Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0310/2021Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0310/2021

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-ilħuq tal-isfida globali tal-COVID-19: l-effetti tad-deroga tal-Ftehim TRIPS tad-WTO fuq il-vaċċini kontra l-COVID-19, it-trattament, it-tagħmir u ż-żieda fil-kapaċità ta' produzzjoni u manifattura fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw

2.6.2021 - (2021/2692(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Michiel Hoogeveen, Geert Bourgeois, Jan Zahradil
f'isem il-Grupp ECR

Proċedura : 2021/2692(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B9-0310/2021
Testi mressqa :
B9-0310/2021
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B9‑0310/2021

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-ilħuq tal-isfida globali tal-COVID-19: l-effetti tad-deroga tal-Ftehim TRIPS tad-WTO fuq il-vaċċini kontra l-COVID-19, it-trattament, it-tagħmir u ż-żieda fil-kapaċità ta' produzzjoni u manifattura fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw

(2021/2692(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-20 ta' April 2020 mid-Diretturi Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) u mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa biex jappoġġjaw l-isforzi biex jiġi żgurat il-fluss transfruntier normali ta' provvisti mediċi essenzjali u ta' oġġetti u servizzi oħra,

 wara li kkunsidra n-nota ta' informazzjoni tad-WTO tat-22 ta' Diċembru 2020 dwar kwistjonijiet b'impatt kummerċjali fl-iżvilupp u fit-twassil ta' vaċċini kontra l-COVID-19 madwar id-dinja,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Ruma adottata fis-Summit Globali dwar is-Saħħa fil-21 ta' Mejju 2021,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Bord ta' Esperti Xjentifiċi tas-Summit Globali dwar is-Saħħa tal-21 ta' Mejju 2021,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni maħruġa mill-President tal-Kummissjoni von der Leyen wara s-Summit Globali dwar is-Saħħa tal-21 ta' Mejju 2021,

 wara li kkunsidra l-Ftehim tad-WTO dwar Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali Relatati mal-Kummerċ (TRIPS), kif emendat fit-23 ta' Jannar 2017, u b'mod partikolari l-Artikolu 31u 31bis tiegħu,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar il-Ftehim TRIPS u s-saħħa pubblika adottata fir-Raba' Konferenza Ministerjali tad-WTO f'Doha, il-Qatar, fl-14 ta' Novembru 2001,

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni maħruġa mill-Indja u mill-Afrika t'Isfel u kosponsorjata mill-Bolivja, l-Eġittu, l-Eswatini, il-Kenja, il-Mongolja, il-Mozambique, il-Pakistan, il-Venezwela, iż-Żimbabwe, il-Grupp Afrikan u l-Grupp tal-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati tat-2 ta' Ottubru 2020 dwar id-deroga minn ċerti dispożizzjonijiet tal-Ftehim TRIPS għall-prevenzjoni, il-konteniment u t-trattament tal-COVID-19,

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Afrika t'Isfel tat-23 ta' Novembru 2020 dwar eżempji ta' kwistjonijiet ta' proprjetà intellettwali u ostakli fil-pandemija tal-COVID-19,

 wara li kkunsidra t-tħabbira mill-President tal-Istati Uniti Biden tal-5 ta' Mejju 2021 dwar deroga temporanja mill-Ftehim TRIPS,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi filwaqt li l-introduzzjoni tat-tilqim kontra l-COVID-19 qed tipproċedi b'mod kostanti fl-Istati Membri tal-UE, dan għadu mhuwiex il-każ f'ħafna pajjiżi mhux tal-UE, b'mod partikolari pajjiżi bi dħul baxx u medju;

B. billi huwa ta' importanza kbira li jiġi żgurat tilqim għall-popolazzjonijiet l-aktar vulnerabbli f'pajjiżi bi dħul baxx u medju b'kost affordabbli;

C. billi minbarra li hija kriżi umanitarja terribbli, is-sitwazzjoni severa li bħalissa qed tesperjenza l-Indja qed ikollha wkoll impatt fuq it-tilqim globali;

D. billi l-Fond Monetarju Internazzjonali jistma li jekk id-distribuzzjoni tal-vaċċini tiġi aċċellerata, jistgħu jiżdiedu aktar minn EUR 7 triljun mal-PDG globali jekk il-virus jinżamm taħt kontroll;

E. billi l-UE għad għandha rwol ewlieni fil-ġlieda kontra l-COVID-19 fix-xena globali bl-esportazzjoni ta' aktar minn 210 miljun doża ta' vaċċin mill-UE u fl-għoti ta' kontribut enormi għall-faċilità COVAX, li permezz tagħha qasmet sa 67 miljun doża Ewropea ta' vaċċin, kif ukoll b'mod bilaterali;

