Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0237/2021Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0237/2021

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar ir-Russja, il-każ ta' Alexei Navalny, l-iskjerament militari fil-fruntiera mal-Ukrajna u l-attakki Russi fir-Repubblika Ċeka

26.4.2021 - (2021/2642(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Bernard Guetta, Petras Auštrevičius, Dita Charanzová, Olivier Chastel, Klemen Grošelj, Karin Karlsbro, Karen Melchior, Javier Nart, Dragoș Pîslaru, Frédérique Ries, María Soraya Rodríguez Ramos, Michal Šimečka, Nicolae Ştefănuță, Ramona Strugariu
f'isem il-Grupp Renew Europe

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0236/2021

Proċedura : 2021/2642(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B9-0237/2021
Testi mressqa :
B9-0237/2021
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B9‑0237/2021

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-Russja, il-każ ta' Alexei Navalny, l-iskjerament militari fil-fruntiera mal-Ukrajna u l-attakki Russi fir-Repubblika Ċeka

(2021/2642(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja u l-Ukrajna,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-G7 tat-18 ta' Marzu 2021 dwar l-Ukrajna u d-dikjarazzjoni mill-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-G7 u mir-Rappreżentant Għoli tal-UE tat-12 ta' April 2021 dwar l-Ukrajna,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni għall-istampa mill-President Charles Michel tat-2 ta' Marzu 2021 wara l-laqgħa tiegħu fil-Lvant tal-Ukrajna mal-President Volodymyr Zelenskyy,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kunsill tal-Atlantiku tat-Tramuntana tat-15 ta' April 2021 wara t-tħabbira mill-Istati Uniti ta' azzjonijiet fir-rigward tar-Russja,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB), il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,

 wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Federazzjoni Russa, b'mod partikolari l-Kapitolu 2, u speċifikament l-Artikolu 29, li tħares il-libertà tal-kelma, u l-obbligi internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem li r-Russja impenjat ruħha li tosserva bħala membru tal-Kunsill tal-Ewropa, tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) u tan-Nazzjonijiet Uniti,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-President tal-Kunsill Ewropew u tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/HR) tas-17 ta' Jannar 2021 u tal-President tal-Kummissjoni Ewropea tat-18 ta' Jannar 2021 wara d-detenzjoni ta' Aleksei Navalny,

 wara li kkunsidra l-ittra tal-mexxejja tal-Gruppi tal-PPE, S&D u Renew Europe tal-14 ta' April 2021 dwar is-saħħa ta' Alexei Navalny,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mir-Rappreżentant Għoli f'isem l-Unjoni Ewropea tat-3 ta' Frar 2021 dwar is-sentenza ta' Alexei Navalny u tat-18 ta' April 2021 dwar saħħet Alexei Navalny li sejra għall-agħar, u d-dikjarazzjoni mill-Kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) tal-11 ta' April 2021 dwar l-azzjonijiet kontra l-ġurnalist investigattiv Ruman Anin,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kunsill tal-Atlantiku tat-Tramuntana tat-22 ta' April 2021 f'solidarjetà mar-Repubblika Ċeka, id-dikjarazzjoni mir-Rappreżentant Għoli f'isem l-Unjoni Ewropea tal-21 ta' April 2021 f'solidarjetà mar-Repubblika Ċeka dwar attivitajiet kriminali fit-territorju tagħha, id-dikjarazzjoni konġunta mill-mexxejja tal-Gruppi PPE, S&D, Renew Europe, tal-Ħodor/AĦE u tal-ECR tal-21 ta' April 2021, id-diskors tal-Prim Ministru Babiš tal-20 ta' April 2021 fil-Kamra tad-Deputati Ċeka, u d-dikjarazzjoni mill-Kelliem tas-SEAE tad-19 ta' April 2021 dwar it-tkeċċija tad-diplomatiċi Ċeki,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi fit-18 ta' April 2021, ġie żvelat l-involviment ta' aġenti tas-servizz tal-intelliġenza militari Russu (GRU) fl-isplużjonijiet tal-2014 f'maħżen tal-munizzjon f'Vrbětice fir-Repubblika Ċeka, li fih inqatlu żewġ ċittadini Ċeki; billi l-istess aġenti tal-GRU kienu responsabbli wkoll għall-attentat ta' qtil ta' Sergei u Yulia Skripal fir-Renju Unit fl-2018 bl-użu ta' aġent nervin Novichok ta' grad militari, li wassal ukoll għall-mewt ta' ċittadin Brittaniku; billi l-aġenti tal-GRU ġew akkużati wkoll bl-attentat ta' qtil ta' Emilian Gebrev, is-sid ta' fabbrika tal-armi, u żewġ persuni oħra fil-Bulgarija fl-2015; billi r-Russja mhijiex kooperattiva fl-investigazzjoni ta' dawn ir-reati mwettqa fit-territorju tal-Unjoni Ewropea, tiċħad l-involviment tal-GRU fl-avvelenament ta' Sergei u Yulia Skripal u toffri kenn għall-persuni ssuspettati ewlenin;

