Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0220/2021Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0220/2021

    MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-Garanzija Ewropea għat-Tfal

    22.4.2021 - (2021/2605(RSP))

    imressqa wara l-Mistoqsijiet għal Tweġiba Orali B9-0000/2021 u B9-0000/2021
    skont l-Artikolu 136(5) tar-Regoli ta' Proċedura

    Lucia Ďuriš Nicholsonová
    f'isem il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali


    Proċedura : 2021/2605(RSP)
    Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
    Ċiklu relatat mad-dokument :  
    B9-0220/2021
    Testi mressqa :
    B9-0220/2021
    Testi adottati :

    B9-0220/2021

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Garanzija Ewropea għat-Tfal

    (2021/2605(RSP))

    Il-Parlament Ewropew,

     wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

     wara li kkunsidra l-objettivi stabbiliti skont l-Artikolu 3 tat-TUE, b'mod partikolari l-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni, u l-promozzjoni tal-ġustizzja soċjali, il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal,

     wara li kkunsidra l-klawżola soċjali orizzontali fl-Artikolu 9 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

     wara li kkunsidra l-objettivi ta' politika soċjali fl-Artikoli 151 u 153 tat-TFUE,

     wara li kkunsidra l-Karta Soċjali Ewropea riveduta,

     wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali kif imsemmi fl-Artikolu 6 tat-TUE,

     wara li kkunsidra l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, u, b'mod partikolari, il-prinċipji 1, 3, 4, 11, 14, 16, 17, 19, 20, u l-miri ewlenin tiegħu għall-2030,

     wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istrateġija tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal (COM(2021)0142),

     wara li kkunsidra l-Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi l-Garanzija Ewropea għat-Tfal (COM(2021)0137),

     wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali,

     wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-NU, b'mod partikolari l-Għanijiet 1, 2, 3, 4 u 10,

     wara li kkunsidra l-konvenzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO),

     wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità (UN CRPD),

     wara li kkunsidra l-linji gwida politiċi tal-President tal-Kummissjoni, Ursula von der Leyen,

     wara li kkunsidra l-programm ta' ħidma aġġustat tal-Kummissjoni għall-2020 (COM(2020)0440),

     wara li kkunsidra l-Qafas tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom (COM(2011)0173),

     wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Jannar 2021 dwar l-aċċess għal akkomodazzjoni diċenti u affordabbli għal kulħadd[1],

     wara li kkunsidra l-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) (COM(2018)0382),

     wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza[2],

     wara li kkunsidr r-Regolament (UE) 2020/2221 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Diċembru 2020 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 fir-rigward ta' riżorsi addizzjonali u arranġamenti ta' implimentazzjoni biex jipprovdi assistenza għat-trawwim ta' miżuri li jsewwu d-dannu kkawżat mill-kriżi fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi soċjali tagħha u għat-tħejjija ta' rkupru ekoloġiku, diġitali u reżiljenti tal-ekonomija (REACT-EU)[3],

     wara li kkunsidra l-Istudju tal-Fattibbiltà dwar il-Garanzija għat-Tfal, li sar mill-Kummissjoni,

     wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni bil-miktub 0042/2015, skont l-Artikolu 136 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, dwar l-investiment fit-tfal 0042/2015, adottata f'Marzu 2016,

     wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Sistemi ta’ Edukazzjoni u Kura Bikrija tat-Tfal ta’ Kwalità Għolja,

     wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Marzu 2021 dwar id-drittijiet tat-tfal fid-dawl tal-Istrateġija tal-UE dwar id-drittijiet tat-tfal[4],

     wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Ottubru 2017 dwar il-politiki dwar l-introjtu minimu bħala għodda biex jiġi ttrattat il-faqar[5],

     wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Novembru 2015 dwar it-tnaqqis tal-inugwaljanzi b'enfasi speċjali fuq il-faqar fost it-tfal[6],

     wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2020 dwar azzjoni koordinata tal-UE biex tikkumbatti l-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha[7],

     wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2020 dwar Ewropa soċjali b'saħħitha għal Tranżizzjonijiet Ġusti[8],

     wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-20 ta' Novembru 1989,

     wara li kkunsidra l-Kummenti Ġenerali tal-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal[9],

     wara li kkunsidra l-Linji Gwida tan-NU għall-Kura Alternattiva tat-Tfal, kif imnaqqxa fir-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU A/RES/64/142 tal-24 ta' Frar 2010,

     wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa tal-1 ta' Frar 2012 dwar iż-żieda fl-anti-Żingariżmu u l-vjolenza razzista kontra r-Rom fl-Ewropa,

     wara li kkunsidra l-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni adottati bil-għan li tinħoloq Unjoni ta' Ugwaljanza, f'konformità mal-"Linji Gwida Politiċi għall-Kummissjoni Ewropea li jmiss 2019-2024", b'mod partikolari l-komunikazzjonijiet tagħha tal-24 ta' Novembru 2020 bit-titolu "Pjan ta' Azzjoni dwar l-Integrazzjoni u l-Inklużjoni 2021-2027" (COM(2020)0758), tat-18 ta' Settembru 2020 bit-titolu "Unjoni ta' ugwaljanza: Pjan ta' azzjoni tal-UE għall-ġlieda kontra r-razziżmu 2020-2025" (COM(2020)0565), tal-5 ta' Marzu 2020 bit-titolu "Unjoni ta' Ugwaljanza: Strateġija ta' Ugwaljanza Bejn il-Ġeneri għall-2020-2025" (COM(2020)0152), u tat-12 ta' Novembru 2020 bit-titolu "Unjoni ta' Ugwaljanza: Strateġija dwar l-Ugwaljanza tal-LGBTIQ 2020-2025" (COM(2020)0698).

     wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Novembru 2019 dwar id-drittijiet tat-tfal fl-okkażjoni tat-30 anniversarju tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal[10],

     wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Frar 2019 dwar il-ħtieġa li jissaħħaħ il-Qafas Strateġiku tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Inklużjoni tar-Rom wara l-2020 u li tiġi intensifikata l-ġlieda kontra l-anti-Żingariżmu[11],

     wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Settembru 2020 bit-titolu "L-implimentazzjoni tal-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom: nikkumbattu l-attitudnijiet negattivi fil-konfront ta' persuni ta' oriġini Romani fl-Ewropa"[12],

     wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu "Unjoni ta' Ugwaljanza:  Strateġija dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità 2021-2030" (COM(2021)0101),

     wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-ministri tal-EPSCO bit-titolu "Overcoming poverty and social exclusion –  mitigating the impact of COVID-19 on families – working together to develop prospects for strong children" (Negħlbu l-faqar u l-esklużjoni soċjali – il-mitigazzjoni tal-impatt tal-COVID-19 fuq il-familji – ħidma flimkien biex jiġu żviluppati prospetti għal tfal b'saħħithom),

     wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar l-Istrateġija Ewropea tad-Diżabilità għal wara l-2020[13];

     wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "L-investiment fit-tfal: niksru ċ-ċiklu tal-iżvantaġġ (2013/112/UE)"[14],

     wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2019/1158 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE,

     wara li kkunsidra r-rapport ta' politika tan-NU tal-15 ta' April 2020 bit-titolu "The impact of COVID-19 on children" (L-impatt tal-COVID-19 fuq it-tfal),

     wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Ottubru 2008 dwar l-inklużjoni attiva tan-nies esklużi mis-suq tax-xogħol 2008/867/KE,

     wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-15 ta' Frar 2016 dwar l-integrazzjoni tal-persuni li ilhom qiegħda fis-suq tax-xogħol,

     wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-aċċess għall-protezzjoni soċjali,

     wara li kkunsidra l-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet,

     wara li kkunsidra l-mistoqsijiet għal tweġiba orali lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar il-Garanzija Ewropea għat-Tfal (O-000025/2021 – B9-0012/2021 u O-000026/2021 – B9-0013/2021),

     wara li kkunsidra l-Artikoli 136(5) u 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

     wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

    A. billi l-proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi l-Garanzija Ewropea għat-Tfal trid tikkomplementa l-Istrateġija tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal, li t-tnejn ġew adottati fl-24 ta' Marzu 2021; billi l-Istrateġija tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal tiġbor flimkien l-inizjattivi kollha attwali u futuri dwar id-drittijiet tat-tfal fl-ambitu ta' qafas ta' politika koerenti wieħed, u tressaq rakkomandazzjonijiet għall-azzjoni tal-UE kemm interna kif ukoll esterna;

