Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0467/2021Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0467/2021

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fil-Libanu

14.9.2021 - (2021/2878(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Pedro Marques, Tonino Picula, Evin Incir
f'isem il-Grupp S&D

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0465/2021

Proċedura : 2021/2878(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B9-0467/2021
Testi mressqa :
B9-0467/2021
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B9‑0467/2021

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Libanu

(2021/2878(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Libanu, b'mod partikolari dawk tas-16 ta' Jannar 2003 dwar il-konklużjoni ta' Ftehim ta' Assoċjazzjoni mar-Repubblika Libaniża[1], tal-10 ta' Marzu 2005 dwar is-sitwazzjoni fil-Libanu[2], tas-7 ta' Settembru 2006[3] u tat-12 ta' Lulju 2007 dwar is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani[4] u tat-22 ta' Mejju 2008 dwar is-sitwazzjoni fil-Libanu[5],

 wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 1559 (2004), 1680 (2006), 1701 (2006), 1773 (2007), 1832 (2008), 1884 (2009), 1937 (2010) u 2004 (2011), 2064 (2012), 2115 (2013), 2172 (2014) u 2236 (2015), 2305 (2016), 2373 (2017), 2433 (2018), 2485 (2019), 2539 (2020) u 2591 (2021),

 wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Libanu, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' April 2006,

 wara li kkunsidra l-impenji miftiehma fil-qafas tal-Prijoritajiet tas-Sħubija UE-Libanu f'Novembru 2016, il-Konferenza CEDRE fis-6 ta' April 2018, il-Qafas għar-Riforma, l-Irkupru u r-Rikostruzzjoni tal-Libanu (3RF) f'Diċembru 2020 u l-laqgħat tal-Grupp Internazzjonali ta' Appoġġ għal-Libanu fil-11 ta' Diċembru 2019, fit-23 ta' Settembru 2020 u fid-19 ta' Mejju 2021,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-5 ta' Awwissu 2020 tal-Kummissarju għall-Ġestjoni tal-Kriżijiet Janez Lenarčič dwar l-isplużjoni f'Bejrut,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet u r-rimarki tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) Josep Borrell tad-19 ta' Ġunju 2021 waqt iż-żjara tiegħu fil-pajjiż, tas-16 ta' Lulju 2021 dwar ir-riżenja tal-Prim Ministru ddeżinjat Saad Hariri, tat-3 ta' Awwissu 2021 dwar l-ewwel anniversarju tal-isplużjoni tal-port ta' Bejrut u tal-4 ta' Awwissu 2021 waqt il-Konferenza b'appoġġ għall-poplu Libaniż,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) tas-26 ta' Lulju 2021 dwar il-proċess ta' formazzjoni tal-gvern, tas-7 ta' Awwissu 2021 li jikkundannaw l-isparar ta' rokits min-Nofsinhar tal-Libanu u tat-12 ta' Settembru 2021 dwar il-formazzjoni tal-gvern,

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-7 ta' Diċembru 2020 dwar il-Libanu u l-qafas tiegħu għal sanzjonijiet immirati adottat fit-30 ta' Lulju 2021,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-26 ta' Awwissu 2021 tas-Segretarju Ġenerali tan-NU António Guterres dwar is-sitwazzjoni soċjoekonomika li qed tiddeterjora fil-Libanu,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-28 ta' Lulju 2021 tal-Kopresidenti tat-tieni laqgħa tal-Grupp Konsultattiv tat-3RF,

 wara li kkunsidra l-Konferenzi Internazzjonali dwar l-Assistenza u l-Appoġġ lil Bejrut u lill-Poplu Libaniż tad-9 ta' Awwissu 2020, tat-2 ta' Diċembru 2020 u tal-4 ta' Awwissu 2021,

 wara li kkunsidra r-rapport finali dwar il-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-Unjoni Ewropea għar-Repubblika Libaniża 2018,

 wara li kkunsidra l-Lebanon Economic Monitor (LEM) tal-Bank Dinji tal-1 ta' Ġunju 2021,

 wara li kkunsidra l-Valutazzjoni Rapida tal-Ħsara u l-Ħtiġijiet ta' Bejrut (RDNA) imħejjija mill-Grupp tal-Bank Dinji b'kooperazzjoni mal-Unjoni Ewropea u n-Nazzjonijiet Uniti,

