Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0453/2021Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0453/2021

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fl-Afganistan

13.9.2021 - (2021/2877(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Jaak Madison, Anna Bonfrisco, Marco Campomenosi, Susanna Ceccardi, Maximilian Krah, Jörg Meuthen, Tom Vandendriessche, Harald Vilimsky, Marco Zanni, Bernhard Zimniok
f'isem il-Grupp ID

Proċedura : 2021/2877(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B9-0453/2021
Testi mressqa :
B9-0453/2021
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B9-0453/2021

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Afganistan

(2021/2877(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra t-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana tal-1945,

 wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Afganistan, b'mod partikolari r-Riżoluzzjoni 2593(2021) tat-30 ta' Awwissu 2021,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni UE-Turkija tas-7 ta' Marzu 2016,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Afganistan,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli (VP/RGħ) tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tal-14 ta' Settembru 2015 dwar is-sitwazzjoni fl-Afganistan,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-VP/RGħ tat-12 ta' Awwissu 2021 dwar is-sitwazzjoni attwali fl-Afganistan,

 wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa tal-VP/RGħ Josep Borrell dwar l-Afganistan waqt il-laqgħa informali tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin tat-3 ta' Settembru 2021, li fiha ġew stabbiliti l-kundizzjonijiet għad-djalogu mat-Talibani,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-22 ta' Awwissu 2021 tal-Prim Ministru Janez Janša, President fil-Kariga tal-Kunsill Ewropew,

 wara li kkunsidra l-"Ftehim għat-Twassil tal-Paċi fl-Afganistan bejn l-Emirat Iżlamiku tal-Afganistan, li mhuwiex rikonoxxut mill-Istati Uniti bħala stat u huwa magħruf bħala t-Taliban, u l-Istati Uniti tal-Amerika", innegozjat f'Doha fi Frar 2020, li jistabbilixxi t-termini għall-irtirar tal-Istati Uniti mill-Afganistan sa Mejju 2021,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni tal-31 ta' Awwissu 2021 dwar is-sitwazzjoni fl-Afganistan,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi alleanza ta' 38 pajjiż tan-NATO ħadu impenn favur il-kunflitt Afgan fl-2001, meta ġie invokat l-Artikolu 5 tat-Trattat tan-NATO;

B. billi l-kunflitt fl-Afganistan, li ilu għaddej 20 sena, ħasad il-ħajja ta' 3 609 membri tas-servizz tal-alleati u tal-Istati Uniti; billi, barra minn hekk, il-kunflitt ħasad il-ħajja ta' 66 000 membru tal-persunal militari u tal-pulizija nazzjonali tal-Afganistan, 47 245 persuna ċivili Afgana, 444 ħaddiem umanitarju u 72 ġurnalist;

C. billi l-irtirar mgħaġġel, imħejji ħażin u diżorganizzat tal-Istati Uniti mill-Afganistan taħt it-tmexxija tal-President Biden f'Awwissu 2021 wassal għal evakwazzjoni kaotika u poġġa lill-Ewropa taħt pressjoni konsiderevoli biex tevakwa ċ-ċittadini u l-ħaddiema qabel ma t-Talibani ħadu l-kontroll sħiħ tal-ajruport ta' Kabul;

D. billi, fis-26 ta' Awwissu 2021, membru tal-Istat Iżlamiku fil-Provinċja ta' Khorasan (ISIS-K) sploda bomba suwiċida fl-ajruport ta' Kabul u qatel 13-il suldat Amerikan minn total ta' 175 vittma; billi, fis-27 ta' Awwissu 2021, l-Istati Uniti wettqu attakk ta' ritaljazzjoni mill-ajru li fih allegatament inqatlu żewġ membri "ta' profil għoli" tal-ISIS-K, kif ukoll allegatament inqatlu b'mod kollaterali 10 persuni ċivili, inklużi sebat itfal;

E. billi eluf ta' Afgani qed jippruvaw jaħarbu mill-Afganistan wara t-teħid tal-kontroll min-naħa tat-Talibani; billi l-Istati Uniti nnegozjaw ftehim mal-Albanija u l-Kosovo biex jipprovdu kenn temporanju għal madwar 6 000 Afgan qabel ma dawn imorru l-Istati Uniti ladarba d-dokumenti tagħhom ikunu ġew ipproċessati; billi sadanittant l-ewwel grupp wasal l-Albanija;