    B. billi l-faqar fost it-tfal ġie identifikat minn organizzazzjonijiet internazzjonali, bħall-Kunsill tal-Ewropa, u NGOs, bħall-UNICEF, kemm bħala kawża potenzjali ta' ksur tad-drittijiet tat-tfal kif ukoll bħala eżitu potenzjali ta' dak il-ksur, permezz tal-impatt li għandu fuq il-kapaċità li t-tfal ikollhom biex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom, kif ukoll b'riżultat tal-fatt li d-drittijiet imsemmija hawn fuq ma jiġux irrispettati;

    C. billi t-tfal li jikbru fi skarsezza ta' riżorsi u f'sitwazzjonijiet prekarji tal-familja huma aktar probabbli li jesperjenzaw il-faqar u l-esklużjoni soċjali, b'impatti estensivi fuq l-iżvilupp tagħhom u l-istat tagħhom ta' adult aktar tard, u ma jkollhomx aċċess għal ħiliet adegwati u jkollhom għażliet ta' impjieg limitati, u dan ikattar ċirku vizzjuż ta' faqar interġenerazzjonali;

    D. billi s-sitt kategoriji identifikati fil-proposta ta' Garanzija għat-Tfal huma dawk li l-aktar jinsabu f'riskju, li jeħtieġu attenzjoni u kura immedjati; billi l-objettivi tal-Garanzija għandhom jinftiehmu li japplikaw, kemm jista' jkun, għat-tfal kollha fl-Unjoni;

    E. billi l-kwistjoni tal-faqar u l-esklużjoni soċjali fost it-tfal huma problemi mifruxa li jinsabu fis-soċjetajiet kollha, li jiġu indirizzati l-aħjar permezz ta' politiki komprensivi u wesgħin, b'kamp ta' applikazzjoni limitat u b'ambitu wiesa', immirati kemm lejn it-tfal kif ukoll lejn il-familji u l-komunitajiet tagħhom u billi tingħata prijorità lill-investimenti fil-ħolqien ta' opportunitajiet u soluzzjonijiet ġodda aktar milli lin-nefqa; billi s-setturi kollha tas-soċjetà jeħtiġilhom ikunu involuti fis-soluzzjoni ta' dawn il-problemi, mill-awtoritajiet lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropej sas-soċjetà ċivili u s-settur privat;

    F. billi r-riċerka turi li l-investiment fit-tfal, pereżempju fl-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal ta' kwalità għolja jista' jrendi redditu fuq l-investiment fil-livell tas-soċjetà tal-anqas erba' darbiet ogħla mill-ispejjeż oriġinali tal-investimenti, mingħajr ma jitqiesu l-benefiċċji usa' għan-negozji f'dawk li huma ħaddiema tas-sengħa, jew għas-sistemi ta' protezzjoni soċjali li ma jkomplux jitgħabbew bi spejjeż ulterjuri għat-tfal li jkollhom aċċess għal miżuri ta' inklużjoni soċjali[15]; billi l-proċeduri baġitarji għandhom jirrikonoxxu l-investiment fit-tfal bħala kategorija ta' investiment separata, li hija apparti min-nefqa soċjali regolari;

    G. billi fl-2019, 22.2 % tat-tfal fl-UE – kważi 18-il miljun tifel u tifla – kienu f'riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali; billi t-tfal li ġejjin minn familji b'introjtu baxx, it-tfal mingħajr dar, it-tfal b'diżabilità, it-tfal bi sfond ta' migrazzjoni, it-tfal bi sfond etniku minoritarju, b'mod partikolari t-tfal Rom, it-tfal li jinsabu f'kura istituzzjonali, it-tfal f'sitwazzjonijiet prekarji ta' familja, il-familji b'ġenitur wieħed, il-familji LGBTIQ+, u l-familji fejn il-ġenituri jgħixu 'l bogħod għax jaħdmu barra minn pajjiżhom iħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet serji, bħall-privazzjoni severa ta' akkomodazzjoni jew iffullar eċċessiv, ostakli fl-aċċess għal servizzi fundamentali u bażiċi, bħal nutrizzjoni adegwata u akkomodazzjoni deċenti, li huma kruċjali għall-benesseri tagħhom u għall-iżvilupp ta' ħiliet soċjali, konjittivi u emozzjonali; billi akkomodazzjoni msaħħna kif xieraq b'ilma sikur u sanità, u l-akkomodazzjoni inġenerali, huma kruċjali għas-saħħa, il-benessri, it-tkabbir u l-iżvilupp tat-tfal; billi akkomodazzjoni adegwata tiffavorixxi wkoll li t-tfal jitgħallmu u jistudjaw;

    H. billi l-għadd ta' tfal b'diżabilità mhuwiex magħruf minħabba nuqqas ta' statistika, iżda jista' jkun fl-ilma ta' 15 % tal-għadd totali ta' tfal fl-Unjoni; billi t-tfal b'diżabilità għandu jkollhom it-tgawdija sħiħa tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali kollha fuq bażi ugwali ma' tfal oħra, inkluż id-dritt li jikbru fil-familji tagħhom jew f'ambjent tal-familja li jkun konformi mal-aħjar interessi tagħhom kif definit fil-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal; billi l-membri tal-familja ta' spiss ikollhom inaqqsu jew iwaqqfu l-attivitajiet professjonali tagħhom sabiex jieħdu ħsieb membri tal-familja b'diżabilità; billi l-Istudju tal-Fattibbiltà għal Garanzija għat-Tfal tal-Kummissjoni (rapport intermedju) jindika li l-ostakli ewlenin identifikati għat-tfal b'diżabilità huma problemi ta' aċċess fiżiku, in-nuqqas ta' adattament ta' servizzi u faċilitajiet għall-ħtiġijiet tat-tfal u, f'ħafna każijiet, sempliċement in-nuqqas ta' disponibbiltà tagħhom; billi fl-istess studju kien hemm ħafna minn dawk li wieġbu li ppuntaw subgħajhom lejn problemi ta' diskriminazzjoni, b'mod speċifiku fir-rigward ta' problemi relatati mal-edukazzjoni, u problemi ta' affordabilità fl-akkomodazzjoni;

    I. billi d-drittijiet tat-tfal ma jistgħux jiġu rrispettati mingħajr l-implimentazzjoni b'suċċess tal-SDGs tan-NU u viċi versa;