B. billi fit-2 ta' Frar 2021, qorti ta' Moska kkundannat lil Alexei Navalny għal sentejn u nofs priġunerija għall-allegat ksur tal-probazzjoni tiegħu waqt li kien qed jirkupra fil-Ġermanja minn attentat ta' assassinju minn avvelenament b'aġent kimiku militari pprojbit imwettaq minn aġenti tas-servizzi tas-sigurtà tal-Federazzjoni Russa fi ħdan il-Federazzjoni Russa;

C. billi l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem kienet diġà ddeterminat, fis-sentenza tagħha tal-2017, li l-kundanna ta' Alexei Navalny kienet arbitrarja u manifestament irraġonevoli;

D. billi l-UE, flimkien mas-sħab internazzjonali, stiednet lill-awtoritajiet Russi jinvestigaw bir-reqqa l-attentat ta' assassinju ta' Aleksei Navalny, jikkooperaw bis-sħiħ mal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta' Armi Kimiċi (OPCW) biex jiżguraw investigazzjoni internazzjonali imparzjali, u jressqu lil dawk responsabbli quddiem il-ġustizzja; billi s'issa għadha ma saret l-ebda investigazzjoni imparzjali bħal din min-naħa tal-awtoritajiet Russi u r-Russja rrifjutat b'mod espliċitu kwalunkwe appell għal investigazzjoni;

E. billi fil-15 ta' Ottubru 2020, fin-nuqqas ta' kwalunkwe investigazzjoni jew kooperazzjoni Russa mal-OPCW, l-UE imponiet sanzjonijiet kontra sitt individwi Russi u entità waħda involuta fir-reat, u fit-2 ta' Marzu 2021 imponiet sanzjonijiet skont ir-Reġim Globali ta' Sanzjonijiet tal-UE b'rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem (l-Att tal-UE dwar Magnitsky) fuq erba' individwi Russi minħabba r-rwoli tagħhom fl-arrest, il-prosekuzzjoni u s-sentenza arbitrarji ta' Alexei Navaleny;

F. billi Alexei Navalny ġie miżmum il-ħabs taħt kundizzjonijiet ħorox f'kolonja penali ta' sigurtà għolja u ġie soġġett għal nuqqas ta' rqad, u s-saħħa tiegħu marret għall-agħar b'mod sever; billi, wara li l-awtoritajiet tal-ħabs naqsu milli jipprovdulu kura medika adegwata jew jippermettu li t-tobba tiegħu stess iżuruh, fit-31 ta' Marzu 2021, Alexei Navalny beda strajk tal-ġuħ bi protesta, li dam 24 jum; billi l-esperti indipendenti maħtura mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU ddikjaraw li l-ħajja ta' Alexei Navalny tinsab f'periklu serju u talbu l-evakwazzjoni medika urġenti tiegħu mir-Russja;

G. billi aktar minn 1 600 persuna ġew miżmuma f'detenzjoni fil-21 ta' April 2021 matul protesti kbar fil-Federazzjoni Russa kollha b'appoġġ għal Alexei Navalny;

H. billi d-drittijiet għal-libertà tal-ħsieb u tal-kelma, ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda paċifika huma minquxa fil-Kostituzzjoni tal-Federazzjoni Russa; billi l-Federazzjoni Russa hija firmatarju tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-KEDB, u hija membru tal-Kunsill tal-Ewropa;