F. billi matul l-evakwazzjonijiet tal-Forzi Armati Ġermaniżi mill-Afganistan, 20 Afgan li nstabu ħatja ta' reati kriminali fil-Ġermanja u li ismijiethom huma magħrufa maċ-Ċentru Ewropew għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu daħlu fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja; billi fosthom kien hemm raġel ħati ta' stupru, li kien intbagħat lura l-Afganistan mill-Ġermanja;

G. billi għandha ssir distinzjoni bejn il-ġestjoni tal-migrazzjoni illegali u t-twaqqif tagħha; billi dan tal-aħħar huwa l-uniku mod kif jiġu protetti ċ-ċittadini tal-Istati Membri;

H. billi l-Afganistan huwa ta' importanza strateġika minħabba r-rikkezzi minerali u d-depożiti ta' elementi fundamentali li għandu (u li jintużaw, pereżempju, fis-semikondutturi); billi dan se jqajjem interess f'livell ġeopolitiku u jista' jkollu rwol fil-kunflitt;

I. billi l-kriżi Afgana se jkollha konsegwenzi fit-tul għall-Ewropa f'termini ta' paċi u sigurtà, partikolarment f'dak li għandu x'jaqsam mal-migrazzjoni illegali u t-theddida tat-terroriżmu;

1. Jagħti l-kondoljanzi sinċieri tiegħu lill-familji u l-ħbieb tal-membri tas-servizz u l-persuni ċivili kollha li tilfu ħajjithom tul dawn l-aħħar 20 sena fl-Afganistan;

2. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar it-teħid tal-kontroll min-naħa tat-Talibani fl-Afganistan u dwar il-konsegwenzi li se jkollu għall-paċi u s-sigurtà għall-Ewropa, issa u fil-futur;

3. Jinnota li t-teħid tal-kontroll ta' Kabul min-naħa tat-Talibani kien prevedibbli, u li setgħu ttieħdu azzjonijiet biex jiġi żgurat li l-evakwazzjonijiet isiru b'mod aktar loġiku u ordnat; jesprimi tħassib serju dwar rapporti ta' ammonti sinifikanti ta' armi u vetturi ta' grad militari li tħallew fl-Afganistan, peress li issa din it-teknoloġija waqgħet f'idejn it-Talibani;

4. Jiddeplora l-konsultazzjoni limitata li l-Istati Uniti għamlu mal-alleati Ewropej dwar l-irtirar tagħhom mill-Afganistan, li kkawża għaġla biex l-Ewropej jiġu evakwati b'mod sikur mill-pajjiż;

5. Iqisha diskutibbli li għadd ta' Afgani li kienu ngħataw status ta' rifuġjat f'pajjiżi Ewropej marru lura l-Afganistan għall-vaganzi u sussegwentement kellhom jiġu evakwati mill-Istati Membri; jenfasizza li, ladarba jingħata status ta' rifuġjat, m'għandhomx ikunu jistgħu jittieħdu vaganzi fil-pajjiż tal-oriġini mingħajr ir-riskju li dan l-istatus jintilef;

6. Jinnota bi tħassib li Afgani b'passat kriminali, u dawk li t-talbiet tagħhom għall-ażil kienu ġew miċħuda preċedentement, sfruttaw il-proċess ta' evakwazzjoni diżorganizzat fl-ajruport ta' Kabul u rnexxielhom jidħlu fl-Istati Membri; jitlob li l-Afgani b'passat kriminali magħruf u dawk li t-talba tagħhom għall-ażil kellha eżitu negattiv jintbagħtu lura fir-reġjun minnufih; jinnota, f'dan ir-rigward, li t-Talibani laqgħu r-ritorn ta' kwalunkwe Afgan lura fil-pajjiż; jiġbed l-attenzjoni għall-possibbiltà li tingħata għajnuna bil-kundizzjoni li jiġi ffaċilitat ir-rimpatriju lejn il-pajjiż u r-reġjun;