    J. billi t-tfal kollha għandhom id-dritt għall-protezzjoni mill-faqar, li jfisser b'mod ċar li hemm bżonn ta' politiki preventivi; billi l-Parlament u s-soċjetà ċivili Ewropea ripetutament appellaw għall-ħolqien ta' Garanzija għat-Tfal biex jiġi żgurat li kull tifel u tifla li jgħixu fil-faqar ikollhom aċċess effettiv u mingħajr ħlas għall-kura tas-saħħa, edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal ta' kwalità u mingħajr ħlas, u aċċess effettiv għal akkomodazzjoni deċenti u nutrizzjoni adegwata; billi l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) enfasizzat li l-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal hija wkoll kwistjoni ta' drittijiet fundamentali u ta' obbligi legali[16];

    K. billi l-qerda tal-faqar fost it-tfal neċessarjament timplika li l-ġenituri tat-tfal jew dawk li jieħdu ħsieb it-tfal ikollhom aċċess għal xogħol bi drittijiet, b'pagi deċenti u b'arranġamenti tax-xogħol sikuri u stabbli;

    L. billi din il-proposta toffri gwida konkreta lill-Istati Membri biex jiggarantixxu aċċess effettiv u mingħajr ħlas għal edukazzjoni u attivitajiet ibbażati fl-iskola, edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal, kura tas-saħħa, sport, attivitajiet ta' divertiment u kulturali għal kull tifel u tifla, u għal dawk li jinsabu fil-bżonn b'mod partikolari; billi l-Istati Membri għandhom jippromwovu politiki biex jiżguraw akkomodazzjoni aċċessibbli u affordabbli għat-tfal li jinsabu fil-bżonn, u nutrizzjoni tajba għas-saħħa, biex jiġi indirizzat il-faqar u jitrawmu opportunitajiet indaqs għat-tfal kollha fil-livell nazzjonali, dak reġjonali u dak lokali; billi kull tifel u tifla għandhom id-dritt li jilagħbu;

    M. billi l-pandemija tal-COVID-19 aggravat is-sitwazzjoni tat-tfal li jinsabu f'riskju ta' faqar u esklużjoni soċjali u poġġiet lil miljuni ta' tfal u familji f'sitwazzjoni soċjoekonomika saħansitra aktar prekarja; billi bħala konsegwenza tal-pandemija, huwa stmat li l-għadd ta' tfal li jgħixu taħt il-limiti tal-faqar nazzjonali rispettivi tagħhom jista' jogħla b'madwar 117-il miljun, u madwar 150 miljun tifel u tifla oħra fid-dinja qed jgħixu f'faqar multidimensjonali; billi l-individwi u l-familji b'introjtu baxx u medju jinsabu f'riskju ogħla ta' faqar meta jiżdied il-qgħad; billi jinsabu wkoll f'riskju ogħla ta' privazzjoni severa tal-akkomodazzjoni, ta' insigurtà tal-akkomodazzjoni, ta' dejn eċċessiv, ta' żgumbrament u li jispiċċaw mingħajr saqaf fuq rashom; billi dawn iċ-ċifri huma mistennija li jikbru b'mod esponenzjali minħabba l-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi soċjoekonomiċi tagħha, li se jaffettwaw lil miljuni ta' tfal fl-Ewropa matul il-ħajja kollha tagħhom; billi l-kriżi tal-COVID-19 aggravat is-sitwazzjoni tat-tfal emarġinati li jgħixu f'kundizzjonijiet iffullati ż-żejjed u inumani b'aċċess limitat għall-kura tas-saħħa, l-ilma tax-xorb, is-sanità u l-ikel, filwaqt li poġġiethom f'riskju akbar li jieħdu l-virus;

    N. billi l-bidla għat-tagħlim mill-bogħod saret b'aktar ħeffa fl-2020 minħabba l-pandemija tal-COVID-19, u b'hekk in-nuqqas ta' aċċess għal konnessjoni tal-internet, għodod diġitali u infrastruttura eskluda b'mod partikolari lit-tfal żgħar ħafna bi bżonnijiet speċjali u lil dawk li jgħixu fil-faqar, f'komunitajiet emarġinati u f'żoni remoti u rurali, inkluż fir-reġjuni u t-territorji tal-periferija; billi kien hemm żieda allarmanti fl-għadd ta' tfal li l-ġenituri tagħhom tilfu l-akkomodazzjoni jew l-impjieg tagħhom, u fl-għadd ta' tfal li kienu mċaħħda mill-ikla ta' kuljum l-aktar nutrittiva tagħhom, kif ukoll mill-aċċess għal servizzi ta' wara l-iskola bħall-attivitajiet sportivi, ta' divertiment, artistiċi u kulturali, li jrawmu l-iżvilupp u l-benesseri tagħhom; billi n-nuqqas ta' aċċess għal soluzzjonijiet diġitali u ta' opportunitajiet ta' edukazzjoni diġitali jista' jillimita serjament l-aċċess aktar tard għall-edukazzjoni u l-impjiegi għaż-żgħażagħ, u dan iċaħħadhom minn opportunitajiet aħjar fis-suq tax-xogħol, u jċaħħad ukoll lin-negozji Ewropej minn ħaddiema potenzjali; billi għalhekk hemm bżonn li jsir investiment f'soluzzjonijiet ta' edukazzjoni diġitali; billi soluzzjonijiet diġitali u teknoloġiji oħra ta' assistenza għat-tfal b'diżabilità jistgħu jippermettu u jaċċelleraw il-proċess tal-inklużjoni soċjali u l-aċċess aktar tard fil-ħajja għal aktar opportunitajiet; billi, għalhekk, l-aċċess ugwali huwa kruċjali f'dan ir-rigward;

    O. billi huwa bil-wisq aktar probabbli li t-tfal b'diżabilità fl-UE jitqiegħdu f'kura istituzzjonali minn tfal mingħajr diżabilità, u jidher li huwa ferm inqas probabbli li jibbenefikaw minn sforzi li jippermettu tranżizzjoni minn kura istituzzjonali għal waħda bbażata fil-familja; billi t-tfal b'diżabilità għadhom qed jiġu segregati fl-edukazzjoni billi jitpoġġew fi skejjel speċjali u jħabbtu wiċċhom ma' ostakli fiżiċi u oħrajn li jżommuhom milli jibbenefikaw minn edukazzjoni inklużiva; billi minħabba l-pandemiji tal-COVID-19 ħafna tfal li għandhom diżabilità intellettwali sfaw mingħajr il-possibbiltà li jkomplu bl-edukazzjoni tagħhom peress li l-edukazzjoni online spiss ma tkunx adattata għall-ħtiġijiet speċjali tagħhom;

    P. billi l-Unjoni jista' jkollha rwol ewlieni fil-ġlieda ġenerali kontra l-faqar fost it-tfal u l-esklużjoni soċjali tat-tfal kollha, inklużi s-sitt kategoriji ewlenin identifikati mill-Kummissjoni;

    Q. billi t-tfal ta' ċittadini mobbli tal-UE spiss jaqgħu bejn il-lakuni fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali; billi filwaqt li l-migrazzjoni tal-ħaddiema tnaqqas il-faqar fuq terminu ta' żmien qasir, twassal biex iħallu lit-tfal warajhom, u dan jista' jaggrava s-sottożvilupp soċjali tagħhom u jwassal għal prekarjetà, u it-tfal ta' ġenituri migranti li għadhom jgħixu fil-pajjiż ta' oriġini tagħhom jispiċċaw iħabbtu wiċċhom ma' aktar ċans li jiġu emarġinati, maltrattati u abbużati, fatt li huwa partikolarment rilevanti għall-mobilità tal-ħaddiema fi ħdan l-UE[17];

