MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-fehmiet tal-Parlament dwar il-valutazzjoni li qed issir mill-Kummissjoni u mill-Kunsill tal-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza
7.6.2021 - (2021/2738(RSP))
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Dacian Cioloş, Luis Garicano, Valérie Hayer, Dragoş Pîslaru, Pascal Canfin, Martin Hojsík
f'isem il-Grupp Renew
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0331/2021
B9-0337/2021
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-fehmiet tal-Parlament dwar il-valutazzjoni li qed issir mill-Kummissjoni u mill-Kunsill tal-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza[1] (ir-Regolament dwar l-RRF),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Mejju 2021 dwar id-dritt għall-informazzjoni tal-Parlament rigward il-valutazzjoni li għaddejja tal-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza[2],
– wara li kkunsidra l-Artikoli 174 u 175 tat-Trattat dwar tal-Unjoni Ewropea (TUE),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi r-Regolament dwar l-RRF ġie adottat skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja;
B. billi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF) huwa strument mingħajr preċedent f'termini ta' volum u mezzi ta' finanzjament; billi l-Kummissjoni qed tħejji biex toħroġ id-dejn, peress li l-Istati Membri tal-UE issa kollha rratifikaw b'suċċess id-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji[3];
C. billi l-kontroll demokratiku, ir-responsabbiltà u l-iskrutinju parlamentari fuq l-implimentazzjoni tal-RRF huma possibbli biss bl-involviment sħiħ tal-Parlament u l-kunsiderazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet kollha tiegħu fl-istadji kollha; billi l-Parlament jesprimi l-fehmiet tiegħu dwar il-kwistjonijiet diskussi bħala parti mid-djalogu dwar l-irkupru u r-reżiljenza, inkluż permezz ta' riżoluzzjonijiet u skambji mal-Kummissjoni; billi l-Kummissjoni għandha tqis dawn il-fehmiet;
D. billi r-Regolament dwar l-RRF jistabbilixxi li l-objettiv ġenerali huwa li jippromwovi l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-Unjoni, u b'hekk itejjeb ir-reżiljenza, it-tħejjija għall-kriżijiet, il-kapaċità ta' aġġustament u l-potenzjal ta' tkabbir tal-Istati Membri, billi jtaffi l-impatt soċjali u ekonomiku tal-kriżi, b'mod partikolari fuq in-nisa, it-tfal u ż-żgħażagħ, u jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, billi jappoġġja t-tranżizzjoni ekoloġika u t-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-inqas b'57 %, inkluż ir-rilokazzjonijiet skont id-dispożizzjonijiet tal-Liġi Ewropea dwar il-Klima u jikkonforma mal-objettivi tan-newtralità klimatika tal-UE sal-2050, u tat-tranżizzjoni diġitali, – u b'hekk jikkontribwixxi għal konverġenza ekonomika u soċjali 'l fuq, ir-restawr u l-promozzjoni tat-tkabbir sostenibbli u l-integrazzjoni tal-ekonomiji tal-Unjoni, irawwem il-ħolqien ta' impjieg ta' kwalità għolja u jikkontribwixxi għall-awtonomija strateġika tal-Unjoni flimkien ma' ekonomija miftuħa u jiġġenera valur miżjud Ewropew;
E. billi l-objettiv speċifiku tal-RRF huwa li jipprovdi l-Istati Membri b'appoġġ finanzjarju biex jgħinhom jiksbu l-istadji importanti u l-miri tar-riformi u l-investimenti kif stabbiliti fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tagħhom;
F. billi bħala regola, l-Istati Membri kellhom jippreżentaw il-pjanijiet nazzjonali tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni sat-30 ta' April 2021; billi sal-lum, 23 Stat Membru ppreżentaw il-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni;
G. billi l-Parlament ripetutament stieden lill-Kummissjoni tipprovdi informazzjoni, inkluż bil-miktub, dwar is-sitwazzjoni attwali tal-valutazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza għall-fini tad-djalogu dwar l-irkupru u r-reżiljenza;
