Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0272/2021Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0272/2021

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-protezzjoni adegwata tad-data personali mir-Renju Unit

12.5.2021 - (2021/2594(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Juan Fernando López Aguilar
f'isem il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern


Proċedura : 2021/2594(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B9-0272/2021
Testi mressqa :
B9-0272/2021
Testi adottati :

B9‑0272/2021

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-protezzjoni adegwata tad-data personali mir-Renju Unit

(2021/2594(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-Karta), b'mod partikolari l-Artikoli 7, 8, 47 u 52 tagħha,

 wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) tas-16 ta' Lulju 2020 fil-kawża C-311/18, Data Protection Commissioner vs Facebook Ireland Limited u Maximillian Schrems (is-sentenza Schrems II)[1],

 wara li kkunsidra s-sentenza tal-QĠUE tas-6 ta' Ottubru 2015 fil-kawża C-362/14, Maximillian Schrems vs Data Protection Commissioner (is-sentenza Schrems I)[2],

 wara li kkunsidra s-sentenza tal-QĠUE tas-6 ta' Ottubru 2020 fil-kawża C-623/17, Privacy International vs Secretary of State of Foreign and Commonwealth affairs[3],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2014 dwar il-programm ta' sorveljanza tal-NSA tal-Istati Uniti, il-korpi ta' sorveljanza f'diversi Stati Membri u l-impatt tagħhom fuq id-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tal-UE u dwar il-kooperazzjoni transatlantika fil-Ġustizzja u l-Intern[4],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2018 dwar l-adegwatezza tal-protezzjoni mogħtija mit-Tarka tal-Privatezza UE-US[5],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2018 dwar l-użu tad-data tal-utenti ta' Facebook minn Cambridge Analytica u l-impatt fuq il-protezzjoni tad-data[6],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-XX ta' Mejju 2021 dwar is-sentenza tal-QĠUE tas-16 ta' Lulju 2020 – Data Protection Commissioner vs Facebook Ireland Limited, Maximilian Schrems[7],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Novembru 2020 dwar ir-Rieżami tal-Politika Kummerċjali tal-UE[8],

 wara li kkunsidra l-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni tal-31 ta' Diċembru 2020 bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq, min-naħa l-oħra[9],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' April 2021 dwar l-eżitu tan-negozjati bejn l-UE u r-Renju Unit[10],

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data (ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data – GDPR)[11],

 wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta' tali data (id-Direttiva dwar l-Infurzar tal-Liġi għall-Protezzjoni tad-Data)[12],

 wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika[13],

 wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-10 ta' Jannar 2017 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rispett għall-ħajja privata u l-protezzjoni ta' data personali f'komunikazzjoni elettronika (COM(2017)0010) u l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew dwarha adottata fl-20 ta' Ottubru 2017[14],

 wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (EDPB), inkluża d-dikjarazzjoni tiegħu tad-9 ta' Marzu 2021 dwar ir-Regolament dwar il-Privatezza Elettronika u r-rakkomandazzjonijiet 01/2020 tiegħu tal-10 ta' Novembru 2020 dwar miżuri li jissupplimentaw għodod ta' trasferiment biex tiġi żgurata l-konformità mal-livell tal-UE ta' protezzjoni tad-data personali,

 wara li kkunsidra r-referenzjal tal-adegwatezza adottat mill-Grupp ta' Ħidma tal-Artikolu 29 dwar il-Protezzjoni tad-Data fis-6 ta' Frar 2018 u approvat mill-EDPB,

 wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet 01/2021 tal-EDPB tat-2 ta' Frar 2021 dwar ir-referenzjal tal-adegwatezza skont id-Direttiva dwar l-Infurzar tal-Liġi għall-Protezzjoni tad-Data,

 wara li kkunsidra l-abbozzi tad-deċiżjonijiet ta' adegwatezza ppubblikati mill-Kummissjoni fid-19 ta' Frar 2021, waħda skont il-GDPR[15] u l-oħra skont id-Direttiva dwar l-Infurzar tal-Liġi għall-Protezzjoni tad-Data[16],

 wara li kkunsidra l-opinjonijiet 14/2021 u 15/2021 tal-EDPB tat-13 ta' April 2021 dwar l-Abbozz ta' Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea skont id-Direttiva (UE) 2016/680 dwar il-protezzjoni adegwata tad-data personali fir-Renju Unit,

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB) u l-Konvenzjoni għall-Protezzjoni ta' Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar Awtomatiku ta' Data Personali, li r-Renju Unit jagħmel parti minnhom,

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern,

A. billi l-kapaċità li d-data personali tiġi ttrasferita bejn il-fruntieri għandha l-potenzjal li tkun xprunatur ewlieni tal-innovazzjoni, il-produttività u l-kompetittività ekonomika;

B. billi fis-sentenza tagħha Schrems I, il-QĠUE indikat li l-aċċess indiskriminat mill-awtoritajiet tal-intelligence għall-kontenut tal-komunikazzjonijiet elettroniċi jikser l-essenza tad-dritt għall-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet kif previst fl-Artikolu 7 tal-Karta, u li l-Istati Uniti ma jipprovdux biżżejjed rimedji legali għal persuni li mhumiex ċittadini tal-Istati Uniti kontra s-sorveljanza tal-massa, bi ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta;

