Proċedura : 2021/2712(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B9-0325/2021

Testi mressqa :

B9-0325/2021

Dibattiti :

PV 08/06/2021 - 12
CRE 08/06/2021 - 12

Votazzjonijiet :

Testi adottati :

P9_TA(2021)0294

<Date>{07/06/2021}7.6.2021</Date>
<NoDocSe>B9‑0325/2021</NoDocSe>
PDF 154kWORD 49k

<TitreType>MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI</TitreType>

<TitreSuite>imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà</TitreSuite>

<TitreRecueil>skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura</TitreRecueil>


<Titre>dwar is-sitwazzjoni fl-Afganistan</Titre>

<DocRef>(2021/2712(RSP))</DocRef>


<RepeatBlock-By><Depute>Erik Marquardt, Alviina Alametsä, Bronis Ropė, Hannah Neumann, Ignazio Corrao, Mounir Satouri, Tineke Strik, Francisco Guerreiro</Depute>

<Commission>{Verts/ALE}f'isem il-Grupp Verts/ALE</Commission>

</RepeatBlock-By>

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0324/2021

B9‑0325/2021

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Afganistan

(2021/2712(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Afganistan,

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Afganistan tad-29 ta' Mejju 2020,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-Kooperazzjoni fuq il-Migrazzjoni (JDMC) bejn l-Afganistan u l-UE tas-26 ta' April 2021,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Mibgħut Speċjali tal-UE għall-Afganistan, is-Sur Tomas Niklasson, tal-4 ta' Ġunju 2021, bit-titolu "Il-vjolenza trid tieqaf u t-taħditiet dwar il-paċi għandhom jgħaddu minn proċeduri għal negozjati sostanzjali",

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Josep Borrell, u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Indja, Subrahmanyam Jaishankar, tal-4 ta' Mejju 2021 dwar l-Afganistan,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta bejn l-UE u l-Pakistan tal-4 ta' Novembru 2020 dwar l-Afganistan,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-12 ta' Settembru 2020 mill-VP/RGħ Josep Borrell dwar il-bidu tan-negozjati intra-Afgani,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Mejju 2021 dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-politika dwar il-migrazzjoni esterna tal-UE[1],

 wara li kkunsidra l-Konferenza tal-2020 dwar l-Afganistan li saret f'Ġinevra,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar l-Afganistan,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar l-Afganistan,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-10 ta' Diċembru 1948,

 wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi t-taħditiet ta' paċi bejn il-Gvern Afgan u t-Talibani bħalissa jinsabu fi stat wieqaf, iżda dalwaqt għandhom jerġgħu jibdew f'Doha;

B. billi mill-inqas 85 persuna nqatlu u 147 sfaw midruba, ħafna minnhom bniet tal-iskola, fl-attakk quddiem l-iskola Sayed al-Shuhada f'Kabul fit-8 ta' Mejju 2021;

C. billi fit-2 ta' Marzu 2021 inqatlu tliet ħaddiema nisa tal-midja f'Jalalabad;

D. billi mill-inqas 13-il persuna ċivili, inklużi 2 trabi, inqatlu u mill-inqas 15 sfaw midruba f'attakk fuq is-sala tal-maternità tal-isptar Dasht-e-Barchi f'Kabul li huwa mmexxi minn Médecins Sans Frontières;

E. billi l-vjolenza u l-qtil fl-Afganistan żdiedu b'mod drammatiku f'dawn l-aħħar xhur;

F. billi hemm żieda inkwetanti ferm fl-attakki vjolenti, fit-theddid, fil-fastidju, fl-intimidazzjoni u fil-qtil tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fl-Afganistan;

G. billi hemm nuqqas mifrux ta' obbligu ta' rendikont għall-attakki u għall-qtil fl-Afganistan;

H. billi fit-12 ta' Marzu 2021, il-membri tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU kkundannaw in-numru allarmanti ta' attakki li deliberatament kellhom fil-mira tagħhom lil persuni ċivili fl-Afganistan;

