Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0317/2021Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0317/2021

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni tal-Istat tad-Dritt fl-Unjoni Ewropea u l-applikazzjoni tar-Regolament 2020/2092 dwar il-kondizzjonalità

4.6.2021 - (2021/2711(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill Ewropew u tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Nicolas Bay, Jaak Madison, Harald Vilimsky, Gerolf Annemans, Laura Huhtasaari, Nicolaus Fest, Teuvo Hakkarainen
f'isem il-Grupp ID

Proċedura : 2021/2711(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B9-0317/2021
Testi mressqa :
B9-0317/2021
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B9-0317/2021

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni tal-Istat tad-Dritt fl-Unjoni Ewropea u l-applikazzjoni tar-Regolament 2020/2092 dwar il-kondizzjonalità

(2021/2711(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 4, 5, 7 u 15 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u l-Kummissjoni tat-8 ta' Ġunju 2021 dwar is-sitwazzjoni tal-Istat tad-Dritt fl-Unjoni Ewropea u l-applikazzjoni tar-Regolament 2020/2092 dwar il-kondizzjonalità,

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2020 dwar reġim ġenerali ta' kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni[1],

 wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropea Nru 1/2018 dwar il-proposta tat-2 ta' Mejju 2018 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni f'każ ta' nuqqasijiet ġeneralizzati fir-rigward tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri,

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew adottati fil-11 ta' Diċembru 2020,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-Unjoni hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem; billi jeħtiġilha tirrispetta wkoll l-ugwaljanza tal-Istati Membri skont it-Trattati kif ukoll l-identitajiet nazzjonali tagħhom u t-tradizzjonijiet legali, kostituzzjonali u kulturali tagħhom stess;

B. billi l-Istati Membri għandhom viżjoni komuni iżda mhux unitarja, u billi l-kooperazzjoni tagħhom hija bbażata primarjament fuq il-prinċipju tas-sussidjarjetà u l-fiduċja reċiproka, iżda tqis ukoll l-ispeċifiċitajiet nazzjonali diverġenti;

C. billi r-rekwiżiti tal-istat tad-dritt relatati, fost l-oħrajn, mal-limiti stabbiliti mil-liġi, mal-kontroll ta' qrati indipendenti u imparzjali, mat-tfassil tal-liġijiet trasparenti, responsabbli, demokratiku u pluralista, u maċ-ċertezza tad-dritt iridu japplikaw b'mod ugwali għall-istituzzjonijiet Ewropej u għall-awtoritajiet tal-Istati Membri;

D. billi l-indipendenza tal-ġudikatura tippresupponi, fost l-oħrajn, li l-korp ġudizzjarju kkonċernat ikun jista' jeżerċita l-funzjonijiet ġudizzjarji tiegħu b'awtonomija sħiħa, kemm skont ir-regoli applikabbli kif ukoll fil-prattika, mingħajr ma jkun soġġett għal ebda relazzjoni ġerarkika jew subordinazzjoni għal kwalunkwe persuna, u mingħajr ma jirċievi ordnijiet jew istruzzjonijiet minn ebda sors ikun xi jkun;

1. Jisħaq li r-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar reġim ġenerali ta' kundizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-UE bħalissa huwa s-suġġett ta' kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, u għalhekk la huwa definittiv u lanqas legalment vinkolanti, kif fakkar il-Kunsill Ewropew fil-konklużjonijiet tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2020;

2. Ifakkar fil-ħtieġa għal applikazzjoni ta' leġiżlazzjoni oġġettiva u imparzjali, aktar milli orjentata lejn il-politika, li trid tapplika b'mod ugwali għall-Istati Membri kollha; jinnota li hemm bosta eżempji fl-Istati Membri ta' interfereza politika fil-ħatra tal-imħallfin, inklużi dawk li jippresjedu fi qrati supremi jew l-ekwivalenti tagħhom, u ta' nuqqas ta' indipendenza ta' parti mill-ġudikatura;

3. Jinsab imħasseb dwar ix-xewqa tal-Kummissjoni li tistabbilixxi definizzjoni unika tal-kunċett tal-istat tad-dritt, li tinjora t-tradizzjonijiet kostituzzjonali differenti tal-Istati Membri; iqis li din ix-xewqa tirrifletti strumentalizzazzjoni politika tal-istat tad-dritt bil-għan li jiġu mminati l-gvernijiet eletti demokratikament u tiġi imposta l-istandardizzazzjoni ta' modi ta' għajxien permezz tal-liġi fi ħdan l-Unjoni Ewropea;

4. Jisħaq li l-proċedura prevista fl-Artikolu 7(1) tat-TUE hija l-unika proċedura leġittima għat-trattament ta' allegazzjonijiet ta' ksur tal-istat tad-dritt; ifakkar li l-Kunsill waħdu bħalissa għandu s-setgħa li jaġixxi fil-proċeduri li għaddejjin bħalissa;

5. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

 

Aġġornata l-aħħar: 8 ta' Ġunju 2021
Avviż legali - Politika tal-privatezza