C. billi l-valutazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni qabel ma ppreżentat l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tagħha ma kinitx kompluta u kienet inkonsistenti mar-rekwiżiti tal-QĠUE għall-valutazzjonijiet tal-adegwatezza, u dan ġie enfasizzat mill-EDPB fl-opinjonijiet tiegħu dwar l-adegwatezza, fejn jagħti parir lill-Kummissjoni biex tkompli tivvaluta aspetti speċifiċi tal-liġi u l-prattika tar-Renju Unit relatati mal-ġbir fuq skala kbira, l-iżvelar barra mill-pajjiż u ftehimiet internazzjonali fil-qasam tal-kondiviżjoni tal-intelligence, użu addizzjonali tal-informazzjoni miġbura għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi u l-indipendenza tal-kummissarji ġudizzjarji;

D. billi ċerti aspetti tal-liġi u/jew tal-prattika tar-Renju Unit ma ġewx ikkunsidrati mill-Kummissjoni, u dan wassal għal abbozzi ta' deċiżjonijiet ta' implimentazzjoni li huma inkonsistenti mad-dritt tal-Unjoni; billi l-Artikolu 45 tal-GDPR jgħid li "meta tivvaluta l-adegwatezza tal-livell ta' protezzjoni, il-Kummissjoni għandha tieħu kont, b'mod partikolari ta'... il-leġiżlazzjoni rilevanti, kemm ġenerali kif ukoll settorjali, inkluż dwar is-sigurtà pubblika, id-difiża, is-sigurtà nazzjonali u l-liġi kriminali u l-aċċess tal-awtoritajiet pubbliċi għad-data personali, kif ukoll l-implimentazzjoni ta' tali leġiżlazzjoni, ir-regoli tal-protezzjoni tad-data, ir-regoli professjonali u l-miżuri ta' sigurtà, inklużi regoli għat-trasferiment ulterjuri ta' data personali lejn pajjiż terz ieħor jew organizzazzjoni internazzjonali oħra li jkun hemm konformità magħhom f'dak il-pajjiż jew l-organizzazzjoni internazzjonali, preċedenti ta' ġurisprudenza", u li "l-impenji internazzjonali li l-pajjiż terz jew l-organizzazzjoni internazzjonali kkonċernata tkun daħlet għalihom, jew obbligi oħrajn li jirriżultaw minn konvenzjonijiet jew strumenti legalment vinkolanti kif ukoll mis-sehem tagħha f'sistemi multilaterali jew reġjonali, b'mod partikolari b'rabta mal-protezzjoni ta' data personali", li jinkludu ftehimiet internazzjonali f'oqsma oħra li jinvolvu aċċess għad-data jew kondiviżjoni jew ta' informazzjoni, u għalhekk jirrikjedu valutazzjoni ta' dawn il-ftehimiet internazzjonali;

E. billi l-QĠUE ddikjarat b'mod ċar fis-sentenza Schrems I tagħha li "fil-kuntest tal-eżami tal-livell ta' protezzjoni offrut minn pajjiż terz, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-kontenut tar-regoli applikabbli f'dan il-pajjiż li jirriżultaw mil-liġi domestika tiegħu jew mill-impenji internazzjonali li jkun daħal għalihom kif ukoll il-prattiki intiżi li jiżguraw l-osservanza ta' dawn ir-regoli, sa fejn din l-istituzzjoni għandha, skont l-Artikolu 25(2) tad-Direttiva 95/46, tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha relatati ma' trasferiment ta' data personali lejn pajjiż terz" (paragrafu 75);

F. billi l-attivitajiet tas-servizzi ta' intelligence u l-kondiviżjoni ma' pajjiżi terzi huma esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni skont it-Trattati f'dak li għandu x'jaqsam mal-Istati Membri, billi dawn huma inklużi fil-kamp ta' applikazzjoni tal-valutazzjoni tal-adegwatezza meħtieġa tal-livell ta' data personali offruta minn pajjiżi terzi, kif ikkonfermat mill-QĠUE fis-sentenzi Schrems I u II;

G. billi l-istandards tal-protezzjoni tad-data jiddependu mhux biss fuq il-leġiżlazzjoni stabbilita, iżda wkoll fuq l-applikazzjoni ta' dawk il-liġijiet fil-prattika, u billi l-Kummissjoni vvalutat biss il-leġiżlazzjoni, mhux l-applikazzjoni attwali fil-prattika, meta kienet qed tħejji d-deċiżjoni tagħha;

I. REGOLAMENT ĠENERALI DWAR IL-PROTEZZJONI TAD-DATA

Osservazzjonijiet ġenerali

1. Jinnota li r-Renju Unit huwa firmatarju tal-KEDB u tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Protezzjoni ta' Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar Awtomatiku ta' Data Personali; jistenna li r-Renju Unit jiżgura l-istess qafas minimu ta' protezzjoni tad-data, minkejja li ħareġ mill-Unjoni Ewropea;