1. Iqis li l-RRF jikkostitwixxi strument storiku tal-UE biex irawwem il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, jinkoraġġixxi konverġenza, jgħin lill-Istati Membri jtaffu l-impatt ekonomiku u soċjali tal-pandemija tal-COVID-19 u jistabbilixxi l-ekonomiji tagħhom fuq trajettorji ta' tkabbir b'saħħithom u sostenibbli, u jħejji lill-UE biex tindirizza sfidi fit-tul bħat-tranżizzjoni ġusta, ekoloġika u t-trasformazzjoni diġitali u jiġġenera valur miżjud tal-UE;
2. Jitlob li l-Kummissjoni tapplika b'mod metikoluż l-ittra u l-ispirtu tar-Regolament RRF fil-proċess ta' valutazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza u tipprovdi valutazzjonijiet profondi u komprensivi, qabel l-adozzjoni tal-proposti rilevanti għal deċiżjonijiet ta' implimentazzjoni tal-Kunsill; jilqa' l-isforzi tal-Kummissjoni biex tiżgura l-adozzjoni rapida tagħhom qabel is-sajf, iżda jistenna li m'għandha ssir ebda konċessjoni politika meta jiġu vvalutati l-pjanijiet; jenfasizza li pjanijiet ambizzjużi u eżekuzzjoni tajba huma essenzjali biex din l-opportunità storika ma tintilifx; jistenna li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jkunu jistgħu jikkapitalizzaw bis-sħiħ fuq l-RRF u jwettqu pjanijiet ta' kwalità għolja li jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għall-objettivi kondiviżi tal-Ewropa;
3. Jinsab konvint li l-fondi jridu jitqassmu b'mod ġust bejn is-soċjetajiet u l-ġenerazzjonijiet futuri biex jiġi żgurat l-ogħla impatt possibbli fuq il-konverġenza ekonomika u soċjali 'l fuq u dik territorjali, il-benesseri u l-istabbiltà ekonomika; jitlob li jkun hemm trasparenza u obbligu ta' rendikont sħaħ fl-allokazzjoni u l-użu tal-fondi;
4. Itenni t-talba tal-Parlament biex jiġi żgurat id-dritt ta' informazzjoni tal-Parlament rigward il-valutazzjoni li għaddejja tal-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza, biex ikun jista' jsir skrutinju demokratiku impekkabbli tal-Parlament fil-valutazzjoni u l-implimentazzjoni tal-RRF mill-Kummissjoni;
5. Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta bir-reqqa jekk u kemm kull pjan nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza jikkontribwixxi effettivament għas-sitt pilastri kollha msemmija fl-Artikolu 3 tar-Regolament dwar l-RRF b'mod komprensiv u bbilanċjat; ifakkar li kull miżura għandha tikkontribwixxi għal wieħed jew aktar mill-oqsma ta' politika ta' rilevanza Ewropea strutturati fis-sitt pilastri;
6. Jilqa' l-fatt li, skont l-informazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni, il-pjanijiet kollha ppreżentati formalment jilħqu l-miri tal-klima u tal-investiment diġitali; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta wkoll l-aspett kwalitattiv tal-miżuri proposti biex tiżgura li dawn jilħqu kemm il-miri kwantitattivi kif ukoll dawk kwalitattivi b'mod effettiv u matul il-fażi ta' implimentazzjoni kollha;
7. Ifakkar li f'konformità mar-regolament, l-RRF ma għandux jiffinanzja nefqa nazzjonali rikorrenti, minbarra f'każijiet debitament ġustifikati;
8. Jinnota li proġetti transfruntiera li jinvolvu aktar minn Stat Membru wieħed jiġġeneraw valur miżjud Ewropew għoli u effetti kollaterali assoċjati u jiddispjaċih dwar il-fatt li ftit huma l-pjanijiet nazzjonali li fihom proġetti transfruntiera; jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi bis-sħiħ lill-Istati Membri jippreżentaw proġetti transfruntiera li għandhom jiġu ffinanzjati permezz tal-RRF;
9. Jinnota li ftit huma l-Istati Membri li għażlu li jitolbu self fil-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza li ġew ippreżentati; jistieden lill-Istati Membri jikkunsidraw l-aħjar użu tas-self disponibbli biex jiġi evitat kwalunkwe telf ta' opportunità;
