Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0468/2021Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0468/2021

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fil-Libanu

14.9.2021 - (2021/2878(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Anna Fotyga, Charlie Weimers, Jadwiga Wiśniewska, Ryszard Antoni Legutko, Angel Dzhambazki, Elżbieta Kruk, Alexandr Vondra, Witold Jan Waszczykowski, Raffaele Fitto, Assita Kanko, Veronika Vrecionová, Ryszard Czarnecki, Elżbieta Rafalska, Jan Zahradil, Ladislav Ilčić, Adam Bielan, Valdemar Tomaševski, Bogdan Rzońca, Beata Kempa, Carlo Fidanza
f'isem il-Grupp ECR

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0465/2021

Proċedura : 2021/2878(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B9-0468/2021
Testi mressqa :
B9-0468/2021
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B9-0468/2021

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Libanu

(2021/2878(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Libanu, b'mod partikolari r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Mejju 2008 dwar is-sitwazzjoni fil-Libanu[1],

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-7 ta' Diċembru 2020 dwar il-Libanu,

 wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/1277 tat-30 ta' Lulju 2021 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libanu[2],

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-7 ta' Awwissu 2021 mill-kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna li tikkundanna l-isparar ta' rokits min-Nofsinhar tal-Libanu,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 1559 (2004), 1701 (2006), 2539 (2020) u 2591 (2021),

 wara li kkunsidra l-ittra tal-4 ta' Awwissu 2021 mis-Segretarju Ġenerali tan-NU lill-President tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar l-estensjoni tal-mandat tal-Forza Interim tan-NU fil-Libanu (UNIFIL),

 wara li kkunsidra l-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Libanu, min-naħa l-oħra[3],

 wara li kkunsidra l-Konferenza Internazzjonali dwar l-Assistenza u l-Appoġġ lil Bejrut u lill-poplu Libaniż tad-9 ta' Awwissu 2020, organizzata minn Franza u n-NU,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tat-23 ta' Settembru 2020 tal-Grupp Internazzjonali ta' Appoġġ għal-Libanu,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

 wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, 

A. billi mill-qtil tal-Prim Ministru Rafik Hariri 'l hawn is-sitwazzjoni ta' kriżi fil-Libanu marret għall-agħar tul is-snin, u dan wassal għal protesti popolari f'Settembru 2019; billi l-protesti talbu r-riżenja tal-gvern u t-tmiem tal-korruzzjoni tal-klassi politika;

B. billi l-Libanu ma kellu l-ebda gvern stabbli mill-2019, peress li minn dak iż-żmien s'issa, Hassan Diab, Mustapha Adib u Saad Hariri kollha ma setgħux jiffurmaw gvern; billi fis-26 ta' Lulju 2021, Najib Mikati, negozjant Libaniż ewlieni, ġie elett Prim Ministru ddeżinjat bit-tama li jkun jista' jifforma gvern vijabbli biex jindirizza l-kriżi finanzjarja gravi insegwitu ta' snin ta' staġnar; billi l-elezzjonijiet il-ġodda huma skedati għal Mejju 2022;

C. billi fl-10 ta' Settembru 2021, il-President Libaniż Michel Aoun ħabbar il-formazzjoni ta' gvern, u b'hekk temm 13-il xahar ta' governanza proviżorja; billi l-Prim Ministru Mikati wiegħed li se jorganizza l-elezzjonijiet tas-sena d-dieħla fil-ħin u wiegħed pjan governattiv biex isalva l-pajjiż; billi huwa ddikjara wkoll it-tmiem tal-programm oneruż ta' sussidju ġenerali tal-Libanu;