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-Libanu huwa sieħeb qrib u importanti tal-Unjoni Ewropea; billi din is-sħubija hija bbażata fuq interessi komuni, rabtiet storiċi u kulturali li ilhom jeżistu żmien, djalogu politiku u soċjali regolari u kuntatti interpersonali mifruxa ħafna;

B. billi Libanu stabbli, b'sovranità sħiħa, magħqud u demokratiku huwa ta' importanza kruċjali għall-istabilità, is-sigurtà u l-iżvilupp paċifiku tal-Lvant Nofsani kollu kemm hu;

C. billi l-Libanu qed jiffaċċja sfidi ekonomiċi, politiċi u soċjali bla preċedent, ikkaratterizzati minn reċessjoni profonda, żieda qawwija fil-qgħad, iperinflazzjoni u skarsezzji akuti ta' fjuwil, mediċini, ilma u elettriku;

D. billi l-korruzzjoni hija waħda mill-isfidi ewlenin li toħnoq l-iżvilupp u l-prosperità tal-Libanu, u tapprofondixxi l-aljenazzjoni u n-nuqqas ta' fiduċja fis-sistema politika; billi l-korruzzjoni tinsab kullimkien u hija mifruxa fil-livelli kollha tas-soċjetà, kif rifless mill-punteġġi tal-prestazzjoni globali u medja tal-pajjiż fil-biċċa l-kbira tal-oqsma ta' governanza; billi l-Istituzzjoni Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni għadha mhix operattiva peress li l-ħatra tal-kummissarji tagħha għadha pendenti; billi l-Kummissjoni Nazzjonali għall-Persuni Nieqsa u għall-Vittmi ta' Għajbien Sfurzat u l-Kummissjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem, inkluż il-Kumitat għall-Prevenzjoni tat-Tortura, għadhom mhumiex qed joperaw; billi l-gvern il-ġdid għandu jimplimenta bis-sħiħ l-istrateġija kontra l-korruzzjoni u jassigura li l-ġudikatura hija indipendenti;

E. billi fl-4 ta' Awwissu 2020 kwantità kbira ta' nitrat tal-ammonju maħżuna fil-port tal-belt ta' Bejrut splodiet, u qatlet aktar minn 200 ruħ, u ħalliet aktar minn 6 500 ruħ midruba u 300 000 ruħ mingħajr dar, u kkawżat ħsara serja fl-infrastruttura tas-saħħa kritika u fl-provvisti mediċi; billi l-RDNA stmat li l-ħsara kkawżata mill-isplużjoni hija ta' bejn USD 3.8 biljun u USD 4.6 biljun u t-telf ta' bejn USD 2.9 biljun u USD 3.5 biljun; billi l-ispejjeż tal-linja ta' riforma u rikostruzzjoni ġew stmati li jammontaw għal USD 2 biljun;

F. billi sena wara l-isplużjoni, l-investigazzjoni dwar il-kawżi tal-isplużjoni għadha ma ġietx konkluża u dawk responsabbli għadhom ma ġewx identifikati u miżmuma responsabbli; billi fl-4 ta' Awwissu 2021 eluf ta' dimostranti ħarġu jipprotestaw għal darb' oħra f'Bejrut filwaqt li eżigew l-assunzjoni tar-responsabilità għall-isplużjoni tal-port; billi l-forzi tas-sigurtà Libaniżi użaw forza eċċessiva kontra d-dimostranti paċifiċi u li wassal biex għadd kbir ta' persuni indarbu;

G. billi fl-10 ta' Awwissu 2020 il-Prim Ministru Hassan Diab u l-kabinett Libaniż irriżenjaw b'riżultat tal-pressjoni politika aggravata mill-isplużjoni; billi l-Libanu tħalla mingħajr gvern għal aktar minn 13-il xahar; billi fl-10 ta' Settembru 2021 tħabbar gvern ġdid immexxi minn Najib Mikati; billi l-gvern il-ġdid se jkollu urġentement iwettaq il-pakkett ta' riformi ta' politiki sostantivi meħtieġa sabiex il-Libanu jiġġieled il-korruzzjoni u jippreserva l-istabilità, l-unità, is-sigurtà, is-sovranità, l-indipendenza politika u l-integrità territorjali tiegħu;