10. Jistieden lill-Kummissjoni tqis il-ħtieġa futura possibbli li jiġu emendati l-pjanijiet nazzjonali biex tiġi żgurata l-konformità mar-rekwiżiti tar-Regolament dwar l-RRF għat-tħejjija ta' abbozz ta' att ta' implimentazzjoni tal-Kunsill;
Tranżizzjoni ekoloġika
11. Jilqa' l-fatt li l-investimenti ekoloġiċi taħt l-RRF ser ikunu parzjalment iffinanzjati permezz tal-ħruġ ta' bonds ekoloġiċi;
12. Jenfasizza li f'konformità mal-metodoloġija stabbilita fl-Anness VI għar-Regolament dwar l-RRF, il-pjanijiet kollha għandhom jiddedikaw mill-inqas 37 % tal-allokazzjoni totali (għotjiet u self) għall-klima; jistieden lill-Kummissjoni toqgħod attenta meta tivvaluta l-mira ta' nfiq ta' 37 % għall-klima biex il-miżuri ma jiġux ittaggjati b'mod doppju jew ħażin u tipprevjeni l-greenwashing; jinsab imħasseb li xi investimenti huma mmarkati bħala investimenti ekoloġiċi minkejja li mhumiex koperti mill-metodoloġija ta' trekkjar stabbilita fl-Anness VI; jissuġġerixxi li jiġi applikat skrutinju addizzjonali fuq kwalunkwe estensjoni tal-metodoloġija tal-ittaggjar ekoloġiku fl-Anness VI; jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jwettqu r-riformi li ser jiffaċilitaw l-implimentazzjoni b'suċċess tal-oqsma ewlenin identifikati fil-gwida tagħha;
13. Ifakkar li d-dispożizzjonijiet "la tagħmilx ħsara sinifikanti" huma għodda kruċjali biex tiġi appoġġata t-tranżizzjoni ekoloġika, flimkien mar-rekwiżit li minimu ta' 37 % tan-nefqa (għotjiet u self) fuq l-investimenti u r-riformi li jinsabu f'kull pjan nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza għandu jappoġġja l-objettivi klimatiċi, u biex jiġi evitat il-finanzjament ta' miżuri li jikkontradixxu l-objettivi klimatiċi tal-Unjoni; ifakkar li l-miżuri kollha jridu jirrispettaw il-prinċipju "la tagħmilx ħsara sinifikanti" skont it-tifsira tal-Artikolu 17 tar-Regolament dwar it-Tassonomija[4]; jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta' konformità tal-pjanijiet ma' dan il-prinċipju u jistieden lill-Kummissjoni tiżgura r-rispett sħiħ tiegħu, inkluż matul il-fażi ta' implimentazzjoni, u tippubblika l-valutazzjonijiet kollha relatati; jinsisti li l-implimentazzjoni tal-RRF ma tista' twassal għal ebda tnaqqis tal-istandards ambjentali jew tmur kontra l-liġijiet u r-regolamenti ambjentali;
14. Ifakkar li, filwaqt li jirrifletti l-importanza li jiġi indirizzat it-telf drammatiku tal-bijodiversità, dan ir-Regolament dwar l-RRF għandu jikkontribwixxi għall-integrazzjoni tal-azzjoni dwar il-bijodiversità fil-politiki tal-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni tippubblika ħarsa ġenerali lejn il-miżuri relatati mal-bijodiversità elenkati fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza; jinsab imħasseb li l-biċċa l-kbira tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza fihom miżuri limitati ħafna jew assolutament l-ebda miżura favur il-bijodiversità; jistenna li l-Kummissjoni tapplika b'mod riġidu l-prinċipju "la tagħmilx ħsara sinifikanti" f'dak ir-rigward u, b'mod partikolari, tirrikjedi korrezzjoni ta' riformi jew investimenti proposti li jistgħu jagħmlu ħsara lill-bijodiversità jew li ma jkunux akkumpanjati minn miżuri adegwati ta' akkumpanjament;
15. Jenfasizza li l-investimenti jrid ikollhom "impatt dejjiemi" biex l-UE tilħaq l-objettivi tagħha dwar in-newtralità tal-karbonju; huwa favur investimenti ekoloġiċi li jwasslu għat-trasformazzjoni ekonomika tal-Ewropa u li jgħinu biex jingħalaq id-distakk fl-investiment favur il-klima u l-ambjent billi ma jissussidjawx eċċessivament ix-xiri ta' oġġetti ta' konsum durabbli; jinsab imħasseb dwar il-fatt li ħafna pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza jiffukaw fuq l-investiment fuq terminu qasir, u jitlob li jkun hemm aktar investimenti u riformi tal-ġenerazzjoni li jmiss li jista' jkollhom ukoll impatt immedjat;
