MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar ir-repressjoni tal-oppożizzjoni fit-Turkija, b'mod speċifiku tal-Partit Demokratiku tal-Popli (HDP)
6.7.2021 - (2021/2788(RSP))
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Nacho Sánchez Amor, Pedro Marques, Tonino Picula
f'isem il-Grupp S&D
<<<
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0406/2021
B9-0406/2021
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-repressjoni tal-oppożizzjoni fit-Turkija, b'mod speċifiku tal-Partit Demokratiku tal-Popli (HDP)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar it-Turkija, b'mod partikolari dawk tal-5 ta' Mejju 2021 dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni 2019-2020 dwar it-Turkija[1], tal-20 ta' Jannar 2021 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fit-Turkija, b'mod partikolari l-każ ta' Selahattin Demirtaş u ta' priġunieri oħra minħabba twemmin[2] u tad-19 ta' Settembru 2019 dwar is-sitwazzjoni fit-Turkija, b'mod partikolari t-tneħħija ta' sindki eletti[3],
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Ottubru 2020 dwar il-politika tat-tkabbir tal-UE (COM(2020)0660) u r-Rapport tal-2020 dwar it-Turkija li jakkumpanjaha (SWD(2020)0355),
– wara li kkunsidra l-qafas ta' negozjar UE-Turkija tat-3 ta' Ottubru 2005, u l-fatt li, kif inhu l-każ għall-pajjiżi kandidati kollha, l-adeżjoni tat-Turkija mal-UE tiddependi fuq konformità sħiħa mal-kriterji ta' Copenhagen,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-24 ta' Ġunju 2021, u konklużjonijiet rilevanti oħra tal-Kunsill u tal-Kunsill Ewropew dwar it-Turkija,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tat-22 ta' Marzu 2021 dwar is-sitwazzjoni attwali rigward ir-relazzjonijiet politiċi, ekonomiċi u kummerċjali bejn l-UE u t-Turkija (JOIN(2021)0008),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni li saret mill-Kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà fid-19 ta' Awwissu 2019 dwar is-sospensjonijiet ta' sindki eletti u d-detenzjoni ta' mijiet ta' persuni fix-Xlokk tat-Turkija,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u tal-Kummissarju għall-Politika Ewropea tal-Viċinat u n-Negozjati għat-Tkabbir tal-4 ta' Novembru 2016 dwar id-detenzjoni ta' diversi Membri tal-HDP, inklużi l-kopresidenti tal-partit,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 46 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, li jiddikjara li l-Partijiet Għolja Kontraenti jimpenjaw ruħhom li jirrispettaw is-sentenzi finali tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB) fi kwalunkwe każ li jkunu parti fih, u l-obbligu sussegwenti tat-Turkija li timplimenta s-sentenzi kollha tal-qrati Ewropej, inklużi dawk tal-QEDB,
– wara li kkunsidra s-sentenza tal-Awla Manja tal-QEDB tat-22 ta' Diċembru 2020 fil-kawża Selahattin Demirtaş vs it-Turkija (14305/17), u s-sentenza tal-QEDB tal-20 ta' Novembru 2018 fl-istess kawża,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 2260 tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa tal-24 ta' Jannar 2019 bit-titolu "The worsening situation of opposition politicians in Turkey: what can be done to protect their fundamental rights in a Council of Europe member State?" (Is-sitwazzjoni li