    R. billi l-Garanzija għat-Tfal hija waħda mill-inizjattivi ewlenin tal-politika soċjali elenkati fil-linji gwida politiċi tal-Kummissjoni u l-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2021, u trid tkompli tingħata spinta fil-ġejjieni b'politiki u miri ambizzjużi; billi din il-kwistjoni trid tkun fuq l-aġenda tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa; billi l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-2013 "L-Investiment fit-Tfal: niksru ċ-ċiklu tal-iżvantaġġ" jibqgħu prinċipji gwida importanti biex jitnaqqas il-faqar fost it-tfal, jittejjeb il-benesseri tat-tfal u jiġi previst futur stabbli, filwaqt li jitnaqqas it-tluq bikri mill-iskola; billi fil-Pjan ta' Azzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, il-Kummissjoni stabbiliet il-mira li tnaqqas l-għadd ta' persuni f'riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali fl-UE b'mill-inqas 15-il miljun sal-2030 – inklużi mill-inqas 5 miljun tifel u tifla; billi l-istereotipi negattivi tal-ġeneru u l-kundizzjonament soċjali li jwasslu għall-hekk imsejħa "distakk fil-ħolma" jew "distakk fil-jeddijiet" u nuqqas ta' rappreżentanza tan-nisa f'pożizzjonijiet ta' tmexxija jikkundizzjonaw l-għażliet ta' karriera u tal-edukazzjoni tal-bniet minn età bikrija, u għalhekk jikkontribwixxu għaż-żieda fl-inugwaljanza u s-segmentazzjoni tal-ġeneru bejn l-irġiel u n-nisa f'ċerti setturi tas-suq tax-xogħol, b'mod partikolari l-karrieri fix-xjenza, teknoloġija, inġinerija u matematika (STEM);

    S. billi l-awtoritajiet lokali u reġjonali jinsabu fuq quddiem nett tal-ħidma kontra l-faqar fost it-tfal u l-isfruttament tagħhom, u għalhekk għandhom responsabbiltà kruċjali fil-prevenzjoni tal-emarġinazzjoni u l-esklużjoni soċjali; billi l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jipprovdulhom mezzi suffiċjenti biex jilħqu dawn l-objettivi, kull meta jkun xieraq;

    1. Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi l-Garanzija għat-Tfal, li l-objettiv tagħha huwa li tipprevjeni u tiġġieled il-faqar u l-esklużjoni soċjali billi tiggarantixxi l-aċċess mingħajr ħlas u effettiv għat-tfal fil-bżonn għal servizzi ewlenin bħall-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal, attivitajiet edukattivi u bbażati fl-iskola, il-kura tas-saħħa u mill-inqas ikla waħda tajba għas-saħħa għal kull ġurnata tal-iskola, u aċċess effettiv għal nutrizzjoni tajba għas-saħħa u akkomodazzjoni adegwata għat-tfal kollha li jinsabu fil-bżonn; jistieden lill-Kunsill u lill-Istati Membri jkunu ambizzjużi fl-adozzjoni sħiħa u rapida tar-rakkomandazzjoni u fl-implimentazzjoni tagħha; jistenna li l-kontribut li jinsab f'din ir-riżoluzzjoni jitqies fid-dawl tal-adozzjoni tar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill; jisħaq li l-Garanzija għat-Tfal għandha l-għan li tipprovdi appoġġ pubbliku għall-prevenzjoni tal-esklużjoni soċjali u għall-ġlieda kontra tali esklużjoni billi tiggarantixxi l-aċċess għat-tfal fil-bżonn għal sett ta' servizzi ewlenin, li jfisser li l-Istati Membri għandhom jew jorganizzaw u jipprovdu tali servizzi jew jipprovdu benefiċċji adegwati sabiex il-ġenituri jew it-tuturi tat-tfal fil-bżonn ikunu f'pożizzjoni li jkopru l-ispiża ta' dawn is-servizzi;

    2. Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-istrateġija tal-UE dwar id-drittijiet tat-tfal u japprova l-objettivi tagħha li tissodisfa r-responsabbiltà kondiviża tar-rispett u l-protezzjoni tad-drittijiet ta' kull tifel u tifla, flimkien ma' proġett komuni għal soċjetajiet aktar b'saħħithom, reżiljenti u aktar ġusti għal kulħadd; jirrikonoxxi li l-proposta tal-Kummissjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi Garanzija Ewropea għat-Tfal tikkomplementa l-istrateġija u tiffoka fuq it-tfal fil-bżonn fl-istabbiliment ta' qafas ta' abilitazzjoni Ewropew li jiddefendi d-drittijiet tat-tfal u jpoġġihom fuq quddiem nett tal-aġenda tal-UE; japprova l-għan ewlieni tagħha li tiġġieled il-faqar u l-esklużjoni soċjali fost it-tfal u tippromwovi opportunitajiet indaqs u s-saħħa; jappoġġja bil-qawwa l-gwida konkreta mogħtija lill-awtoritajiet nazzjonali u lokali kompetenti dwar l-għoti ta' aċċess effettiv u mingħajr ħlas għal sett ta' servizzi ewlenin lit-tfal li jinsabu fil-bżonn, bħall-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal ta' kwalità u mingħajr ħlas, l-attivitajiet edukattivi u bbażati fl-iskola, u l-kura tas-saħħa, u l-aċċess effettiv għal akkomodazzjoni adegwata u nutrizzjoni tajba għas-saħħa, fuq l-istess livell bħall-pari tagħhom;

    3. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jindirizzaw il-problemi strutturali li jikkawżaw il-faqar u l-esklużjoni soċjali fost it-tfal billi jippromwovu livell għoli ta' impjieg u ta' inklużjoni soċjali, b'mod partikolari fost il-gruppi żvantaġġati; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw l-istabbiliment effettiv tal-Garanzija Ewropea għat-Tfal madwar l-Unjoni kollha billi jintegraw il-garanzija fis-setturi kollha tal-politika, u jħeġġiġhom jagħmlu użu mill-politiki u l-fondi eżistenti tal-UE għal miżuri konkreti li jikkontribwixxu għall-qerda tal-faqar u l-esklużjoni soċjali fost it-tfal; jisħaq fuq l-importanza tal-awtoritajiet kompetenti fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali biex jiġi ggarantit aċċess effettiv u ugwali għal edukazzjoni u kura bikrija mingħajr ħlas u ta' kwalità, b'enfasi speċjali fuq il-familji bi tfal b'diżabilità, l-attivitajiet edukattivi, ibbażati fl-iskejjel u fil-komunità, flimkien ma' attivitajiet sportivi, ta' divertiment u kulturali, kura tas-saħħa, kif ukoll aċċess effettiv għal nutrizzjoni tajba għas-saħħa, u akkomodazzjoni adegwata għat-tfal kollha fil-bżonn; jisħaq wkoll li l-awtoritajiet kompetenti fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali għandhom jiġu infurmati, imħarrġa u appoġġjati biex jiżguraw il-finanzjament mill-UE; jistieden lill-Istati Membri jissalvagwardjaw id-dritt tat-tfal għal akkomodazzjoni adegwata, billi jipprovdu appoġġ relatat għal ġenituri b'diffikultà biex iżommu jew ikollhom aċċess għal akkomodazzjoni sabiex jibqgħu mat-tfal tagħhom, b'enfasi partikolari fuq iż-żgħażagħ li joħorġu minn istituzzjonijiet ta' assistenza tat-tfal;

