Proċedura : 2021/2611(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B9-0219/2021

Testi mressqa :

B9-0219/2021

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 28/04/2021 - 13
CRE 28/04/2021 - 13
PV 29/04/2021 - 4
CRE 29/04/2021 - 4

Testi adottati :

P9_TA(2021)0148

<Date>{21/04/2021}21.4.2021</Date>
<NoDocSe>B9‑0219/2021</NoDocSe>
PDF 167kWORD 53k

<TitreType>MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI</TitreType>

<TitreSuite>imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni</TitreSuite>

<TitreRecueil>skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura</TitreRecueil>


<Titre>dwar l-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia u l-istat tad-dritt f'Malta</Titre>

<DocRef>(2021/2611(RSP))</DocRef>


<RepeatBlock-By><Depute>Vladimír Bilčík</Depute>

<Commission>{PPE}f'isem il-Grupp PPE</Commission>

<Depute>Katarina Barley</Depute>

<Commission>{S&D}f'isem il-Grupp S&D</Commission>

<Depute>Fabienne Keller, Michal Šimečka, Ramona Strugariu, Moritz Körner, Yana Toom, Jan‑Christoph Oetjen, Olivier Chastel, Hilde Vautmans, Maite Pagazaurtundúa, Malik Azmani, Sophia in ’t Veld, Dragoş Tudorache</Depute>

<Commission>{Renew}f'isem il-Grupp Renew</Commission>

<Depute>Nicolaus Fest</Depute>

<Commission>{ID}f'isem il-Grupp ID</Commission>

<Depute>Gwendoline Delbos‑Corfield, Sven Giegold, Saskia Bricmont, Alice Kuhnke, Sylwia Spurek, Rosa D’Amato, Francisco Guerreiro, Viola Von Cramon‑Taubadel, Heidi Hautala, Daniel Freund, Ignazio Corrao, Tineke Strik</Depute>

<Commission>{Verts/ALE}f'isem il-Grupp Verts/ALE</Commission>

<Depute>Patryk Jaki</Depute>

<Commission>{ECR}f'isem il-Grupp ECR</Commission>

<Depute>Konstantinos Arvanitis</Depute>

<Commission>{The Left}f'isem il-Grupp The Left</Commission>

<Depute>Laura Ferrara, Sabrina Pignedoli</Depute>

</RepeatBlock-By>


B9‑0219/2021

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia u l-istat tad-dritt f'Malta

(2021/2611(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 4, 5, 6, 7, 9 u 10 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

 wara li kkunsidra l-Artikolu 20 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

 wara li kkunsidra l-Artikoli 6, 7, 8, 10, 11, 12 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-15 ta' Novembru 2017[1], tat-28 ta' Marzu 2019[2] u tas-16 ta' Diċembru 2019[3] dwar l-istat tad-dritt f'Malta,

 wara li kkunsidra s-seduti ta' smigħ, l-iskambji ta' fehmiet u ż-żjarat ta' delegazzjoni li saru mill-Grupp ta' Monitoraġġ tad-Demokrazija, l-Istat tad-Dritt u d-Drittijiet Fundamentali tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern mill-15 ta' Novembru 2017,

 wara li kkunsidra l-iskambji ta' ittri bejn il-President tal-Grupp ta' Monitoraġġ tad-Demokrazija, l-Istat tad-Dritt u d-Drittijiet Fundamentali u l-Prim Ministru ta' Malta, li l-aktar wieħed reċenti minnhom sar f'April 2021,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 2293(2019) tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa tas-26 ta' Ġunju 2019 bit-titolu "Daphne Caruana Galizia's assassination and the rule of law in Malta and beyond: ensuring that the whole truth emerges" (L-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia u l-istat tad-dritt f'Malta u lil hinn minnha: niżguraw li toħroġ il-verità kollha),

 wara li kkunsidra r-rapport dwar is-segwitu għar-riżoluzzjoni 2293(2019) tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, approvat mill-Kumitat għall-Affarijiet Legali u d-Drittijiet tal-Bniedem tal-Assemblea Parlamentari fit-8 ta' Diċembru 2020,

 wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni ta' Venezja tat-8 ta' Ottubru 2020 dwar għaxar atti u abbozzi ta' liġi li jimplimentaw proposti leġiżlattivi soġġetti għall-opinjoni CDL-AD(2020)006,

 wara li kkunsidra r-Rapport dwar l-Istat tad-Dritt tal-2020 tal-Kummissjoni,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-Unjoni hija msejsa fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inkluż id-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi; billi dawn il-valuri huma universali u komuni għall-Istati Membri kollha;