D. billi l-ex Ambaxxatur Libaniż għall-Istati Uniti, Abdullah Bouhabib, inħatar Ministru tal-Affarijiet Barranin; billi l-ex kandidat għall-kariga ta' Prim Ministru taħt Saad Hariri, Bassam Mawlawi, inħatar Ministru tal-Intern; billi l-uffiċjal tal-Bank Ċentrali Yousef Khalil inħatar Ministru tal-Finanzi; billi l-Kap tal-Isptar Universitarju ta' Rafiq Hariri u wieħed mill-aktar ilħna prominenti tal-Libanu dwar il-ġlieda kontra l-pandemija tal-COVID-19, Firas Abiad, inħatar Ministru tas-Saħħa; billi Najla Riashi, l-ex rappreżentanta tal-Libanu għan-NU, hija l-unika mara maħtura fil-Gvern Mikati u saret Ministru għall-Iżvilupp Amministrattiv;

E. billi l-Libanu qed iħabbat wiċċu ma' kollass istituzzjonali u għaddej minn kriżi politika, ekonomika, soċjali, finanzjarja u tas-saħħa; billi din il-kriżi hija l-akbar theddida għall-istabbiltà tal-Libanu mill-gwerra ċivili tiegħu tal-1975-1990 s'issa; billi l-Bank Dinji jqis il-kriżi finanzjarja tal-Libanu bħala waħda mill-agħar mis-snin 1850 'l hawn; billi l-isforzi internazzjonali qed ifittxu li jappoġġaw is-setturi finanzjarji u ta' governanza u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-pajjiż;

F. billi l-kriżi bla preċedent tal-Libanu qed iżżid il-qgħad u l-faqar multidimensjonali, u dan tal-aħħar irdoppja minn 42 % fl-2019 għal 82 % fl-2021 skont il-Kummissjoni Ekonomika u Soċjali tan-NU għall-Punent tal-Asja; billi l-inflazzjoni nazzjonali żdiedet b'281 % bejn l-2019 u l-2021; billi l-ekonomija tal-Libanu naqset b'25 % fl-2020;

G. billi l-iskarsezza severa ta' fjuwil, medikazzjoni u elettriku qed taffettwa bil-kbir il-ħajja taċ-ċittadini Libaniżi ordinarji u l-kapaċità tagħhom li jissodisfaw il-ħtiġijiet l-aktar bażiċi tagħhom; billi t-tnaqqis drastiku fil-munita Libaniża wasslet biex il-pagi naqsu b'madwar 90 % għall-istess ammont ta' xogħol, li wassal biex ħafna professjonisti Libaniżi, inklużi tobba, irrilokaw lejn il-pajjiżi tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf; billi l-ħruġ tal-kapital uman mil-Libanu kompla jaggrava l-kollass ekonomiku tal-Libanu;

H. billi f'Diċembru 2020, il-President Franċiż Emmanuel Macron u s-Segretarju Ġenerali tan-NU Antonio Guterres ħabbru l-ħolqien ta' fond ta' għajnuna operat min-NU, mill-Bank Dinji u mill-UE biex jipprovdi għajnuna alimentari u medika u biex iħallas għar-rikostruzzjoni tal-port ta' Bejrut; billi l-President Macron innota li l-fond ta' emerġenza se jgħaddi l-għajnuna direttament lill-poplu Libaniż, iżda li l-appoġġ internazzjonali fit-tul mhux se jingħata mingħajr gvern kredibbli;

I. billi t-taħditiet mal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) għadhom għaddejjin; billi l-FMI rrifjuta jagħti assistenza lil-Libanu sakemm l-mexxejja tiegħu ma jadottawx riformi kbar fis-setturi finanzjarji u bankarji, jirristrutturaw id-dejn pubbliku tal-pajjiż, jespandu x-xibka ta' sikurezza soċjali, jirriformaw l-intrapriżi pubbliċi u jtejbu l-governanza; billi l-komunità internazzjonali talbet ukoll li jissejħu elezzjonijiet ġodda, li jitwettqu riformi fir-regolamentazzjoni ġudizzjarja u s-settur tal-elettriku, li jiġu miġġielda l-korruzzjoni u l-kuntrabandu, li tingħata prijorità lill-ġlieda kontra l-pandemija tal-COVID-19 u li Bejrut jinbena mill-ġdid insegwitu tal-isplużjoni tal-port;