7. Jinnota li l-irtirar mgħaġġel wara t-teħid tal-kontroll min-naħa tat-Talibani fl-Afganistan ħoloq impetu ġdid għall-flussi migratorji illegali lejn l-Ewropa u inevitabbilment se jikkawża kriżi migratorja oħra fil-kontinent;

8. Iqis li l-UE rrendiet ruħha vulnerabbli għall-użu tal-migrazzjoni bħala arma permezz tal-"Wilkommenspolitik" (politika ta' merħba) tagħha matul il-kriżi migratorja preċedenti tal-2015; jikkundanna bil-qawwa l-fatt li ftehimiet preċedenti ma' pajjiżi terzi biex jiġu akkomodati r-rifuġjati, bħall-ftehim tal-UE mat-Turkija, kienu kontroproduċenti u rriżultaw fl-użu tal-migrazzjoni bħala arma; jikkundanna bl-aktar mod qawwi l-użu tal-migrazzjoni bħala arma min-naħa ta' atturi u gvernijiet barranin;

9. Jieħu nota tal-konklużjonijiet dwar is-sitwazzjoni fl-Afganistan adottati fl-aħħar Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni taħt it-tmexxija tal-Presidenza Slovena; jilqa' l-użu ta' terminoloġija preċiża bħal "migrazzjoni illegali" minflok termini vagi bħal "irregolari";

10. Jinsisti fuq politika ta' kollokament reġjonali għar-rifuġjati, li tippermettilhom jirritornaw lura d-dar u jibnu ħajjithom mill-ġdid ladarba s-sitwazzjoni f'pajjiżhom titjieb; jikkundanna l-ħolqien ta' kwalunkwe fattur ta' attrazzjoni li jista' jwassal għal flussi migratorji ġodda lejn l-Ewropa; jipproponi li l-għoti ta' għajnuna għall-iżvilupp lill-pajjiżi fir-reġjun isir bil-kundizzjoni li jkun hemm kooperazzjoni mal-UE fil-qasam tal-migrazzjoni u s-sigurtà;

11. Iqis li l-unika soluzzjoni għall-kriżi migratorja li jista' jkun hemm hija li l-UE twaqqaf il-migrazzjoni illegali kollha, aktar milli tipprova timmaniġġjaha; jenfasizza li l-ħolqien ta' perkorsi addizzjonali għall-migrazzjoni legali mhuwiex soluzzjoni loġika li tillimita l-migrazzjoni lejn l-Ewropa u joħloq biss aktar impetu biex persuni jagħmlu l-vjaġġ perikoluż lejn l-Ewropa; itenni li l-Ewropa ma tistax tilqa' lil kull min jiġi mid-dinja kollha biex ifittex futur aħjar;

12. Jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi l-pożizzjoni tagħha li l-fondi tal-UE m'għandhomx jintużaw biex jinbnew ostakli fiżiċi fil-fruntieri esterni tal-UE biex jiġi evitat id-dħul ta' migranti illegali;

13. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-ftehim tal-Kosovo u l-Albanija mal-Istati Uniti biex jospitaw rifuġjati Afgani temporanjament, għax dan se joħloq rotta migratorja addizzjonali għall-Afgani lejn l-Ewropa;

14. Iwissi li eżodu ta' Afgani joħloq l-ambjent ideali għaċ-ċelloli terroristiċi, kif ukoll għal opportunisti oħrajn, biex jidħlu fl-Ewropa bl-iskuża li jkunu "rifuġjati"; jissottolinja r-riskju addizzjonali ta' opportuniżmu mill-Pashtuni mhux Afgani miż-żona tribali Pakistana, li hija meqjusa bħala l-patrija ta' diversi gruppi ġiħadisti, inkluż Al-Qaeda, u li tinsab fil-fruntiera tal-Lvant tal-Afganistan;