2. Jilqa' l-impenn tar-Renju Unit li jirrispetta d-demokrazija u l-istat tad-dritt, u li jipproteġi u jagħti effett domestiku lid-drittijiet fundamentali bħal dawk stabbiliti fil-KEDB, inklużi livelli għoljin ta' protezzjoni tad-data; ifakkar li din hija prekundizzjoni meħtieġa għall-kooperazzjoni tal-UE mar-Renju Unit; ifakkar li minkejja l-Artikolu 8 tal-KEDB dwar id-dritt għall-privatezza li huwa parti mil-liġi domestika tar-Renju Unit permezz tal-Att dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-1998 u l-liġi komuni permezz tad-dannu l-ġdid tal-użu ħażin tal-informazzjoni dwar il-privatezza, l-isforzi biex jiġi inkluż dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-data ġew irrifjutati mill-gvern;

3. Jindika li l-UE għażlet approċċ iċċentrat fuq id-drittijiet tal-bniedem għall-governanza tad-data fl-iżvilupp ta' regoli sodi dwar il-protezzjoni tad-data skont il-GDPR, u għalhekk huwa mħasseb serjament dwar id-dikjarazzjonijiet pubbliċi mill-Prim Ministru tar-Renju Unit li jiddikjaraw li r-Renju Unit se jfittex li jiddevja mir-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data u jistabbilixxi l-kontrolli "sovrani" tiegħu stess f'dan il-qasam; iqis li l-istrateġija nazzjonali dwar id-data tar-Renju Unit tal-2020 tirrappreżenta bidla mill-protezzjoni tad-data personali lejn użu usa' u kondiviżjoni tad-data li hija inkompatibbli mal-prinċipji tal-ġustizzja, il-minimizzazzjoni tad-data u l-limitazzjoni tal-iskop skont il-GDPR; jinnota li fl-opinjonijiet tiegħu dwar l-adegwatezza, l-EDPB enfasizza li dan jista' jwassal għal riskji possibbli fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali ttrasferita mill-UE;

4. Jindika li deċiżjonijiet ta' adegwatezza validi jikkontribwixxu bil-kbir għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-individwi u ċ-ċertezza legali għall-kumpaniji; jisħaq, madankollu, li deċiżjonijiet ta' adegwatezza bbażati fuq valutazzjonijiet mhux kompluti u mingħajr infurzar xieraq mill-Kummissjoni jista' jkollhom l-effett oppost jekk jiġu kkontestati fil-qorti;

5. Jindika li l-valutazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni qabel ma ppreżentat l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tagħha ma kinitx kompluta u kienet inkonsistenti mar-rekwiżiti tal-QĠUE għall-valutazzjonijiet tal-adegwatezza, u dan ġie enfasizzat mill-EDPB fl-opinjonijiet tiegħu dwar l-adegwatezza, fejn jagħti parir lill-Kummissjoni biex tkompli tivvaluta aspetti speċifiċi tal-liġi u l-prattika tar-Renju Unit relatati mal-ġbir fuq skala kbira, l-iżvelar barra mill-pajjiż u ftehimiet internazzjonali fil-qasam tal-kondiviżjoni tal-intelligence, użu addizzjonali tal-informazzjoni miġbura għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi u l-indipendenza tal-kummissarji ġudizzjarji;

Infurzar tal-GDPR

6. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta' infurzar u xi drabi ineżistenti tal-GDPR mir-Renju Unit meta kien għadu membru tal-UE; jindika, b'mod partikolari, in-nuqqas ta' infurzar xieraq mill-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Informazzjoni (ICO) tar-Renju Unit fil-passat; jiġbed l-attenzjoni għall-eżempju tal-għeluq ta' lment mill-ICO dwar teknoloġija tar-reklamar (ad tech) wara li organizza żewġ avvenimenti mal-partijiet interessati, kiteb rapport (ir-"Rapport ta' Aġġornament dwar it-Teknoloġija tar-Reklamar") u ddikjara li "l-industrija tat-teknoloġija tar-reklamar tidher immatura fil-fehim tagħha tar-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data", mingħajr ma uża l-ebda setgħa ta' infurzar tiegħu[17]; huwa mħasseb dwar il-fatt li n-nuqqas ta' infurzar huwa problema strutturali, kif stabbilit fil-politika ta' azzjoni regolatorja tal-ICO, li tiddikjara b'mod espliċitu li "fil-maġġoranza tal-każijiet aħna se nirriżervaw is-setgħat tagħna għall-aktar każijiet serji, li jirrappreżentaw l-aktar każijiet ta' ksur serji tal-obbligi tad-drittijiet tal-informazzjoni. Dawn jinvolvu tipikament atti volontarji, intenzjonati jew negliġenti, jew ksur ripetut ta' obbligi tad-drittijiet tal-informazzjoni, li jikkawżaw dannu jew ħsara lill-individwi"; jissottolinja li fil-prattika, dan ifisser li għalhekk, għadd kbir ta' każijiet ta' ksur tal-liġi dwar il-protezzjoni tad-data fir-Renju Unit ma ġewx rimedjati;