J. billi fit-30 ta' Lulju 2021, il-Kunsill adotta qafas għal miżuri restrittivi mmirati biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni fil-Libanu, li jipprovdi l-possibbiltà li jiġu imposti sanzjonijiet fil-konfront ta' individwi u entitajiet li jdgħajfu d-demokrazija jew l-istat tad-dritt fil-Libanu; billi s-sanzjonijiet jikkonsistu fi projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar lejn l-UE, l-iffriżar tal-assi għal individwi u entitajiet, u projbizzjoni fuq it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta' fondi għal individwi u entitajiet elenkati mill-UE;

K. billi fl-4 ta' Awwissu 2020, splużjoni fil-port ta' Bejrut qatlet aktar minn 200 persuna u darbet aktar minn 6 500 persuna oħra; billi l-isplużjoni qerdet partijiet kbar tal-belt, u ż-żoni Nsara kienu l-aktar milquta; billi l-isplużjoni ħalliet għexieren ta' eluf ta' persuni mingħajr dar u affettwat ħafna żoni li qabel kienu mimlija ħajja; billi skont il-Bank Dinji, l-isplużjoni kkawżat sa USD 4.6 biljun fi ħsara materjali u USD 3.2 biljun f'telf ekonomiku assoċjat; billi wara l-isplużjoni, l-ex Prim Ministru Hassan Diab irriżenja;

L. billi l-isplużjoni kienet parzjalment ikkawżata mill-ħżin ta' 2 750 tunnellata ta' nitrat tal-ammonju fil-port; billi l-korruzzjoni, il-ġestjoni ħażina u n-negliġenza li ilhom jeżistu, u l-istruttura tal-ġestjoni tal-port, li ppermettiet il-kondiviżjoni tal-poter bejn l-eliti politiċi u l-militanti, għamlu possibbli l-ħżin mhux prudenti ta' kompost esplożiv hemmhekk għal kważi sitt snin; billi l-partit Hezbollah huwa meqjus responsabbli peress li jissorvelja l-infrastruttura strateġika Libaniża u l-attivitajiet tal-portijiet; billi Ali Hamieh intgħażel mill-Hezbollah biex jinħatar Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u t-Trasport fil-Gvern ta' Mikati li għadu kif ġie ffurmat; billi għad ma kienx hemm investigazzjoni indipendenti dwar l-isplużjoni u għad ħadd ma nżamm responsabbli;

M. billi l-infezzjonijiet u l-imwiet marbuta mal-COVID-19 żdiedu, speċjalment minn meta seħħet l-isplużjoni tal-port ta' Bejrut, u dan poġġa pressjoni enormi fuq l-isptarijiet u s-settur tas-saħħa li diġà kienu jinsabu taħt pressjoni; billi l-isptarijiet irrappurtaw imwiet minn infezzjonijiet batteriċi sempliċi insegwitu ta' operazzjonijiet minħabba n-nuqqas ta' pilloli għall-uġigħ u antibijotiċi;

N. billi fit-30 ta' Ġunju 2021, il-Parlament Libaniż approva liġi ta' kreditu eċċezzjonali ta' USD 556 miljun biex jiffinanzja sistema ta' karti ta' razzjon li se tipprovdi assistenza fi flus kontanti biex jiġu appoġġjati l-familji l-aktar vulnerabbli u din se tissostitwixxi s-sistema attwali ta' sussidji; billi l-implimentazzjoni tal-karti ta' razzjon għandha ssegwi l-prinċipji tan-nondiskriminazzjoni;