I. billi l-Istati Uniti u n-NATO ħabbru l-irtirar tat-truppi tagħhom mill-Afganistan sa mhux aktar tard mill-11 ta' Settembru 2021;

1. Jistieden lill-Gvern Afgan, lit-Talibani u lill-atturi rilevanti l-oħrajn kollha biex javvanzaw il-proċess ta' paċi bil-ħsieb li jintlaħaq waqfien mill-ġlied u ftehim ta' paċi li jiddeskrivi proċess politiku għall-istabbiliment ta' istituzzjonijiet effettivi, li jaqdu l-ħtiġijiet tal-poplu Afgan kollu u jiżguraw id-drittijiet tal-bniedem tagħhom; jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u lill-Kummissjoni sabiex jappoġġjaw attivament in-negozjati mmexxija mill-Afgani u sjieda tal-Afgani; iħeġġeġ lis-SEAE u lill-Kummissjoni biex jassumu rwol aktar b'saħħtu fit-tħeġġiġ taż-żewġ naħat tan-negozjati għall-paċi mal-mejda tan-negozjati, biex joffru faċilitazzjoni u appoġġ fil-medjazzjoni, biex iżidu l-ilħuq reġjonali tagħhom u biex jagħmlu użu mill-għodda kollha tal-UE għall-infurzar tal-paċi;

2. Jikkundanna bil-qawwa kull tip ta' vjolenza, speċjalment iż-żieda reċenti fil-qtil ta', fost l-oħrajn, nisa, bniet, ħaddiema tal-midja u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; iħeġġeġ lit-Talibani, lill-grupp tal-Istat Islamiku, lill-awtoritajiet Afgani u lill-atturi l-oħrajn kollha biex iwaqqfu immedjatament l-atti kollha ta' vjolenza;

3. Jesprimi tħassib serju dwar il-possibbiltà li qed tiżdied ta' kriżi umanitarja multidimensjonali aggravata mill-pandemija tal-COVID-19, mid-degradazzjoni tal-klima u tal-ambjent, min-nixfa mistennija u minn nuqqasijiet possibbli ta' ikel, kif ukoll mit-tnaqqis ekonomiku; iħeġġeġ lid-donaturi kollha biex isostnu jew iżidu l-għajnuna umanitarja tagħhom, speċjalment l-appoġġ tagħhom għas-sistema tas-saħħa Afgana u l-promozzjoni tal-aċċess għall-kura tas-saħħa min-nisa u mill-bniet Afgani;

4. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Afgani, lit-Talibani u lill-atturi rilevanti l-oħrajn kollha biex jiżguraw is-sikurezza tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili lokali u internazzjonali, l-NGOs u l-organizzazzjonijiet umanitarji u l-aċċess tagħhom għall-partijiet kollha tal-pajjiż sabiex jintlaħqu dawk l-aktar fil-bżonn;

5. Jistieden lill-Gvern Afgan biex jippromwovi r-rikonċiljazzjoni fil-livelli kollha; jistieden, barra minn hekk, lill-gvern biex itemm l-impunità fl-Afganistan u biex ikompli jagħti rendikont ġenwin u jeżiġi investigazzjonijiet ġenwini dwar l-attakki u l-qtil; jemmen li l-inklużjoni ta' vittmi ċivili fin-negozjati għall-paċi tista' twassal għal paċi aktar sostenibbli;

6. Iħeġġeġ lill-Gvern Afgan biex jinvolvi b'mod attiv lill-Parlament Afgan fil-proċessi rilevanti kollha, biex itemm il-miżuri kollha li jipprevjenu l-kooperazzjoni effettiva bejn il-gvern u l-parlament, u biex itejjeb id-drittijiet tal-iskrutinju parlamentari; jirrimarka li l-parlament għandu jirrappreżenta l-popolazzjoni Afgana diversa; jisħaq fuq il-ħtieġa li jkomplu jsiru elezzjonijiet ħielsa u ġusti u li titjieb it-trasparenza fl-infiq tal-gvern sabiex il-Gvern tal-Afganistan ikun responsabbli bis-sħiħ quddiem iċ-ċittadini tiegħu;