    4. Jemmen li huwa kruċjali li jsiru investimenti konsiderevoli fit-tfal sabiex jinqered il-faqar fost it-tfal u jkunu jistgħu jikbru u jgawdu d-drittijiet sħaħ tagħhom fl-UE; jisħaq li dan jirrikjedi approċċ olistiku għall-iżvilupp fit-tfulija bikrija, li jibda bl-ewwel 1 000 jum, li għandu jiggarantixxi s-saħħa materna, inklużi s-saħħa mentali, is-sikurezza, is-sigurtà u l-għoti ta' kura reattiva; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw approċċ strateġiku u komprensiv għall-implimentazzjoni tal-Garanzija għat-Tfal permezz ta' politiki u riżorsi adegwati, inkluż permezz ta' integrazzjoni fis-suq tax-xogħol, miżuri ta' bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u t-tuturi, u appoġġ għall-introjtu għall-familji u l-unitajiet domestiċi, sabiex l-ostakoli finanzjarji ma jwaqqfux lit-tfal milli jaċċessaw servizzi ta' kwalità u inklużivi; jitlob strateġija Ewropea ġenerali kontra l-faqar, b'miri ambizzjużi għat-tnaqqis tal-faqar u l-kundizzjoni ta' persuna mingħajr dar u t-tmiem tal-faqar estrem fl-Ewropa sal-2030, speċjalment fost it-tfal, f'konformità mal-prinċipji stabbiliti fl-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l-SDGs tan-NU u li tibni fuq il-miri ewlenin stabbiliti fil-Pjan ta 'Azzjoni dwar l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali;

    5. Jilqa' l-fatt li fit-tħejjija tal-Istrateġija tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal ġew ikkunsidrati l-fehmiet u s-suġġerimenti ta' aktar minn 10 000 tifel u tifla; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li, waqt l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-Garanzija għat-Tfal fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali, il-vuċijiet tat-tfal, kif ukoll dawk tal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, jinstemgħu billi tippermettilhom ikunu parteċipanti sħaħ fi djalogu u konsultazzjoni pubbliċi sinifikattivi u inklużivi u jgħidu tagħhom dwar kwistjonijiet li jikkonċernawhom fil-livell tal-UE, kif kien il-każ fil-Forum dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-2020; jitlob, f'dan ir-rigward, lill-Istati Membri kollha biex speċifikament jinkarigaw lil awtorità pubblika, pereżempju kummissarju jew ombudsman tat-tfal, bil-kejl tal-effetti fuq it-tfal tal-leġiżlazzjoni nazzjonali u reġjonali u tal-miżuri nazzjonali għall-implimentazzjoni tal-Garanzija għat-Tfal, kif ukoll li tippromwovi b'mod ġenerali d-drittijiet tat-tfal fil-politika pubblika, u jistieden lill-Kummissjoni teżamina l-possibbiltà li tistabbilixxi Awtorità Ewropea għat-Tfal biex tappoġġja u timmonitorja l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni mill-Istati Membri, tikkoordina l-ħidma nazzjonali, tiżgura l-iskambju ta' prattiki tajbin u soluzzjonijiet innovattivi, u tissimplifika r-rapportar u r-rakkomandazzjonijiet;

    6. Jistieden lill-Istati Membri jagħtu prijorità lill-finanzjament għad-drittijiet tat-tfal skont il-ħtiġijiet identifikati fil-livell nazzjonali u reġjonali u jħeġġiġhom bil-qawwa jmorru lil hinn mill-allokazzjonijiet predefiniti fl-iskemi ta' finanzjament tal-UE; jistieden lill-Istati Membri jinformaw, iħarrġu u jappoġġjaw lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-iżgurar tal-finanzjament tal-UE; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw approċċ ikkoordinat fl-ipprogrammar u l-implimentazzjoni tal-fondi tal-UE, u jħaffu l-implimentazzjoni tagħhom u jiddedikaw ir-riżorsi nazzjonali kollha possibbli, ikkomplementati mill-fondi tal-UE bħall-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+), l-Assistenza fl-Irkupru għall-Koeżjoni u għat-Territorji tal-Ewropa (React-EU), il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF), il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), l-InvestEU, l-Erasmus+, il-Fond għall-Migrazzjoni u l-Ażil (AMF) u l-UE għas-Saħħa, biex jiġu miġġielda l-faqar u l-esklużjoni soċjali fost it-tfal; ifakkar li l-Istati Membri jeħtiġilhom jinkludu miżuri ddedikati li jinvestu fit-tfal u ż-żgħażagħ fil-pjanijiet nazzjonali tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza sabiex jaċċessaw il-fond, skont il-pilastru tal-"Ġenerazzjoni li Jmiss" tal-RRF; ifakkar fil-possibbiltajiet mogħtija minn Next Generation EU biex jingħata appoġġ finanzjarju anki lill-organizzazzjonijiet, pereżempju l-NGOs u l-organizzazzjonijiet tal-karità, u għajnuna soċjali lill-familji fil-bżonn; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Istati Membri kollha, mhux biss dawk l-aktar affettwati mill-faqar fost it-tfal, jallokaw mill-inqas 5 % tar-riżorsi tal-FSE+ b'ġestjoni kondiviża biex jiġu appoġġjati l-attivitajiet fl-ambitu tal-Garanzija Ewropea għat-Tfal;

    7. Jistieden lill-Istati Membri jqisu s-sitwazzjoni partikolari tat-tfal fil-bżonn, b'mod partikolari dawk li jesperjenzaw żvantaġġi speċifiċi f'dan il-grupp, meta jimplimentaw il-Garanzija għat-Tfal; jisħaq li l-Garanzija għat-Tfal għandha tikkontribwixxi għall-ilħuq tal-għan tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità ta' tranżizzjoni minn kura istituzzjonali għal kura fil-familja jew għal kura bbażata fil-komunità; jistieden lill-Istati Membri jintegraw approċċ sensittiv għall-ġeneru u intersezzjonali fl-implimentazzjoni tagħhom tal-Garanzija għat-Tfal;

    8. Jemmen li l-Garanzija għat-tfal għandha ssir strument permanenti għall-prevenzjoni u l-indirizzar tal-faqar fost it-tfal fl-UE b'mod strutturat; jenfasizza l-interkonnessjoni evidenti bejn in-Next Generation EU u l-Garanzija għat-Tfal bħala strumenti tal-UE għall-investiment fil-ġenerazzjonijiet futuri u jitlob għalhekk li jissaħħu s-sinerġiji bejn iż-żewġ programmi tal-Unjoni, anki bil-ħsieb li l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l-Istrateġija Ewropea dwar id-Drittijiet tat-Tfal jiġu implimentati bis-sħiħ u b'mod sinifikattiv;

    9. Jenfasizza li l-Istati Membri għandhom kemm jistabbilixxu strateġiji nazzjonali pluriennali dwar it-tnaqqis tal-faqar, kif definit ukoll fil-kundizzjoni abilitanti 4.3 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni biex jiġi indirizzat il-faqar fost it-tfal u l-esklużjoni soċjali, kif ukoll jiżguraw li l-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali tal-Garanzija għat-Tfal ikunu r-riżultati konkreti tagħhom;