F. billi l-uniku mod l-aktar effettiv biex jinkiseb tilqim globali huwa li tkompli tiżdied il-produzzjoni, li l-vaċċini jsiru affordabbli u li l-vaċċini jiġu kondiviżi b'mod aktar wiesa' u rapidu;

G. billi l-produzzjoni globali tal-vaċċini kontra l-COVID-19 qed tiżdied b'mod rapidu, bi stimi li juru li fl-2021 se jiġu prodotti 10 biljun doża; billi hemm aktar minn 200 ftehim għall-ħruġ ta' liċenzji u dwar it-teknoloġija stabbilita bejn il-kumpaniji farmaċewtiċi;

H. billi filwaqt li l-liċenzji volontarji huma aktar effettivi bħala strument li jiffaċilita l-espansjoni tal-produzzjoni u l-kondiviżjoni tal-għarfien espert, il-liċenzji obbligatorji huma għodda perfettament leġittima fil-kuntest ta' pandemija;

I. billi l-protezzjoni tal-privattivi hija inċentiv ewlieni għall-innovazzjoni u r-riċerka u, b'mod partikolari, xprunatur għall-iżvilupp b'suċċess u rapidu ta' firxa ta' vaċċini effettivi kontra l-COVID-19; billi l-privattivi joħolqu ambjent ta' fiduċja u jippermettu lill-kumpaniji jilliċenzjaw l-innovazzjonijiet tagħhom legalment, u b'hekk jippromwovu l-aċċess għall-innovazzjoni;

J. billi t-tfixkil tas-sistema ta' protezzjoni tal-proprjetà intellettwali jista' jipperikola wkoll il-kapaċità tal-UE li tkun innovattiva fil-futur;

Iż-żieda fil-kapaċità ta' produzzjoni

1. Jaqbel mal-Kunsill u mal-Kummissjoni li l-aċċess universali u ġust għall-vaċċini u t-trattament tal-COVID‑19 madwar id-dinja huwa prijorità ewlenija;

2. Jemmen li ż-żieda fil-produzzjoni tal-vaċċini u l-iffaċilitar ta' distribuzzjoni usa', aktar rapida u aktar ġusta tal-vaċċini għandhom ikunu l-objettiv primarju tal-UE; jisħaq li dan huwa l-uniku mod u l-aktar wieħed effettiv biex jinkiseb tilqim globali malajr kemm jista' jkun;

3. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni trawwem kollaborazzjoni bejn l-innovaturi u l-manifatturi tal-vaċċini u tiffaċilita kooperazzjoni estensiva bejn l-iżviluppaturi u l-manifatturi tal-vaċċini abbażi tat-trasferimenti tat-teknoloġija u tal-għarfien espert; jemmen bis-sħiħ li l-arranġamenti volontarji huma l-aktar triq promettenti biex tiżdied il-produzzjoni tal-vaċċini fuq perjodu ta' żmien qasir;

4. Jilqa' t-tnedija tal-inizjattiva tal-Kummissjoni biex tgħin biex tiżdied il-manifattura tal-vaċċini fl-Afrika;

5. Iqis li l-iżviluppaturi tal-vaċċini għandhom ikunu lesti li jidħlu f'arranġamenti li jiffaċilitaw il-provvista ta' vaċċini lil pajjiżi bi dħul baxx u medju b'kost tal-produzzjoni u b'kost baxx rispettivament; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tuża bis-sħiħ l-ingranaġġ tagħha matul in-negozjati għall-ġenerazzjoni li jmiss tal-kuntratti tal-vaċċini kontra l-COVID-19 biex tħeġġeġ lill-iżviluppaturi tal-vaċċini jipprovdu lil pajjiżi bi dħul baxx u medju b'kost tal-produzzjoni u b'kost baxx;

L-użu tal-faċilitajiet tat-TRIPS, is-sistema ta' liċenzjar obbligatorju

6. Jappoġġja l-proposti tal-Kummissjoni lid-WTO biex tagħmel il-flessibbiltajiet tat-TRIPS eżistenti l-inqas kumplessi possibbli;

7. Jaqbel mal-Kummissjoni, madankollu, li matul pandemija huwa perfettament leġittimu li wieħed jirrikorri għal-liċenzjar obbligatorju, li wieħed jirrinunzja għall-obbligu li jinnegozja mad-detentur tad-drittijiet, u li juża l-liċenzjar obbligatorju biex ikopri l-esportazzjonijiet lejn il-pajjiżi kollha li ma għandhomx kapaċità ta' manifattura;

