal-popolazzjoni tal-kamp huma nisa u tfal; billi huwa kritiku li l-aġenziji umanitarji jibqgħu ffukati fuq li jiġi żgurat li r-residenti kollha fil-kamp ikollhom aċċess għall-assistenza umanitarja, inkluż ilma nadif, ikel u kura tas-saħħa, sakemm l-awtoritajiet rilevanti jsibu soluzzjoni għall-ispostament tagħhom;

D. billi s-Sirja qed tħabbat wiċċha ma' instabbiltà ekonomika li qed tikber, il-valur tal-lira Sirjana niżel għal livelli baxxi mingħajr preċedent u l-prezzijiet tal-prodotti bażiċi għolew b'aktar minn 100 % mill-2019; billi l-poplu Sirjan qed ikollu jgħix b'reġim li wettaq delitti tal-gwerra b'mod ripetut, li huwa responsabbli għal attakki fuq faċilitajiet mediċi identifikati u li ftit wera interess li jindirizza l-ħtiġijiet tal-popolazzjoni;

E. billi n-NU tistma li 83 % tal-popolazzjoni qed jgħixu taħt il-linja tal-faqar, u li ħafna Sirjani issa qed jissopravvivu f'kundizzjonijiet li huma saħansitra agħar minn dawk ta' matul is-snin tal-kunflitt;

F. billi l-Programm Dinji tal-Ikel (WFP) jikkalkula li 12,4 miljun Sirjan, li jirrappreżentaw kważi 60 % tal-popolazzjoni, qed ibatu minn insigurtà tal-ikel, b'żieda ta' 4,5 miljuni f'sena waħda biss;

G. billi l-virus COVID-19 qed ikompli jaggrava l-qagħda mwiegħra tal-komunitajiet l-aktar vulnerabbli u huwa maħsub li l-firxa tal-virus fil-pajjiż hija akbar mill-għadd uffiċjali mogħti mill-Ministeru tas-Saħħa; billi s-sistema tal-kura tas-saħħa tas-Sirja marret lura b'mod sinifikanti mill-bidu tal-kunflitt fl-2011, b'riżultat tal-attakki mill-forzi favur ir-reġim kontra l-ħaddiema u l-infrastruttura tal-kura tas-saħħa;

H. billi l-Gvern Sirjan kompla jimponi restrizzjonijiet qawwija fuq it-twassil tal-għajnuna umanitarja f'żoni tas-Sirja okkupati mill-gvern u fi bnadi oħra fil-pajjiż, u allegatament talab lill-gruppi umanitarji biex jissieħbu ma' atturi lokali kkontrollati mill-forzi tas-sigurtà biex iwasslu l-għajnuna;

I. billi l-edukazzjoni pubblika tinsab taħt pressjoni fir-reġjun kollu, u aktar minn terz tat-tfal Sirjani bl-età tal-iskola (kważi tliet miljun student) ma jattendu l-ebda forma ta' edukazzjoni, u billi n-nuqqas ta' adattament għat-tagħlim mill-bogħod minħabba r-riskji tal-COVID-19 aggrava l-problema, bir-riżultat li ħafna tfal qed isofru mill-impatti psikosoċjali tal-kunflitt u l-ispostament fit-tul;

J. billi l-Gvern tal-President Bashar al-Assad, appoġġat mir-Russja, l-Iran u l-Hezbollah, irkupra l-biċċa l-kbira taż-żoni li qabel kienu f'idejn il-forzi tal-oppożizzjoni, iżda qed iħabbat wiċċu ma' sfidi persistenti min-naħa tal-ġellieda marbuta mal-hekk imsejjaħ Stat Iżlamiku (Daesh/ISIS), kif ukoll protesti ġodda b'konsegwenza tal-kundizzjonijiet ekonomiċi li qed jiddeterjoraw; billi l-forzi lokali appoġġati mill-Istati Uniti rkupraw il-biċċa l-kbira tat-territorju li qabel kien f'idejn l-Istat Iżlamiku, iżda l-grupp qed ikompli jmexxi ribelljoni ta' livell baxx;