7. Jieħu nota tal-istrateġija nazzjonali dwar id-data tar-Renju Unit, kif aġġornata fid-9 ta'Diċembru 2020, li tissuġġerixxi li se jkun hemm bidla mill-protezzjoni tad-data personali lejn użu u kondiviżjoni tad-data akbar u usa'; jindika li pożizzjoni li "iż-żamma tad-data jista' jkollha impatt negattiv fuq is-soċjetà", kif indikat fl-istrateġija, mhijiex kompatibbli mal-prinċipji tal-minimizzazzjoni tad-data u l-limitazzjoni tal-iskop skont il-GDPR u l-liġi primarja;

8. Jieħu nota li l-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali fl-2004[18] u l-Kumitat għall-Affarijiet Pubbliċi tal-Parlament tar-Renju Unit fl-2014[19] irrakkomandaw li tiġi żgurata l-indipendenza tal-ICO billi jsir uffiċjal tal-parlament li jirrapporta lill-parlament minflok ma jkompli jinħatar mill-Ministru għall-Midja Diġitali u l-Isport; jesprimi dispjaċir għall-fatt li din ir-rakkomandazzjoni ma ġietx segwita;

L-ipproċessar tad-data għall-kontroll tal-immigrazzjoni

9. Huwa mħasseb dwar il-fatt li l-immigrazzjoni tar-Renju Unit tuża sistema li twettaq ipproċessar tad-data fuq skala kbira biex tiddeċiedi dwar id-dritt ta' persuna li tibqa' fil-pajjiż; jinnota li l-liġi tar-Renju Unit dwar il-protezzjoni tad-data fiha deroga wiesgħa minn aspetti tad-drittijiet u l-prinċipji fundamentali dwar il-protezzjoni tad-data, bħad-dritt ta' aċċess u d-dritt ta' suġġett tad-data li jkun jaf ma' min tkun ġiet kondiviża d-data tiegħu, jekk tali protezzjoni "tippreġudika l-kontroll effettiv tal-immigrazzjoni"[20]; jindika li din l-eżenzjoni hija disponibbli għall-kontrolluri kollha tad-data fir-Renju Unit, inklużi l-awtoritajiet lokali, il-fornituri tas-saħħa u l-kuntratturi privati involuti fis-sistema tal-immigrazzjoni; huwa mħasseb dwar l-informazzjoni żvelata reċentement li l-eżenzjoni tal-immigrazzjoni ntużat f'aktar minn 70 % tat-talbiet tas-suġġetti tad-data lill-Uffiċċju tal-Intern fl-2020[21]; jissottolinja li l-monitoraġġ u l-konformità tal-użu tal-eżenzjoni jridu jitwettqu f'konformità mal-istandards meħtieġa fir-referenzjal tal-adegwatezza li jirrikjedu kunsiderazzjoni tal-prattika kif ukoll il-prinċipju billi jiġi indikat li "huwa meħtieġ li jitqies mhux biss il-kontenut tar-regoli applikabbli għad-data personali trasferita lil pajjiż terz … iżda wkoll is-sistema fis-seħħ biex tiġi żgurata l-effettività ta' dawn ir-regoli"; jisħaq li din id-deroga ma kinitx konformi mal-GDPR meta r-Renju Unit kien għadu Stat Membru, u ġiet injorata mill-Kummissjoni fir-rwol tagħha bħala Gwardjan tat-Trattati; jissottolinja li l-EDPB ikkonkluda fl-opinjonijiet tiegħu li huma meħtieġa aktar kjarifiki dwar l-applikazzjoni tal-eżenzjoni tal-immigrazzjoni;

10. Jinnota li din l-eżenzjoni issa tapplika għaċ-ċittadini tal-UE li jirrisjedu jew li qed jippjanaw li jirrisjedu fir-Renju Unit; huwa mħasseb ħafna li l-eżenzjoni tneħħi l-opportunitajiet ewlenin għall-obbligu ta' rendikont u r-rimedji, u jissottolinja li dan mhuwiex livell adegwat ta' protezzjoni;

11. Itenni t-tħassib serju tiegħu dwar eċċezzjoni għad-drittijiet tas-suġġetti tad-data fil-politika dwar l-immigrazzjoni tar-Renju Unit; itenni l-pożizzjoni tiegħu li l-eżenzjoni għall-ipproċessar tad-data personali għal skopijiet ta' immigrazzjoni fl-Att tar-Renju Unit dwar il-Protezzjoni tad-Data teħtieġ li tiġi emendata qabel ma tkun tista' tinħareġ deċiżjoni valida dwar l-adegwatezza, kif ġie espress ripetutament, inkluż fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Frar 2020 dwar il-mandat propost għal negozjati għal sħubija ġdida mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' fuq[22] u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern tal-5 ta' Frar 2021[23]; jistieden lill-Kummissjoni tfittex it-tneħħija tal-eżenzjoni tal-immigrazzjoni, jew tiżgura li tiġi riformata sabiex l-eżenzjoni u l-użu tagħha jipprovdu biżżejjed salvagwardji għas-suġġetti tad-data u ma jiksrux l-istandards mistennija minn pajjiż terz;