sejra għall-agħar tal-politiċi tal-oppożizzjoni fit-Turkija: x'jista' jsir biex jiġu protetti d-drittijiet fundamentali tagħhom fi Stat Membru tal-Kunsill tal-Ewropa?),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi fl-isfond ta' rigress ġenerali li qed jaffettwa l-libertajiet fundamentali u l-istat tad-dritt, il-partiti tal-oppożizzjoni fit-Turkija – u b'mod partikolari l-Partit Demokratiku tal-Popli (HDP) – kienu kontinwament u dejjem aktar fil-mira tal-awtoritajiet Torok;
B. billi fis-17 ta' Marzu 2021, il-Kap Prosekutur Pubbliku tal-Qorti tal-Kassazzjoni tat-Turkija ppreżenta għall-ewwel darba att tal-akkuża quddiem il-Qorti Kostituzzjonali fejn talab ix-xoljiment tal-HDP;
C. billi fil-31 ta' Marzu 2021, l-Assemblea Ġenerali tal-Qorti Kostituzzjonali wettqet l-ewwel eżami tal-att tal-akkuża, fejn sabet nuqqasijiet proċedurali, u ddeċidiet li titlob lill-Uffiċċju tal-Kap Prosekutur Pubbliku jirrettifika dawn in-nuqqasijiet;
D. billi fis-7 ta' Ġunju 2021 il-Kap Prosekutur Pubbliku ressaq att tal-akkuża rivedut quddiem il-Qorti Kostituzzjonali li jitlob ix-xoljiment tal-HDP;
E. billi minbarra t-talba għax-xoljiment tal-partit, l-att tal-akkuża rivedut, bħal dak oriġinali, jitlob projbizzjoni politika għal kważi 500 politiku tal-HDP u l-iffriżar tal-kontijiet bankarji tal-partit;
F. billi fil-21 ta' Ġunju 2021, l-Assemblea Ġenerali tal-Qorti Kostituzzjonali wettqet l-ewwel eżami tagħha tal-att tal-akkuża rivedut u aċċettatu b'mod unanimu;
G. billi l-Kap Prosekutur Pubbliku bbaża l-biċċa l-kbira tal-akkużi tiegħu kontra l-HDP fuq il-protesti ta' Kobane, li fir-rigward tagħhom għaddejja kawża legali kontra 108 politiċi tal-HDP, inklużi l-eks kopresidenti Selahattin Demirtaş u Figen Yüksekdağ;
H. billi dawn l-akkużi huma prinċipalment ibbażati fuq tweet imtella' mill-Bord Eżekuttiv Ċentrali tal-HDP (bid-data tas-6 ta' Ottubru 2014), li fiha stieden lin-nies jipprotestaw b'solidarjetà mal-poplu ta' Kobane kontra l-ISIS u kontra l-embargo tat-Turkija fuq Kobane;
I. billi hemm 108 konvenuti mill-HDP fl-hekk imsejjaħ proċess ta' Kobane; billi 28 minnhom ġew arrestati sakemm jibda l-proċess; billi hemm restrizzjonijiet ġudizzjarji fuq sitt persuni u mandati ta' arrest kontra 75 persuna; billi l-Parlament se jkompli jsegwi mill-qrib il-proċess ta' Kobane u każijiet simili oħra;
J. billi fis-17 ta' Ġunju 2021, Deniz Poyraz, impjegat u membru tal-HDP, inqatlet fl-uffiċċji tal-partit f'İzmir; billi ġiet allegatament mutilata wara mewtha;
K. billi l-bini tal-HDP f'İzmir kien ilu fil-mira għal xhur qabel l-attakk; billi l-uffiċjali tal-partit tal-HDP f'İzmir kienu kellmu lill-pulizija u lill-gvernaturi dwar il-possibbiltà ta' attakk kontrihom, iżda l-pulizija ma kienet ħadet ebda prekawzjoni; billi dawn l-attakki seħħew fi klima ta' pressjoni politika tiżdied xprunata minn azzjonijiet u dikjarazzjonijiet mill-partiti tal-koalizzjoni fil-gvern u mill-gvern;
L. billi tliet membri parlamentari tal-HDP tneħħewlhom is-siġġijiet parlamentari u l-immunità parlamentari tagħhom u sussegwentement ġew arrestati;