B. billi l-istat tad-dritt u r-rispett għad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u l-valuri u l-prinċipji minquxa fit-Trattati tal-UE u fi strumenti internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem huma obbligi għall-Unjoni u għall-Istati Membri tagħha u jridu jiġu osservati; billi, f'konformità mal-Artikolu 2, l-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 7 tat-TUE, l-Unjoni għandha l-possibbiltà li taġixxi sabiex tipproteġi l-valuri komuni li fuqhom hija msejsa;

C. billi l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea hija parti mil-liġi primarja tal-UE; billi l-libertà ta' espressjoni u l-libertà u l-pluraliżmu tal-midja huma minquxa fl-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u fl-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB);

D. billi l-indipendenza tal-ġudikatura hija minquxa fl-Artikolu 19(1) tat-TUE, fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 6 tal-KEDB, u hija rekwiżit essenzjali tal-prinċipju demokratiku tas-separazzjoni tas-setgħat;

E. billi r-rifjut sistematiku ta' Stat Membru wieħed li jikkonforma mal-valuri fundamentali tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattati li aderixxa magħhom b'mod ħieles jaffettwa lill-UE kollha kemm hi;

F. billi l-ġurnalista investigattiva kontra l-korruzzjoni u blogger Maltija Daphne Caruana Galizia, sfat assassinata f'attakk b'karozza bomba fis-16 ta' Ottubru 2017; billi hija kienet il-mira ta' fastidju u ta' ħafna theddid fil-forma ta' telefonati, ittri u messaġġi testwali ta' theddid, kif ukoll attakk bi ħruq doluż ta' darha u l-qtil tal-kelb tagħha; billi l-qattiel li ammetta li joqtol għall-flus, xehed fil-qorti fis-16 ta' Marzu 2021 li sentejn qabel il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, kien hemm konfoffa preċedenti u separata biex tiġi assassinata bl-użu ta' azzarin AK-47;

G. billi l-investigazzjonijiet dwar il-qtil immexxija mill-awtoritajiet Maltin u bl-għajnuna tal-Europol wasslu għall-identifikazzjoni, l-inkriminazzjoni u l-ġuri li għaddej bħalissa ta' diversi suspettati u ta' wieħed mill-imħuħ potenzjali wara dan il-qtil, is-sid tal-kumpanija 17 Black Ltd ibbażata f'Dubai u eks Membru tal-Bord tad-Diretturi ta' ElectroGas Malta Ltd; billi l-Federal Bureau of Investigation (FBI) kien involut ukoll fl-investigazzjonijiet;

H. billi wieħed mill-allegati kompliċi u ċerti reġistrazzjonijiet li ntwerew fil-proċedimenti tal-qorti involvew lill-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru ta' Malta fl-ippjanar u l-finanzjament tal-qtil;

I. billi fis-26 ta' Novembru 2019 l-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru rriżenja wara interrogazzjoni mill-pulizija dwar l-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia; billi fl-20 ta' Marzu 2021 huwa ġie arrestat u akkużat b'ħasil ta' flus, frodi, korruzzjoni u falsifikazzjoni f'każ separat, li kien is-suġġett tal-ħidma ta' Daphne Caruana Galizia, flimkien ma' diversi mill-assoċjati tan-negozju tiegħu; billi fil-5 ta' April 2021 inħeles taħt garanzija u ġie rilaxxat mill-arrest preventiv;