Trasformazzjoni diġitali
16. Jenfasizza li bi qbil mar-Regolament dwar l-RRF, il-pjanijiet kollha għandu jkollhom miżuri li jikkontribwixxu b'mod effettiv għat-tranżizzjoni diġitali jew jindirizzaw l-isfidi li jirriżultaw minnha, u li jikkostitwixxu ammont li jirrappreżenta mill-inqas 20 % tal-allokazzjoni totali tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, abbażi tal-metodoloġija għall-ittaggjar diġitali stabbilita fl-Anness VII; ifakkar li l-metodoloġija għandha tintuża kif xieraq għal miżuri li ma jistgħux jiġu assenjati direttament għal qasam ta' intervent elenkat fl-Anness VII; ifakkar li l-koeffiċjenti għal appoġġ għall-objettivi diġitali jistgħu jiżdiedu biex investimenti individwali jqisu l-miżuri ta' riforma ta' akkumpanjament li jżidu l-impatt tagħhom fuq l-objettivi diġitali;
17. Ifakkar li għal investimenti fil-kapaċitajiet u l-konnettività diġitali, l-Istati Membri għandhom jipprovdu, fil-pjanijiet tagħhom, awtovalutazzjoni tas-sigurtà bbażata fuq kriterji oġġettivi komuni li jidentifikaw kwalunkwe kwistjoni ta' sigurtà, u li jagħtu dettalji dwar kif dawk il-kwistjonijiet ser jiġu indirizzati biex jikkonformaw mal-liġi rilevanti tal-Unjoni u dik nazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-pjanijiet nazzjonali kollha li fihom tali investimenti jipprovdu tali valutazzjoni u li l-miżuri rispettivi ma jmorrux kontra l-interessi strateġiċi tal-Unjoni;
18. Jinsab imħasseb li hemm pjanijiet nazzjonali li ma jiksbux bilanċ adegwat f'termini ta' investimenti fit-trasformazzjoni diġitali, b'mod partikolari fl-infrastruttura diġitali;
Tisħiħ tat-tkabbir ekonomiku u tal-koeżjoni soċjali u territorjali
19. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza jagħtu attenzjoni adegwata lill-miżuri għat-tfal u ż-żgħażagħ u tiżgura li jagħmlu dan, speċjalment f'pajjiżi fejn ġew identifikati problemi strutturali f'oqsma bħat-tluq bikri mill-iskola, il-qgħad fost iż-żgħażagħ, il-faqar fost it-tfal u l-kura bikrija tat-tfal; jinsisti li r-riformi u l-investimenti fiż-żgħażagħ, b'mod partikolari dawk relatati mat-titjib tal-ħiliet, it-taħriġ mill-ġdid, l-edukazzjoni, it-taħriġ vokazzjonali, l-edukazzjoni doppja u t-tagħlim tul il-ħajja, għandhom ikunu allinjati mal-Garanzija għaż-Żgħażagħ u jiffukaw fuq l-iżvilupp ta' kompetenzi flimkien max-xiri ta' tagħmir; jenfasizza li r-riformi u l-investimenti għat-tfal għandhom ikunu allinjati mal-prinċipji tal-Garanzija għat-Tfal u jiffukaw fuq id-dritt ta' aċċess għal kura tas-saħħa mingħajr ħlas u l-opportunitajiet għaliha, edukazzjoni b'xejn, kura tat-tfal b'xejn, akkomodazzjoni deċenti u nutrizzjoni adegwata għal kull tifel u tifla li jgħixu fil-faqar;
20. Jilqa' l-miżuri inklużi fil-pjanijiet ta' rkupru u reżiljenza, f'konformità mal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l-inizjattivi tal-UE fl-oqsma tal-impjiegi, l-edukazzjoni, is-saħħa u soċjali biex tissaħħaħ il-koeżjoni soċjali, jissaħħu s-sistemi ta' protezzjoni soċjali u jitnaqqsu l-vulnerabbiltajiet; ifakkar lill-Kummissjoni li l-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza għandhom jikkonformaw b'mod sodisfaċenti mal-kriterji ta' valutazzjoni; jemmen li l-investimenti ekoloġiċi u diġitali għandhom potenzjal kbir għall-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità, inaqqsu l-inugwaljanzi u jnaqqsu d-distakk diġitali; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-komunitajiet u r-reġjuni l-aktar vulnerabbli, kif ukoll dawk l-aktar affettwati mit-tibdil fil-klima, jibbenefikaw mill-investimenti; jistieden lill-Kummissjoni tiskoraġġixxi l-prattika ta' proġetti ta' ppakkjar mill-ġdid mingħajr valur miżjud reali għar-reġjuni li għadhom lura, speċjalment meta dan jirriskja li jwessa' d-distakk tal-konverġenza soċjali, ekonomika u territorjali tal-UE;
21. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinsisti li l-Istati Membri jimplimentaw miżuri ta' riforma u investiment li jżidu r-reżiljenza amministrattiva u istituzzjonali u t-tħejjija għall-kriżijiet;
22. Jitlob li l-Kummissjoni u l-Kunsill jiżguraw li l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-opportunitajiet indaqs għal kulħadd, u l-integrazzjoni ta' dawk l-objettivi, jiġu kkunsidrati u promossi matul it-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-pjanijiet tal-irkupru u tar-reżiljenza; jistenna li l-Kummissjoni tiġbor, tanalizza u tirrapporta b'mod sistematiku dwar id-data eżistenti diżaggregata skont is-sessi għall-implimentazzjoni tal-RRF skont ir-Rapport Speċjali Nru 10/2021 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri;
23. Ifakkar li l-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza għandhom jinkludu miżuri għall-implimentazzjoni tar-riformi strutturali u proġetti ta' investiment pubbliku permezz ta' pakkett koerenti; iqis li bosta pjanijiet nazzjonali jiddependu ħafna fuq l-investimenti, iżda għandu jkun hemm sforzi akbar fil-qasam tar-riformi strutturali; ifakkar lill-Kummissjoni li l-pjanijiet nazzjonali tal-irkupru u tar-reżiljenza għandhom jindirizzaw l-ostakli kritiċi fl-ekonomiji tal-Istati Membri u li, għal dan il-għan, il-pjanijiet kollha huma mistennija li jikkontribwixxu biex jindirizzaw b'mod effettiv l-isfidi kollha identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti, jew f'subsett sinifikanti minnhom, inkluż l-aspetti fiskali tagħhom; jemmen li irrispettivament mid-daqs u kalendarju elettorali tal-Istat Membru, il-Kummissjoni għandha tagħti attenzjoni partikolari biex tiżgura li r-riformi proposti jkunu ġenwini u ma jreġġgħux lura riformi adottati qabel u aktar ambizzjużi;
24. Jenfasizza li l-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità huwa wieħed mill-objettivi inklużi fir-Regolament RRF u li dan għandu jsir permezz ta' pakkett komprensiv ta' riformi u investimenti;
25. Jiddispjaċih għall-fatt li l-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza mhumiex qed jiġu kkoordinati biżżejjed mal-ftehimiet ta' sħubija u l-programmi tal-UE bħall-InvestEU; jappella għall-ħolqien ta' sinerġiji u komplementarjetajiet bejn l-RRF, il-ftehimiet ta' sħubija u azzjonijiet oħra tal-UE, inkluż billi jiġi ffaċilitat l-użu tal-kompartimenti nazzjonali ta' InvestEU;
26. Ifakkar lill-Kummissjoni li l-involviment sinifikanti tal-SMEs u tan-negozji ġodda huwa objettiv espliċitu tar-Regolament dwar l-RRF, inkluż fil-proċessi ta' akkwist pubbliku; jinsab imħasseb li l-fondi tal-RRF ser ikunu ta' benefiċċju b'mod predominanti għall-korporazzjonijiet kbar u jirriskjaw li jxekklu l-kompetizzjoni ġusta; jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni kbira biex tiżgura li l-SMEs u n-negozji ġodda jibbenefikaw mill-finanzjament tal-RRF, inkluż permezz tat-tfassil ta' stadji importanti u l-gwida kontinwa dwar l-implimentazzjoni tal-programmi fl-Istati Membri; jissuġġerixxi li jiġi stabbilit sehem speċifiku ta' finanzjament tal-RRF li l-benefiċjarji aħħarin tiegħu jkunu l-SMEs u li jiġu inklużi indikaturi komuni fl-arranġamenti ta' monitoraġġ tal-RRF;
Involviment tal-partijiet ikkonċernati
27. Ifakkar li skont l-Artikolu 18(4)(q) tar-Regolament dwar l-RRF, il-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza għandu jkun fihom "sommarju tal-proċess ta' konsultazzjoni, imwettaq skont il-qafas legali nazzjonali, tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-sħab soċjali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra, u kif l-input tal-partijiet ikkonċernati huwa rifless fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza"; jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jikkonsultaw mal-partijiet ikkonċernati nazzjonali kollha u tiżgura l-involviment tagħhom, inkluż dak tas-soċjetà ċivili u tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni tal-pjanijiet u, b'mod partikolari, fil-monitoraġġ tagħhom, biex tiżgura li jitwettqu konsultazzjonijiet fir-rigward ta' emendi futuri jew pjanijiet ġodda, jekk ikun hemm;