M. billi fit-30 ta' Ġunju 2021, il-prosekuturi tal-Ministeru tal-Ġustizzja ressqu quddiem il-Kumitat Parlamentari Konġunt dwar il-Kostituzzjoni u l-Ġustizzja tal-Gran Assemblea Nazzjonali Torka sommarji tal-proċedimenti li jitolbu t-tneħħija tal-immunità leġiżlattiva ta' 20 leġiżlatur tal-oppożizzjoni minn sitt partiti differenti tal-oppożizzjoni;
N. billi dawn il-proċedimenti huma mmirati lejn 15-il membru parlamentari mill-HDP, il-mexxej tal-Partit Repubblikan tal-Poplu (CHP) Kemal Kılıçdaroğlu u leġiżlatur wieħed minn kull partit ieħor tal-oppożizzjoni, jiġifieri l-Partit tar-Reġjuni Demokratiċi (DBP), il-Partit İYİ (Tajjeb), il-Partit tal-Ħaddiema tat-Turkija (TİP), u l-Partit Demokratiku (DP);
O. billi s-Sur Kılıçdaroğlu, bħala l-mexxej tal-partit ewlieni tal-oppożizzjoni, huwa s-suġġett ta' proċedura kriminali talli allegatament insulta lill-President tat-Turkija, u għal dan qed jiffaċċja sentenza ta' massimu ta' erba' snin; billi qed jiffaċċja wkoll kawża mressqa mill-President Recep Tayyip Erdoğan fil-11 ta' Jannar 2021 biex iħallas TRY 1 miljun f'danni;
P. billi mill-1 ta' Marzu 2021, total ta' 1 267 sommarju tal-proċedimenti qed jiġu rieżaminati fil-Kumitat Parlamentari Konġunt dwar il-Kostituzzjoni u l-Ġustizzja tal-Gran Assemblea Nazzjonali Torka, li minnhom 955 (75 %) huma kontra 59 membru parlamentari tal-HDP;
Q. billi s-Sur Demirtaș, eks membru tal-Parlament Tork mill-2007 sal-2018, eks kopresident tal-HDP u kandidat presidenzjali matul l-elezzjonijiet tal-2014 u l-2018 (li rċieva 9,75 % u 8,32 % tal-voti rispettivament), ilu detenut aktar minn erba' snin fuq akkużi mhux sostanzjati u minkejja żewġ sentenzi tal-QEDB favur il-ħelsien tiegħu;
R. billi mill-elezzjonijiet lokali li saru fil-31 ta' Marzu 2019, 59 mill-65 sindku tal-HDP eletti demokratikament fix-Xlokk tat-Turkija ġew sostitwiti minn gvernaturi provinċjali jew fiduċjarji maħtura mill-gvern abbażi tal-fatt li diġà kienu taħt investigazzjoni kriminali għal allegati rabtiet mat-terroriżmu; billi mis-36 persuna arrestata, 32 inħelsu matul il-proċess ġudizzjarju, iżda billi sitt kosindki eletti għadhom il-ħabs;
S. billi l-problemi strutturali li qed jiddeterjoraw li jwasslu għal nuqqas ta' indipendenza istituzzjonali fil-ġudikatura għad għandhom impatt fuq id-drittijiet tal-partiti tal-oppożizzjoni;
1. Għadu mħasseb ħafna dwar l-attakki u l-pressjoni kostanti fuq il-partiti tal-oppożizzjoni fit-Turkija, u b'mod partikolari dwar il-mod li bih l-HDP, inkluża l-organizzazzjoni taż-żgħażagħ tiegħu, kien speċifikament u dejjem aktar fil-mira tal-awtoritajiet Torok; iħeġġeġ lill-Gvern Tork itemm din is-sitwazzjoni u jiżgura li l-partiti politiċi kollha fil-pajjiż ikunu jistgħu jeżerċitaw l-attivitajiet leġittimi tagħhom b'mod liberu u sħiħ skont il-prinċipji bażiċi ta' sistema pluralista u demokratika;
2. Jikkundanna bil-qawwa l-att tal-akkuża mressaq mill-ġdid mill-Kap Prosekutur Pubbliku tat-Turkija fil-Qorti Kostituzzjonali li jitlob ix-xoljiment tal-HDP u projbizzjoni politika fuq kważi 500 membru tal-HDP, inkluża l-parti l-kbira tat-tmexxija attwali tiegħu, li twaqqafhom milli jwettqu kwalunkwe tip ta' attività politika fil-ħames snin li ġejjin; huwa inkwetat ħafna dwar id-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali li taċċetta dan il-każ, deċiżjoni li kienet unanima; jinnota bi tħassib serju li l-kawża ta' xoljiment tal-HDP hija l-qofol ta' repressjoni fuq il-partit li ilha għaddejja għal bosta snin, u li wasslet biex eluf ta' membri tal-partit, eżekuttivi, membri parlamentari, kunsilliera lokali u kosindki ttellgħu l-qorti, prinċipalment fuq akkużi relatati mat-terroriżmu;