15. Ifakkar li, matul il-kriżi migratorja tal-2015, diversi membri tal-Istat Iżlamiku, li aktar tard ippjanaw attakki f'Pariġi, użaw l-influss ta' migranti biex jidħlu fl-Ewropa mingħajr ma ġew identifikati; jinnota bi tħassib li ħames Afgani li waslu fi Franza f'Awwissu 2021 tqiegħdu taħt sorveljanza għal rabtiet suspettużi mat-Talibani; jesprimi tħassib ulterjuri dwar rapporti li ħarġu mill-Istati Uniti li tfajliet Afgani evakwati ġew imġiegħla jiżżewġu rġiel akbar fl-età biex jaħarbu mill-pajjiż;

16. Jiddeplora l-għadd kbir ta' reati vjolenti mwettqa minn migranti Afgani li waslu fl-Ewropa matul il-kriżi migratorja tal-2015, bħall-istupru brutali u l-qtil ta' tifla ta' tlettax-il sena fi Vjenna f'Lulju 2021, li twettaq minn delinkwenti Afgani li lkoll kien ingħatalhom eżitu negattiv għall-ażil;

17. Jirrimarka li skont ir-reġim Taliban, il-liġi tax-Xarija trid tiġi applikata fl-aktar interpretazzjoni estremista tagħha, bi vjolenza kontra l-popolazzjoni u s-soċjetà ċivili; ifakkar fl-importanza tal-protezzjoni tad-drittijiet tan-nisa u tat-tfal, kif enfasizzat fid-dimostrazzjonijiet li saru f'Kabul u f'Herat fl-4 ta' Settembru 2021;

18. Jesprimi tħassib dwar il-kabinett interim imħabbar mit-Talibani, li jikkonsisti kollu kemm hu f'mexxejja Talibani jew persuni assoċjati tagħhom, inklużi figuri kontroversjali b'rabtiet mat-terroriżmu;

19. Jinnota li t-tama u l-fiduċja għamja fit-Talibani, kif ukoll dikjarazzjonijiet mgħaġġla li jirrikonoxxu r-reġim Taliban, mingħajr obbligu ta' rendikont u mingħajr ma jiġu stipulati b'mod ċar il-kundizzjonijiet u l-mekkaniżmi ta' infurzar neċessarji, jistgħu jkunu perikolużi; iwissi li r-reġim Taliban jista' jitwaqqa' minn gruppi terroristiċi saħansitra aktar radikali, bħad-Da'esh, Al-Qaeda, Tehrik-i-Taliban Pakistan u l-Moviment Iżlamiku tat-Turkistan tal-Lvant; jistieden lill-UE u lis-sħab kollha tal-Punent tagħha jżommu f'moħħhom din it-theddida serja;

20. Iqis li atturi reġjonali bħall-Pakistan u l-Qatar se jkunu interlokuturi inevitabbli biex tinstab soluzzjoni għall-kriżi; jinnota li t-Talibani talbu assistenza teknika mingħand it-Turkija u l-Qatar biex imexxu l-ajruport ta' Kabul;

21. Jinnota li l-aktar riżoluzzjoni reċenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar l-Afganistan ma fiha l-ebda referenza għall-proposta biex tinħoloq żona sikura fl-ajruport ta' Kabul, u allegatament il-kwistjoni lanqas biss ġiet diskussa matul in-negozjati dwar ir-riżoluzzjoni;

22. Jitlob li titwaqqaf kull għajnuna għall-iżvilupp lill-Afganistan peress li m'hemm l-ebda gvern rikonoxxut biex jirċievi u jqassam dawn il-fondi b'mod trasparenti;

23. Iwissi li l-kriżi fl-Afganistan m'għandhiex tintuża bħala skuża għal imbuttatura favur aktar integrazzjoni fl-UE, favur sensiela ta' riformi relatati mal-politika barranija jew favur il-patt kontroversjali dwar il-migrazzjoni; jinsisti, b'mod partikolari, li l-unanimità għandha tibqa' r-regola fil-Kunsill dwar kwistjonijiet relatati mal-politika barranija; jopponi, f'dan ir-rigward, kwalunkwe mossa lejn votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata dwar kwistjonijiet ta' politika barranija fil-Kunsill;

24. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

Aġġornata l-aħħar: 15 ta' Settembru 2021
Avviż legali - Politika tal-privatezza