    10. Jistieden lill-Istati Membri jeliminaw kull diskriminazzjoni fl-aċċess għall-indukrar tat-tfal, l-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa mingħajr ħlas u ta' kwalità, kif ukoll l-akkomodazzjoni adegwata u n-nutrizzjoni tajba għas-saħħa, u l-attivitajiet rikreattivi, sabiex jiggarantixxu r-rispett sħiħ għal-liġi applikabbli tal-UE u dik nazzjonali kontra d-diskriminazzjoni; jitlob it-tkomplija b'urġenza tan-negozjati dwar id-direttiva orizzontali kontra d-diskriminazzjoni bħala għodda ewlenija f'dan ir-rigward; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jinvestu riżorsi adegwati biex itemmu s-segregazzjoni tal-klassijiet fl-iskola u jippromwovu l-inklużjoni sabiex it-tfal jingħataw bidu ugwali fil-ħajja ħalli jkissru ċ-ċiklu tal-faqar kmieni kemm jista' jkun;

    11. Ifakkar li l-aċċess għall-ilma ġieri u s-sanità jvarja b'mod konsiderevoli madwar l-Unjoni, b'konnessjoni medja mas-sistemi tad-drenaġġ ta' 80 % sa 90 % fit-Tramuntana, fin-Nofsinhar u fiċ-Ċentru tal-Ewropa, u konnessjoni medja ħafna aktar baxxa mas-sistemi tad-drenaġġ u tat-trattament tal-ilma ta' 64 % fl-Ewropa tal-Lvant[18]; jenfasizza li nuqqas ta' aċċess għal akkomodazzjoni soċjali huwa ostaklu għal tfal li ġejjin minn familji b'introjtu baxx; jesprimi t-tħassib tiegħu li għad hemm wisq tfal mingħajr aċċess bażiku għall-ilma, il-faċilitajiet sanitarji u iġjeniċi u li n-nuqqas ta' aċċess għal servizzi bażiċi ta' sanità huwa partikolarment qawwi fost it-tfal l-aktar vulnerabbli u emarġinati; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li t-tfal kollha jkollhom aċċess għall-ilma ġieri, għal faċilitajiet sanitarji u ta' iġjene personali, kemm fid-dar kif ukoll fl-iskola;

    12. Jistieden lill-Istati Membri jagħtu prijorità lill-provvista ta' akkomodazzjoni permanenti lit-tfal mingħajr dar u lill-familji tagħhom, u jinkludu soluzzjonijiet ta' akkomodazzjoni għal tfal li jkunu għaddejjin minn perjodu mingħajr dar u minn esklużjonijiet severi ta' akkomodazzjoni fil-pjanijiet ta' azzjoni tagħhom ta' Garanzija għat-Tfal;

    13. Jirrimarka l-isfidi speċifiċi għall-bliet tal-faqar fost it-tfal, b'mod partikolari bil-ħsieb li tiġi indirizzata s-sitwazzjoni serja fiż-żoni urbani l-aktar fil-bżonn, li qed tirriskja li tiġi injorata fin-nuqqas ta' indikaturi multidimensjonali u ta' kwalità li jkunu kapaċi jifhmu r-realtà fil-post; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu ddedikati miżuri u riżorsi speċifiċi għal dan il-qasam, bil-ħsieb li jiġu stabbiliti servizzi ta' kwalità, aċċessibbli u inklużivi għat-tfal fil-bżonn u għall-familji tagħhom li jgħixu f'żoni urbani; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu involuti l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-muniċipalitajiet, kif ukoll l-atturi tas-soċjetà ċivili, fil-fażijiet kollha tal-implimentazzjoni tal-Garanzija għat-Tfal;

    14. Jistieden lill-Istati Membri jaħdmu biex jilħqu l-miri stabbiliti għaż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni (COM(2020)0625) u jkomplu jimplimentaw bis-sħiħ l-azzjonijiet rilevanti kollha rakkomandati fil-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Integrazzjoni u l-Inklużjoni 2021-2027 (COM(2020)0758) fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ; jistieden lill-Istati Membri jinnominaw mingħajr dewmien koordinaturi nazzjonali kompetenti mgħammra b'riżorsi adegwati u b'mandat b'saħħtu, u b'kompetenza bejn id-dipartimenti; jitlob li dawn il-koordinaturi jirrapportaw kif xieraq kull sentejn dwar il-progress li jkun sar fuq l-aspetti kollha tal-Garanzija għat-Tfal u jiskambjaw regolarment l-aħjar prattiki mal-kontropartijiet nazzjonali tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura koordinazzjoni istituzzjonali msaħħa;

    15. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw il-ħolqien u t-tisħiħ ta' networks pubbliċi universali għall-indukrar tat-tfal, l-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa, bi standards ta' kwalità għolja;

    16. Jistieden lill-Kummissjoni, f'konformità mal-Pjan ta' Azzjoni tagħha dwar l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, tressaq proposta għar-reviżjoni tal-miri ta' Barċellona u l-qafas ta' kwalità tal-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal sabiex tappoġġja aktar konverġenza 'l fuq fost l-Istati Membri fil-qasam tal-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-inizjattivi tal-UE jappoġġjaw it-tagħlim online u mill-bogħod għal edukazzjoni primarja u sekondarja aktar flessibbli u inklużiva, filwaqt li jippreservaw it-tagħlim wiċċ imb'wiċċ bħala l-metodu tal-edukazzjoni primarja b'aċċessibbiltà garantita għat-tfal kollha, b'mod speċifiku t-tfal b'diżabilità; jistieden lill-Istati Membri jnaqqsu d-distakk diġitali billi jżidu u jipprijoritizzaw il-konnettività tal-internet f'żoni remoti u rurali peress li 10 % tal-unitajiet domestiċi fl-UE għadhom neqsin minn aċċess għall-internet; jitlob li jkun hemm sħubija pubblika-privata fil-livell pan-Ewropew biex isir investiment fit-tnaqqis tad-distakk diġitali u biex it-tfal jingħataw is-setgħa permezz ta' ħiliet diġitali u intraprenditorjali; jisħaq fuq l-importanza ta' aċċess ugwali għall-infrastruttura u l-ħiliet diġitali bl-istess mod għat-tfal, l-għalliema u l-ġenituri kemm f'kuntesti urbani kif ukoll rurali, sabiex jiġi evitat id-distakk diġitali, kif ukoll għat-tfal f'reġjuni mbiegħda u periferiċi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu appoġġ finanzjarju għal żoni li jeħtieġu titjib teknoloġiku u taħriġ diġitali komprensiv kemm għall-għalliema kif ukoll għall-istudenti, sabiex ikunu jistgħu jadattaw għal teknoloġiji ġodda;