3. Jemmen bis-sħiħ li l-fatt li l-parteċipazzjoni tal-HDP fl-istituzzjonijiet demokratiċi tat-Turkija ma tiġix imxekkla huwa mod bażiku biex is-soċjetà Torka ssir aktar inklużiva u tinħoloq perspettiva pożittiva li twassal għal soluzzjoni paċifika tal-kwistjoni Kurda; itenni, f'dan ir-rigward li, meta jitqies l-impenn sod tal-HDP li jaħdem permezz ta' istituzzjonijiet demokratiċi, il-projbizzjoni tal-partit tkun żball politiku serju fuq terminu medju u tirrappreżenta daqqa ta' ħarta irriversibbli għall-pluraliżmu u l-prinċipji demokratiċi, u miljuni ta' votanti fit-Turkija jispiċċaw mingħajr rappreżentanza;
4. Jikkundanna bil-qawwa l-qtil terribbli tal-membru u l-ħaddiem tal-HDP Deniz Poyraz u l-attakk fuq l-uffiċċji tal-partit f'İzmir; jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-qraba u l-ħbieb tagħha; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jinvestigaw dan il-każ bir-reqqa u jressqu lil dawk responsabbli quddiem il-ġustizzja;
5. Jistieden lill-awtoritajiet Torok iżommu lura milli jkebbsu l-inċitament kontra l-HDP u jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jipproteġu l-uffiċċji u l-uffiċjali tal-partit, inklużi l-membri parlamentari u l-kosindki u l-kunsilliera lokali eletti;
6. Jikkundanna d-deċiżjoni li l-membri parlamentari tal-HDP Leyla Güven, Ömer Faruk Gergerlioğlu u Musa Farisoğulları jitneħħewlhom is-siġġijiet u l-immunità parlamentari tagħhom, u jikkundanna l-arresti sussegwenti tagħhom; jilqa' s-sentenza reċenti tal-Qorti Kostituzzjonali tal-1 ta' Lulju 2021 li fiha ddeċidiet unanimament li d-drittijiet tal-membru parlamentari Gergerlioğlu li jiġi elett u jinvolvi ruħu f'attività politika, kif ukoll id-dritt tiegħu għal-libertà u s-sigurtà personali, kienu ġew miksura; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Torok u lill-qrati inferjuri jimplimentaw id-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali u jeħilsu b'mod urġenti lill-membru parlamentari Gergerlioğlu u jirrestawraw l-istatus parlamentari tiegħu; huwa inkwetat ħafna dwar in-nuqqas ta' konformità li qed jiżdied tal-qrati inferjuri u tal-awtoritajiet Torok mas-sentenzi tal-Qorti Kostituzzjonali, li huwa ksur serju tal-funzjonament bażiku tal-istat tad-dritt u jeħtieġ li jiġi indirizzat b'mod urġenti; jitlob li jinħelsu minnufih iż-żewġ membri parlamentari l-oħra tal-HDP u li l-akkużi kollha kontrihom jitwaqqgħu;
7. Jikkundanna bil-qawwa d-detenzjoni kontinwa minn Novembru 2016 tal-eks kopresidenti tal-HDP Figen Yüksekdağ u Selahattin Demirtaș, mexxej tal-oppożizzjoni u eks kandidat presidenzjali; ifakkar fid-deċiżjoni tal-QEDB dwar il-kawża Selahattin Demirtaş vs it-Turkija tal-20 ta' Novembru 2018, ikkonfermata mis-sentenza tal-Awla Manja tagħha fit-22 ta' Diċembru 2020, li tistieden lill-awtoritajiet Torok jeħilsu lis-Sur Demirtaş minnufih; huwa xxukkjat bil-fatt li l-awtoritajiet Torok ma josservawx u ma japplikawx kontinwament is-sentenzi tal-QEDB, inkluż f'każijiet oħra bħal dak ta' Osman Kavala, li għalih il-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa jista' jagħti bidu għal proċedimenti ta' ksur kontra t-Turkija;