Sorveljanza tal-massa

12. Ifakkar fir-rivelazzjonijiet tas-sorveljanza tal-massa mill-Istati Uniti u mir-Renju Unit, kif żvelati mill-informatur Edward Snowden; ifakkar li l-programm tar-Renju Unit "Tempora" immexxi mill-Kwartieri Ġenerali tal-Komunikazzjonijiet tal-Gvern (GCHQ) jinterċetta komunikazzjonijiet f'ħin reali permezz ta' kejbils ewlenin tal-internet tal-fibra ottika, u jirreġistra d-data sabiex tkun tista' tiġi pproċessata u analizzata aktar tard; ifakkar li din is-sorveljanza tal-massa tal-kontenut tal-komunikazzjonijiet u l-metadata sseħħ irrispettivament minn jekk hemmx xi suspett speċifiku jew xi data mmirata;

13. Ifakkar li fis-sentenzi Schrems I u Schrems II, il-QĠUE sostniet li l-aċċess tal-massa għall-kontenut tal-komunikazzjonijiet privati jolqot l-essenza tad-dritt għall-privatezza, u li f'każijiet bħal dawn, test tan-neċessità u tal-proporzjonalità ma għadux meħtieġ; jissottolinja li dawn il-prinċipji japplikaw għat-trasferimenti ta' data lejn pajjiżi terzi oħra għajr l-Istati Uniti, inkluż ir-Renju Unit;

14. Ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2014, li sabet li l-programmi ta' sorveljanza tal-massa indiskriminati u mhux ibbażati fuq suspetti mwettqa mill-aġenzija tal-intelligence tar-Renju Unit, GCHQ, huma inkompatibbli mal-prinċipji tan-neċessità u tal-proporzjonalità f'soċjetà demokratika u mhumiex adegwati skont il-liġi tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data;

15. Ifakkar li f'Settembru 2018, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ikkonfermat li l-programmi tar-Renju Unit dwar l-interċettazzjoni u ż-żamma tad-data tal-massa, inkluż Tempora, kienu "illegali u inkompatibbli mal-kundizzjonijiet meħtieġa għal soċjetà demokratika"[24];

16. Iqis li huwa inaċċettabbli li l-abbozzi ta' deċiżjonijiet ta' adegwatezza jonqsu milli jqisu n-nuqqas ta' limitazzjonijiet fuq l-użu tas-setgħat ta' data fuq skala kbira tar-Renju Unit, jew l-użu reali ta' operazzjonijiet ta' sorveljanza bejn ir-Renju Unit u l-Istati Uniti kif esposti minn Edward Snowden, inklużi l-fatti li:

a) li ma hemm l-ebda sorveljanza sostantiva effettiva mill-ICO jew mill-qrati fuq l-użu tal-eżenzjoni tas-sigurtà nazzjonali fil-liġi tar-Renju Unit dwar il-protezzjoni tad-data;

b) il-limitazzjonijiet fuq l-użu tas-"setgħat fuq skala kbira" tar-Renju Unit mhumiex stabbiliti fil-liġi nnifisha, kif meħtieġ mill-QĠUE (iżda, pjuttost, jitħallew għad-diskrezzjoni eżekuttiva soġġetta għal kontroll ġudizzjarju "rispettuż");

c) id-deskrizzjoni ta' "data sekondarja" (metadata) fl-abbozz ta' deċiżjonijiet hija serjament qarrieqa u tonqos milli tinnota li tali data tista' tiżvela ħafna u tkun intrużiva u hija soġġetta għal analiżijiet awtomatizzati sofistikati (kif sabet il-QĠUE f'Digital Rights Ireland[25]), iżda skont il-liġi tar-Renju Unit il-metadata mhijiex protetta b'mod sinifikanti minn aċċess mhux dovut, ġbir fuq skala kbira u analiżi bbażata fuq l-IA mill-aġenziji tal-intelligence tar-Renju Unit;

d) l-aġenziji Five Eyes, b'mod partikolari l-GCHQ u l-Aġenzija Nazzjonali tas-Sigurtà (NSA), fil-prattika jikkondividu d-data kollha tal-intelligence;

jindika li barra minn hekk, fir-rigward tal-Istati Uniti, iċ-ċittadini tar-Renju Unit huma soġġetti għal xi salvagwardji informali bejn il-GCHQ u l-Aġenzija tas-Sigurtà Nazzjonali (NSA); jesprimi tħassib serju dwar il-fatt li dawn is-salvagwardji ma jipproteġux liċ-ċittadini jew lir-residenti tal-UE li d-data tagħhom tista' tkun soġġetta għal trasferimenti ulterjuri u għall-kondiviżjoni mal-NSA;

17. Jistieden lill-Istati Membri jidħlu fi ftehimiet kontra l-ispjunaġġ mar-Renju Unit u jistieden lill-Kummissjoni tuża l-iskambji tagħha mal-kontropartijiet tar-Renju Unit tagħha biex twassal il-messaġġ li, jekk il-liġijiet u l-prattiki ta' sorveljanza tar-Renju Unit ma jiġux emendati, l-unika għażla fattibbli biex jiġu ffaċilitati d-deċiżjonijiet ta' adegwatezza tkun il-konklużjoni ta' ftehimiet "kontra l-ispjunaġġ" mal-Istati Membri;