K. billi firxa ta' stati barranin intervjenew fis-Sirja b'appoġġ għall-gvern ta' Assad jew għall-forzi tal-oppożizzjoni Sirjani, kif ukoll biex jilħqu l-għanijiet tagħhom stess fir-rigward tas-sigurtà; billi l-forzi favur Assad li qed joperaw fis-Sirja jinkludu l-Hezbollah Libaniż, l-Iran u r-Russja;

L. billi t-Turkija hija involuta f'bosta kunflitti, inkluż fis-Sirja, li jikkostitwixxu ksur serju tad-dritt internazzjonali; billi l-intervent militari unilaterali tat-Turkija fil-Grigal tas-Sirja jikkostitwixxi ksur serju tad-dritt internazzjonali u dgħajjef l-istabbiltà u s-sigurtà tar-reġjun kollu kemm hu; billi din l-operazzjoni militari unilaterali Torka m'għandha l-ebda bażi ġuridika, u qed isservi biss biex taggrava l-kunflitt fis-Sirja li issa ilu għaddej 10 snin; billi t-Turkija għandha ttemm l-okkupazzjoni illegali tagħha fit-Tramuntana tas-Sirja u tirtira l-forzi militari u paramilitari irregolari tagħha;

M. billi skont il-pajjiżi Kopresidenti tal-Grupp ta' Minsk tal-OSKE, it-Turkija ttrasferiet ġellieda barranin mis-Sirja u bnadi oħra lejn Nagorno-Karabakh;

N. billi 4,6 % tal-popolazzjoni tas-Sirja ta' 18,5 miljun huma Nsara, u billi qabel il-gwerra dawn kienu jammontaw għal 10 %, li juri li għadd sproporzjonatament kbir ta' Nsara ħarbu mill-pajjiż; billi mill-2014, Hay'at Tahrir al-Sham (HTS), li qabel kien marbut ma' Al-Qaeda, qed jissostitwixxi l-qrati governattivi b'kunsilli tax-Xarija fiż-żoni kkontrollati minnu, filwaqt li jawtorizza d-diskriminazzjoni kontra l-membri ta' minoranzi reliġjużi, jaħtaf id-djar u l-artijiet agrikoli ta' eluf ta' Nsara, jattakka l-postijiet ta' qima u jżommhom milli jipprattikaw ir-reliġjon tagħhom barra minn djarhom;

O. billi tul dawn l-aħħar għaxar snin, l-ebda parti tal-kunflitt fis-Sirja ma rrispettat id-drittijiet tal-persuni detenuti f'konformità mal-obbligi legali internazzjonali, u l-użu ta' detenzjoni arbitrarja, tortura u trattament ħażin, inkluż permezz ta' vjolenza sesswali, għajbien involontarju jew imġiegħel u eżekuzzjonijiet sommarji, kienu karatteristiċi ta' dan il-kunflitt; billi, skont in-NU, dawn il-każijiet ta' ksur u abbużi twettqu b'konsistenza, b'mod partikolari mill-gvern;

P. billi uffiċjali fl-amministrazzjoni awtonoma mmexxija mill-Kurdi fir-reġjun qalu li dan l-aħħar ħelsu aktar minn 300 ċittadin Sirjan mill-kamp ta' Al-Hol, li jospita wkoll eluf ta' familji ta' ġellieda barranin tal-Istat Iżlamiku;

Q. billi fid-9 ta' April 2020, il-VP/RGħ ħareġ dikjarazzjoni f'isem l-UE dwar il-ħruġ tal-ewwel rapport tal-Tim ta' Investigazzjoni u Identifikazzjoni tal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta' Armi Kimiċi, u esprima appoġġ sħiħ għas-sejbiet tar-rapport u kkundanna bil-qawwa l-użu ta' armi kimiċi mill-Forza tal-Ajru Għarbija Sirjana, kif ġie konkluż mir-rapport;

R. billi l-Kunsill, fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja, daħħal sensiela ta' miżuri restrittivi fil-konfront ta' individwi responsabbli għat-trażżin tal-popolazzjoni ċivili fis-Sirja u individwi u entitajiet assoċjati magħhom;

