MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar ir-residwi kimiċi fil-Baħar Baltiku, abbażi tal-Petizzjonijiet 1328/2019 u 0406/2020
22.4.2021 - (2021/2567(RSP))
Dolors Montserrat
f'isem il-Kumitat għall-Petizzjonijiet
B9‑0224/2021
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-residwi kimiċi fil-Baħar Baltiku, abbażi tal-Petizzjonijiet 1328/2019 u 0406/2020
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Petizzjonijiet 1328/2019 u 0406/2020,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-Artikoli 4 u 191 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u l-Artikoli 35 u 37 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Settembru 1997 dwar il-problema ekoloġika tal-Baħar Baltiku[1], l-objettiv tad-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma[2] biex jitnaqqsu t-tniġġis u s-sustanzi perikolużi, u l-impenn tal-Istati Membri li jimmonitorjaw il-munizzjon kimiku taħt l-ilma fl-ambitu tad-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika tal-Ambjent Marin (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina)[3],
– wara li kkunsidra l-impenji biex "jiġi salvat il-baħar” u biex ir-Reġjun tal-Baħar Baltiku jsir mexxej dinji fis-sigurtà marittima fl-ambitu tal-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku, u l-impenn tal-Istati Membri tal-UE li jeliminaw il-munizzjon kimiku li jintrema fil-baħar u l-mezzi esplożivi li għadhom ma splodewx fl-ambitu tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Istrateġija tas-Sigurtà Marittima tal-UE,
– wara li kkunsidra l-ambizzjoni tal-Kummissjoni ta' tniġġis żero għal ambjent ħieles mis-sustanzi tossiċi kif stabbilit fil-Kapitolu 2.1.8 tal-komunikazzjoni tagħha tal-11 ta' Diċembru 2019 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (COM(2019)0640), u l-impenn tal-UE li twaqqaf it-telfien tal-bijodiversità u ssir mexxejja dinjija fl-indirizzar tal-kriżi globali tal-bijodiversità f'konformità mal-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità sal-2020 u l-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 tagħha,
– wara li kkunsidra l-obbligi li ħadu l-Istati partijiet skont l-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-NU tal-1992 fuq il-protezzjoni u l-użu ta' passaġġi tal-ilma transkonfinali u għadajjar internazzjonali u l-Artikolu 4 tal-Protokoll tal-1999 dwar l-Ilma u s-Saħħa tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Programm Interreg li ġej tal-Kummissjoni għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku tal-2021-2027,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Ħelsinki tal-1992 dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent Marin taż-Żona tal-Baħar Baltiku, il-Pjan ta' Azzjoni tal-Baħar Baltiku u s-sejbiet tal-Kummissjoni għall-Ħarsien tal-Ambjent Marin fil-Baħar Baltiku (HELCOM) dwar il-munizzjon kimiku li jintrema fil-baħar,
– wara li kkunsidra l-impenji tal-Istati skont l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU, jiġifieri l-mira 3.9 li jitnaqqsu l-imwiet u l-mard minn sustanzi kimiċi u kontaminazzjoni perikolużi, il-mira 6.3 li tittejjeb il-kwalità tal-ilma billi jiġi eliminat ir-rimi u jitnaqqas kemm jista' jkun ir-rilaxx ta' sustanzi kimiċi perikolużi, u l-miri 14.1 u 14.2 li jiġi evitat it-tniġġis tal-baħar u protetti l-ekosistemi tal-baħar u kostali,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 1612(2008) tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-munizzjon kimiku mirdum fil-Baħar Baltiku, u r-rapport ta' akkumpanjament tat-28 ta' April 2008,
– wara li kkunsidra d-deliberazzjonijiet dwar il-Petizzjonijiet 1328/2019 u 0406/2020 waqt il-laqgħa tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet li saret fit-3 ta' Diċembru 2020,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 227(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi mill-inqas 50 000 tunnellata ta' armi konvenzjonali u kimiċi li fihom sustanzi perikolużi (bħall-mustarda tal-kubrit, il-gass tad-dmugħ u l-aġenti nervini u kimiċi li jikkawżaw fgar) intremew fil-Baħar Baltiku minn tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija;
