Proċedura : 2021/2524(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B9-0370/2021

Testi mressqa :

B9-0370/2021

Dibattiti :

PV 07/07/2021 - 21
CRE 07/07/2021 - 21

Votazzjonijiet :

PV 08/07/2021 - 4
PV 08/07/2021 - 11
CRE 08/07/2021 - 4

Testi adottati :

P9_TA(2021)0353

<Date>{30/06/2021}30.6.2021</Date>
<NoDocSe>B9‑0370/2021</NoDocSe>
PDF 202kWORD 57k

<TitreType>MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI</TitreType>

<TitreSuite>imressqa wara l-Mistoqsija għal Tweġiba Orali B9‑0000/2021</TitreSuite>

<TitreRecueil>skont l-Artikolu 136(5) tar-Regoli ta' Proċedura</TitreRecueil>


<Titre>dwar ŻER ġdida għar-Riċerka u l-Innovazzjoni</Titre>

<DocRef>(2021/2524(RSP))</DocRef>


<RepeatBlock-By><Depute>Cristian‑Silviu Buşoi</Depute>

<Commission>{ITRE}f'isem il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija</Commission>

</RepeatBlock-By>

EMENDI

B9‑0370/2021

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ŻER ġdida għar-Riċerka u l-Innovazzjoni

(2021/2524(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar ŻER ġdida għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (O-000031/2021 – B9‑0000/2021),

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Settembru 2020 dwar ŻER ġdida għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (COM(2020)0628),

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-1 ta' Diċembru 2020,

 wara li kkunsidra r-Rapport ta' Progress taż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER) għall-perjodu 2016-2018,

 wara li kkunsidra t-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Innovazzjoni Ewropea tat-23 ta' Ġunju 2020,

 wara li kkunsidra s-sentenza tas-6 ta' Ottubru 2020 tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) fil-Kawża C-66/18[1],

 wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-11 ta' Marzu 2005 dwar il-Karta Ewropea għar-Riċerkaturi u dwar Kodiċi ta' Kondotta għar-Reklutaġġ ta' Riċerkaturi[2],

 wara li kkunsidra l-Artikoli 136(5) u 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija,

A. billi t-tlestija taż-ŻER bil-ksib tal-moviment liberu tar-riċerkaturi u ċ-ċirkolazzjoni libera tal-għarfien u t-teknoloġija xjentifiċi hija prijorità ewlenija għall-Unjoni Ewropea;

B. billi ż-ŻER ipprevediet li tingħeleb il-frammentazzjoni tal-isforzi nazzjonali fir-riċerka u l-innovazzjoni (R&I) permezz tat-tnaqqis tad-disparitajiet bejn l-oqfsa regolatorji u amministrattivi;

C. billi ż-ŻER ipprovdiet mekkaniżmi importanti biex jiġi żgurat il-moviment liberu tar-riċerkaturi u l-iskambju tat-teknoloġiji tal-għarfien u l-innovazzjoni; billi, barra minn hekk, iż-ŻER hija qafas stabbilit u magħruf sew li jistimula azzjonijiet konġunti transfruntiera tar-R&I bejn ir-riċerkaturi tal-Istati Membri u ċ-"ċentri taż-ŻER";

D. billi r-riċerka trid tkun ibbażata fuq il-prinċipji fundamentali tal-integrità tar-riċerka, u l-Kodiċi ta' Kondotta Ewropea għall-Integrità tar-Riċerka żviluppat mill-Federazzjoni Ewropea tal-Akkademji għax-Xjenzi u l-Istudji Umanistiċi (ALLEA) għandu jitqies bħala referenza għall-komunità tar-riċerka; billi l-indipendenza u l-oġġettività huma elementi ewlenin tal-bini u taż-żamma tal-fiduċja fix-xjenza;

E. billi l-aċċellerazzjoni tar-R&I fl-Unjoni Ewropea u t-titjib tal-kollaborazzjoni bejn ir-R&I privati u pubbliċi fl-Istati Membri fid-dawl ta' użu bikri mis-suq u l-adozzjoni mis-soċjetà ta' soluzzjonijiet ta' teknoloġiji ġodda u t-titjib ta' dawk eżistenti huma vitali biex jintlaħqu l-miri klimatiċi tagħna, filwaqt li tinkiseb it-tranżizzjoni diġitali u għall-irkupru tal-ekonomija Ewropea; billi l-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità għolja jipprovdi opportunitajiet ekonomiċi għall-UE; billi l-investiment fir-riċerka fundamentali jfisser investiment fil-futur, u billi l-finanzjament ta' tali riċerka ma għandux ikun marbut b'mod intrinsiku mal-profittabbiltà ekonomika; billi l-iskoperti xjentifiċi ewlenin irriżultaw minn riċerka ffinanzjata pubblikament;

F. billi, bħala regola ġenerali, ir-R&I għandhom jirrispettaw il-prinċipju tan-newtralità teknoloġika; billi huwa importanti li jiġi enfasizzat, madankollu, li l-għażliet teknoloġiċi għandhom jirrispettaw il-qafas ta' politika stabbilit;

G. billi r-R&I huma essenzjali biex jippermettu l-irkupru tal-Ewropa, jappoġġjaw u jaċċelleraw it-tranżizzjonijiet diġitali u ekoloġiċi b'mod soċjalment responsabbli, itejbu s-sostenibbiltà u l-kompetittività tal-Unjoni, u jsaħħu r-reżiljenza tagħha;

H. billi l-kriżi tal-COVID-19 affettwat ħażin ħafna lir-riċerkaturi żgħażagħ li esperjenzaw kundizzjonijiet tax-xogħol li sejrin għall-agħar u naqqset l-aċċess għal-laboratorji u għal faċilitajiet essenzjali oħra u, b'riżultat ta' dan, għandhom inqas opportunitajiet biex ilestu l-proġetti tagħhom u jiksbu l-kwalifiki meħtieġa għall-avvanz fil-karriera;