    17. Jistieden lill-Istati Membri jindirizzaw b'mod urġenti t-tfixkil fit-tagħlim u l-inugwaljanzi edukattivi kkawżati mill-kriżi tal-COVID-19, kemm biex it-tfal ikunu jistgħu jitgħallmu mill-bogħod kemm jista' jkun malajr u jipproponu soluzzjonijiet fit-tul għall-inugwaljanzi strutturali; jistieden lill-Istati Membri jivvalutaw, jimplimentaw u jimmonitorjaw l-aċċess għall-edukazzjoni, b'mod partikolari għat-tfal minn gruppi u minn sfondi vulnerabbli, u biex jiżguraw l-istess edukazzjoni ta' kwalità matul il-pandemija, kif ukoll biex jippromwovu l-litteriżmu diġitali u għodod edukattivi adattati għat-tagħlim mill-bogħod; huwa jinsab imħasseb li, fil-kuntest tal-irkupru ta' wara l-kriżi u l-possibbiltà li l-kriżi titwal, il-ħtieġa li jiġi indirizzat il-faqar fost it-tfal se tiżdied u li l-faqar se jkollu impatt dejjem akbar fuq it-tfal peress li huma l-aktar grupp vulnerabbli fost l-aktar żvantaġġati; jistieden lill-Istati Membri jħejju u jagħtu prijorità lis-soluzzjonijiet ta' immunizzazzjoni kontra l-COVID-19 għall-kategoriji ta' tfal identifikati mill-garanzija, meta jsiru disponibbli b'mod wiesa' għat-tfal;

    18. Ifakkar fir-rwol ewlieni li l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u l-attività intraprenditorjali b'impatt soċjali jista' jkollhom biex jgħinu fit-twettiq tal-Garanzija għat-Tfal u l-ħtieġa ta' investiment fil-bini tal-kapaċitajiet, l-aċċess għall-finanzi, u l-edukazzjoni u t-taħriġ intraprenditorjali f'dan il-qasam; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' sinerġiji bejn il-Garanzija għat-Tfal u l-Pjan ta' Azzjoni li jmiss tal-UE għall-Ekonomija Soċjali;

    19. Jemmen li l-investiment strateġiku b'impatt soċjali huwa kruċjali biex jiġi żgurat li l-effett tal-kriżi fuq it-tfal, b'mod partikolari dawk li diġà qed jesperjenzaw jew li jinsabu f'riskju ta' faqar u inklużjoni soċjali u li jaqgħu fi ħdan l-oqsma ta' żvantaġġ speċifiku stabbiliti fl-ambitu tar-rakkomandazzjoni, ma jiggravax; jisħaq fuq l-importanza li jiġi stimolat kemm l-investiment pubbliku kif ukoll dak privat biex jinkisbu l-għanijiet tal-garanzija u jenfasizza r-rwol tal-programm u tal-fond InvestEU f'dan ir-rigward, b'mod partikolari permezz tal-investimenti soċjali u l-ħiliet u t-twieqi ta' politika tal-infrastruttura sostenibbli;

    20. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jeżaminaw il-proċeduri baġitarji attwali tagħhom relatati man-nefqa soċjali sabiex jenfasizzaw il-karatteristiċi distinti li l-investimenti fit-tfal jista' jkollhom fuq in-nefqa soċjali regolari f'dak li għandu x'jaqsam mal-ispejjeż għar-ritorn, il-multiplikaturi u mal-ispejjeż ta' opportunità;

    21. Jistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-isforzi biex jipprevjenu li t-tfal isofru ħsara u jiġu protetti minn kull forma ta' vjolenza billi jiżviluppaw strateġiji li jidentifikaw u jipprijoritizzaw tfal f'riskju għal interventi ta' prevenzjoni u rispons f'kollaborazzjoni mal-ġenituri, l-għalliema, u l-ħaddiema tas-saħħa u fil-komunità; jistieden lill-Istati Membri jipprevjenu l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u jissalvagwardjaw it-tfal kollha, filwaqt li jagħtu attenzjoni speċjali lill-bniet u lin-nisa żgħażagħ, billi joħolqu jew isaħħu mekkaniżmi ta' monitoraġġ u rapportar u servizzi speċifiċi biex jirrispondu għal każijiet ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru;

    22. Ifakkar li l-protezzjoni soċjali u l-appoġġ għall-familji huma essenzjali u jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jiżguraw sistemi ta' protezzjoni soċjali adegwati u aċċessibbli u sistemi integrati ta' protezzjoni tat-tfal, inklużi l-prevenzjoni effettiva, l-intervent bikri u l-appoġġ tal-familja, sabiex jiġu żgurati s-sikurezza u s-sigurtà għat-tfal mingħajr il-kura tal-ġenituri jew li jinsabu f'riskju li jitilfu din il-kura, kif ukoll miżuri ta' appoġġ għat-tranżizzjoni minn kura istituzzjonali lejn kura fil-familja u bbażata fil-komunità; jistieden lill-Istati Membri jżidu l-investiment fis-sistemi ta' protezzjoni tat-tfal u fis-servizzi ta' protezzjoni soċjali bħala parti importanti mill-implimentazzjoni tal-Garanzija għat-Tfal; jisħaq li l-problemi ta' saħħa mentali u fiżika huma mifruxa minħabba l-kuntest attwali ta' lockdowns, iżolament u l-ambjent edukattiv u jistieden lill-Istati Membri jinvestu fil-protezzjoni tas-saħħa mentali u fiżika tat-tfal bħala prijorità;

    23. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jipprovdu servizzi soċjali, inklużi dawk għall-protezzjoni tal-minuri, b'riżorsi finanzjarji, tekniċi u umani suffiċjenti;

    24. Jistieden lill-Istati Membri jfasslu strateġiji speċifiċi biex jipproteġu lit-tfal mill-abbuż u l-isfruttament sesswali online, peress li kaġun tal-iżolament it-tfal iqattgħu aktar ħin online u dan iżid ir-riskju tal-esponiment tagħhom għall-abbuż online, inklużi l-pornografija tat-tfal u l-bullying online; iħeġġeġ lill-Istati Membri jwettqu kampanji ta' informazzjoni kemm għall-ġenituri kif ukoll għat-tfal rigward il-perikli li t-tfal huma esposti għalihom fl-ambjent online; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaħdmu mill-qrib mal-operaturi tas-settur privat biex jiffinanzjaw l-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda ħalli jiġu identifikati u eliminati materjali li fihom il-pornografija tat-tfal u l-abbuż sesswali tat-tfal;

    25. Ifakkar li huwa essenzjali li jkun hemm approċċ komprensiv biex it-tfal jinħarġu mill-faqar, li jrid jinkludi appoġġ individwalizzat għall-ġenituri tagħhom; jistieden lill-Istati Membri jagħtu spinta lill-investiment f'impjiegi sostenibbli u fl-appoġġ soċjali lill-ġenituri, inkluż matul il-liv tal-maternità u tal-ġenituri, u jimplimentaw politiki ta' impjieg immirati li jiżguraw standard ta' għajxien deċenti, kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti, bilanċ tajjeb bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, suq tax-xogħol inklużiv u impjegabbiltà ogħla, b'enfasi fuq l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, u titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid; jistieden lill-Istati Membri jinkludu tali miżuri fil-pjanijiet ta' azzjoni tal-Garanzija għat-Tfal nazzjonali tagħhom; jenfasizza li jrid jiġi stabbilit appoġġ għall-indukrar bikri tat-tfal mingħajr ħlas biex ix-xogħol għall-ġenituri jerġa' jibda bla xkiel; jistieden lill-Istati Membri kollha jirrikonoxxu perjodi ta' indukrar għal tfal dipendenti fi skemi ta' pensjoni u jiżguraw appoġġ kemm finanzjarju kif ukoll professjonali għall-persuni li jieħdu ħsieb membri tal-familja b'diżabilità li jgħixu fl-istess dar; jisħaq li l-għoti ta' kura lill-qraba tagħhom ta' spiss ikollu impatt negattiv fuq il-familja u l-ħajja professjonali tagħhom u jista' jwassal għall-esklużjoni u d-diskriminazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu miżuri speċifiċi biex jissalvagwardjaw il-benesseri tat-"tfal li jibqgħu d-dar waħedhom" – tfal li jitħallew warajhom minn ġenituri migranti;