H. billi d-deterjorament rapidu tal-ekonomija affettwa serjament lis-segmenti kollha tas-soċjetà Libaniża u, b'mod partikolari, il-gruppi l-aktar vulnerabbli tagħha, kif ukoll lill-istituzzjonijiet u lis-servizzi tal-pajjiż; billi skont il-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI), il-lira Libaniża tilfet madwar 90 % tal-valur tagħha, filwaqt li l-prezzijiet tal-ikel żdiedu bi kważi għaxar darbiet minn Mejju 2019; billi aktar minn 70 % tal-popolazzjoni tgħix taħt il-linja tal-faqar nazzjonali, ir-rata tal-qgħad telgħet għal aktar minn 40 % tal-forza tax-xogħol u sehem dejjem akbar tal-unitajiet domestiċi għandhom diffikultà biex jaċċessaw is-servizzi bażiċi bħall-ikel, l-ilma u l-kura tas-saħħa; billi skont l-aħħar LEM tal-Bank Dinji, il-kriżi ekonomika x'aktarx li tikklassifika fost it-tliet episodji ta' kriżi l-aktar severi fid-dinja minn nofs is-seklu 19;

I. billi f'Marzu 2020 il-Libanu ġarrab inadempjenza ta' USD 30 biljun f'bonds f'munita barranija; billi f'April 2020 il-Gvern Libaniż approva pjan ekonomiku u talab programm tal-FMI abbażi tar-riformi meħtieġa; billi n-negozjati mal-FMI ma għamlu l-ebda progress lejn l-iżblukkar tal-għajnuna finanzjarja minħabba l-istaġnar politiku fil-proċess tal-formazzjoni tal-gvern, in-nuqqas ta' qbil dwar ir-riformi ekonomiċi u l-iskala tat-telf fis-sistema finanzjarja; billi l-FMI alloka USD 860 miljun fi drittijiet speċjali ta' prelevament (SDRs) biex isaħħaħ ir-riżervi mnaqqsa tal-pajjiż u biex jgħin fil-ħafna ħtiġijiet urġenti tiegħu; billi ftehim mal-FMI huwa kruċjali sabiex l-ekonomija Libaniża tirkupra;

J. billi t-3RF ġie varat f'Diċembru 2020 biex jgħin lil-Libanu jindirizza l-ħtiġijiet urġenti tal-popolazzjoni milquta mill-isplużjoni tal-4 ta' Awwissu 2020 u biex jappoġġa l-irkupru u r-rikostruzzjoni ta' Bejrut permezz ta' qafas ikkostjat u pprijoritizzat ta' azzjonijiet ewlenin taħt erba' pilastri; billi t-3RF huwa mfassal biex jippermetti koordinazzjoni aħjar tad-donaturi u rwol mll-akbar għas-soċjetà ċivili; billi l-progress fir-riformi fl-ambitu tat-3RF kien qed isir bil-mod minħabba xhur ta' staġnar fil-formazzjoni tal-gvern;

K. billi l-isplużjoni devastanti, l-iperinflazzjoni u l-iskarsezzi akuti tal-mediċini, tal-fjuwil u tal-elettriku poġġew pressjoni addizzjonali fuq is-sistema tas-saħħa Libaniża, li diġà kienet taħt pressjoni qawwija minħabba d-diversi mewġiet tal-pandemija tal-coronavirus u l-kriżi finanzjarja; billi mill-bidu tal-pandemija 'l hawn ġew irreġistrati fil-Libanu aktar minn 610 000 każ ta' coronavirus u 8 150 każ ta' mewt;