I. billi n-nisa jokkupaw biss 24 % tal-ogħla pożizzjonijiet fis-settur tal-edukazzjoni għolja fl-Unjoni Ewropea; billi dawn għadhom mhumiex irrappreżentati biżżejjed fost l-istudenti tad-dottorat f'diversi suġġetti tax-xjenza, tat-teknoloġija, tal-inġinerija u tal-matematika (STEM), inklużi l-ICT u l-inġinerija, iżda wkoll fl-oqsma tal-manifattura u tal-kostruzzjoni;

J. billi approċċ aktar sinerġetiku għal programmi oħra ta' finanzjament tal-UE u politiki tal-UE jista' jikkapitalizza, b'mod partikolari, fuq il-kapaċitajiet tar-R&I mibnija matul l-aħħar għaxar snin f'pajjiżi bi prestazzjoni aktar baxxa; billi dan ikun jirrikjedi l-ġbir flimkien tar-riżorsi biex jiġu appoġġjati l-attivitajiet li jippromwovu l-iżvilupp tal-kapital uman u l-introduzzjoni ta' teknoloġiji innovattivi u mudelli ġodda ta' negozju, kif ukoll biex jiġu appoġġjati l-manutenzjoni u l-iżvilupp tal-infrastruttura; billi taħlita mmirata ta' investimenti ta' fondi strutturali fl-ambitu tal-prijoritajiet ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti b'inizjattivi eċċellenti ta' R&I appoġġjati mill-Programm Qafas tista' ttejjeb b'mod sinifikanti l-prestazzjoni ta' ċerti reġjuni u ssaħħaħ iż-ŻER b'mod ġenerali; billi f'dan il-kuntest, huwa importanti wkoll li tiġi enfasizzata l-ħtieġa li jiġi ottimizzat u kkoordinat aħjar l-użu tal-infrastrutturi tar-riċerka fil-livell tal-UE;

K. billi l-approċċ inklużiv tal-Kummissjoni li tallinja ż-ŻER maż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u mal-politika industrijali Ewropea sabiex trawwem sinerġiji bejn dawn il-politiki interdipendenti għandu jwassal għal sinerġiji aktar milli għal kumplessità akbar fiż-ŻER, fiż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni jew fil-politika industrijali;

L. billi ż-ŻER għandha tikkontribwixxi għall-istrateġiji multipli u għall-impenji internazzjonali tal-UE, bħall-Istrateġija għall-SMEs u dik Diġitali, il-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU;

M. billi l-ftuħ għad-dinja u l-kollaborazzjoni internazzjonali huma essenzjali għal politiki ta' suċċess tal-UE dwar ir-R&I; billi l-pajjiżi assoċjati mal-Programm Qafas huma parti integrali miż-ŻER u diġà qed jikkontribwixxu għall-għanijiet tagħha; billi l-Viċinat Ewropew jistħoqqlu attenzjoni partikolari; billi l-pajjiżi kollha tiegħu fil-Lvant u fin-Nofsinhar għandhom jibbenefikaw minn skambji xjentifiċi u kooperazzjoni mal-Istati Membri tal-UE;

N. billi ż-ŻER ma tistax titlesta mingħajr libertà akkademika ggarantita fl-Unjoni u mingħajr ma jiġu rrispettati d-dispożizzjonijiet tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea relatati mal-libertà akkademika, il-libertà li jiġu stabbiliti istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja u l-libertà li jitwettaq negozju; billi skont il-QĠUE, il-libertà akkademika mhux biss tinkludi dimensjoni individwali sa fejn tkun assoċjata mal-libertà tal-espressjoni u, speċifikament fil-qasam tar-riċerka, il-libertajiet tal-komunikazzjoni, tar-riċerka u tat-tixrid tar-riżultati, iżda wkoll dimensjoni istituzzjonali u organizzazzjonali riflessa fl-awtonomija tal-istituzzjonijiet akkademiċi;

Objettivi

1. Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ŻER ġdida għar-Riċerka u l-Innovazzjoni li tistabbilixxi l-objettivi u l-azzjonijiet strateġiċi li għandhom jiġu implimentati f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, sabiex jiġu pprijoritizzati l-investimenti u r-riformi fir-R&I, biex jintlaħaq l-għan ta' 3 % tal-PDG, biex jittejjeb l-aċċess għall-eċċellenza għar-riċerkaturi madwar l-UE u biex ir-riżultati tar-riċerka jkunu jistgħu jilħqu l-komunità xjentifika, is-soċjetà u l-ekonomija reali, filwaqt li jiġi żgurat li r-R&I ffinanzjati pubblikament jikkontribwixxu b'mod ġenwin għall-benesseri tas-soċjetà;

2. Jistieden lill-Istati Membri jadottaw Patt għar-Riċerka u l-Innovazzjoni fl-Ewropa li jinkludi l-impenji li ġejjin li għandhom jitwettqu sal-2030: li l-infiq pubbliku fuq ir-R&I jiżdied mil-livell medju attwali ta' 0.81 % tal-PDG għal 1.25 % b'mod ikkoordinat madwar l-UE; li l-finanzjament nazzjonali pubbliku għar-R&I ta' programmi konġunti u sħubiji Ewropej jiżdied mil-livell attwali tiegħu ta' ftit anqas minn 1 % għal 5 %; u li jintlaħaq qbil konġunt dwar l-oqsma ta' prijorità għall-azzjoni taż-ŻER (orizzontali kif ukoll tematiċi);

3. Jissottolinja r-rabta qawwija bejn ir-R&I u l-intraprenditorija, li toħloq opportunitajiet għat-twaqqif ta' unicorns, negozji ġodda u SMEs ġodda; ifakkar fl-importanza li tinħoloq ekosistema diġitali li tikkontribwixxi għall-innovazzjoni teknoloġika u ż-żieda tal-SMEs prinċipalment permezz ta' "Ċentri tal-Innovazzjoni taż-ŻER";