I. billi s-sitwazzjoni mwiegħra tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt tkompli tiddeterjora aktar fir-Russja, bi sforzi sistematiċi mill-awtoritajiet biex iwaqqfu l-libertà tal-kelma, u jillimitaw il-libertà ta' għaqda u l-attivitajiet tas-soċjetà ċivili Russa; billi fid-9 ta' April 2021, l-awtoritajiet Russi żammew f'detenzjoni għal perjodu qasir, interrogaw u ħatfu l-mowbajls u d-dokumenti ta' Roman Anin, wieħed mill-ġurnalisti investigattivi ewlenin tar-Russja affiljat mal-Proġett ta' Rappurtar dwar il-Kriminalità Organizzata u l-Korruzzjoni (OCCRP); billi dawn l-azzjonijiet ipperikolaw ukoll lil sħabu l-ġurnalisti tal-OCCRP li kienu qed jaħdmu fuq kwistjonijiet ta' trasparenza u korruzzjoni, minħabba l-informazzjoni li s-Servizz tas-Sigurtà Federali (FSB) issa għandu aċċess sħiħ għaliha;

J. billi f'dawn l-aħħar ġimgħat aktar minn 100 000 truppa Russa kienu nġabru fil-fruntieri tal-Ukrajna u fil-Krimea, kif ukoll tankijiet, vetturi armati, artillerija u tagħmir tqil ieħor; billi n-numru ta' vittmi fil-gwerra fil-Lvant tal-Ukrajna żdied b'mod notevoli matul dawn l-aħħar xhur;

K. billi l-Ministeru tad-Difiża Russu ħabbar unilateralment li se jagħlaq l-ilmijiet madwar l-Istrett ta' Kerch għal bastimenti mhux kummerċjali ta' pajjiżi oħra sa Ottubru 2021, u b'hekk jimblokka parzjalment l-aċċess għall-Baħar ta' Azov;

L. billi l-ġesti militari Russi u l-militarizzazzjoni dejjem akbar mill-Federazzjoni Russa fil-fruntieri tal-Ukrajna, fil-Krimea u fir-reġjun ta' Donbas, inkluż permezz ta' movimenti kbar ħafna ta' truppi u eżerċizzji militari multipli, għad għandhom impatt negattiv fuq is-sitwazzjoni tas-sigurtà tal-Ukrajna, ir-reġjun tal-Baħar l-Iswed u l-kontinent Ewropew;

M. billi l-Ukrajna talbet li jiġi invokat il-paragrafu 16.3 tal-Kapitolu III tad-Dokument ta' Vjenna dwar il-Miżuri għat-Tisħiħ tal-Fiduċja u tas-Sigurtà, u talbet spjegazzjoni dwar l-attivitajiet militari mhux tas-soltu tal-Federazzjoni Russa qrib il-fruntiera tal-Ukrajna u fil-Krimea;

N. billi r-Russja għadha tinvolvi ruħha b'mod aggressiv fl-imġiba destabbilizzanti permezz ta' tentattivi ta' interferenza fl-elezzjonijiet, kampanji ta' diżinformazzjoni mifruxa, u attakki ċibernetiċi malizzjużi, fejn eżempju notevoli reċenti huwa l-operazzjoni ċibernetika ta' SolarWinds, li affettwat lill-gvernijiet u lin-negozji Ewropej;

1. Jinnota li l-każijiet inaċċettabbli koperti minn din ir-riżoluzzjoni huma r-riżultat tan-natura awtoritarja u mhux demokratika tar-reġim ta' Putin, ir-rigress tal-istat tad-dritt fir-Russja u l-pożizzjoni aggressiva tar-reġim lejn dawk li huwa jqis bħala avversarji, fi ħdan u barra mir-Russja; jissottolinja li l-politiki mwettqa mill-President Putin u r-reġim tiegħu huma msejsa fuq l-użu ta' retorika ta' theddid biex tiġi instigata klima ta' biża' u kunflitt sabiex jiżdied il-kontroll tagħhom fuq il-poter u biex titneħħa l-attenzjoni mill-bosta sfidi ekonomiċi u politiċi reali li qed iħabbtu wiċċhom magħhom iċ-ċittadini tar-Russja fil-ħajja tagħhom ta' kuljum;