8. Huwa mħasseb ħafna dwar il-pressjoni li qed tiżdied gradwalment fuq il-partit ewlieni tal-oppożizzjoni (is-CHP) u l-mexxej tiegħu, Kemal Kılıçdaroğlu, inklużi l-konfiska ta' fuljetti tal-partit b'ordni tal-qorti, it-theddid pubbliku kontrih u l-attakki fiżiċi fuqu; jikkundanna t-talba għat-tneħħija tal-immunità tas-Sur Kılıçdaroğlu, abbażi tad-dikjarazzjonijiet politiċi tiegħu, inkluż il-fatt li huwa s-suġġett ta' proċedura kriminali talli allegatament insulta lill-President tat-Turkija, u għal dan qed jiffaċċja sentenza ta' massimu ta' erba' snin; itenni t-tħassib serju tiegħu dwar il-fastidju politiku u ġudizzjarju kontinwu ta' Canan Kaftancıoğlu, il-president provinċjali ta' Istanbul tas-CHP, li f'Settembru 2019 ġie kkundannat għal kważi 10 snin ħabs f'każ politikament motivat, li għalih għadha pendenti deċiżjoni tal-Qorti Suprema;
9. Jikkundanna l-użu rikorrenti tat-tħassir tal-istatus parlamentari ta' membri parlamentari tal-oppożizzjoni, li jagħmel ħsara serja lill-immaġni tal-Parlament Tork bħala istituzzjoni demokratika; jikkundanna d-deċiżjoni meħuda mill-awtoritajiet Torok li jneħħu s-sindki eletti demokratikament mill-kariga abbażi ta' evidenza dubjuża u li jissostitwixxuhom b'fiduċjarji mhux eletti; jenfasizza li dawn l-azzjonijiet ikomplu jdgħajfu l-kapaċità tal-oppożizzjoni politika li teżerċita d-drittijiet tagħha u twettaq ir-rwol demokratiku tagħha; huwa mħasseb ħafna b'dan ir-rigress serju fil-libertà tal-partiti tal-oppożizzjoni biex jiffunzjonaw, li jiżvela s-sitwazzjoni ħażina tad-drittijiet tal-bniedem fit-Turkija u d-deterjorament kontinwu tad-demokrazija u l-istat tad-dritt, bi ksur tal-kriterji ta' Copenhagen;
10. Iqis li d-deterjorament tal-istat tad-dritt u n-nuqqas sistemiku ta' indipendenza tal-ġudikatura jibqgħu jkunu marbuta ma' deċiżjonijiet tal-qrati li jikkonċernaw il-libertà tal-partiti tal-oppożizzjoni li jiffunzjonaw;
11. Jemmen li l-qasam kruċjali tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, li huwa fil-qalba tal-proċess ta' adeżjoni, ma jistax jinqata' u jiġi iżolat mir-relazzjonijiet globali u li jibqa' l-ostaklu ewlieni għall-progress fuq kwalunkwe aġenda pożittiva li tista' tiġi offruta lit-Turkija, li għandha tkun tiddependi wkoll fuq ir-rispett sħiħ għad-drittijiet tal-partiti tal-oppożizzjoni u tal-libertà tagħhom li jiffunzjonaw; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jikkunsidraw serjament l-istat attwali tal-istat tad-dritt, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem u r-rispett għall-konvenzjonijiet u r-riżoluzzjonijiet internazzjonali meta jimplimentaw id-deċiżjoni reċenti tal-Kunsill Ewropew li jikkollabora mat-Turkija b'mod gradwali, proporzjonat u reversibbli, soġġett għall-issodisfar tal-kundizzjonijiet stabbiliti f'Marzu u f'konklużjonijiet preċedenti tal-Kunsill Ewropew;
12. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi-President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, u lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tat-Turkija.
- [1] Testi adottati, P9_TA(2021)0243.
- [2] Testi adottati, P9_TA(2021)0028.
- [3] ĠU C 171, 6.5.2021, p. 8.