4. Jirrikonoxxi r-rwol ċentrali tal-universitajiet u tal-istituzzjonijiet akkademiċi fil-ħolqien ta' ekosistemi dinamiċi tar-R&I; jenfasizza r-rwol ċentrali tal-istudenti bħala l-ġenerazzjoni li jmiss ta' innovaturi f'dawn l-ekosistemi;

5. Jinsisti li fil-kuntest taż-ŻER, it-termini "riċerka" u "innovazzjoni" mhumiex limitati għall-innovazzjoni teknoloġika, iżda huma inkorporati bħala suġġetti trażversali ta' rilevanza wiesgħa għall-aspetti kollha tax-xjenzi soċjali u tal-istudji umanitarji u integrati bis-sħiħ f'kull wieħed mill-objettivi ġenerali;

6. Jemmen li r-rieżami taż-ŻER għandu jinkludi approċċ orizzontali għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tar-riċerka, inklużi l-universitajiet; jitlob appoġġ baġitarju akbar għall-alleanzi universitarji, kif ukoll l-istabbiliment ta' qafas abilitanti li jippermetti lill-alleanzi jiżviluppaw b'mod flessibbli; jemmen, barra minn hekk, li l-kooperazzjoni tal-universitajiet ma għandhiex tkun limitata għall-alleanzi biss, iżda li għandhom ikunu disponibbli wkoll aktar skemi ta' finanzjament għall-universitajiet biex jikkooperaw barra mill-alleanzi;

7. Jissottolinja l-importanza li jinħolqu sinerġiji bejn l-edukazzjoni għolja, l-istituzzjonijiet tar-riċerka u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, bħala sħab ġenwini fil-kuntest tar-R&I, kif ukoll alleanzi industrijali, u b'hekk jiġi sfruttat bis-sħiħ ir-rwol doppju tal-universitajiet; itenni, f'dan il-kuntest, l-ħtieġa li jinħolqu kundizzjonijiet u opportunitajiet favorevoli għar-riċerkaturi billi tintuża infrastruttura ta' riċerka ta' kwalità għolja; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura d-disinn inklużiv ta' dawn is-sħubiji bbażati fuq it-trasparenza, rappreżentanza bbilanċjata tal-partijiet ikkonċernati u ftuħ kontinwu, u toffri opportunitajiet suffiċjenti għall-parteċipazzjoni ta' tali partijiet ikkonċernati diverġenti;

8. Jissottolinja li kwalunkwe sejħa għall-finanzjament trid tkun trasparenti u mħabbra sew minn qabel; jisħaq ukoll li l-pjanijiet direzzjonali konġunti dwar it-teknoloġija industrijali għandhom iqisu aħjar il-kontribut minn "isfel għal fuq" u l-parteċipazzjoni inklużiva, u ma jqisux l-industrija waħedha bħala s-sors primarju ta' kontribut, iżda jaċċettaw ukoll kontribut mill-aktar R&I reċenti tal-ogħla livell ta' żvilupp tekniku, kif ukoll mill-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u mis-sħab soċjali;

9. Jistieden lill-Istati Membri jittrasformaw iż-"ŻER il-ġdida" f'politiki u azzjonijiet ta' finanzjament konkreti li għandhom l-għan li jikkontribwixxu għat-tranżizzjonijiet "ekoloġiċi" u "diġitali" doppji, l-implimentazzjoni ta' Patt Ekoloġiku Ewropew u strateġija industrijali ambizzjużi, irkupru reżiljenti u ħtiġijiet mediċi mhux issodisfati; jisħaq fuq l-importanza ta' rabtiet adegwati fl-ekosistemi tal-innovazzjoni u industrijali u l-atturi tagħhom kif ukoll bejniethom, inklużi s-settur akkademiku, l-industrija, is-settur pubbliku f'diversi livelli, il-pubbliku ġenerali u s-soċjetà ċivili madwar l-UE biex jiġi żgurat li r-riżultati tar-riċerka jiġu applikati aktar malajr fl-ekonomija u fis-soċjetà; jissottolinja, f'dan il-kuntest, ir-rwol vitali tal-SMEs fl-indirizzar tal-innovazzjoni u l-iżvilupp tat-teknoloġija u l-potenzjal tal-SMEs tradizzjonali li għad irid jiġi sfruttat; jenfasizza r-rwol taċ-"ċentri taż-ŻER" bħala għodda biex tiġi żgurata d-disponibbiltà ta' xjenza ta' kwalità għolja fil-bliet u r-reġjuni kollha tal-UE, kif ukoll biex tingħata spinta lir-reġjuni fejn hemm opportunitajiet għal tkabbir sostenibbli;

10. Huwa mħasseb li l-proċess tat-titjib tal-kwalità tas-sistemi tar-R&I qed jonqos u qed juri progress mhux uniformi madwar l-Unjoni[3];

11. Jissottolinja r-rwol importanti li għandhom ir-R&I matul il-pandemija tal-COVID-19 biex isibu soluzzjonijiet multisettorjali u transdixxiplinari biex tingħeleb il-kriżi; jilqa', f'dan ir-rigward, il-pjan ta' azzjoni tal-ERAvsCorona bħala eżempju ta' azzjoni ddefinita malajr u mmirata sew imwettqa flimkien mal-Istati Membri;

12. Jissottolinja li l-pandemija tal-COVID-19 mhux biss uriet l-importanza tal-kooperazzjoni fir-R&I, iżda wkoll tal-prattiki u l-infrastrutturi tax-xjenza miftuħa biex jinstabu malajr soluzzjonijiet għall-ħtiġijiet tas-soċjetà l-aktar esiġenti; jisħaq li ż-ŻER għandha rwol ewlieni biex isir progress fix-xjenza miftuħa u jiġu kondiviżi r-riżultati tar-riċerka, tad-data u tal-infrastruttura, kif ukoll biex jiġi żgurat li l-pubblikazzjonijiet xjentifiċi kollha li jirriżultaw minn riċerka ffinanzjata pubblikament, awtomatikament, jiġu ppubblikati f'ġurnali b'aċċess miftuħ, filwaqt li r-riżultati u d-data tar-riċerka għandhom isiru disponibbli skont il-prinċipji FAIR (traċċabbli, aċċessibbli, interoperabbli u riutilizzabbli);