2. Jesprimi dispjaċir għall-istat attwali tar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja kkawżati mill-aggressjoni tar-Russja u mid-destabbilizzazzjoni kontinwa tal-Ukrajna, l-imġiba ostili lejn u attakki diretti fuq l-Istati Membri u s-soċjetajiet tal-UE murija, fost l-oħrajn, permezz ta' interferenza fil-proċessi elettorali, l-użu ta' diżinformazzjoni, attakki ċibernetiċi malizzjużi, sabotaġġ u armi kimiċi, u d-deterjorament sinifikanti fis-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u r-rispett għad-dritt għal-libertà tal-espressjoni, l-assoċjazzjoni u l-għaqda paċifika fir-Russja;

3. Jiddeplora l-involviment tal-aġenti tal-intelliġenza militari Russa (GRU) fl-isplużjonijiet ta' Vrbětice bħala ksur inaċċettabbli tas-sovranità u s-sigurtà nazzjonali ta' Stat Membru tal-UE; iqis li attakk fuq Stat Membru jrid jitqies bħala att ta' terroriżmu fuq l-UE kollha; jikkundanna r-reazzjoni tar-Russja li tkeċċi 20 diplomatiku Ċek bħala ritaljazzjoni;

4. Jesprimi s-solidarjetà sħiħa tiegħu mar-Repubblika Ċeka u mal-poplu Ċek, u l-appoġġ tiegħu għalihom; jistieden lill-Kunsill u lill-Istati Membri kollha juru s-solidarjetà tagħhom billi jadottaw miżuri b'saħħithom, komuni u konkreti b'reazzjoni għal dan l-attakk terroristiku; jilqa' s-solidarjetà murija mis-Slovakkja, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja u r-Rumanija, li diġà keċċew lid-diplomatiċi Russi mill-missjonijiet tagħhom bħala reazzjoni, u jitlob li l-UE u l-bqija tal-Istati Membri jagħmlu l-istess;

5. Jikkundanna bil-qawwa l-imġiba ostili tar-Russja fl-Ewropa u jistieden lill-gvern tagħha jtemm dawn l-attivitajiet, li jiksru l-prinċipji u n-normi internazzjonali u jheddu l-istabbiltà fl-Ewropa;

6. Jistieden lill-awtoritajiet Russi jikkooperaw bis-sħiħ fl-investigazzjoni dwar l-attakk terroristiku fir-Repubblika Ċeka u jipprovdu l-informazzjoni kollha mitluba;

7. jistieden lill-Istati Membri jwettqu kontroverifika tas-sistemi rilevanti kollha tal-UE u ta' Schengen mad-data bijometrika rilevanti taċ-ċittadini Russi, peress li l-aġenti tal-GRU responsabbli għall-isplużjonijiet tal-2014 f'maħżen tal-munizzjon f'Vrbětice kienu involuti wkoll f'operazzjonijiet ostili oħra fit-territorju Ewropew u l-grupp tagħhom jidher li jivvjaġġa liberament lejn l-UE, sabiex dawn l-individwi ma jitħallewx jidħlu fl-UE taħt pretensjonijiet foloz; jistieden lill-Istati Membri jaraw liema miżuri oħra għall-identifikazzjoni jistgħu jittieħdu;

8. Jitlob ir-rilaxx immedjat u bla kundizzjonijiet ta' Alexei Navalny u tal-persuni l-oħra kollha miżmuma f'detenzjoni waqt li pprotestaw għar-rilaxx tiegħu; jafferma mill-ġdid il-kundanna qawwija tiegħu tar-repressjoni politikament motivata mwettqa kontrih u l-persuni li jappoġġjawh mill-awtoritajiet Russi, li tikser l-impenji internazzjonali tar-Russja; ifakkar lill-Federazzjoni Russa li bħala membru tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-OSKE, impenjat ruħha li tirrispetta l-libertajiet fundamentali, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt kif minqux fil-KEDB u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi;

9. Ifakkar lill-awtoritajiet Russi u lill-President Putin personalment bħala l-kap tal-Istat Russu li huma għandhom responsabbiltà sħiħa biex jieħdu ħsieb il-ħajja u l-integrità fiżika ta' Alexei Navalny u jeħtiġilhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jipproteġu s-saħħa fiżika u mentali u l-benesseri tiegħu; ikompli jħeġġeġ lill-President Putin u lill-awtoritajiet Russi jinvestigaw u jressqu quddiem il-ġustizzja lil dawk responsabbli għall-attentat ta' qtil ta' Alexei Navalny, u li dawn jagħtu kont ta' għemilhom;