S. billi mill-2011 l-UE u l-Istati Membri tagħha mmobilizzaw aktar minn EUR 20 biljun f'għajnuna umanitarja, għall-istabbilizzazzjoni u għar-reżiljenza għas-Sirjani f'pajjiżhom u fil-pajjiżi ġirien; billi l-UE kienet il-forza mexxejja tal-konferenzi tad-donaturi għas-Sirja li saru fi Brussell f'erba' snin konsekuttivi (2017-2020), u l-ħames konferenza ta' Brussell li se ssir fid-29 u t-30 ta' Marzu 2021;

1. Jikkundanna bil-qawwa kull atroċità u ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali, b'mod partikolari mir-reġim ta' Assad, iżda wkoll minn atturi Russi, Iranjani u Torok, u jistieden lir-Russja, it-Turkija u l-Iran jirtiraw il-forzi kollha taħt il-kmand tagħhom, inklużi dawk irregolari, bl-eċċezzjoni ta' dawk li jipparteċipaw f'forzi internazzjonali għaż-żamma tal-paċi jew tal-istabbilizzazzjoni taħt il-mandat tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;

2. Jistieden lill-partijiet kollha jżommu lura mill-vjolenza ulterjuri, u jissottolinja l-importanza li tinstab soluzzjoni politika għall-kunflitt f'konformità mar-riżoluzzjoni 2254 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, filwaqt li jenfasizza l-fatt li Bashar al-Assad tilef kull leġittimità u jeħtieġlu jwarrab biex jiffaċilita tranżizzjoni politika paċifika;

3. Jesprimi appoġġ għall-Mibgħut Speċjali tan-NU għas-Sirja, Geir O. Pedersen, u jistieden lill-VP/RGħ biex jagħmel kull sforz possibbli biex tintemm il-vjolenza fis-Sirja u biex jappoġġa soluzzjoni politika inklużiva mmexxija mis-Sirjani li tiftaħ l-aċċess għal fondi ta' rikostruzzjoni bl-użu tal-kapaċità finanzjarja tal-UE u r-rieda tagħha li timpenja riżorsi sinifikanti għar-rikostruzzjoni tas-Sirja, kif ukoll l-issoktar potenzjali tal-kummerċ u l-investiment bħala lieva, u jfakkar li ma jistax ikun hemm finanzjament għar-rikostruzzjoni mingħand l-UE mingħajr xi forma ta' ġustizzja transizzjonali li tiżgura l-użu ġust tal-fondi;

4. Jitlob li jkun hemm aktar appoġġ għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili paċifiċi u demokratiċi Sirjani;

5. Jikkundanna n-nuqqas ta' rieda tar-reġim ta' Assad li jieħu sehem f'negozjati b'sinifikat fil-Kumitat Kostituzzjonali; jikkritika l-fatt li saru elezzjonijiet presidenzjali qabel l-adozzjoni ta' kostituzzjoni ġdida, u jikkundanna l-isforzi kollha mir-reġim u l-alleati tiegħu biex jippruvaw jinnormalizzaw din is-sitwazzjoni;

6. Jenfasizza li m'għandu jkun hemm l-ebda tolleranza jew impunità għad-delitti mwettqa fis-Sirja, u jitlob li jsiru investigazzjonijiet indipendenti, imparzjali, bir-reqqa u kredibbli u li dawk responsabbli għalihom jiġu pproċessati fil-qrati;

7. Jafferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għall-isforzi tal-Koalizzjoni Globali kontra d-Daesh, u jissottolinja l-kontribut importanti mogħti mill-Forzi Demokratiċi Sirjani (SDF) bħala alleat fil-ġlieda kontra d-Daesh/ISIS;