J. billi l-Ministru għat-Turiżmu ta' Malta ta' dak iż-żmien, li qabel kien il-Ministru għall-Enerġija, irriżenja fis-26 ta' Novembru 2019; billi konsorzju ta' ġurnalisti investigattivi ppubblika rapport dettaljat dwar ir-rabtiet ta' negozju bejn familja Ċiniża u l-eks Ministru għall-Enerġija kif ukoll iċ-Chief of Stafftal-eks Prim Ministru[4]; billi l-familja Ċiniża allegatament kellha rwol ċentrali fin-negozjati għal investiment b'valur ta' EUR 380 miljun mill-kumpanija Shanghai Electric Power, li tappartjeni lill-istat taċ-Ċina, fil-kumpanija Enemalta, il-kumpanija tal-enerġija tal-istat ta' Malta , u hija s-sid tal-kumpaniji Dow's Media Company u Macbridge. Il-kumpanija Macbridge ppjanat li tħallas sa USD 2 miljun lil ditti fil-Panama kkontrollati mill-eks Ministru għall-Enerġija u miċ-Chief of Staff tal-eks Prim Ministru; billi l-investigazzjonijiet dwar dawn it-tranżazzjonijiet kummerċjali kienu fiċ-ċentru tal-ħidma ta' Daphne Caruana Galizia meta ġiet assassinata;

K. billi lejn l-aħħar tal-2019 infetħet inkjesta pubblika indipendenti dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, u din l-inkjesta għadha għaddejja;

L. billi wieħed mis-suspettati fil-kawża tal-qorti li għaddejja dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia ngħata maħfra presidenzjali għall-involviment tiegħu f'każ separat u xehed taħt ġurament; billi huwa implika li l-eks Ministru għall-Ekonomija seta' kien involut f'konfoffa biex tinqatel ġurnalista u li ministru tal-gvern fil-kariga kien involut f'reat kbir, u dan qajjem spekulazzjoni dwar attentat ta' serqa mill-kwartieri ġenerali tal-bank HSBC f'Ħal Qormi fl-2010 li wassal għal sparatura mal-pulizija;

M. billi ġie allegat li l-eks Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet Ċivili u r-Riformi fil-Ministeru Malti għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza aċċettat flus mingħand il-persuna mixlija li kkummissjonat il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, wara li ddikjarat li aġixxiet bħala sensara fi pjan ta' bejgħ ta' proprjetà fl-2019; billi dan il-bejgħ ta' proprjetà qatt ma sar;

N. billi għad hemm tħassib serju dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata f'Malta, kif deskritt fir-Rapport dwar l-Istat tad-Dritt tal-2020 tal-Kummissjoni; billi jidher ċar li l-istandards eżistenti ta' prevenzjoni, investigazzjoni u prosekuzzjoni huma inadegwati; billi dan jhedded li jimmina l-fiduċja taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet pubbliċi, u jirriżulta f'rabtiet perikolużi bejn gruppi kriminali u awtoritajiet pubbliċi; billi l-kriminalità organizzata hija abilitata b'mod ewlieni mill-korruzzjoni; billi tnieda proġett ta' riforma strutturali biex jiġu indirizzati l-lakuni u jissaħħaħ il-qafas istituzzjonali kontra l-korruzzjoni, inklużi l-infurzar tal-liġi u l-prosekuzzjoni;

O. billi l-ġurnalisti, b'mod partikolari iżda mhux b'mod esklużiv il-ġurnalisti investigattivi, kulma jmur huma dejjem aktar soġġetti għall-hekk imsejħa "kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika" (SLAPP), li huma maħsuba purament biex ixekklu l-ħidma tagħhom, jevitaw l-iskrutinju pubbliku u jipprevjenu lill-awtoritajiet milli jinżammu responsabbli, u b'hekk jinħoloq effett dissważiv fuq il-libertà tal-midja; billi fiż-żmien tal-assassinju tagħha, l-assi ta' Daphne Caruana Galizia ġew iffriżati b'mandati ta' sekwestru kawtelatorji maħruġa flimkien ma' erba' kawżi ta' libell imressqa mill-eks Ministru għall-Ekonomija ta' Malta u mill-assistent tiegħu; billi l-kawżi kienu fost 42 kawża ċivili ta' libell miftuħa kontriha fiż-żmien meta mietet, inkluża waħda mressqa mill-Prim Ministru ta' dak iż-żmien, tnejn mill-Ministru għat-Turiżmu ta' dak iż-żmien, u tnejn miċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru ta' dak iż-żmien;