10. Jistieden lill-awtoritajiet Russi jtemmu l-fastidju, l-intimidazzjoni, il-vjolenza u r-repressjoni ta' ilħna indipendenti u dissidenti, jirrispettaw il-libertà tal-midja u jwaqqfu kwalunkwe fastidju u pressjoni fuq il-midja indipendenti, bħal kontra l-ġurnalist investigattiv Roman Anin;

11. Jistieden lill-Kunsill jieħu pożizzjoni attiva u jimponi miżuri restrittivi mmirati addizzjonali skont ir-Reġim Globali ta' Sanzjonijiet tal-UE b'rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem (l-Att tal-UE dwar Magnitsky) kontra l-individwi kollha li huma responsabbli għall-prosekuzzjoni, is-sentenza u t-trattament ħażin ta' Alexei Navalny;

12. Ifakkar li l-Parlament Ewropew jappoġġja lill-poplu Russu fil-ġlieda tiegħu għal-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istabbilizzazzjoni tal-kontinent Ewropew, ir-rispett għall-fruntieri internazzjonali kollha, u l-koeżistenza u l-kooperazzjoni paċifika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni Russa; jistieden lill-awtoritajiet Russi jiggarantixxu lill-partiti demokratiċi kollha aċċess ugwali u opportunitajiet indaqs matul l-elezzjonijiet ta' Duma li ġejjin;

13. Itenni t-talba tiegħu lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri biex ikomplu jimmonitorjaw mill-qrib is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Federazzjoni Russa u biex ikomplu jimmonitorjaw il-kawżi tal-qorti li jinvolvu organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, ġurnalisti, politikanti tal-oppożizzjoni u attivisti, inkluż il-każ ta' Alexei Navalny; jitlob lill-UE żżid l-appoġġ tagħha lid-dissidenti, lill-organizzazzjonijiet mhux governattivi u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Russi, kif ukoll lill-midja indipendenti;

14. Jafferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għall-indipendenza, għas-sovranità u għall-integrità territorjali tal-Ukrajna fi ħdan il-fruntieri tagħha li huma rikonoxxuti internazzjonalment; itenni l-appoġġ tiegħu għall-politika tal-UE ta' nuqqas ta' rikonoxximent tal-annessjoni illegali tar-Repubblika Awtonoma tal-Krimea u tal-Belt ta' Sevastopol; jilqa' l-miżuri meħuda mill-UE bħala konsegwenza tal-annessjoni illegali; jitlob il-ħelsien immedjat taċ-ċittadini kollha tal-Ukrajna miżmuma f'detenzjoni u fil-ħabs illegalment fil-peniżola tal-Krimea u fir-Russja;

15. Iqis l-iskjerament militari Russu fl-fruntiera tal-Ukrajna bħala provokazzjoni perikoluża b'potenzjal għal konsegwenzi ta' tħassib kbir u perikolużi; jistieden lill-awtoritajiet Russi biex jikkonfermaw u jimplimentaw mingħajr aktar dewmien l-irtirar tat-truppi u tat-tagħmir militari tagħhom mill-fruntiera tal-Ukrajna, u biex immedjatament inaqqsu t-tensjonijiet f'konformità mal-obbligi internazzjonali tagħha;

16. Ifakkar li l-Ftehimiet ta' Minsk huma fundamentali għar-riżoluzzjoni tal-kriżi fl-Ukrajna u għalhekk iħeġġeġ lill-firmatarji jonoraw l-impenji tagħhom;

17. Jistieden lir-Russja twaqqaf id-destabbilizzazzjoni kontinwa tagħha tal-Ukrajna, speċjalment l-azzjonijiet tagħha f'ċerti żoni tar-reġjuni ta' Donbask u Luhansk, tal-Krimea u madwar il-fruntieri tal-Ukrajna, u biex tieqaf tinstiga l-kunflitt billi tipprovdi appoġġ finanzjarju u militari lill-gruppi armati li tappoġġja fil-Lvant tal-Ukrajna; jikkundanna r-rwol tar-Russja fit-twaqqigħ tat-titjira MH17 tal-Malaysia Airlines fl-2014 u t-tentattivi tagħha biex kontinwament timmina l-investigazzjoni billi xxerred id-diżinformazzjoni b'mod intenzjonat; ifakkar fl-appoġġ sħiħ tal-komunità internazzjonali għall-kisba tal-ġustizzja għall-298 vittma tat-twaqqigħ tat-Titjira MH17 u jitlob il-kooperazzjoni sħiħa tar-Russja fit-tfittxija għall-persuni responsabbli u biex dawn jitressqu quddiem il-ġustizzja;