13. Jenfasizza li l-pandemija tal-COVID-19 żiedet id-domanda għal konnettività aħjar u għalhekk aċċellerat it-tranżizzjoni diġitali; jesprimi dispjaċir, madankollu, għall-fatt li l-kondiviżjoni tat-teknoloġija u d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ma tqisux biżżejjed;

14. Jitlob li jintlaħaq bilanċ bejn ir-riċerka fundamentali u aktar riċerka applikata li jwassal għal innovazzjoni konkreta fiż-ŻER kollha, u jissottolinja li t-tnejn huma ta' importanza kruċjali;

15. Jenfasizza li r-riċerka fundamentali tirreferi għall-attivitajiet tax-xjenzati li qed jinvestigaw mistoqsijiet għall-fini tal-bini tal-għarfien, indipendentement mill-profittabbiltà ekonomika jew l-applikabbiltà għal żmien qasir;

16. Jirrimarka li ż-ŻER il-ġdida jeħtieġ li tħaddan bis-sħiħ it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali doppji u tikkontribwixxi għall-aċċellerazzjoni tal-isforz tar-R&I f'dan il-kuntest billi, fost l-oħrajn, tallinja u ssaħħaħ aħjar l-investimenti fir-R&I permezz tal-isfruttar ta' sinerġiji mal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF), kif ukoll għat-titjib tal-kollaborazzjoni bejn ir-R&I privati u pubbliċi mhux biss fl-Istati Membri iżda wkoll bejniethom, sabiex titħaffef l-adozzjoni mis-soċjetà u l-użu bikri mis-suq ta' teknoloġiji u soluzzjonijiet innovattivi li huma vitali biex jintlaħqu l-miri klimatiċi tal-UE, kif ukoll biex jiġu sfruttati l-opportunitajiet ekonomiċi ewlenin ipprovduti mit-tranżizzjonijiet doppji;

Finanzjament u sinerġiji

17. Jisħaq li fid-dawl tal-fatt li l-Ewropa qed tiffaċċja sfidi ekoloġiċi, ekonomiċi u tas-soċjetà urġenti, aggravati mill-kriżi tal-COVID-19, wasal iż-żmien li ż-ŻER tiġi riorganizzata sabiex twassal għall-irkupru tal-Ewropa u tibni mudell soċjalment, ekonomikament u ambjentalment ġdid reżiljenti għall-UE; huwa għalhekk imħasseb dwar il-pass bil-mod tal-allinjament bejn il-politiki nazzjonali u l-politiki miftiehma mal-Istati Membri fil-livell tal-UE;

18. Jistieden lill-Istati Membri jżidu l-baġits nazzjonali ddedikati għar-R&I; jilqa' f'dan ir-rigward il-konferma mill-ġdid mill-Kunsill tal-objettiv ta' investiment ta' 3 % tal-PDG fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-1 ta' Diċembru 2020; jesprimi dispjaċir għall-fatt li f'dawn il-konklużjonijiet, il-Kunsill ma impenjax ruħu għall-objettiv ta' investiment propost ta' 1.25 % tal-PDG għall-finanzjament pubbliku tar-R&I;

19. Ifakkar fl-importanza tal-kontribut tar-R&I biex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fil-Ftehim ta' Pariġi u l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew; jinkoraġġixxi żieda ġenerali fil-baġits nazzjonali ddedikati għar-R&I fit-teknoloġiji tal-enerġija nadifa, biex b'hekk jitrawmu objettivi nazzjonali u miri ta' finanzjament li jindikaw perkorsi konkreti u rilevanti għall-2030 u l-2050;

20. Jinsisti fuq l-importanza li jinħolqu u jintużaw is-sinerġiji sħaħ bejn l-istrumenti ta' finanzjament Ewropej, speċjalment bejn Orizzont Ewropa, Erasmus+, il-Fondi tal-Politika ta' Koeżjoni, NextGenerationEU, il-Programm tas-Suq Uniku, InvestEU, LIFE +, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-istrumenti ta' azzjoni esterna tal-UE, is-Sħubija għar-Riċerka u l-Innovazzjoni fiż-Żona tal-Mediterran (PRIMA), EU4Health u l-Programm Ewropa Diġitali, u jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi gwida ċara, sempliċi u prattika u għodod simplifikati lill-Istati Membri dwar kif l-aħjar jiġu implimentati dawn is-sinerġiji fil-kuntesti nazzjonali u reġjonali; jisħaq, f'dan il-kuntest, fuq l-importanza tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF) li se tappoġġja t-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, inklużi l-infrastrutturi tar-R&I, u se tikkontribwixxi ħafna għall-implimentazzjoni taż-"ŻER il-ġdida";

21. Huwa tal-fehma li l-pjanijiet ta' rkupru u n-NextGenerationEU jirrappreżentaw opportunità biex jissaħħaħ it-trijanglu tal-għarfien, il-ħiliet, l-edukazzjoni u r-riċerka; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' rabtiet aktar strutturati mal-inizjattivi biex tissaħħaħ iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u ż-Żona Ewropea tal-Innovazzjoni; jilqa' l-pjan tal-Kunsill li jinkludi t-tisħiħ taż-ŻER fil-pjanijiet nazzjonali ta' rkupru;

22. Jissottolinja l-importanza tal-kooperazzjoni, mill-fażi tad-disinn tal-proġetti bejn is-settur akkademiku, l-istituzzjonijiet tar-riċerka u l-industrija 'il quddiem, sabiex tiġi promossa x-xjenza, kif ukoll teknoloġiji u soluzzjonijiet innovattivi mmirati lejn il-kondiviżjoni tar-riżorsi u l-vantaġġi komplementari, u li jitlestew proġetti ta' innovazzjoni teknoloġika flimkien sabiex jinħolqu prodotti, servizzi jew proċessi lesti għas-suq u jiżdied il-benesseri; jinkoraġġixxi, fil-kuntest taż-"ŻER il-ġdida", skambji reċiproċi u kollaborazzjoni akbar bejn atturi differenti bl-objettiv li tissaħħaħ l-esperjenza edukattiva, jitħaffef il-proċess tat-trasferiment tal-għarfien, titqajjem sensibilizzazzjoni u jiġu pprovduti soluzzjonijiet biex jingħelbu l-isfidi soċjali, ambjentali u ekonomiċi;