7. Jilqa' l-progress li nkiseb mill-Gvern Afgan fid-drittijiet tan-nisa u tal-bniet, fl-għoti tas-setgħa lin-nisa u fl-edukazzjoni tal-bniet, għalkemm għad fadal ħafna xi jsir biex jintlaħqu l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-opportunitajiet indaqs; jisħaq li l-ugwaljanza bejn is-sessi għandha tkun prinċipju fundamentali fi kwalunkwe soluzzjoni politika; jistieden lill-Gvern Afgan u lit-Talibani biex jiżguraw ir-rappreżentanza tan-nisa fil-livelli kollha tan-negozjati, u b'hekk jippermettu triq 'il quddiem li tagħti aktar setgħa lin-nisa; jistieden lis-SEAE, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jappoġġjaw ulterjorment l-għoti tas-setgħa lin-nisa, lill-minoranzi u lill-gruppi marġinalizzati fl-Afganistan, kif ukoll ir-rappreżentanza tagħhom f'istituzzjonijiet demokratiċi, u biex id-drittijiet tan-nisa u tat-tfal isiru kundizzjoni ewlenija għal appoġġ finanzjarju kontinwu lill-pajjiż;

8. Huwa mħasseb li inqas impenn min-naħa tal-UE fl-Afganistan se jirriżulta f'passi lura fid-demokrazija u f'aktar vjolenza, kif ukoll fi sforzi msaħħa miċ-Ċina, mir-Russja u minn atturi oħrajn biex jinfluwenzaw is-sitwazzjoni fraġli fil-pajjiż, b'konsegwenzi negattivi possibbli fuq id-drittijiet mixtieqa, soluzzjoni politika inklużiva u sostenibbli għall-Afganistan u għall-poplu tiegħu;

9. Jistieden lis-SEAE u lill-Istati Membri jintensifikaw id-djalogu tagħhom mal-Istati ġirien tal-Afganistan fi sforz biex jaċċelleraw u jrawmu l-involviment tagħhom fit-tiftix ta' soluzzjonijiet politiċi fl-Afganistan; ifaħħar inizjattivi tal-passat meħudin f'dan ir-rigward;

10. Jisħaq fuq ir-rilevanza tal-promozzjoni tal-integrazzjoni reġjonali tal-Afganistan bil-għan li tissaħħaħ il-konnettività reġjonali; jenfasizza li l-appoġġ tal-UE għall-iżvilupp ekonomiku fl-Afganistan għandu jiffoka fuq l-iżvilupp sostenibbli u fuq il-ħolqien tal-impjiegi;

11. Jenfasizza li l-involviment u l-għoti tas-setgħa lis-soċjetà ċivili, kif ukoll il-protezzjoni tagħha, huma fundamentali għal paċi fit-tul u għal soluzzjonijiet politiċi bbażati fuq id-drittijiet fl-Afganistan; jistieden lis-SEAE u lill-Kummissjoni sabiex jappoġġjaw l-isforzi biex jiżdied l-aċċess għall-ġustizzja fl-Afganistan u sabiex tiġi promossa s-sigurtà tal-komunitajiet vulnerabbli;

12. Jitlob lill-UE biex iżżomm mal-impenji tagħha tal-Konferenza tal-2020 dwar l-Afganistan; jisħaq fuq il-ħtieġa għal flessibbiltà massima fl-assistenza tal-UE lill-Afganistan; jitlob lill-Kummissjoni u lis-SEAE jirrieżaminaw regolarment l-appoġġ tal-UE, bil-possibbiltà li jerġgħu jiffokaw jew li jissospendu l-attivitajiet jekk ikun meħtieġ; jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE sabiex jiżguraw li l-għajnuna umanitarja u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp jissodisfaw l-isfidi attwali fl-Afganistan u jilħqu lil dawk fil-bżonn;