L. billi l-Libanu għandu l-ogħla numru ta' refuġjati fid-dinja għal kull abitant; billi l-kriżi ekonomika u r-restrizzjonijiet relatati mal-pandemija aċċelleraw it-telf ta' impjiegi fost ir-refuġjati, il-komunitajiet ospitanti u l-ħaddiema migranti; billi huwa stmat li 90 % tal-unitajiet domestiċi tar-refuġjati Sirjani jgħixu f'faqar estrem; billi r-refuġjati Palestinjani għadhom qed jiġu esklużi mis-servizzi bażiċi u mid-drittijiet soċjali, politiċi u ekonomiċi fundamentali, inkluż li qed jiffaċċjaw restrizzjonijiet fuq id-dritt li jkunu sidien ta' proprjetà u d-dritt għax-xogħol; billi l-edukazzjoni hija problema serja ħafna peress li madwar 40 % tar-refuġjati Sirjani tal-età tal-iskola għadhom ma huma fl-ebda programm ta' tagħlim; billi din is-sitwazzjoni qed iżżid mat-tbatija tal-komunitajiet li diġà l-aktar vulnerabbli u emarġinati fil-Libanu, inklużi r-refuġjati, u b'hekk qed iżżid ir-riskji ta' sfruttament, tħaddim tat-tfal u vjolenza sessista;

M. billi l-Libanu huwa wieħed minn żewġ pajjiżi fil-Lvant Nofsani li jospita għadd kbir ta' ħaddiema domestiċi migranti rregolati mis-sistema kafala; billi l-Ministeru tax-Xogħol Libaniż adotta kuntratt unifikat standard fit-8 ta' Settembru 2021, li kien jinkludi protezzjonijiet ġodda għall-ħaddiema domestiċi migranti iżda madankollu ma fihx mekkaniżmi ta' infurzar biżżejjed;

N. billi l-UE kienet fuq quddiem nett fid-donazzjonijiet biex tgħin kemm lir-refuġjati Sirjani kif ukoll dawk Palestinjani fil-Libanu; billi mill-2011'il hawn l-UE kkontribwiet EUR 2.4 biljun biex tgħin lir-refuġjati Sirjani u Palestinjani permezz ta' diversi strumenti bħall-Fond Fiduċjarju Reġjonali tal-Unjoni Ewropea b'Reazzjoni għall-Kriżi Sirjana u l-Istrument Ewropew ta' Viċinat (ENI);

O. billi l-elezzjonijiet muniċipali, parlamentari u presidenzjali huma skedati għal Mejju u Ottubru 2022; billi huwa kruċjali li l-mexxejja politiċi kollha jirrispettaw il-kalendarju elettorali tal-2022 u jiżguraw elezzjonijiet inklużivi, trasparenti u ġusti b'aċċess ugwali għall-kampanji għal kulħadd u aċċess għall-vot għaċ-ċittadini Libaniżi kollha, inklużi dawk li jgħixu barra mill-pajjiż bħalma tippermettilhom l-aktar liġi elettorali reċenti adottata fl-2017 u kif tistipula l-Kostituzzjoni Libaniża;

P. billi l-Kummissjoni Superviżorja għall-Elezzjonijiet m'għandhiex il-mezzi meħtieġa biex twettaq il-mandat tagħha, u dan il-fatt iqajjem tħassib dwar it-trasparenza u l-ġustizzja tal-kampanja u l-elezzjonijiet skedati għas-sena d-dieħla;

Q. billi l-Ftehim ta' Taif tal-1989 kien fih appelli importanti għad-deċentralizzazzjoni amministrattiva, id-demokratizzazzjoni, l-iżvilupp sostenibbli u d-drittijiet ugwali taċ-ċittadini; billi s'issa dawn l-appelli għadhom ma ġewx implimentati;

R. billi l-UE impenjat ruħha għall-istabilità u l-unità tal-pajjiż permezz ta' għajnuna ekonomika, appoġġ lir-refuġjati Sirjani u Palestinjani u, b'rispons għall-pandemija tal-COVID-19, bi programmi li jsaħħu s-sistema tas-saħħa u jindirizzaw il-konsegwenzi soċjoekonomiċi tagħha. billi fl-2020 l-UE pprovdiet EUR 333 miljun f'assistenza lil-Libanu; billi l-UE u l-Istati Membri tagħha se jkomplu jwieġbu għall-ħtiġijiet l-aktar urġenti tal-poplu Libaniż; billi ftehim għal programm mal-FMI se jippermetti lill-UE tħares lejn self u garanziji preferenzjali, u tipprovdi miżuri kummerċjali u programm ta' assistenza makrofinanzjarja;

S. billi l-aħħar Konferenza Internazzjonali dwar l-Assistenza u l-Appoġġ lil Bejrut u lill-Poplu Libaniż li saret fit-4 ta' Awwissu 2021 irċeviet wegħdiet għall-valur ta' USD 370 miljun dollaru, li magħhom għandha tiżdied assistenza in natura sostanzjali;

