Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0422/2021Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0422/2021

    MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar it-tnaqqis tal-impatt fuq ir-raba' ddeterminat mill-installazzjoni ta' impjanti fotovoltajċi mal-art

    13.8.2021

    imressqa skont l-Artikolu 143 tar-Regoli ta' Proċedura

    Susanna Ceccardi, Marco Campomenosi, Alessandro Panza, Paolo Borchia, Antonio Maria Rinaldi, Gianantonio Da Re, Marco Dreosto, Isabella Tovaglieri, Simona Baldassarre, Sergio Berlato, Carlo Fidanza, Nicola Procaccini, Vincenzo Sofo

    B9-0422/2021

    Mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-tnaqqis tal-impatt fuq ir-raba' ddeterminat mill-installazzjoni ta' impjanti fotovoltajċi mal-art

    Il-Parlament Ewropew,

     wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/92/UE[1],

     wara li kkunsidra l-Artikolu 143 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    A. billi fl-Istati Membri kollha huma bosta t-talbiet biex jiġu installati impjanti fotovoltajċi b'moduli mqiegħda mal-art, li lill-attività agrikola jeħdulha meded kbar ta' art li kieku kienu jintużaw għar-raba';

    B. billi ċerti reġjuni Taljani, fid-dawl ta' din ix-xejra, qegħdin ifasslu strumenti leġiżlattivi bil-għan li jirregolaw is-sitwazzjoni deskritta hawn fuq, li, kif enfasizzaw l-organizzazzjonijiet tas-settur primarju u l-amministraturi lokali, tirriskja li tinfirex b'mod perikolożament insostenibbli askapitu tal-agrikoltura;

    C. billi r-raba' huwa beni limitat u li hu dmir l-Unjoni Ewropea tiggarantixxi ġestjoni korretta u sostenibbli tal-artijiet, wisq iktar fi żmien bħal dak tal-pandemija, li fih is-settur primarju ggarantixxa katina strateġika ta' provvista tal-ikel;

    1. Jistieden lill-Kummissjoni, anki biex timplimenta l-impenji previsti fil-pakkett "lesti għall-mira ta' 55 %" (Fit for 55), tiżgura li, fl-Istati Membri, il-konsum tar-raba' minħabba l-installazzjoni ta' impjanti fotovoltajċi mal-art ma jikkompromettix is-settur agrikolu u l-kuntest pajsaġġistiku;

    2. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tadotta kull inizjattiva utli fl-ambitu tal-kompetenzi tagħha biex tnaqqas l-impatt tal-impjanti fotovoltajċi mal-art u tevita fenomeni spekulattivi.

     

    Aġġornata l-aħħar: 17 ta' Settembru 2021
    Avviż legali - Politika tal-privatezza