Il-COVAX u l-kondiviżjoni tal-vaċċini

8. Ifakkar fil-fatt li l-UE hija mexxejja globali fit-twassil ta' vaċċini effettivi lejn il-bqija tad-dinja, billi sa issa esportat aktar minn 210 miljun doża lejn 45 pajjiż – daqstant dożi daqskemm ingħataw lill-Ewropej;

9. Jappoġġja bis-sħiħ il-faċilità COVAX u jemmen li l-UE għandha tibqa' kontributur ewlieni; japprova l-approċċ effettiv ta' "Tim Ewropa" u jilqa' l-fatt li d-donazzjonijiet se jiżdiedu b'mod sinifikanti permezz tal-COVAX fit-tieni nofs tal-2021; jenfasizza li l-kondiviżjoni tal-vaċċini mħabbra mill-Istati Membri tal-UE s'issa kienet tammonta għal 11.1 miljun vaċċin, li 9 miljun minnhom kienu kondiviżi permezz tal-COVAX;

10. Jistenna li l-produtturi u l-iżviluppaturi kollha tal-vaċċini jagħmlu wegħdiet konkreti biex iżidu l-provvisti lil pajjiżi vulnerabbli li qed jiżviluppaw;

11. Jistieden lill-pajjiżi kollha li jistgħu jipproduċu l-vaċċini u li laqqmu parti kbira mill-popolazzjoni tagħhom biex isegwu l-eżempju tal-UE u biex jibdew jaqsmu minnufih il-produzzjoni tagħhom bi prezzijiet affordabbli ma' pajjiżi oħra fil-bżonn;

It-tneħħija tar-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni u minimizzazzjoni tal-kontrolli tal-esportazzjoni

12. Jissottolinja li huwa essenzjali li jiġi żgurat il-fluss liberu tal-kummerċ fil-vaċċini u fl-ingredjenti tal-vaċċini f'kull ħin; iħeġġeġ lill-istati membri kollha tad-WTO biex ineħħu r-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni attwalment stabbiliti u biex iżommu l-ktajjen tal-provvista miftuħa;

13. Iħeġġeġ lid-WTO tippromwovi aktar regoli dwar it-trasparenza tal-ktajjen tal-produzzjoni u tal-provvista kif ukoll miżuri għall-faċilitazzjoni tal-kummerċ;

Djalogu strutturat dwar deroga temporanja u mmirata tat-TRIPS

14. Jesprimi xettiċiżmu dwar l-utilità ta' deroga tat-TRIPS bħala s-soluzzjoni prinċipali għal aċċess ekwu għall-vaċċini kontra l-COVID-19 madwar id-dinja; jisħaq li l-protezzjoni tal-privattivi hija inċentiv ewlieni għall-innovazzjoni u r-riċerka madwar id-dinja;

15. Jissottolinja, f'dan ir-rigward, li l-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali kienet xprunatur ewlieni għar-riċerka rapida u l-iżvilupp tassew mgħaġġel u ta' suċċess tal-firxa ta' vaċċini effettivi kontra l-COVID-19 disponibbli llum; jenfasizza li l-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ma kinitx qed tfixkel il-kooperazzjoni internazzjonali konstruttiva bejn ir-riċerkaturi u bejn l-innovaturi u l-manifatturi;

16. Huwa miftuħ li jiddiskuti s-soluzzjonijiet effettivi u pragmatiċi kollha biex tingħata spinta ulterjuri lill-produzzjoni globali tal-vaċċini u jistieden lill-Kummissjoni, b'mod partikolari, biex tinvolvi ruħha mal-Istati Uniti u ma' pajjiżi oħra tal-istess fehma f'dan ir-rigward; jemmen, madankollu, li f'dan il-kuntest, il-Kummissjoni tista' teżamina biss proposti speċifiċi relatati ma' deroga limitata fiż-żmien u mmirata bħala l-aħħar għażla, u biss ladarba jkun ġie żgurat l-appoġġ wiesa' tal-Istati Membri tal-UE għal tali miżura mmirata, straordinarja u temporanja;

17. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura, fil-każ li l-istati membri tad-WTO fl-aħħar mill-aħħar jiddeċiedu li jagħmlu użu mid-deroga temporanja tat-TRIPS, li l-kwalità u s-sikurezza tal-vaċċini prodotti f'pajjiżi mhux tal-UE bħal dawn ikunu għoljin biżżejjed, li ma jkunx hemm riskju akbar ta' falsifikazzjoni, u li l-provvista libera tal-ingredjenti ewlenin tal-vaċċini lill-manifatturi tal-vaċċini fl-UE dejjem tista' tiġi ggarantita;

°

° °

18. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

 

Aġġornata l-aħħar: 7 ta' Ġunju 2021
Avviż legali - Politika tal-privatezza