1. Jesprimi l-appoġġ kontinwu tiegħu għal-Libanu u l-poplu tiegħu, u jonora lill-vittmi tal-isplużjoni tal-port ta' Bejrut;

2. Jinsab imħasseb serjament dwar l-isfidi politiċi, istituzzjonali, ekonomiċi, soċjali u ta' sigurtà bla preċedent li qed jiffaċċja l-Libanu, kollha aggravati mill-impatt tal-COVID-19;

3. Jieħu nota tal-isforzi tal-imħallef biex jagħmel progress fl-investigazzjoni tal-kawżi tal-isplużjoni tal-port; jiddeplora l-fatt li sena wara l-isplużjoni, l-investigazzjoni għadha ma ġietx konkluża; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Libaniżi jirrispettaw il-proċeduri ġudizzjarji u l-indipendenza tal-ġudikatura u jassistu kull sforz li jippermetti li dawk li huma responsabbli għad-deċiżjonijiet li wasslu għall-isplużjoni fil-port ta' Bejrut jiġu investigati kif xieraq u jinżammu responsabbli;

4. Jiddispjaċih minħabba d-dewmien fil-proċess ta' formazzjoni tal-gvern, kif ukoll minħabba n-nuqqas ta' progress fl-implimentazzjoni ta' riformi urġenti; jilqa' t-tħabbira tal-gvern il-ġdid; jiddispjaċih għall-fatt li l-kabinett il-ġdid fih mara waħda biss; iħeġġeġ lill-gvern il-ġdid jimplimenta malajr riformi ekonomiċi u ta' governanza ewlenin li jassiguraw l-irkupru politiku u ekonomiku, inkluża r-regolamentazzjoni kredibbli tas-setturi ekonomiċi ewlenin, bħas-settur tal-elettriku;

5. Jistieden lill-awtoritajiet Libaniżi jipprovdu appoġġ għall-komunitajiet l-aktar vulnerabbli fil-Libanu, inkluż permezz ta' xbieki ta' sikurezza soċjali; iħeġġeġ lill-gvern il-ġdid jinvolvi mill-qrib lis-soċjetà ċivili tal-pajjiż, inklużi l-partiti politiċi kollha, il-movimenti taż-żgħażagħ, il-movimenti tad-drittijiet tan-nisa, l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u dawk umanitarji, ir-refuġjati, il-migranti u l-komunità LGBTIQ+ matul il-proċess ta' riforma permezz ta' djalogi ta' politika inklużivi;

6. Iħeġġeġ lill-Gvern Libaniż il-ġdid jimplimenta bis-sħiħ l-impenji internazzjonali tiegħu, inklużi dawk maqbula fil-qafas tal-Prijoritajiet tas-Sħubija UE-Libanu f'Novembru 2016, il-Konferenza CEDRE fis-6 ta' April 2018, it-3RF f'Diċembru 2020 u l-laqgħat tal-Grupp Internazzjonali ta' Appoġġ għal-Libanu;

7. Iħeġġeġ lill-Gvern Libaniż il-ġdid jissokta bit-taħditiet u jilħaq ftehim mill-aktar fis possibbli mal-FMI; jistieden lill-partijiet tal-ftehim jikkunsidraw l-għażliet kollha possibbli biex jissalvagwardjaw l-integrità tal-finanzjament, inkluża dik li jintbagħtu konsulenti internazzjonali li jkollhom il-mandat li jagħtu pariri lill-Gvern Libaniż u jimmonitorjaw l-użu tal-fondi;

8. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jirrilaxxaw għajnuna umanitarja addizzjonali, b'mod partikolari għajnuna alimentari u materjal tal-isptar u farmaċewtiku, u jipprovdu riżorsi tal-enerġija alternattivi għall-iskejjel u l-isptarijiet kollha, li jaslu permezz ta' entitajiet li mhumiex entitajiet pubbliċi bħal organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) internazzjonali u lokali magħrufa sew u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (OSĊ) fil-Libanu, filwaqt li dejjem jirrispettaw il-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja u d-dritt umanitarju internazzjonali; jissottolinja l-ħtieġa li jsir monitoraġġ robust tal-għajnuna tal-UE sabiex jiġi assigurat li din tiġi trasferita direttament lil dawk li jinsabu fil-bżonn;