18. Jistieden lir-Russja tirrispetta l-prinċipji u l-impenji tal-OSKE dwar it-trasparenza tal-movimenti militari, biex tinvolvi ruħha b'mod kostruttiv fil-Grupp ta' Kuntatt Tripartitiku biex tikkonferma l-waqfien mill-ġlied u biex twieġeb għall-proċedura stabbilita skont il-Kapitolu III tad-Dokument ta' Vjenna;

19. Jistieden lir-Russja tiżgura l-passaġġ bla xkiel u ħieles tal-bastimenti kollha mill-Istrett ta' Kerch mill-Baħar ta' Azov u lejh, f'konformità mad-dritt internazzjonali;

20. Jisħaq li jekk l-iskjerament militari Russu jwassal għal invażjoni tal-Ukrajna, l-UE jeħtiġilha tagħmilha ċara li l-prezz għal tali ksur tad-dritt u tan-normi internazzjonali jkun sever; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jżidu l-isforzi tagħhom biex jgħinu fit-tisħiħ tas-sigurtà u r-reżiljenza tal-Ukrajna;

21. Iqis li l-attakk ta' Vrbětice mir-Russja, fit-territorju tal-Unjoni Ewropea, flimkien mas-sitwazzjoni fil-fruntiera tal-Ukrajna u t-trattament ta' Alexei Navalny, irid iwassal għal valutazzjoni mill-ġdid tal-istrateġija ġenerali tal-UE lejn ir-Russja; iħeġġeġ lill-Kunsill biex jirreaġixxi għall-attakki u għall-imġiba ostili tal-Gvern Russu billi jsaħħaħ ir-reġimi ta' sanzjonijiet immirati tal-UE billi jżid mal-listi tas-sanzjonijiet is-sostenituri ewlenin tal-President Putin, kif ukoll il-propagandisti ewlenin tar-reġim;

22. Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex ikabbru r-Reġim Globali attwali ta' Sanzjonijiet tal-UE b'rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem (l-Att tal-UE dwar Magnitsky) biex jindirizzaw l-korruzzjoni; jissottolinja li l-Istati Membri tal-UE ma għandhomx jibqgħu postijiet li jilqgħu l-ġid u l-investimenti Russi ta' oriġini mhux ċara; jitlob lill-UE żżid l-isforzi tagħha biex trażżan l-investimenti strateġiċi tal-Kremlin fl-UE għall-finijiet tas-sovverżjoni, l-imminar tal-proċessi u l-istituzzjonijiet demokratiċi, u t-tixrid tal-korruzzjoni; ikompli jinsisti li Ċipru, il-Bulgarija u Malta jabbandunaw ir-reġimi tal-"passaporti tad-deheb" tagħhom;

23. Jistieden lill-Istati Membri u lir-Rappreżentant Għoli biex jagħtu prijorità b'mod partikolari lit-tħejjija għal theddid ibridu mill-Federazzjoni Russa u biex isaħħu l-kapaċitajiet tal-Istati Membri billi jsaħħu l-kooperazzjoni u billi jallokaw riżorsi baġitarji xierqa għal dan il-qasam;

24. Jitlob lill-Istati Membri juru solidarjetà u unità ta' azzjoni, jirrieżaminaw u jikkoordinaw b'mod kritiku l-pożizzjonijiet tagħhom dwar ir-Russja u jerġgħu jikkunsidraw il-kontinwazzjoni ta' proġetti strateġiċi bħal Nord Stream 2; jisħaq, barra minn hekk, li l-UE għandha ssaħħaħ is-solidarjetà u l-koordinazzjoni transatlantiċi fl-indirizzar tal-isfidi mqajma mill-Gvern attwali tal-Federazzjoni Russa;

25. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, u lill-President, lill-Gvern u lid-Duma tal-Istat tal-Federazzjoni Russa, u lill-President, lill-Gvern u lill-Verkhovna Rada tal-Ukrajna.

 

Aġġornata l-aħħar: 28 ta' April 2021
Avviż legali - Politika tal-privatezza