O. billi ħafna nies Libaniżi akkużaw lill-Hezbollah talli żamm lil-Libanu taħt il-kontroll tiegħu billi rrifjuta li jirrinunzja għat-talba tiegħu kontra r-rotazzjoni ta' ministeri fi gvernijiet futuri, u dan bil-għan li jżomm il-ministeru tal-finanzi taħt it-tmexxija tiegħu; billi l-firma tal-Ministru tal-Finanzi hija meħtieġa fuq kull digriet li jgħaddi mill-gvern, u fl-aħħar mill-aħħar tagħtih is-setgħa ta' veto fuq il-gvern; billi Yousef Khalil, il-Ministru tal-Finanzi li għadu kemm inħatar, intgħażel minn Nabih Berri, Kap tal-Partit Amal li huwa affiljat mal-Hezbollah; billi l-Hezbollah ħoloq "stat fi stat" permezz tal-kontroll tiegħu fuq ir-reġjuni fil-biċċa l-kbira Shiiti tal-pajjiż;

P. billi matul il-protesti popolari, in-nies inġabru taħt il-bandiera Libaniża u b'mod miftuħ kellhom il-kuraġġ jikkritikaw lill-Hezbollah; billi matul dawn il-protesti, wieħed seta' jisma' "terroristi, terroristi, il-Hezbollah: dawk huma terroristi", "dan huwa l-Libanu, mhux l-Iran" u "ma rridu l-ebda armata fil-Libanu għajr l-armata Libaniża"; billi d-dimostranti ġew attakkati u msawta mill-partitarji tal-Hezbollah;

Q. billi f'Mejju 2021, il-produttur ewlieni tal-elettriku tal-Libanu, Electricité du Liban, (l-Elettriku tal-Libanu) ħabbar li m'għadx għandu biżżejjed flus biex jixtri l-fjuwil; billi l-Libanu qed jikkuntattja lil diversi pajjiżi fir-reġjun sabiex jindirizza l-ħtiġijiet immedjati tiegħu fil-qasam tal-enerġija; billi l-Ambaxxatur tal-Istati Uniti għal-Libanu ħabbar li l-Istati Uniti se jgħinu lil-Libanu fix-xiri tal-elettriku mill-Ġordan u tal-fjuwil mill-Eġittu;

R. billi fid-dawl tan-nuqqas ta' fjuwil fil-Libanu, il-Hezbollah kkonkluda ftehim tal-fjuwil mal-Iran, filwaqt li wissa lill-Istati Uniti u lill-Iżrael biex ma jinterferixxux; billi minkejja l-wegħdiet tal-Hezbollah li jgħin lill-poplu Libaniż kollu u mhux biss lill-partitarji Shiiti tiegħu, ħafna Libaniżi jilmentaw li l-Hezbollah qed jabbuża s-sistema Libaniża u qed iqassam il-fjuwil, il-mediċini u l-elettriku skarsi biss lill-partitarji Shiiti tagħhom, minflok lil kulħadd; billi l-instabilità u l-iskarsezza dejjem akbar tal-fjuwil xi drabi wasslu għal vjolenza bl-armi tan-nar, u din wasslet għal diversi mwiet;

S. billi fit-30 ta' Awwissu 2021, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU adotta unanimament ir-riżoluzzjoni 2591(2021), li estendiet il-mandat tal-UNIFIL b'sena; billi fakkar fil-ħtieġa li l-forzi armati Libaniżi jiġu skjerati fin-Nofsinhar tal-Libanu u li l-partijiet kollha jirrispettaw il-waqfien tal-ostilitajiet, jipprevjenu l-ksur tal-Linja Blu u jiżguraw il-libertà tal-moviment u l-aċċess tal-UNIFIL għal-Linja Blu;

T. billi fit-22 ta' Lulju 2013, il-Kunsill qabel unanimament li jelenka l-hekk imsejħa fergħa militari tal-Hezbollah bħala organizzazzjoni terroristika; billi fl-istess ħin, l-UE affermat mill-ġdid l-impenn tagħha li żżomm kuntatt mal-partiti politiċi kollha fil-Libanu, inkluż il-Hezbollah; billi distinzjoni bejn il-fergħat militari u politiċi tal-Hezbollah ġiet miċħuda bil-qawwa mit-tmexxija għolja tal-Hezbollah, li tinsisti li ż-żewġ fergħat jikkonsistu l-istess organizzazzjoni;