9. Itenni l-appoġġ tiegħu għad-determinazzjoni tal-UE li tassisti lil-Libanu fir-ristrutturar ekonomiku tiegħu u fir-rikostruzzjoni tal-infrastruttura tiegħu; jistieden lill-Kummissjoni tirriforma l-fondi fit-tul u tifformula mill-ġdid l-istrateġija u l-pjan ta' rkupru għal-Libanu fil-qafas tal-Prijoritajiet tas-Sħubija UE-Libanu taħt l-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI) – Ewropa Globali u tistabbilixxi kooperazzjoni aktar mill-qrib mas-soċjetà ċivili, sabiex tippromwovi aktar demokratizzazzjoni fil-pajjiż;

10. Jappella biex l-UE u l-Istati Membri tagħha jappoġġjaw lill-attivisti ta' bażi u lill-atturi tas-soċjetà ċivili li qed jaħdmu fuq ir-riformi u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-Libanu u jsegwu approċċ li jappoġġja l-isforzi umanitarji u ta' stabbilizzazzjoni minn isfel għal fuq; ifaħħar l-inizjattivi tal-komunitajiet lokali u tas-soċjetà ċivili li għandhom l-għan li jistabbilixxu mekkaniżmi lokali biex iwasslu l-għajnuna, itejbu s-servizzi u jiddefinixxu mill-ġdid id-drittijiet u r-responsabbiltajiet taċ-ċittadini u tal-gvern;

11. Jistieden lill-Kummissjoni timpenja ruħha b'mod kostruttiv mal-Gvern Libaniż il-ġdid fit-twettiq tar-riformi strutturali u settorjali meħtieġa biex tiġi rilaxxata assistenza makrofinanzjarja sinifikanti tal-UE u biex jissaħħu r-relazzjonijiet kummerċjali tagħna, b'mod partikolari permezz ta' aktar kummerċ preferenzjali u faċilitazzjoni doganali;

12. Iħeġġeġ lill-Gvern Libaniż il-ġdid jieħu l-passi kollha meħtieġa biex jassigura li fl-2022 jitwettqu f'waqthom elezzjonijiet muniċipali, parlamentari u presidenzjali trasparenti, ġusti u demokratiċi; jisħaq fuq l-importanza ta' riformi urġenti biex tiġi assigurata ċ-ċarezza dwar il-qafas elettorali applikabbli, kif ukoll miżuri biex tissaħħaħ il-parteċipazzjoni tan-nisa, taż-żgħażagħ u tal-persuni b'diżabilità fil-proċess politiku; jitlob l-implimentazzjoni sħiħa tar-rakkomandazzjonijiet li jirriżultaw mill-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-UE tal-2018; jistieden lill-awtoritajiet Libaniżi jitolbu li l-VP/RGħ jibgħat missjoni ta' osservazzjoni elettorali; iħeġġeġ lill-Gvern Libaniż il-ġdid jipprovdi lill-Kummissjoni Superviżorja għall-Elezzjonijiet il-fondi, il-persunal u t-tagħmir kollha meħtieġa sabiex twettaq bis-sħiħ il-mandat tagħha; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu l-assistenza teknika u finanzjarja kollha biex l-elezzjonijiet ikunu jistgħu jsiru fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli u jistinkaw biex jiggarantixxu l-ġustizzja u t-trasparenza tal-proċess kollu kemm hu;

13. Jafferma mill-ġdid il-ħtieġa ta' stabilità u ta' unità interni, u jistieden lill-awtoritajiet Libaniżi jipproteġu d-dritt tal-protesta paċifika;

14. Iħeġġeġ lill-gvern il-ġdid u lill-mexxejja politiċi jieħdu miżuri kredibbli biex jiġġieldu l-korruzzjoni, jiġġieldu l-evażjoni tat-taxxa, itemmu l-impunità finanzjarja, jassiguraw il-finanzjament u l-ħatra tal-Kummissarji għall-Istituzzjoni Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni u miżuri oħra li jassiguraw li jsiru bidliet konkreti u jiggarantixxu kemm it-trasparenza kif ukoll ir-responsabilità sħiħa lejn il-poplu Libaniż;