23. Jenfasizza l-potenzjal ta' approċċ multidixxiplinari u ta' diversi partijiet ikkonċernati għall-ekosistemi, li jgħaqqad il-punti b'saħħithom u l-assi kreattivi u kulturali tal-Ewropa; jinnota l-benefiċċji ta' sinerġija maħluqa billi jingħaqdu setturi u dixxiplini xjentifiċi differenti, inklużi l-arti, id-disinn u l-oqsma kreattivi, u x-xjenza soċjali u l-istudji umanitarji;

24. Jirrikonoxxi r-rwol li għandu s-settur privat biex jittejbu l-kapaċitajiet tagħna tar-R&I, jissaħħu l-innovazzjonijiet ġodda u tingħata spinta lill-kompetittività u lis-sostenibbiltà tal-Ewropa; jissottolinja li jista' jinħoloq impatt sinifikanti fuq is-soċjetà, fost l-oħrajn, bl-adozzjoni tal-aħħar għarfien tar-riċerka fin-negozji ġodda, fin-negozji stabbiliti u fl-industrija; jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ il-kooperazzjoni strateġika fit-tul bejn is-settur akkademiku u n-negozju sabiex isir progress fl-objettivi ta' interess pubbliku u jiġi integrat it-trijanglu tal-għarfien biex jinkisbu eżiti tas-soċjetà aħjar; jisħaq li l-industrija u l-SMEs jista' jkollhom rwol ewlieni fil-kontribuzzjoni għall-investimenti fit-tul u biex jingħeleb "il-wied tal-mewt", u jistieden lill-Kummissjoni teżamina kif għandhom jiġu sfruttati aħjar is-sinerġiji bejn l-investimenti pubbliċi u privati fir-riċerka u l-innovazzjoni, anke fir-rigward tat-taħriġ, il-ħiliet u l-iżvilupp tal-attività tar-riċerka;

25. Itenni, fil-kuntest taż-"ŻER il-ġdida", l-importanza li jiġi applikat il-qafas eżistenti tal-proprjetà intellettwali u li jiġu appoġġjati l-Privattiva Unitarja li ġejja u l-flessibbiltajiet kollha meħtieġa, sabiex jintlaħaq bilanċ bejn l-infurzar tad-drittijiet effettivi tal-proprjetà intellettwali u l-spinta għall-innovazzjoni; jenfasizza r-rwol potenzjali tal-Privattiva Unitarja li ġejja fis-simplifikazzjoni tal-proċeduri u fit-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi għall-innovaturi Ewropej;

It-tnaqqis tad-distakk

26. Jemmen li wieħed mill-elementi ewlenin għas-suċċess ta' żieda sinifikanti fl-infiq pubbliku fuq ir-R&I jinsab fl-integrazzjoni tal-flussi differenti ta' finanzjament Ewropej, nazzjonali u privati, inkluża l-konverġenza tal-finanzjament permezz tal-Orizzont Ewropa, l-RRF, il-Fondi ta' Koeżjoni tal-UE u l-finanzjament nazzjonali għar-R&Ż;

27. Jitlob li jkun hemm pakkett ambizzjuż ta' Orizzont Ewropa rigward "It-twessigħ tal-parteċipazzjoni u t-tisħiħ taż-ŻER" li jappoġġja l-kollaborazzjonijiet bejn l-Istati Membri sabiex jinkiseb aċċess ibbilanċjat għall-eċċellenza;

28. Jistieden lill-Istati Membri, mill-aktar fis possibbli, filwaqt li jqisu l-irkupru mill-pandemija, biex jappoġġjaw iż-"ŻER il-ġdida" b'riformi u riżorsi nazzjonali li jikkomplementaw l-istrumenti ta' finanzjament tal-UE permezz tal-implimentazzjoni ta' għodod ġodda, jiġifieri l-parti dwar "It-twessigħ tal-parteċipazzjoni u t-tisħiħ taż-Żona Ewropea tar-Riċerka" fl-ambitu ta' Orizzont Ewropa li se tgħin biex jitnaqqas id-distakk fil-prestazzjoni tar-R&I u biex jitnaqqsu l-inugwaljanzi bejn pajjiżi u reġjuni differenti; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li jiġu indirizzati l-investimenti u r-riformi fir-R&I; jilqa' l-ħolqien tal-"Forum taż-ŻER għat-Tranżizzjoni" u l-Patt prospettiv għar-R&I; jinnota li s-suċċess tal-patt se jiddependi minn appoġġ wiesa' għalih fis-settur u jitlob għalhekk l-inklużjoni tal-Parlament u tal-partijiet ikkonċernati fil-proċess tal-iżvilupp tal-Patt;

29. Jirrikonoxxi r-rwol sinifikanti tal-gvernijiet reġjonali fil-promozzjoni tal-politiki tar-R&I, kif ukoll l-importanza tal-ekosistemi reġjonali tar-R&I; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jħaddnu forma ta' governanza f'diversi livelli li tinkludi gvernijiet reġjonali u lokali sabiex jittejbu l-ekosistemi reġjonali u ċ-"ċentri taż-ŻER";

30. Jissottolinja l-ħtieġa li jiġu żgurati sinerġiji bejn iċ-"Ċentri taż-ŻER" u ċentri oħra relatati mar-R&I bħaċ-Ċentri tal-Innovazzjoni tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT), iċ-Ċentri u n-networks tal-Innovazzjoni Diġitali, bħaċ-Ċentri tal-Innovazzjoni Diġitali tal-IA, fost oħrajn, u n-Network Ewropew tal-Intrapriżi;