Trasferimenti ulterjuri

18. Jissottolinja bil-qawwa l-fatt li l-European Union (Withdrawal) Act 2018 jipprevedi li l-ġurisprudenza tal-QĠUE ġġenerata qabel tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni se ssir "liġi tal-UE miżmuma" u għalhekk legalment vinkolanti għar-Renju Unit; jindika li r-Renju Unit huwa marbut bil-prinċipji u l-kundizzjonijiet definiti fis-sentenzi Schrems I u Schrems II tal-QĠUE meta jivvaluta l-adegwatezza ta' pajjiżi terzi oħra; huwa mħasseb li l-qrati tar-Renju Unit madankollu mhux se jibqgħu japplikaw il-Karta; jindika li r-Renju Unit mhuwiex aktar taħt il-ġuriżdizzjoni tal-QĠUE, li hija l-ogħla qorti li tista' tinterpreta l-Karta;

19. Jindika li r-regoli tar-Renju Unit dwar il-kondiviżjoni tad-data personali skont l-Att dwar l-Ekonomija Diġitali tal-2017 u dwar it-trasferimenti ulterjuri tad-data tar-riċerka huma bla dubju mhux "essenzjalment ekwivalenti" għar-regoli stabbiliti fil-GDPR, kif interpretati mill-QĠUE;

20. Huwa mħasseb li r-Renju Unit ta lilu nnifsu d-dritt li jiddikjara li pajjiżi jew territorji terzi oħra jipprovdu protezzjoni tad-data adegwata, irrispettivament minn jekk il-pajjiż terz jew it-territorju inkwistjoni jkunx ġie meqjus li jipprovdi tali protezzjoni mill-UE; ifakkar li r-Renju Unit diġà ddikjara li Ġibiltà tipprovdi tali protezzjoni minkejja li l-UE ma għamlitx dan; huwa mħasseb ħafna li status ta' adegwatezza tar-Renju Unit iwassal għalhekk biex jiġu evitati r-regoli tal-UE dwar it-trasferimenti lejn pajjiżi jew territorji li ma jitqisux adegwati skont il-liġi tal-Unjoni;

21. Jieħu nota li fl-1 ta' Frar 2021, ir-Renju Unit bagħat talba biex jissieħeb fil-Ftehim Komprensiv u Progressiv għas-Sħubija Trans-Paċifika (CPTTP), b'mod partikolari biex "jibbenefika minn regoli moderni dwar il-kummerċ diġitali li jippermettu li d-data tgħaddi liberament bejn il-membri, jitneħħew l-ostakli bla bżonn għan-negozji [eċċ.]"; jinnota bi tħassib li hemm 11-il membru tas-CPTTP, li tmienja minnhom ma għandhomx deċiżjoni ta' adegwatezza mill-UE; huwa mħasseb ħafna dwar trasferimenti ulterjuri potenzjali ta' data personali miċ-ċittadini u mir-residenti tal-UE lejn dawn il-pajjiżi jekk ir-Renju Unit jingħata deċiżjoni ta' adegwatezza[26];

22. Jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-Kummissjoni ma vvalutatx l-impatt u r-riskji potenzjali tal-Ftehim bejn ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq u l-Ġappun għal Sħubija Ekonomika Komprensiva, li jinkludi dispożizzjonijiet dwar id-data personali u dwar il-livell tal-protezzjoni tad-data;

23. Huwa mħasseb li jekk ir-Renju Unit jinkludi dispożizzjonijiet dwar it-trasferimenti tad-data fi kwalunkwe ftehimiet kummerċjali futuri, fost l-oħrajn ftehimiet kummerċjali bejn l-Istati Uniti u r-Renju Unit, il-livell ta' protezzjoni offrut mill-GDPR jiġi mminat;

II. Direttiva dwar l-Infurzar tal-Liġi għall-Protezzjoni tad-Data

24. Jenfasizza li r-Renju Unit huwa l-ewwel pajjiż li għalih il-Kummissjoni ssuġġeriet l-adozzjoni ta' deċiżjoni ta' adegwatezza skont id-Direttiva (UE) 2016/680;

25. Jinnota l-ftehim tar-Renju Unit dwar l-aċċess transfruntier għad-data mal-Istati Uniti[27] skont il-CLOUD Act tal-Istati Uniti, li jiffaċilita t-trasferimenti għal skopijiet ta' infurzar tal-liġi; huwa mħasseb serjament li dan se jippermetti aċċess bla bżonn għad-data personali taċ-ċittadini u tar-residenti tal-UE mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti; jikkondividi t-tħassib tal-EDPB li s-salvagwardji previsti skont il-Ftehim Komprensiv bejn l-UE u l-Istati Uniti[28] applikati fuq bażi mutatis mutandis jistgħu ma jissodisfawx il-kriterji ta' regoli ċari, preċiżi u aċċessibbli f'dak li għandu x'jaqsam mal-aċċess għad-data personali, jew jistgħu ma jkunux jinkorporaw biżżejjed tali salvagwardji sabiex ikunu effettivi u azzjonabbli skont il-liġi tar-Renju Unit;