    26. Ifakkar li l-proposta dwar pagi minimi adegwati għandha l-għan li tiffoka fuq it-titjib tas-sitwazzjoni tal-introjtu tal-persuni li jaħdmu, inkluża dik tal-ġenituri, u b'mod partikolari n-nisa; ifakkar li kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti u pagi ġusti jridu jkunu komplementari għall-miżuri kontra l-faqar, inkluża l-garanzija, filwaqt li jiġu żgurati l-partikolaritajiet nazzjonali u tiġi rrispettata s-sussidjarjetà; jemmen li approċċ bħal dan b'hekk itejjeb il-benesseri tat-tfal u jnaqqas l-inugwaljanzi minn età bikrija, u b'hekk jitkisser iċ-ċiklu tal-faqar; ifakkar lill-Istati Membri li r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar appoġġ attiv effettiv għall-impjiegi (EASE) (C(2021)1372) toffri gwida dwar tranżizzjoni gradwali minn miżuri ta' emerġenza meħuda biex jiġu ppreservati l-impjiegi matul il-pandemija għal miżuri ġodda meħtieġa għal irkupru li jiġġenera t-tkabbir u l-impjiegi; jilqa' l-proposta għal Direttiva dwar it-Trasparenza fil-Pagi, li għandha l-għan li tnaqqas id-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi u b'hekk ittejjeb l-istabbiltà finanzjarja tan-nisa u l-indipendenza ekonomika b'mod ġenerali, kif ukoll li tippermetti lin-nisa affettwati jaħarbu mill-faqar u minn sitwazzjonijiet ta' vjolenza domestika;

    27. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jindirizzaw it-tluq bikri mill-iskola; jenfasizza li l-Garanzija għaż-Żgħażagħ[19] imsaħħa tistipula li ż-żgħażagħ kollha mill-età ta' 15-il sena għandhom jirċievu offerta ta' impjieg, edukazzjoni, traineeship jew apprendistat fi żmien erba' xhur minn meta jsiru qiegħda jew minn meta jieqfu mill-edukazzjoni formali; jistieden, barra minn hekk, lill-Istati Membri jimplimentaw il-Garanzija għaż-Żgħażagħ imsaħħa, jiżguraw offerti ta' kwalità għolja, inkluża r-remunerazzjoni ġusta, u jippromwovu l-involviment taż-żgħażagħ fis-servizzi tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ; jissottolinja l-importanza li tiġi żgurata l-komplementarjetà tagħha mal-Garanzija għat-Tfal u mal-Istrateġija Ewropea għad-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità sabiex twieġeb għall-ħtiġijiet tat-tfal b'diżabilità u tipprovdi aċċess aħjar għas-servizzi ġenerali u għall-għajxien indipendenti;

    28. Jilqa' l-istabbiliment ta' mekkaniżmi ta' governanza, monitoraġġ, rapportar u evalwazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tkompli timmonitorja l-progress fis-Semestru Ewropew, inkluż permezz ta' indikaturi ddedikati fit-Tabella ta' Valutazzjoni Soċjali, u toħroġ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż fejn ikun meħtieġ; jistieden lill-Kummissjoni tinvolvi lill-Parlament fil-qafas komuni ta' monitoraġġ u fil-ħidma tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali; jenfasizza r-rwol importanti tal-Kumitat tar-Reġjuni u tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew fil-promozzjoni tad-djalogu mal-awtoritajiet lokali u reġjonali u mas-soċjetà ċivili; ifakkar fl-importanza li d-drittijiet u l-benesseri tat-tfal jiġu introdotti bħala parametri u indikaturi tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż fil-qafas tas-Semestru Ewropew u f'konformità mal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali; jistieden lill-Kummissjoni taġġusta l-Indikaturi tat-Tabella ta' Valutazzjoni Soċjali, inkluża data diżaggregata, biex tqis il-kategoriji kollha ta' tfal fil-bżonn identifikati mill-Kummissjoni, tkompli tiżviluppa valutazzjoni komparattiva għall-evalwazzjoni u l-monitoraġġ tal-impatt tal-Garanzija Ewropea għat-Tfal, u tfassal l-istruttura istituzzjonali għall-integrazzjoni tal-implimentazzjoni tagħha;

    29. Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw kemm strateġiji nazzjonali pluriennali biex jindirizzaw il-faqar u l-esklużjoni soċjali fost it-tfal kif ukoll pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali tal-Garanzija Ewropea għat-Tfal abbażi tal-gruppi speċifiċi ta' tfal fil-bżonn identifikati, l-objettivi u l-finanzjament meħtieġ li għandu jiġi allokat biex il-qafas ta' politika abilitanti jsir realtà; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu definiti miri b'saħħithom li jistgħu jitkejlu; ifakkar fl-importanza li jiġu involuti l-awtoritajiet reġjonali u lokali responsabbli u l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, inkluż fl-ekonomija soċjali, l-istituzzjonijiet edukattivi, is-settur privat, l-NGOs u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, kif ukoll it-tfal u l-ġenituri nfushom; jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta regolarment lill-Parlament dwar kull progress fl-implimentazzjoni tal-garanzija; itenni l-ħtieġa li jittejjeb il-ġbir ta' data diżaggregata ta' kwalità kemm fil-livell tal-Istati Membri kif ukoll fil-livell tal-UE sabiex jgħin fil-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-progress bil-għan li jintemmu l-faqar u l-esklużjoni soċjali fost it-tfal u tingħata informazzjoni dwar il-monitoraġġ u t-tfassil ta' politika; jilqa', f'dan ir-rigward, l-inklużjoni ta' oqfsa nazzjonali għall-ġbir tad-data skont il-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali għall-implimentazzjoni tal-Garanzija għat-Tfal; jenfasizza l-ħtieġa li l-Istati Membri kollha jiżviluppaw indikaturi ta' kwalità aħjar fl-oqsma kollha ta' intervent tal-Garanzija għat-Tfal bil-għan li jifhmu b'mod adegwat l-isfidi multidimensjonali relatati mal-faqar fost it-tfal u l-esklużjoni soċjali fl-edukazzjoni u l-indukrar tat-tfal, il-kura tas-saħħa, l-akkomodazzjoni u l-aċċess għal nutrizzjoni adegwata u bil-ħsieb li tissaħħaħ is-sensibilizzazzjoni tagħha għat-tfal l-aktar żvantaġġati; itenni l-importanza li l-Istati Membri jitħallew jiskambjaw l-aħjar prattiki;

    30. Jistieden lill-Kunsill tadotta l-proposta għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi Garanzija Ewropea għat-Tfal;

    31. Jistieden lill-Kunsill jiżblokka d-Direttiva dwar in-Nisa fuq il-Bordijiet; jisħaq li r-rappreżentanza tan-nisa fit-tmexxija fit-tmexxija tikkundizzjona lin-nisa u l-għażla tal-iskola u tal-karriera tan-nisa żgħażagħ u tikkontribwixxi biex jintemmu l-inugwaljanzi f'ċerti setturi tas-suq tax-xogħol fejn in-nisa huma anqas rappreżentati, kif ukoll biex jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tas-setturi femminizzati;

    32. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

     

    Aġġornata l-aħħar: 26 ta' April 2021
    Avviż legali - Politika tal-privatezza