U. billi sa mill-bidu tiegħu fl-1982 bħala prokura Iranjana, il-Hezbollah kien involut f'attivitajiet terroristiċi madwar id-dinja, mil-Libanu għas-Sirja, il-Jemen, l-Amerika Latina u l-Ewropa; billi l-Hezbollah instab li kien responsabbli għall-attakk suwiċida bil-bombi fl-2012 f'Burgas, il-Bulgarija, li rriżulta fil-qtil ta' sitt turisti Iżraeljani u l-korriment ta' diversi oħrajn, u wassal għad-deżinjazzjoni tal-UE tal-hekk imsejħa fergħa militari tal-Hezbollah bħala organizzazzjoni terroristika;

V. billi matul dawn l-aħħar ftit snin, għadd dejjem akbar ta' Stati Membri elenkaw lill-Hezbollah fl-intier tiegħu bħala organizzazzjoni terroristika, inklużi l-Awstrija, il-Ġermanja, il-Latvja, is-Slovenja u n-Netherlands; billi l-Kanada, ir-Renju Unit, l-Istati Uniti, l-Iżrael, il-Lega Għarbija u l-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf interdixxew ukoll lill-Hezbollah kollu kemm hu bħala organizzazzjoni terroristika;

W. billi fl-2021 biss, l-UE s'issa tat lil-Libanu b'EUR 55.5 miljun f'għajnuna umanitarja; billi l-UE u l-Istati Membri tagħha mmobilizzaw EUR 24 biljun f'għajnuna mill-2011 'l hawn;

X. billi l-Ftehim Ewro-Mediterranju huwa bbażat fuq ir-rispett għall-prinċipji demokratiċi u d-drittijiet fundamentali tal-bniedem, kif stabbiliti fid-Dikjarazzjoni Universali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, li tikkostitwixxi element essenzjali tal-ftehim;

1. Jafferma mill-ġdid is-sħubija b'saħħitha tiegħu mal-Libanu u l-impenji kondiviżi favur il-valuri komuni tad-demokrazija, il-pluraliżmu, l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem; jieħu nota tal-formazzjoni tal-Gvern Libaniż il-ġdid taħt il-Prim Ministru Mikati; jenfasizza l-ħtieġa ta' gvern vijabbli, kredibbli u responsabbli;

2. Ifakkar li l-elezzjonijiet previsti għal Mejju 2022 taħt l-ebda ċirkostanza ma jridu jiġu posposti u jridu jirrispettaw l-istandards demokratiċi internazzjonali għal elezzjonijiet ħielsa, ġusti u trasparenti;

3. Jafferma mill-ġdid is-solidarjetà tiegħu mal-popolazzjoni Libaniża u mas-soċjetà ċivili; jappoġġa bil-qawwa l-aspirazzjonijiet tal-poplu Libaniż, li jixtieq jistabbilixxi Libanu ħieles, stabbli, prosperu, inklużiv u demokratiku, li jirrispetta l-impenji nazzjonali u internazzjonali tiegħu; iħeġġeġ lis-soċjetà ċivili u lis-sħab soċjali u ekonomiċi jaqdu r-rwoli rispettivi tagħhom fi djalogu nazzjonali billi jesprimu l-aspirazzjonijiet tagħhom u jressqu proposti għall-paċi, l-iżvilupp u l-futur tal-pajjiż;

4. Jesprimi s-solidarjetà tiegħu ma' dawk kollha affettwati mill-isplużjoni tal-port ta' Bejrut; jisħaq fuq il-ħtieġa li ż-żona tinbena mill-ġdid mingħajr dewmien; jappella għal investigazzjoni trasparenti, indipendenti, newtrali u urġenti dwar l-isplużjoni tal-port ta' Bejrut u missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni mmexxija min-NU fil-Libanu sabiex dawk responsabbli jinżammu responsabbli;

5. Jesprimi tħassib serju dwar ir-rwol destabbilizzanti u mhux kostruttiv tal-Hezbollah fil-politika u s-soċjetà Libaniża; jikkundanna l-indħil tal-Iran fl-affarijiet Libaniżi permezz tal-appoġġ sostantiv tiegħu lill-Hezbollah; jistieden lill-Iran jirrispetta s-sovranità tal-Libanu;