28. Ifakkar li l-Artikolu 152 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jistabbilixxi li l-Unjoni tirrikonoxxi u tippromwovi r-rwol tas-sħab soċjali fil-livell tagħha, u jeħtieġ jirrispetta l-awtonomija tagħhom; jissottolinja li l-involviment adegwat tal-partijiet ikkonċernati nazzjonali bħall-parlamenti nazzjonali, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-sħab soċjali, l-NGOs u s-soċjetà ċivili, ser ikun deċiżiv għas-suċċess tal-pjanijiet nazzjonali u l-RRF fl-intier tiegħu; jesprimi t-tħassib imqajjem mill-Kumitat tar-Reġjuni u jiddeplora l-fatt li ħafna Stati Membri ma involvewx jew involvew biss b'mod inadegwat lill-awtoritajiet reġjonali u lokali fil-proċess ta' abbozzar tal-pjanijiet minkejja li jiddependu fuqhom biex jidderieġu parti kbira mill-fondi tal-RRF; jiddeplora wkoll il-fatt li f'xi każijiet lanqas il-parlamenti nazzjonali ma kienu involuti jew infurmati b'mod xieraq;
L-istat tad-dritt u l-limitar tal-korruzzjoni fl-implimentazzjoni tal-RRF
29. Jissottolinja li s-suċċess tal-RRF u tal-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza jirrikjedi trasparenza u responsabbiltà sodi mill-Kummissjoni, l-Istati Membri u s-sħab kollha inkarigati mill-implimentazzjoni;
30. Ifakkar li l-RRF u kull wieħed mill-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza għandhom jirrispettaw bis-sħiħ ir-Regolament dwar il-Kundizzjonalità tal-Istat tad-Dritt[5]; iqis li l-Kummissjoni għandha tirrifjuta kwalunkwe miżura jew proġett li jmorru kontra l-valuri tal-UE minquxa fl-Artikolu 2 tat-TUE;
31. Ifakkar li l-implimentazzjoni tal-RRF għandha titwettaq skont il-prinċipju tal-ġestjoni finanzjarja tajba; jitlob li l-Kummissjoni tivvaluta bir-reqqa l-arranġamenti proposti mill-Istati Membri għall-prevenzjoni, id-detezzjoni u l-korrezzjoni tal-kunflitti ta' interess, il-korruzzjoni u l-frodi, kif ukoll l-evitar ta' finanzjament doppju mill-RRF u minn programmi oħra tal-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi abbozz ta' baġit emendatorju biex jiżdied il-finanzjament tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi u l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, u tipprovdilhom ir-riżorsi finanzjarji u umani meħtieġa b'mod li jkun proporzjonat mal-ħtieġa li jiġi skrutinizzat dan l-ammont bla preċedent ta' nefqa tal-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni timmonitorja r-riskji għall-interessi finanzjarji tal-UE b'attenzjoni kbira matul l-implimentazzjoni tal-RRF, filwaqt li tagħti attenzjoni partikolari lill-akkwist pubbliku;
32. Jistieden lill-Istati Membri jiġbru u jirreġistraw data dwar ir-riċevituri u l-benefiċjarji finali kif ukoll l-objettivi, l-ammont u l-post tal-proġetti ffinanzjati mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza f'format elettroniku u interoperabbli standardizzat, u jużaw l-għodda unika tal-estrazzjoni tad-data li għandha tiġi pprovduta mill-Kummissjoni; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tiffinalizza l-għodda unika għall-estrazzjoni tad-data mill-aktar fis possibbli; ifakkar li l-Artikolu 22(2) tar-Regolament dwar l-RRF jipprovdi obbligi fuq l-Istati Membri li jiġbru u jiżguraw aċċess għal kategoriji standardizzati ta' data; ifakkar lill-Kummissjoni biex tiżgura dawk l-obbligi għall-fini ta' awditjar u kontroll u biex tipprovdi informazzjoni komparabbli dwar l-użu ta' fondi fir-rigward ta' miżuri għall-implimentazzjoni ta' riformi u proġetti ta' investiment fil-qafas tal-pjanijiet ta' rkupru u ta' reżiljenza; ifakkar ukoll lill-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li tiġi żgurata t-trasparenza tal-benefiċjarji finali u li jiġi żgurat li jkun hemm fis-seħħ arranġamenti xierqa biex jiġi evitat li jkun hemm finanzjament doppju;