B. billi dan il-munizzjon jiddegrada bil-mod u jnixxi sustanzi tossiċi fl-ilma, u joħloq periklu għas-saħħa tal-bniedem billi jikkontamina l-ikel u jikkawża ħruq u avvelenament qawwi ma' kuntatt dirett, jagħmel ħsara lill-ekosistemi tal-baħar u lill-bijodiversità, u jipperikola l-attivitajiet ekonomiċi lokali bħas-sajd, l-estrazzjoni tar-riżorsi naturali u l-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli mill-impjanti tal-enerġija;
C. billi minħabba s-sitwazzjoni ġeografika tiegħu, il-Baħar Baltiku huwa baħar nofsu magħluq b'tibdil bil-mod tal-ilma u b'kapaċità baxxa ħafna li jnaddaf lilu nnifsu; billi huwa meqjus bħala wieħed mill-aktar ibħra mniġġsa fid-dinja, bil-livelli ta' ossiġenu li jinżlu fl-ilmijiet fondi tiegħu, li diġà qed jipperikola l-ħajja tal-baħar;
D. billi l-Grupp ta' Ħidma ad hoc tal-HELCOM dwar il-Munizzjon Kimiku Mormi (CHEMU) wettaq riċerka siewja, il-proġett iffinanzjat mill-UE bit-titolu "Immudellar tar-Riskji Ekoloġiċi relatati mal-Armi Kimiċi Mormija fil-Baħar" (MERCW), u l-gruppi ta' esperti ad hoc tal-HELCOM għall-Aġġornament u r-Rieżami tal-Informazzjoni Eżistenti dwar il-Munizzjon Kimiku Mormi fil-Baħar Baltiku (MUNI) u dwar ir-Riskji Ambjentali ta' Oġġetti Perikolużi taħt l-Ilma (SUBMERGED);
E. billi matul il-Konferenza dwar l-Isfidi tal-Munizzjon li Għadu Ma Splodiex fil-Baħar li saret fi Brussell fl-20 ta' Frar 2019 ġiet espressa l-ħtieġa ta' kooperazzjoni akbar;
F. billi l-komunità internazzjonali ma għandhiex informazzjoni affidabbli dwar il-volum, in-natura u l-postijiet tal-munizzjon mormi minħabba dokumentazzjoni ħażina ta' dawn l-attivitajiet u riċerka insuffiċjenti dwar qiegħ il-baħar b'rabta mal-Baħar Baltiku;
G. billi ma ntlaħaq l-ebda kunsens dwar l-istat attwali tal-munizzjon, il-periklu eżatt li jippreżenta u s-soluzzjonijiet possibbli għal din il-problema;
H. billi l-Programm Interreg għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku pprovda finanzjament għall-Valutazzjoni u t-Tiftix tal-Munizzjoni Kimiku (CHEMSEA) tal-2011-2014, l-Għajnuna għall-Proċess tat-Teħid ta' Deċiżjonijiet għall-Munizzjon tal-Baħar (DAIMON) tal-2016-2019 u l-proġetti DAIMON 2 tal-2019-2021 għal total ta' EUR 10.13 miljun (li EUR 7.8 miljun minnhom – 77 % – ġew mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali); billi dawn il-proġetti studjaw il-postijiet tar-rimi, il-kontenut u l-istat tal-munizzjon u kif jirreaġixxi għall-kundizzjonijiet tal-Baħar Baltiku, u pprovdew lill-amministrazzjonijiet għodod għat-teħid ta' deċiżjonijiet u taħriġ fit-teknoloġiji użati għall-analiżi tar-riskju, il-metodi ta' rimedju u l-valutazzjoni tal-impatt ambjentali;
I. billi l-kwistjoni tal-munizzjon konvenzjonali u kimiku mormi fil-baħar qed tiġi indirizzata min-NATO, li għandha għodod, strumenti u esperjenza adegwati biex issolvi din il-problema b'suċċess;
J. billi l-proġett CHEMSEA, li wasal fi tmiemu fl-2014, ikkonkluda li filwaqt li s-siti tar-rimi tal-munizzjoni kimiku ma jirrappreżentawx theddida immedjata, dawn se jkomplu jkunu problema għall-Baħar Baltiku;
K. billi d-densità għolja tat-trasport u r-rata għolja ta' attività ekonomika fir-Reġjun tal-Baħar Baltiku jagħmlu din mhux biss kwistjoni ambjentali, iżda wkoll waħda b'implikazzjonijiet ekonomiċi konsiderevoli, inkluż għall-industrija tas-sajd;
1. Jissottolinja li l-perikli ambjentali u għas-saħħa kkawżati mill-munizzjon mormi fil-Baħar Baltiku wara t-Tieni Gwerra Dinjija mhumiex biss kwistjoni reġjonali u Ewropea, iżda problema globali serja b'effetti transfruntiera imprevedibbli fuq perjodu ta' żmien qasir u twil;
2. Iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali tħaddan spirtu ta' kooperazzjoni u solidarjetà ġenwina biex iżżid il-monitoraġġ tagħha tal-munizzjon mormi sabiex jitnaqqsu kemm jista' jkun ir-riskji possibbli għall-ambjent u l-attivitajiet tal-baħar; iħeġġeġ lin-naħat kollha li jieħdu sehem fil-klassifikazzjoni tal-informazzjoni dwar l-attivitajiet ta' rimi u l-postijiet eżatti tagħhom jiddeklassifikaw din l-informazzjoni u jippermettu lill-pajjiżi affettwati, lill-Kummissjoni u lill-Parlament Ewropew jaċċessawha b'urġenza;
3. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kumitat Konġunt tal-Programmazzjoni għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku ta' Interreg jiżguraw finanzjament adegwat għar-riċerka u l-azzjonijiet meħtieġa biex jiġu solvuti l-perikli li jirriżultaw mill-munizzjon mormi fil-Baħar Baltiku; jilqa' l-isforzi ddedikati u r-riċerka kostruttiva mwettqa mill-HELCOM u fl-oqfsa tal-proġetti CHEMSEA, DAIMON u DAIMON 2 iffinanzjati mill-Programm Interreg għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku;
4. Jistieden lin-naħat kollha involuti jikkonformaw mal-liġi ambjentali internazzjonali u jipprovdu kontribuzzjonijiet finanzjarji addizzjonali għall-Programm Interreg għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku tal-2021-2027; jilqa' l-Programm Interreg tranżnazzjonali għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku tal-2021-2027, li se jiffinanzja miżuri biex jitnaqqas it-tniġġis tal-Baħar Baltiku;
5. Jisħaq fuq il-ħtieġa ta' monitoraġġ regolari tal-istat tal-korrużjoni tal-munizzjon u valutazzjoni aġġornata tar-riskju ambjentali dwar l-impatti tal-kontaminanti rilaxxati fuq is-saħħa tal-bniedem, l-ekosistemi tal-baħar u l-bijodiversità tar-reġjun;
6. Jilqa' l-isforzi li saru fil-livell nazzjonali, bħall-immappjar tal-postijiet tal-munizzjon mormi u l-monitoraġġ u t-tneħħija ta' materjali perikolużi;
7. Jenfasizza l-importanza, f'dan ir-rigward, tal-mekkaniżmi ta' kooperazzjoni interstatali u interreġjonali, l-aċċess mingħajr ħlas għall-informazzjoni pubblika, u l-iskambju effiċjenti tal-għarfien u tar-riċerka ta' natura xjentifika;
8. Jistieden lill-Kummissjoni, għall-finijiet tal-ambizzjoni tagħha ta' tniġġis żero għal ambjent ħieles mis-sustanzi tossiċi, tistabbilixxi grupp ta' esperti mal-Istati Membri affettwati u ma' partijiet ikkonċernati u organizzazzjonijiet oħra, inkarigat bil-mandat li ġej: (i) l-istudju u l-immappjar tal-postijiet eżatti taż-żoni kkontaminati; (ii) il-proposta ta' soluzzjonijiet xierqa li jirrispettaw l-ambjent u kosteffettivi għall-monitoraġġ u t-tindif tat-tniġġis bl-għan aħħari li jitneħħew jew li jiġu newtralizzati bis-sħiħ il-materjali perikolużi fejn l-estrazzjoni tkun impossibbli; (iii) l-iżvilupp ta' għodod affidabbli ta' appoġġ għat-teħid ta' deċiżjonijiet; (iv) it-twettiq ta' kampanja ta' sensibilizzazzjoni biex tinforma lill-gruppi affettwati (bħas-sajjieda, ir-residenti lokali, it-turisti u l-investituri) dwar ir-riskji potenzjali għas-saħħa u l-ekonomija; u (v) l-iżvilupp ta' linji gwida ta' reazzjoni f'każ ta' emerġenza għal diżastri ambjentali;
9. Jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-ebda parti mill-allokazzjoni ta' EUR 8.8 miljun fl-ambitu tal-Istrument Ewropew ta' Viċinat ma ntużat għall-proġetti DAIMON jew DAIMON 2 fl-ambitu tal-Programm Interreg għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku;
10. Jistieden lill-Kummissjoni tinvolvi lill-aġenziji u lill-istituzzjonijiet rilevanti kollha tal-UE, inkluża l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża, biex jintużaw ir-riżorsi kollha disponibbli u jiġi żġurat li l-problema tiġi riflessa fil-politiki u fil-proċessi ta' programmazzjoni rilevanti kollha tal-UE, inkluża d-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina u l-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Istrateġija Marittima;
11. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-kwistjoni tal-munizzjon mormi fl-ibħra Ewropej tiġi inkluża fil-programmi orizzontali sabiex tkun tista' ssir is-sottomissjoni ta' proġetti li jkopru r-reġjuni affettwati mill-istess problema (il-Baħar Adrijatiku u Jonju, il-Baħar tat-Tramuntana u l-Baħar Baltiku) u jiġi ffaċilitat l-iskambju tal-esperjenza u tal-aħjar prattiki;
12. Jitlob lill-Kummissjoni tiddedika sforzi miftiehma biex jiġi indirizzat it-tniġġis fil-Baħar Baltiku u trawwem it-tipi kollha ta' kooperazzjoni reġjonali, nazzjonali u internazzjonali għal dan il-għan, inkluż permezz tas-sħubija tagħha man-NATO;
13. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u Stati oħra kkonċernati.