1. Huwa mħasseb ħafna dwar l-aħħar rivelazzjonijiet fl-investigazzjonijiet dwar l-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia, b'mod partikolari l-involviment possibbli ta' ministri tal-gvern u ta' persuni maħtura politikament; jirrikonoxxi l-progress li sar fl-investigazzjonijiet dwar il-qtil; itenni, madankollu, li r-rivelazzjonijiet reċenti jqajmu mistoqsijiet ġodda dwar il-każ u dwar l-investigazzjonijiet relatati;

2. Iħeġġeġ lill-Gvern ta' Malta juża r-riżorsi kollha meħtieġa biex jitressqu quddiem il-ġustizzja mhux biss l-individwi kollha implikat fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, iżda wkoll dawk implikati fil-każijiet l-oħra kollha li bħalissa qed jiġu investigati jew irrapportati li hija kienet xeħtet dawl fuqhom qabel ma ġiet assassinata; jemmen li l-ħidma ta' Daphne Caruana Galizia kienet essenzjali biex tiġi esposta l-korruzzjoni f'Malta u li l-iżviluppi reċenti dwar investigazzjonijiet relatati jaffermaw l-importanza fundamentali ta' midja indipendenti u ta' soċjetà ċivili attiva bħala pilastri fundamentali tal-ġustizzja, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt;

3. Itenni t-talba tiegħu għall-involviment sħiħ u kontinwu tal-Europol fl-aspetti kollha tal-investigazzjoni dwar il-qtil u l-investigazzjonijiet relatati kollha; jitlob li l-involviment tal-Europol jissaħħaħ, għax qed jagħti l-frott;

4. Jilqa' l-kontinwazzjoni tal-inkjesta pubblika indipendenti dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia; jistieden lill-Gvern u lill-awtoritajiet kompetenti ta' Malta jimplimentaw bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet kollha li jirriżultaw mill-inkjesta;

5. Jesprimi tħassib dwar l-offerta ripetuta u l-użu tal-maħfriet presidenzjali fil-kuntest tal-ġuri tal-qtil; jisħaq li x-xhieda offruta għal reati oħra għandha tiġi vvalutata bir-reqqa u ma għandhiex tintuża għall-evażjoni ta' ġustizzja sħiħa għall-qtil; jinnota, madankollu, li maħfra presidenzjali u sentenza fuq talba tal-partijiet kienu tnejn mill-elementi li f'Novembru 2019 wasslu għall-arrest ta' wieħed mill-individwi suspettati li kkummissjonaw l-assassinju;

6. Jirrikonoxxi l-progress li sar, għalkemm b'dewmien kbir, f'xi wħud mill-investigazzjonijiet f'każijiet relatati ta' ħasil ta' flus u korruzzjoni, b'mod partikolari fir-rigward tal-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru; jisħaq, madankollu, li l-aħħar xhieda u rivelazzjonijiet xeħtu dawl fuq fatti suspettużi u atti kriminali potenzjali ġodda, u jistieden għalhekk lill-awtoritajiet Maltin iniedu u jmexxu 'l quddiem ukoll investigazzjonijiet mingħajr dewmien fir-rigward ta' dawn il-każijiet;

7. Iqis li l-allegazzjonijiet kollha ta' korruzzjoni u frodi, speċjalment f'livell politiku għoli, għandhom jiġu investigati u pproċessati bir-rigorożità xierqa u fil-livell xieraq, inkluż fir-rigward tal-involviment possibbli ta' atturi barranin; jesprimi dubju jekk huwiex xieraq li l-allegazzjonijiet kontra l-eks Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet Ċivili u r-Riformi qed jiġu investigati biss mill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika;

8. Itenni li l-Gvern Malti jeħtieġlu jikkunsidra l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u l-intimidazzjoni tal-ġurnalisti bħala tal-akbar prijorità;