15. Jistieden lill-awtoritajiet Libaniżi japprovaw il-baġit tal-2021 u jħejju l-baġit tal-2022, inkluż programm b'saħħtu dwar il-protezzjoni soċjali, li jimplimenta l-Programm ta' Xibka ta' Sikurezza Soċjali ta' Emerġenza u l-Programm Nazzjonali għall-Ġlieda kontra l-Faqar; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Libaniżi jipprevedu linja baġitarja suffiċjenti għall-elezzjonijiet tal-2022;

16. Jistieden lill-Istati Membri juru impenn ferm aktar b'saħħtu favur il-kondiviżjoni tar-responsabbiltà, sabiex ir-rifuġjati jkunu jistgħu jsibu protezzjoni lil hinn mir-reġjun tal-viċinat immedjat, permezz ta' risistemazzjoni, skemi ta' ammissjoni umanitarja, riunifikazzjoni simplifikata tal-familji u regolamenti aktar flessibbli dwar il-viżi; ifakkar li sabiex jinkisbu soluzzjonijiet dejjiema għall-persuni spostati, il-finanzjament u l-programmazzjoni suffiċjenti fit-tul huma kruċjali biex il-persuni spostati internament u r-refuġjati jingħataw appoġġ lil hinn miċ-ċiklu tal-programm umanitarju;

17. Ifakkar fil-vulnerabilità tar-rifuġjati Sirjani u Palestinjani fil-Libanu; jappella li jiġu inklużi fir-rispons tal-UE u jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi assigurat finanzjament adegwat, prevedibbli u b'diversi livelli għall-Aġenzija ta' Fondi u tax-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti għar-refuġjati tal-Palestina fil-Lvant Qarib (UNRWA) u atturi oħra li jaħdmu mar-refuġjati, biex jiġi assigurat il-forniment sħiħ tas-servizzi essenzjali lill-komunitajiet tar-rifuġjati fil-pajjiż; jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħu l-kooperazzjoni u d-djalogu mal-NGOs u ma' fornituri oħra tas-servizzi li qed jgħinu lir-refuġjati fil-pajjiż;

18. Jistieden lil-Libanu jiżgura l-protezzjonijiet meħtieġa kontra x-xogħol furzat, kif minqux fil-liġi nazzjonali dwar ix-xogħol u l-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-prinċipji fundamentali u d-drittijiet fuq il-post tax-xogħol, u l-Konvenzjoni dwar il-Ħaddiema Domestiċi tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) (Nru 189 tal-2011) sabiex jindirizza n-natura esplojtattiva tas-sistema kafala;

19. Jilqa' l-qafas għal sanzjonijiet immirati adottat mill-Kunsill Ewropew; jistieden lis-SEAE jvara proċedura interna li tidentifika lista ta' persuni u entitajiet responsabbli li jissodisfaw il-kriterji tal-qafas adottat; jenfasizza li l-introduzzjoni tas-sanzjonijiet immirati għall-istakolar jew l-imminar tal-proċess politiku demokratiku tibqa' għażla li tista' tiġi attivata jekk l-atturi responsabbli fil-Libanu jkomplu jimblukkaw ir-riforma u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni;

20. Jistieden lill-Istati Membri jibdew proċedimenti legali fil-ġurisdizzjonijiet nazzjonali tagħhom kontra s-sidien ta' kapital akkwistat b'mod illeċitu miżmum fit-territorji tagħhom u jippromwovu sforzi favur ir-restituzzjoni ta' fondi illegali lill-popolazzjoni Libaniża;

21. Jistieden lill-ġirien tal-Libanu jżommu lura minn kull interferenza li jista' jkollha impatt negattiv fuq l-affarijiet interni Libaniżi u jaqdu rwol kostruttiv fil-kisba tal-istabilità u l-għaqda fil-pajjiż, fi ħdan qafas demokratiku;

22. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lis-Segretarju Ġenerali tal-Lega Għarbija, lill-President tal-Assemblea Parlamentari tal-Unjoni għall-Mediterran u lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Libanu.

 

Aġġornata l-aħħar: 15 ta' Settembru 2021
Avviż legali - Politika tal-privatezza