31. Jinkoraġġixxi inizjattivi li għandhom l-għan li jsaħħu aktar l-investiment fil-ħiliet, fir-riċerka u fl-innovazzjoni fl-Istati Membri li, skont it-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Innovazzjoni Ewropea, għadhom jitqiesu bħala innovaturi modesti u moderati; jilqa' l-inizjattivi diġà stabbiliti biex jitnaqqas id-distakk li jiffaċċjaw dawn l-Istati Membri, inkluża l-Iskema ta' Innovazzjoni Reġjonali tal-EIT;

32. Jisħaq li ż-ŻER għandha tipprijoritizza l-aċċess għall-eċċellenza, il-mobilità tar-riċerkaturi u l-fluss liberu tal-għarfien, tippromwovi l-inklużività u xxerred l-opportunitajiet fit-territorju kollu tal-Ewropa, issaħħaħ ir-rabtiet u s-sinerġiji bejn komunitajiet differenti tar-R&I, u b'hekk tikkontribwixxi għall-użu sħiħ tal-potenzjal tar-R&I tal-Ewropa; jenfasizza li billi tingħata prijorità lill-eċċellenza, iż-ŻER jista' jkollha rwol ċentrali fit-tnaqqis tad-disparitajiet fl-Unjoni u tgħin biex jiġi eliminat id-distakk fir-riċerka li għadu jeżisti;

33. Jisħaq li l-ħtiġijiet u l-interessi tas-soċjetà għandhom ikunu fiċ-ċentru tar-R&I u li l-involviment taċ-ċittadini, tal-komunitajiet lokali u tas-soċjetà ċivili għandu għalhekk ikun fil-qalba taż-ŻER il-ġdida sabiex tiġi ffaċilitata l-adozzjoni mis-soċjetà u b'hekk jinkisbu impatt akbar fuq is-soċjetà u fiduċja akbar fix-xjenza; jitlob, għalhekk, li tittejjeb il-komunikazzjoni tax-xjenza u li jitwettqu kampanji ta' sensibilizzazzjoni, kif ukoll li jkun hemm involviment mill-qrib tas-soċjetà ċivili u tal-utenti finali mill-bidu tal-proċessi tar-R&I, inklużi organizzazzjonijiet rappreżentattivi ta' gruppi f'riskju ogħla ta' esklużjoni bħal persuni b'diżabilità u gruppi oħra sottorappreżentati fis-soċjetà, sabiex jiġu indirizzati kwistjonijiet kritiċi relatati mal-esklużjoni tagħhom fir-R&I, kif ukoll biex jiġi żgurat li t-teknoloġiji u l-innovazzjonijiet żviluppati sussegwentement tabilħaqq iservu lis-soċjetà u mhux bil-kontra;

34. Jilqa' l-pjanijiet tal-Kummissjoni biex ittejjeb l-aċċess għall-istituzzjonijiet ta' eċċellenza u għall-infrastrutturi għar-riċerkaturi minn madwar l-UE; jissottolinja, madankollu, il-ħtieġa ta' appoġġ aktar immirat li għandu l-għan li jgħin biex jiġi eliminat id-distakk fir-R&I fl-Unjoni;

35. Jissottolinja l-importanza li titnaqqas il-frammentazzjoni fl-aċċess għad-data tar-riċerka u jirrikonoxxi l-importanza tal-Cloud Ewropew tax-Xjenza Miftuħa (EOSC) fil-kuntest taż-"ŻER il-ġdida" li għandu l-għan li jlaqqa' flimkien il-partijiet ikkonċernati istituzzjonali, nazzjonali u Ewropej, inizjattivi u infrastrutturi tad-data sabiex tiġi żviluppata ekosistema inklużiva tax-xjenza miftuħa fl-UE; jitlob li l-parteċipazzjoni f'inizjattivi ta' xjenza miftuħa u ta' kondiviżjoni tad-data tiġi promossa billi jittejbu l-infrastrutturi Ewropej għall-kondiviżjoni tad-data u billi jitrawwem l-użu tal-istandards tad-data;

Karrieri

36. Jisħaq fuq l-importanza li tissaħħaħ il-pożizzjoni tan-nisa u l-bniet biex jidħlu f'karrieri STEM u jitlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jfasslu miżuri biex itejbu l-kundizzjonijiet għan-nisa ħalli jaqbdu karrieri fir-riċerka u jnaqqsu l-effett tal-mod li bih in-nisa jsiru minoranzi sottorappreżentati fl-oqsma STEM; jitlob li l-attraenza tal-opportunitajiet ta' impjieg għar-riċerkaturi żgħażagħ u għall-gruppi sottorappreżentati tittejjeb, anke fid-dawl tal-kontribut kruċjali tan-nisa għall-attivitajiet xjentifiċi u ta' R&Ż, filwaqt li titnaqqas id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u tan-nisa fis-settur; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri u lill-organizzazzjonijiet tar-riċerka, inklużi l-universitajiet, biex jappoġġjaw kondizzjonijiet u arranġamenti ta' xogħol flessibbli kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel fir-R&I, inkluż biex jappoġġjaw il-kondiviżjoni ugwali tar-responsabbiltajiet ta' kura, u jirrieżaminaw il-valutazzjoni tal-prestazzjoni tar-riċerkaturi sabiex jiġi eliminat il-preġudizzju relatat mal-ġeneru; jinsisti, barra minn hekk, fuq integrazzjoni aħjar tad-dimensjoni tal-ġeneru fil-kontenut tar-R&I u fuq it-titjib tal-ġbir ta' data u riżultati diżaggregati;

37. Jesprimi l-apprezzament tiegħu għall-inizjattiva tal-ERA4You ta' miżuri ta' mobilità mmirati bil-għan li jappoġġjaw lir-riċerkaturi fl-Istati Membri bi prestazzjoni baxxa fir-R&I biex jitgħallmu u jiżviluppaw l-eċċellenza u jrawmu l-mobilità tar-riċerkaturi bejn l-industrija u s-settur akkademiku;