8. Jinsab estremament imħasseb dwar il-faċilitajiet ta' detenzjoni fil-Grigal tas-Sirja, li għadhom ambjent ideali biex titrawwem ir-radikalizzazzjoni, u dwar ir-rapporti reċenti li mijiet ta' priġunieri tad-Daesh/ISIS, inklużi ħafna ġellieda barranin, qed jinħelsu, u dan iżid is-sogru ta' qawmien mill-ġdid tad-Daesh/ISIS; jesprimi l-akbar tħassib tiegħu dwar is-sitwazzjoni umanitarja tat-tfal tal-ġellieda barranin miżmuma fil-Grigal tas-Sirja, u jistieden lill-Istati Membri jikkontribwixxu b'mod attiv biex jinstabu soluzzjonijiet għat-tfal li jinsabu fil-kamp ta' Al-Hol, li għandhom in-nazzjonalità ta' Stat Membru jew Stati Membri;

9. Ifaħħar l-involviment tal-Istati Uniti fis-Sirja, u jenfasizza l-ħtieġa għal kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab transatlantiċi tagħna u mal-Iżrael fil-ġlieda kontra l-gruppi terroristiċi fis-Sirja u lil hinn; jissottolinja l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-azzjonijiet difensivi tal-Iżrael fis-Sirja, inklużi dawk kontra l-provvisti ta' missili mill-Iran lill-Hezbollah u t-tentattiv ta' Tehran li jistabbilixxi front militari fil-fruntiera tal-Iżrael;

10. F'dan il-kuntest, jistieden lill-Kunsill itemm id-distinzjoni falza bejn il-fergħat "militari" u "politiċi" tal-Hezbollah, biex jiddikjara lill-Hezbollah kollu kemm hu bħala organizzazzjoni terroristika u biex jissanzjona lil dan il-grupp, flimkien mal-Iran li joffrilu patroċinju, għad-delitti tal-gwerra mwettqa fis-Sirja, kif ukoll fil-Libanu, fl-Iraq jew f'pajjiżi oħra fir-reġjun;

11. Jiddeplora l-fatt li l-Gvern Tork qed jiffaċilita l-opportunità għal merċenarji Sirjani biex jindaħlu f'kunflitti f'partijiet oħra tar-reġjun, bħal pereżempju fil-Libja jew f'Nagorno-Karabakh, u jħeġġeġ lill-Gvern Tork biex itemm l-involviment tiegħu f'attivitajiet destabbilizzanti bħal dawn;

12. Jilqa' l-ħames konferenza ta' Brussell dwar "Appoġġ għall-futur tas-Sirja u r-reġjun" fid-29 u l-30 ta' Marzu 2021, u jfakkar li l-UE u l-Istati Membri tagħha għadhom bil-bosta l-akbar donaturi, li mill-bidu tal-kriżi mmobilizzaw EUR 20 biljun;

13. Jitlob li tiġi provduta għajnuna lill-qraba tal-persuni detenuti u tal-persuni li mhux magħruf fejn jinsabu, u appoġġ għall-prosekuzzjoni tal-persuni responsabbli għal reati fl-ambitu tad-dritt internazzjonali, u għal dawk li jfittxu li jippromwovu aċċess aħjar għall-ġustizzja għas-Sirjani, u jenfasizza l-ħtieġa li jintemmu minnufih l-abbużi u t-tortura rampanti fil-faċilitajiet ta' detenzjoni, bħala parti fundamentali minn kwalunkwe proċess ta' tranżizzjoni lejn soluzzjoni sostenibbli tal-kunflitt Sirjan; jilqa', f'dan ir-rigward, l-isforzi b'suċċess favur il-ġustizzja permezz tal-prinċipju tal-ġuriżdizzjoni universali, kif invokat mill-qorti ta' Koblenz fil-Ġermanja, li tat kundanna ta' erba' snin u nofs ħabs lil ex-uffiċjal tal-intelligence Sirjan;

14. Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jespandu l-lista tal-persuni suġġetti għal sanzjonijiet immirati fl-ambitu tal-mekkaniżmu l-ġdid tal-UE ta' sanzjonijiet rigward id-drittijiet tal-bniedem, l-hekk imsejjaħ Att Magnitsky tal-UE, inklużi l-kmandanti ċivili u militari Sirjani u Russi li ġew implikati b'mod kredibbli f'delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità u ksur serju ieħor imwettaq fil-Majjistral tas-Sirja, inklużi dawk li jaqgħu fi ħdan ir-responsabbiltà tal-kmand;

15. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar is-sitwazzjoni umanitarja li qed tmur għall-agħar; ifakkar li 11-il miljun Sirjan jeħtieġu għajnuna umanitarja fis-Sirja, li kważi 60 % qed ibatu minn insigurtà tal-ikel minħabba ż-żieda qawwija fil-prezzijiet tal-ikel, u li 89 % tar-rifuġjati Sirjani fil-Libanu jinsabu wkoll f'sitwazzjoni ta' faqar estrem;

16. Jitlob aċċess umanitarju mingħajr xkiel fis-Sirja kollha u jfakkar li għad fadal punt wieħed biss ta' qsim tal-fruntiera għal finijiet umanitarji, dak ta' Bab al-Hawa; jinsisti li l-awtorizzazzjoni għall-użu ta' dan il-punt ta' qsim tal-fruntiera, li se tiskadi f'Lulju, tiġi estiża għal 12-il xahar ieħor, u jitlob li l-awtorizzazzjoni titwessa' biex tinkludi punti oħra ta' qsim tal-fruntiera; jikkundanna l-isforzi kollha biex jiġi ostakolat l-aċċess umanitarju transfruntiera, li jista' jwassal għal karestija mifruxa għal aktar minn tliet miljun Sirjan, li l-biċċa l-kbira minnhom huma nisa u tfal;

17. Jissottolinja l-importanza li jiġi żgurat li l-għajnuna umanitarja tkun diretta lejn dawk l-aktar fil-bżonn u li l-provvisti ta' għajnuna ma jinbigħux fis-suq illegali; jitlob li jingħata appoġġ lit-tfal rifuġjati Sirjani kollha fil-pajjiżi ospitanti, u li jiġi żgurat l-aċċess tagħhom mhux biss għall-edukazzjoni primarja iżda wkoll għal dik sekondarja, u jħeġġeġ lill-pajjiżi ospitanti kollha jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa u jneħħu kwalunkwe ostaklu amministrattiv jew leġiżlattiv għalihom;

18. Jinnota li skont il-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Rifuġjati, 267 170 rifuġjat marru lura b'mod volontarju lejn is-Sirja, u jenħtieġ appoġġ biex jiġu moqdija l-ħtiġijiet bażiċi tagħhom; jistieden lill-partijiet ikkonċernati jippruvaw itejbu l-kundizzjonijiet għal rimpatrijazzjonijiet sikuri, dinjitużi u sostenibbli;

19. Jikkundanna b'qawwa l-forom kollha ta' diskriminazzjoni reliġjuża, u jinsisti li kulħadd għandu jirrispetta d-drittijiet tal-gruppi u tal-minoranzi etniċi u reliġjużi fis-Sirja, inklużi l-Insara u kull minn ġie spostat, biex ikomplu jgħixu fl-artijiet storiċi u tradizzjonali fejn twieldu u għexu jew li jirritornaw b'dinjità, ugwaljanza u sikurezza lejhom, u biex jipprattikaw ir-reliġjon u t-twemmin tagħhom b'mod sħiħ u liberu, mingħajr ma jkunu suġġetti għal xi tip ta' koerċizzjoni, vjolenza jew diskriminazzjoni; jappoġġa d-djalogu interreliġjuż sabiex jiġi promoss il-fehim reċiproku u jiġi miġġieled l-estremiżmu vjolenti jew kwalunkwe tentattiv biex tiġi mrażżna l-libertà tal-kelma jew tar-reliġjon;

20. Jinnota li l-Fond Fiduċjarju Madad se jiskadi fi tmiem l-2021, u jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li jiġu koperti l-ħtiġijiet finanzjarji tar-rispons umanitarju tal-UE għall-kriżijiet fis-Sirja fl-ambitu tal-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali u l-operat kontinwu tal-proġetti ffinanzjati fl-ambitu tal-Fond Fiduċjarju Madad;

21. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt fis-Sirja.

 

Aġġornata l-aħħar: 10 ta' Marzu 2021
Avviż legali - Politika tal-privatezza