26. Ifakkar li s-sentenza C-623/17 tal-QĠUE trid tiġi interpretata bħala li teskludi l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lil awtorità tal-Istat teżiġi li l-fornituri tas-servizzi ta' komunikazzjoni elettronika jwettqu t-trażmissjoni ġenerali u indiskriminata tad-data dwar it-traffiku u d-data ta' lokalizzazzjoni lill-aġenziji tas-sigurtà u tal-intelligence tal-Istat bil-għan li tiġi ssalvagwardjata s-sigurtà nazzjonali;

27. Jinnota li f'dan il-każ, il-QĠUE ddeċidiet li l-ġbir ta' data fuq skala kbira mwettaq fir-Renju Unit skont l-Att tal-2000 dwar ir-Regolamentazzjoni tas-Setgħat Investigattivi kien illegali; jindika li minn dak iż-żmien ir-regolament ġie ssostitwit bl-Att dwar is-Setgħat Investigattivi (l-IPA 2016) sabiex jissaħħu l-prinċipji tan-neċessità u tal-proporzjonalità; jissottolinja li l-IPA 2016 jagħmel l-interċettazzjoni soġġetta għas-sorveljanza ġudizzjarja u jagħti s-setgħa lill-individwi biex jaċċessaw id-data tagħhom u jressqu lmenti quddiem it-tribunal tas-setgħat investigattivi; jiddeplora, madankollu, il-fatt li l-IPA 2016 ikompli jippermetti l-prattika taż-żamma ta' data fuq skala kbira;

28. Huwa mħasseb dwar rapporti reċenti li skema ta' ġbir u żamma tad-data tal-massa hija parti minn proċess mill-Uffiċċju tal-Intern tar-Renju Unit imwettaq skont l-IPA 2016;

29. Ifakkar li fir-Riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Frar 2020, il-Parlament Ewropew saħaq li r-"Renju Unit ma jistax ikollu aċċess dirett għal data tas-sistemi ta' informazzjoni tal-UE jew jipparteċipa fl-istrutturi ta' ġestjoni tal-aġenziji tal-UE fl-ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, filwaqt li kwalunkwe qsim ta' informazzjoni li tinkludi data personali mar-Renju Unit għandu jkun soġġett għal salvagwardji, awditjar u kundizzjonijiet ta' sorveljanza stretti, inkluż livell ekwivalenti ta' protezzjoni tad-data personali għal dak previst mil-liġi tal-UE"; huwa mħasseb dwar in-nuqqasijiet u l-każijiet ta' ksur identifikati fil-mod kif ir-Renju Unit implimenta l-liġi dwar il-protezzjoni tad-data waqt li kien għadu membru tal-UE; ifakkar li r-Renju Unit kien qed jirreġistra u jżomm kopja illegali tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen; jindika li, minkejja l-fatt li r-Renju Unit m'għadx għandu aċċess għas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen, dawn il-każijiet ta' ksur urew li l-awtoritajiet tar-Renju Unit ma setgħux jiġu fdati bid-data taċ-ċittadini tal-UE waqt li kien għadu Stat Membru; jesprimi dispjaċir, għalhekk, għall-fatt li l-Kummissjoni naqset milli twettaq il-kompitu tagħha bħala Gwardjan tat-Trattati, billi ma għamlitx pressjoni biżżejjed fuq ir-Renju Unit biex isolvi b'mod urġenti dawn il-problemi b'mod adegwat u f'waqtu u biex juri li jista' jiġi fdat bl-ipproċessar tad-data personali għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali; huwa għalhekk imħasseb dwar id-data li qiegħda tiġi skambjata mal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi tar-Renju Unit, u dwar iż-żamma tal-aċċess tar-Renju Unit għall-bażijiet tad-data tal-infurzar tal-liġi tal-UE;

30. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar ir-rivelazzjoni ta' Jannar 2021 li 400 000 rekord kriminali ġew imħassra aċċidentalment mill-Kompjuter Nazzjonali tal-Pulizija tar-Renju Unit; jisħaq li dan ma jispirax fiduċja fl-isforzi tar-Renju Unit għall-protezzjoni tad-data għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi;

31. Jinnota li l-abbozz ta' deċiżjoni ta' adegwatezza jonqos milli jqis il-prattiki ta' sorveljanza reali tar-Renju Unit u jirrifletti fehim mhux preċiż u limitat tat-tipi ta' data ta' komunikazzjoni li jaqgħu taħt is-setgħat ta' żamma tad-data u ta' interċettazzjoni legali tar-Renju Unit;

32. Jindika li l-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni (TCA) bejn l-UE u r-Renju Unit jinkludi titoli dwar l-iskambju tad-DNA, tal-marki tas-swaba' u tad-data tar-reġistrazzjoni tal-vetturi, it-trasferiment u l-ipproċessar tad-data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR), il-kooperazzjoni dwar l-informazzjoni operazzjonali u l-kooperazzjoni mal-Europol u mal-Eurojust, li se japplikaw irrispettivament mid-deċiżjoni ta' adegwatezza; ifakkar, madankollu, fit-tħassib espress fl-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern ta' Frar 2021 dwar it-TCA rigward l-użu speċjali u ż-żamma itwal ta' data personali mogħtija lir-Renju Unit skont it-titoli ta' Prüm u tal-PNR tat-TCA, li mhumiex konformi mal-użi u ż-żamma mill-Istati Membri; ifakkar fid-dritt li titressaq azzjoni quddiem il-QĠUE sabiex issir verifika tal-legalità tal-ftehim internazzjonali propost u, b'mod partikolari, tal-kompatibbiltà tiegħu mal-protezzjoni ta' dritt fundamentali[29];