38. Jieħu nota tat-tnedija tal-Forum taż-ŻER għat-Tranżizzjoni biex jappoġġja lill-Istati Membri fil-koordinazzjoni u l-prijoritizzazzjoni tal-finanzjament u r-riformi nazzjonali tar-R&I;

39. Jinnota li ċ-ċirkolazzjoni tat-talenti u l-opportunitajiet tar-R&I jvarjaw ħafna bejn l-Istati Membri; jemmen li l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom għaċ-ċirkolazzjoni tat-talent bħala moviment ċirkolari bbilanċjat tar-riċerkaturi, u b'hekk jindirizzaw il-problema tal-"eżodu ta' mħuħ"; iqis li l-kisba ta' tali bilanċ tirrikjedi azzjoni fil-livell Ewropew permezz ta' miżuri u strumenti ta' politika;

40. Jenfasizza l-importanza ta' skemi ta' inċentivi li jħeġġu l-mobilità tar-riċerkaturi (Erasmus+, azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie, Kunsill Ewropew tar-Riċerka); ifakkar, f'dan il-kuntest, fl-istudju dwar miżuri ta' appoġġ għar-riċerkaturi biex jirritornaw lejn l-Unjoni u lejn il-pajjiż ta' oriġini tagħhom fl-Unjoni, previst f'Orizzont Ewropa, li jista' jkun għodda utli biex tintwera l-ħtieġa ta' miżuri li jippromwovu r-ritorn tar-riċerkaturi;

41. Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa strumenti u miżuri ulterjuri biex jintlaħaq dan l-għan, pereżempju permezz taċ-Ċentri taż-ŻER u l-ERA4You, l-Azzjonijiet ta' Twessigħ u strumenti ta' appoġġ, sabiex jitfasslu u jiġu implimentati riformi fis-sistemi nazzjonali tar-R&I, bħall-Faċilità ta' Appoġġ għall-Politiki ta' Orizzont;

42. Jilqa' l-inizjattiva li jiġi żviluppat sett ta' għodod biex jiġu appoġġjati l-karrieri fir-riċerka; jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-Kummissjoni qed tippjana biss li tadottaha sal-2024 u jitlob l-adozzjoni bikrija tagħha sabiex ittejjeb il-mobilità, jiġu żviluppati l-kompetenzi u l-ħiliet, jiġu pprovduti korsijiet ta' taħriġ immirati u ttejjeb l-impjegabbiltà;

43. Jitlob lill-Kummissjoni tidentifika u tkisser l-ostakli persistenti li jiffaċċjaw ir-riċerkaturi meta jikkunsidraw li jiċċaqilqu lejn pajjiżi u reġjuni Ewropej oħra, inklużi ostakli mhux relatati mar-riċerka, bħas-sigurtà soċjali, il-pensjonijiet u l-politiki dwar ir-riżorsi umani li jinvolvu sistemi ta' rikonoxximent u ta' premju, kif ukoll faċilitajiet għall-indukrar tat-tfal u bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata; jistieden, għal dan il-għan, lill-Kummissjoni u lill-aġenziji nazzjonali jaħdmu flimkien u jtejbu l-ġbir u l-komparabbiltà tal-informazzjoni dwar ir-reklutaġġ u l-mobilità tar-riċerkaturi, u x-xejriet tal-iżvilupp tal-karriera;

44. Jappoġġja l-pjan tal-Kummissjoni li tibni fuq il-fond tal-pensjoni pan-Ewropew għar-riċerkaturi (RESAVER) u tiżviluppa qafas komprensiv tal-karrieri tar-riċerkaturi biex tkompli tippromwovi l-mobilità transfruntiera u transsettorjali, ittejjeb il-komparabbiltà u t-trasparenza fir-rigward tal-opportunitajiet tal-karriera u tattira aħjar talent b'ħiliet għoljin minn pajjiżi terzi;

45. Huwa konvint li r-riċerkaturi huma waħda mill-aktar riżorsi importanti tas-sistemi ta' riċerka, tal-innovazzjoni u tat-tkabbir sostenibbli u li dawn jeħtiġilhom jiġu pprovduti b'kundizzjonijiet adegwati biex iwettqu xogħolhom; jemmen ukoll li l-impjegaturi u l-finanzjaturi għandhom jiżguraw li l-kundizzjonijiet tax-xogħol għar-riċerkaturi jipprovdu l-flessibbiltà u l-awtonomija meqjusa essenzjali għal prestazzjoni tar-riċerka ta' suċċess, jippermettu kemm lin-nisa kif ukoll lill-irġiel jikkombinaw il-familja u x-xogħol, u jtejbu l-aċċess għall-infrastrutturi, il-qawwa komputazzjonali u l-opportunitajiet; jitlob li l-opportunitajiet offruti mill-mobilità virtwali tar-riċerkaturi jiġu rikonoxxuti b'mod sistematiku;

46. Jenfasizza r-rwol essenzjali tal-ħiliet; huwa tal-fehma li "it-tqegħid tal-għarfien l-ewwel" jirrappreżenta wieħed mill-pilastri kruċjali taż-ŻER il-ġdida; jissottolinja r-rwol tal-universitajiet fil-promozzjoni tat-tagħlim tul il-ħajja, tal-ħiliet u tat-taħriġ mill-ġdid sabiex itejbu l-opportunitajiet għall-ħaddiema kollha u jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-ħiliet tas-suq tax-xogħol li jirriżultaw mit-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali u fil-kontribut għal irkupru malajr mill-kriżi tal-COVID-19;

47. Jistieden lill-Kummissjoni taħdem flimkien mal-Istati Membri biex tidentifika politiki u proċeduri li jistgħu jappoġġjaw il-ġestjoni aħjar tal-karrieri fir-riċerka, inaqqsu l-prekarjetà, jippromwovu l-inklużjoni u d-diversità, u fl-aħħar mill-aħħar iżidu l-kwalità tax-xjenza prodotta;