Valutazzjoni tal-Parlament dwar l-atti delegati
33. Jemmen li l-implimentazzjoni b'suċċess tal-RRF ser issaħħaħ il-każ għal arkitettura fiskali Ewropea komuni u tista' sservi bħala l-pjan ta' azzjoni tagħha; ifakkar li, f'konformità mar-Regolament dwar l-RRF, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-indikaturi komuni li għandhom jintużaw għar-rapportar dwar il-progress u għall-fini tal-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-RRF;
34. Ifakkar lill-Kummissjoni dwar id-drittijiet ta' veto tal-Parlament fir-rigward tad-definizzjoni ta' metodoloġija għar-rapportar dwar in-nefqa soċjali, inkluż fuq it-tfal u ż-żgħażagħ; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura trasparenza sħiħa fir-rigward tal-iskeda ta' żmien għall-approvazzjoni tagħhom; jenfasizza l-importanza li jintlaħaq qbil dwar metodoloġija ta' traċċar soċjali kif ukoll dwar tabella ta' valutazzjoni għar-rapportar dwar il-progress u l-implimentazzjoni tal-RRF; iqis li l-abbozz ta' proposti ppreżentati lill-Parlament ma jilħqux l-aspettattivi tiegħu;
Konklużjonijiet
35. Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-pjanijiet ippreżentati b'mod adegwat u f'konformità mar-Regolament dwar l-RRF; jesprimi tħassib serju dwar il-konformità ta' diversi miżuri fil-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza mar-rekwiżiti tar-Regolament dwar l-RRF sottostanti u jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-elementi kollha fil-pjanijiet kollha jkunu konformi bis-sħiħ mar-Regolament dwar l-RRF;
36. Ifakkar fit-talba tiegħu biex il-Kummissjoni tissodisfa l-obbligi tagħha skont ir-Regolament dwar l-RRF li tipprovdi lill-Parlament l-informazzjoni rilevanti kollha dwar is-sitwazzjoni attwali tal-implimentazzjoni tar-Regolament dwar l-RRF u li tqis kwalunkwe element li jista' jinqala' mill-fehmiet espressi permezz tad-djalogu dwar l-irkupru u r-reżiljenza, inklużi l-fehmiet ikkomunikati mill-kumitati rilevanti u dawk fir-riżoluzzjonijiet plenarji; jilqa' l-isforzi mtejba tal-Kummissjoni biex tipprovdi informazzjoni adegwata matul laqgħat regolari mal-Parlament;
37. Ifakkar lill-Kunsill li, partikolarment fl-istadju tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ta' implimentazzjoni, "l-eżiti rilevanti tad-diskussjonijiet li jsiru fil-korpi preparatorji tal-Kunsill għandhom jiġu kondiviżi mal-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew";
38. Jistieden lill-Kummissjoni tkompli ssegwi approċċ miftuħ, trasparenti u kostruttiv matul id-djalogi dwar l-irkupru u r-reżiljenza;
39. Ifakkar fil-pożizzjoni tal-Parlament fl-2020 għal pjan ta' rkupru aktar b'saħħtu u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jivvalutaw jekk ikunux meħtieġa fondi addizzjonali biex tiġi indirizzata l-kriżi biex jiġi żgurat li l-UE tista' tikkompeti mal-ekonomiji l-kbar;
°
° °
40. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kunsill Ewropew u lill-Kummissjoni.
- [1] ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17.
- [2] Testi adottati, P9_TA(2021)0257.
- [3] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053 tal-14 ta' Diċembru 2020 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea, ĠU L 424, 15.12.2020, p. 1.
- [4] Ir-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta' qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli, ĠU L 198, 22.6.2020, p. 13.
- [5] ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 1.