9. Juri dispjaċir kbir dwar kif l-iżviluppi f'Malta matul is-snin wasslu għal theddid serju u persistenti għall-istat tad-dritt, id-demokrazija u d-drittijiet fundamentali, inklużi mistoqsijiet dwar il-libertà tal-midja, l-indipendenza tal-infurzar tal-liġi u l-ġudikatura minn interferenza politika, u l-libertà ta' għaqda paċifika; iqis li l-garanziji kostituzzjonali fir-rigward tas-separazzjoni tas-setgħat għandhom jissaħħu aktar; jinnota li wara l-implimentazzjoni ta' xi wħud mir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni, tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-Kummissjoni ta' Venezja, il-Gvern ta' Malta għamel progress fir-rigward tal-istat tad-dritt; iħeġġeġ lill-Gvern ta' Malta jkompli jfittex li jsaħħaħ l-istituzzjonijiet tiegħu;

10. Jinsab imħasseb ħafna dwar xi wħud mis-sejbiet tal-Kummissjoni fir-Rapport dwar l-Istat tad-Dritt tagħha tal-2020 fir-rigward ta' Malta, b'mod partikolari "xejriet ta' korruzzjoni profondi"; jilqa', madankollu, it-tnedija tal-proġett ta' riforma strutturali; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tuża l-għodod u l-proċeduri kollha għad-dispożizzjoni tagħha biex tiġi żgurata konformità sħiħa mad-dritt tal-Unjoni vis‑à‑vis il-funzjonament effiċjenti tas-sistemi ġudizzjarji, il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, is-superviżjoni bankarja, l-akkwist pubbliku, u l-ippjanar u l-iżvilupp urbani;

11. Jirrikonoxxi li l-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia skatta riformi biex tittejjeb il-protezzjoni tal-ġurnalisti u titħares l-libertà tal-midja; jisħaq, madankollu, li l-awtoritajiet Maltin għandhom jieħdu passi demostrabbli ulterjuri, jistabbilixxu miżuri leġiżlattivi u ta' politika fit-tul li jservu biex jiġi żgurat ambjent għal ġurnaliżmu kritiku u indipendenti f'Malta u l-obbligu ta' rendikont tal-politiċi u tal-uffiċjali; jistieden lill-Gvern Malti jindirizza t-tħassib eżistenti relatat mal-libertà tal-midja u mal-indipendenza tal-midja pubblika mill-indħil politiku u l-użu dejjem jiżdied ta' diskors ta' mibegħda fuq il-midja soċjali;

12. Jinnota li l-protezzjoni tal-ġurnalisti investigattivi u tal-informaturi hija fl-interess vitali tas-soċjetà; jinnota r-rwol ewlieni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-ġurnalisti internazzjonali u Maltin fit-tkomplija tal-investigazzjonijiet ta' Daphne Caruana Galizia; jistieden lill-awtoritajiet Maltin jiżguraw il-protezzjoni tas-sikurezza personali, l-għajxien u, għalhekk, l-indipendenza tal-ġurnalisti u tal-informaturi, akkost ta' kollox u f'kull mument; jistieden lill-awtoritajiet Maltin jimplimentaw b'ħeffa d-Direttiva (UE) 2019/1937 dwar il-protezzjoni ta' persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni[5];

13. Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi leġiżlazzjoni tal-UE kontra l-SLAPP sabiex tipproteġi lill-ġurnalisti minn kawżi vessatorji; jenfasizza li meta jiġġieled l-korruzzjoni u l-amministrazzjoni ħażina, il-ġurnaliżmu investigattiv għandu jirċievi attenzjoni partikolari u appoġġ finanzjarju jew fiskali bħala għodda li taqdi l-ġid pubbliku; jissottolinja l-ħtieġa ta' mekkaniżmi ta' rispons rapidu għall-ksur tal-libertà tal-istampa u tal-midja, kif ukoll għall-fond transfruntier tal-ġurnaliżmu investigattiv;

14. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni,lill-Kunsill, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tal-Ewropa u lill-President tar-Repubblika ta' Malta.

[1] ĠU C 356, 4.10.2018, p. 29.

[2] ĠU C 108, 26.3.2021, p. 107.

[3] Testi adottati, P9_TA(2019)0103.

[4] "Special Report: Money trail from Daphne murder probe stretches to China", Reuters, 29 ta' Marzu 2021.

[5] ĠU L 305, 26.11.2019, p. 17.

Aġġornata l-aħħar: 26 ta' April 2021Avviż legali - Politika tal-privatezza