Kundizzjonijiet li jippermettu r-riċerka

48. Huwa tal-fehma li l-Unjoni għandha tkun mgħammra b'infrastrutturi u b'tagħmir ta' livell dinji sabiex twettaq attivitajiet ta' riċerka u innovazzjoni, tappoġġja lill-industriji u lill-SMEs, u tisfrutta l-potenzjal tal-innovazzjoni biex jintlaħqu l-objettivi tal-politika Ewropea;

49. Jirrikonoxxi l-importanza tal-Forum Strateġiku Ewropew dwar il-pjan direzzjonali tal-Infrastrutturi tar-Riċerka għall-iżvilupp tal-infrastrutturi tar-R&I li jirrappreżentaw pilastru ewlieni taż-ŻER, u jissottolinja l-importanza tal-iżvilupp ta' infrastrutturi pan-Ewropej ġodda;

50. Jistieden lill-istituzzjonijiet rilevanti jappoġġjaw lir-riċerkaturi żgħażagħ billi jipprovdu kundizzjonijiet u opportunitajiet adegwati u jadottaw miżuri urġenti, bħall-estensjoni tad-durata tal-għotjiet u tal-proġetti, l-aġġustament tal-iskadenzi u t-titjib tal-aċċess għall-faċilitajiet;

51. Jitlob li jiġi promoss talent ġdid u dak eżistenti u li jiġi pprovdut punt fokali għall-iskambju u l-interazzjoni għar-riċerkaturi fl-istadji kollha tal-karrieri tagħhom, fl-oqsma kollha tal-Intelliġenza Artifiċjali, minħabba li din saret xprunatur ewlieni tal-innovazzjoni, it-tkabbir u l-kompetittività futuri u hija kruċjali biex jiġu indirizzati l-isfidi ewlenin li qed tiffaċċja s-soċjetà, bħat-tibdil fil-klima, l-enerġija u l-mobilità, ir-riżorsi tal-ikel u naturali, is-saħħa u s-soċjetajiet inklużivi; jenfasizza l-importanza li jitrawwem l-iżvilupp ta' "Ċentri taż-ŻER" madwar l-UE, li jiżdied l-aċċess għal dawn l-għodod u li jingħata kontribut għat-tnaqqis tad-distakk fil-ħiliet f'dak il-qasam;

52. Jenfasizza li huwa kruċjali li tiġi żviluppata malajr EOSC abbażi tal-prinċipji FAIR; huwa mħasseb dwar il-progress bil-mod lejn dan l-objettiv; iħeġġeġ lill-Kummissjoni taċċellera l-espansjoni tal-EOSC fi spazju affidabbli ta' data dwar ir-R&I; ifakkar fl-importanza li jiġu konnessi l-inizjattivi kollha relatati mal-kondiviżjoni tad-data, bħal dawk relatati mal-ħolqien ta' Spazji Ewropej tad-Data għas-saħħa, l-enerġija, il-manifattura, il-mobilità, l-agrikoltura, il-finanzi, il-ħiliet u l-amministrazzjonijiet pubbliċi;

Prinċipji

53. Jissottolinja li ż-ŻER ma tistax titlesta mingħajr libertà akkademika ggarantita fl-Unjoni; jilqa' l-prinċipju tal-libertà akkademika bħala pilastru fundamentali fiż-ŻER il-ġdida;

54. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li ż-ŻER tippromwovi r-rispett għal-libertà akkademika fil-pajjiżi Ewropej kollha sabiex tiġi ggarantita l-eċċellenza xjentifika, u f'konformità mal-Artikolu 13 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

55. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu rrispettati l-prattiki etiċi u l-prinċipji etiċi fundamentali, kif ukoll l-istandards etiċi, kif iddokumentati fil-Kodiċijiet tal-Etika nazzjonali, settorjali jew istituzzjonali differenti; ifakkar fl-importanza li jiġu applikati l-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 19 tal-Programm Qafas Orizzont Ewropa dwar l-etika għall-programmi ta' riċerka tal-UE;

56. Jisħaq fuq il-ħtieġa li ċ-ċittadini jiġu involuti biex jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta' għarfien u innovazzjoni ġodda għas-soċjetà tagħna; jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb id-djalogu mas-soċjetà, tqajjem is-sensibilizzazzjoni, tiffavorixxi parteċipazzjoni attiva fl-istadji kollha ta' inkjesta xjentifika, u b'hekk tippermetti liċ-ċittadini jfasslu b'mod konġunt soluzzjonijiet, jikkontribwixxu għall-ideat u joħolqu attitudnijiet kostruttivi fir-rigward tax-xjenza u l-missjoni tagħha; jistieden lill-istituzzjonijiet rilevanti jagħtu attenzjoni speċjali lill-opportunitajiet biex jiġu involuti ż-żgħażagħ u l-istudenti;

Id-dimensjoni globali

57. Jisħaq li l-kooperazzjoni internazzjonali hija komponent importanti li jippermetti lill-ERA ttejjeb il-kondiviżjoni tal-għarfien u l-ħiliet, u ttejjeb il-kapaċitajiet tar-R&I;

58. Jissottolinja li r-riforma taż-ŻER u l-aġġornament tal-approċċ strateġiku tal-UE u tal-Istati Membri għall-kollaborazzjoni internazzjonali lil hinn miż-ŻER jeħtieġ li jimxu id f'id; jitlob, għalhekk, li tiġi aġġornata l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2012 dwar il-kollaborazzjoni internazzjonali fir-riċerka u l-innovazzjoni, li għandha tinkludi approċċ ġdid għall-kollaborazzjoni ma' pajjiżi b'introjtu baxx u medju;

 

°

° °

59. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri.

 

[1] Is-sentenza tas-6 ta' Ottubru 2020, il-Kummissjoni vs l-Ungerija, C-66/18, EU:C:2020:792.

[2] ĠU L 75, 22.3.2005, p. 67.

[3] Ara r-Rapport dwar il-Progress taż-ŻER tal-2018.

Aġġornata l-aħħar: 6 ta' Lulju 2021Avviż legali - Politika tal-privatezza