Konklużjonijiet

33. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura lin-negozji tal-UE li d-deċiżjoni ta' adegwatezza se tipprovdi bażi ġuridika soda, suffiċjenti u orjentata lejn il-futur għat-trasferimenti tad-data; jissottolinja l-importanza li jiġi żgurat li din id-deċiżjoni ta' adegwatezza titqies aċċettabbli jekk tiġi rieżaminata mill-QĠUE u jisħaq li għalhekk ir-rakkomandazzjonijiet kollha magħmula fl-opinjoni tal-EDPB għandhom jiġu adottati;

34. Huwa tal-fehma li bl-adozzjoni taż-żewġ deċiżjonijiet ta' implimentazzjoni li mhumiex konsistenti mad-dritt tal-Unjoni, mingħajr ma jiġi indirizzat it-tħassib kollu espress f'din ir-riżoluzzjoni, il-Kummissjoni qed tmur lil hinn mis-setgħat ta' implimentazzjoni mogħtija lilha bir-Regolament (UE) 2016/679 u d-Direttiva (UE) 2016/680; joġġezzjona għalhekk għaż-żewġ atti ta' implimentazzjoni fuq il-bażi li l-abbozzi ta' deċiżjonijiet ta' implimentazzjoni mhumiex konsistenti mad-dritt tal-Unjoni;

35. Jistieden lill-Kummissjoni temenda ż-żewġ abbozzi ta' deċiżjonijiet ta' implimentazzjoni bil-għan li tagħmilhom kompletament konsistenti mal-liġi u l-ġurisprudenza tal-UE;

36. Jitlob li l-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni tad-data jissospendu t-trasferiment ta' data personali, li tista' tkun soġġetta għal aċċess indiskriminat mill-awtoritajiet tal-intelligence tar-Renju Unit jekk il-Kummissjoni tadotta d-deċiżjonijiet ta' adegwatezza tagħha b'relazzjoni mar-Renju Unit qabel ma r-Renju Unit isolvi l-kwistjonijiet imsemmija hawn fuq;

37. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti tar-Renju Unit biex jistabbilixxu pjan ta' azzjoni sabiex jindirizzaw malajr kemm jista' jkun id-defiċjenzi identifikati fl-opinjonijiet tal-EDPB u kwistjonijiet pendenti oħra fil-protezzjoni tad-data tar-Renju Unit, li trid tkun prekundizzjoni għad-deċiżjoni ta' adegwatezza finali;

38. Jistieden lill-Kummissjoni tibqa' timmonitorja mill-qrib il-livell ta' protezzjoni tad-data kif ukoll il-liġijiet u l-prattiki dwar is-sorveljanza tal-massa fir-Renju Unit; jindika li hemm possibbiltajiet legali oħra għat-trasferimenti ta' data personali lejn ir-Renju Unit fil-Kapitolu V tal-GDPR; ifakkar li f'konformità mal-linji gwida tal-EDPB, it-trasferimenti li jiddependu minn derogi għal sitwazzjonijiet speċifiċi skont l-Artikolu 49 tal-GDPR iridu jkunu eċċezzjonali;

39. Jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-Kummissjoni injorat it-talbiet tal-Parlament biex tissospendi t-Tarka tal-Privatezza sakemm l-awtoritajiet tal-Istati Uniti jikkonformaw mat-termini tagħha, iżda minflok dejjem ippreferiet li "timmonitorja s-sitwazzjoni" mingħajr l-ebda riżultat konkret f'termini ta' protezzjoni tad-data għaċ-ċittadini individwali u ċertezza tad-dritt għan-negozji; iħeġġeġ lill-Kummissjoni titgħallem min-nuqqasijiet tagħha fil-passat biex tagħti widen għat-talbiet tal-Parlament u tal-esperti fir-rigward tal-konklużjoni u l-monitoraġġ ta' deċiżjonijiet ta' adegwatezza tal-passat, u biex ma tħallix l-infurzar xieraq tal-liġi tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data f'idejn il-QĠUE wara lmenti minn ċittadini individwali;

40. Jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib il-liġi u l-prattiki dwar il-protezzjoni tad-data fir-Renju Unit, tinforma immedjatament lill-Parlament u tikkonsulta miegħu dwar kwalunkwe bidla futura fir-reġim ta' protezzjoni tad-data tar-Renju Unit, u li l-Parlament ikollu rwol ta' skrutinju fil-qafas istituzzjonali l-ġdid, inkluż għal korpi rilevanti bħall-Kumitat Speċjalizzat dwar l-Infurzar tal-Liġi u l-Kooperazzjoni Ġudizzjarja;

°

° °

41. Jagħti istruzzjonijiet lill-president tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-Gvern tar-Renju Unit.

 

Aġġornata l-aħħar: 17 ta' Mejju 2021
Avviż legali - Politika tal-privatezza