13. Jenfasizza bil-qawwa li huwa ma jqisx lill-Afganistan bħala pajjiż sikur għall-migranti li jirritornaw sakemm ma jkunux jistgħu jiġu ggarantiti standards minimi mar-ritorn tagħhom; jitlob lill-Kummissjoni biex tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jissospendu r-ritorni u joffru protezzjoni lil dawk li qed ifittxu l-ażil fl-Afganistan; jitlob li jkun hemm monitoraġġ mill-qrib taċ-ċittadini Afgani, b'mod partikolari tal-minorenni, li jkunu diġà ġew irritornati; jitlob lill-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Ażil biex jaġġorna r-rapport tiegħu dwar il-pajjiż dwar l-Afganistan;

14. Jemmen li d-Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-Kooperazzjoni fuq il-Migrazzjoni (JDMC) iffirmata dan l-aħħar bejn l-UE u l-Afganistan, kif ukoll l-ispinta ġenerali tal-UE biex ir-refuġjati jerġgħu lura lejn l-Afganistan u l-isforzi tagħha biex tiffinanzja programmi ta' reintegrazzjoni, jonqsu milli jqisu l-instabbiltà kontinwata tal-pajjiż; jistieden lill-Kummissjoni biex twettaq valutazzjoni tal-impatt tad-drittijiet tal-bniedem fuq il-JDMC u biex tiżgura li l-finanzjament tal-programmi ta' ritorn u ta' integrazzjoni mill-ġdid skont id-dikjarazzjoni ma jaffettwax il-fondi maħsuba għall-għajnuna għall-iżvilupp jew għad-drittijiet tal-bniedem;

15. Jistieden lis-SEAE, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iħeġġu lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u lill-istituzzjonijiet l-oħrajn tan-NU biex jistabbilixxu kummissjoni ta' inkjesta, missjoni ta' tiftix tal-fatti u mekkaniżmi oħrajn għall-Afganistan; jitlob lis-SEAE, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex, f'dan ir-rigward, jikkooperaw mill-qrib mal-Kummissjoni Afgana Indipendenti għad-Drittijiet tal-Bniedem u mal-komunità tad-drittijiet tal-bniedem fl-Afganistan;

16. Jistieden lid-Delegazzjoni tal-UE għall-Afganistan u lir-rappreżentanzi tal-Istati Membri biex iżidu l-appoġġ tagħhom lis-soċjetà ċivili, speċjalment lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u lill-ħaddiema tal-midja, biex jiffaċilitaw il-ħruġ ta' viżi ta' emerġenza, u biex jipprovdu kenn temporanju fl-Istati Membri, inkluż għal ċittadini Afgani li ġew impjegati mir-rappreżentanzi tal-Istati Membri jew mid-Delegazzjoni tal-UE;

17. Jistieden lis-SEAE, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw is-sigurtà tal-forzi Ewropej u tal-persunal Ewropew fl-Afganistan, kif ukoll dik tal-persunal lokali li jaħdem jew li ħadem għar-rappreżentanzi tal-Istati Membri jew għad-Delegazzjoni tal-UE fil-pajjiż; jitlob lis-SEAE u lill-Kummissjoni sabiex jikkontribwixxu finanzjament għal żona ta' sigurtà msaħħa biex tiġi żgurata preżenza diplomatika wara l-irtirar tat-truppi;

18. Jistieden lis-SEAE u lill-Kummissjoni jippreżentaw lill-Parlament, sa Settembru 2021, strateġija tal-UE għall-Afganistan, filwaqt li jitqiesu l-aspetti mqajma f'din ir-riżoluzzjoni u l-bidliet possibbli fil-pajjiż fid-dawl tal-irtirar tat-truppi u tat-taħditiet ta' paċi li għaddejjin bħalissa;

19. Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Afganistan.

[1] Testi adottati, P9_TA(2021)0242.

Aġġornata l-aħħar: 9 ta' Ġunju 2021Avviż legali - Politika tal-privatezza