6. Jikkundanna bil-qawwa r-rabtiet tal-Hezbollah mat-terroriżmu madwar id-dinja, inkluż fil-Lvant Nofsani, l-Ewropa u l-Amerika Latina; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jiddeżinjaw lill-organizzazzjoni fl-intier tagħha bħala organizzazzjoni terroristika; jilqa' l-fatt li xi Stati Membri diġà għamlu dan;

7. Jikkundanna bil-qawwa l-isparar ta' rokits mill-Hezbollah min-Nofsinhar tal-Libanu lejn żoni ċivili fl-Iżrael; jesprimi tħassib serju dwar in-nuqqas kontinwu ta' progress favur l-istabbiliment ta' waqfien mill-ġlied permanenti u dispożizzjonijiet ewlenin oħra tar-riżoluzzjoni 1701 (2006) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU fid-dawl tat-tensjonijiet l-aktar reċenti u kontinwi tul il-fruntiera tan-Nofsinhar tal-Libanu;

8. Jafferma mill-ġdid l-appoġġ qawwi tiegħu għall-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza politika tal-Libanu, f'konformità mar-riżoluzzjoni 2591 (2021) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; jikkundanna l-ksur mill-Hezbollah tar-riżoluzzjoni 1701 (2006) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u jappoġġa t-twaqqif ta' mekkaniżmu li jiżgura li kwalunkwe ksur mill-Hezbollah ikun dokumentat b'mod adegwat u inkluż f'rapporti ta' rieżami futuri; ifakkar fil-pożizzjoni tal-UE li r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 1591 (2005) u 1701 (2006) iridu jiġu rispettati bis-sħiħ;

9. Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tat-30 ta' Awwissu 2021 li l-mandat tal-UNIFIL jiġġedded għal sena oħra; jesprimi appoġġ għall-ħidma tal-UNIFIL tul il-fruntiera bejn l-Iżrael u l-Libanu u jenfasizza l-ħtieġa li l-forzi armati Libaniżi jiġu skjerati fin-Nofsinhar tal-Libanu sabiex jiġi impedit il-ksur tal-Linja Blu u jiġu żgurati l-libertà ta' moviment u l-aċċess tal-UNIFIL għal-Linja Blu;

10. Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-30 ta' Lulju 2021 u jappoġġa t-talbiet internazzjonali biex jiġu indirizzati l-isfidi ekonomiċi, politiċi u ta' sigurtà tal-Libanu; jistieden lill-awtoritajiet Libaniżi jerġgħu jibdew t-taħditiet b'mod urġenti mal-FMI u jimplimentaw riformi tanġibbli;

11. Jilqa' t-tħabbira tal-Ambaxxatur tal-Istati Uniti għal-Libanu li l-Istati Uniti se tgħin lil-Libanu fix-xiri tal-elettriku mill-Ġordan u tal-fjuwil mill-Eġittu; jappoġġa aktar kooperazzjoni bejn il-Libanu u l-ġirien tiegħu;

12. Jistieden lill-Kunsill u lill-Istati Membri jikkunsidraw sanzjonijiet immirati fil-qafas tal-Kunsill adottat fit-30 ta' Lulju 2021 fil-konfront ta' mexxejja Libaniżi responsabbli għall-korruzzjoni u d-degradazzjoni tal-pajjiż, inklużi uffiċjali involuti fi ksur kontinwu tad-drittijiet tal-bniedem relatat mal-isplużjoni tal-port ta' Bejrut u fl-isforzi biex tiġi mminata r-responsabbiltà; jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, jipproponi lista affidabbli u preċiża tal-awtoritajiet responsabbli fil-Libanu;

13. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern u lill-Parlament ta' Libanu.

 

 

 

 

Aġġornata l-aħħar: 15 ta' Settembru 2021
Avviż legali - Politika tal-privatezza