MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fil-Libanu
14.9.2021 - (2021/2878(RSP))
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Christophe Grudler, Petras Auštrevičius, Malik Azmani, Izaskun Bilbao Barandica, Dita Charanzová, Olivier Chastel, Klemen Grošelj, Bernard Guetta, Karin Karlsbro, Ilhan Kyuchyuk, Karen Melchior, Javier Nart, Jan-Christoph Oetjen, Samira Rafaela, Frédérique Ries, María Soraya Rodríguez Ramos, Michal Šimečka, Nicolae Ştefănuță, Dragoş Tudorache
f'isem il-Grupp Renew
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0465/2021
B9-0470/2021
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Libanu
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Libanu,
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/1275[1] u d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/1277[2] tat-30 ta' Lulju 2021 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libanu,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni maħruġa mill-President tal-Kunsill Ewropew fl-4 ta' Awwissu 2021 waqt it-tielet konferenza internazzjonali b'appoġġ għall-poplu tal-Libanu, li saret fuq stedina konġunta tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u l-President tar-Repubblika Franċiża,
– wara li kkunsidra l-aġġornament dwar il-Libanu għar-Rapport Annwali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2020 tal-21 ta' Ġunju 2021,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO) u l-Programm Dinji tal-Ikel (WFP) tat-23 ta' Marzu 2021 bit-titlu "Hunger Hotspots: FAO-WFP early warnings on acute food insecurity", li jgħid li l-Libanu qiegħed f'riskju ta' karestija,
– wara li kkunsidra r-rapport dwar il-Qafas għar-Riforma, l-Irkupru u r-Rikostruzzjoni tal-Libanu adottat mill-UE, in-Nazzjonijiet Uniti u l-Bank Dinji f'Diċembru 2020,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-28 ta' Settembru 2021 tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, f'isem l-UE, dwar ir-riżenja tal-Prim Ministru nominat tal-Libanu,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Ewro-Mediterranju tat-30 ta' Mejju 2006 li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika Libaniża, min-naħa l-oħra[3], u d-Deċiżjoni Nru 1/2016 tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Libanu tal-11 ta' Novembru 2016 dwar qbil fuq il-Prijoritajiet tas-Sħubija UE-Libanu[4],
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1559 tat-2 ta' Settembru 2004 u r-Riżoluzzjoni 1701 tal-11 ta' Awwissu 2006 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti li fihom kien sar appell għad-diżarm tal-gruppi armati fil-Libanu,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi s-sitwazzjoni umanitarja fil-Libanu marret lura b'mod drammatiku mill-isplużjoni fil-port ta' Bejrut fl-4 ta' Awwissu 2020, li fiha nqatlu 218-il persuna u ndarbu 7 000 u li sal-lum l-ebda uffiċjal għadu ma nżamm responsabbli għaliha; billi, skont investigazzjoni tal-gazzetta The Guardian ippubblikata f'Jannar 2021, l-2 750 tunnellata ta' nitrat tal-ammonju li splodew fil-port ta' Bejrut setgħu kienu destinati għas-Sirja; billi l-kumpanija li pprovdiet in-nitrat tal-ammonju setgħet kienet relatata ma' kumpaniji li kienu proprjetà ta' tliet negozjanti Russi u Sirjani b'rabtiet mill-qrib mal-President Sirjan Bashar al-Assad;
B. billi l-isplużjoni fil-port ta' Bejrut kienet riflessjoni ta' sitwazzjoni ekonomika u politika diġà mwiegħra, kif espress fil-protesti tal-massa li saru fit-toroq f'Ottubru 2019 – magħrufa wkoll bħala r-Rivoluzzjoni Libaniża ta' Ottubru – b'kundanna għall-korruzzjoni uffiċjali rampanti u b'sejħa għal servizzi pubbliċi u riformi demokratiċi sekulari; billi dawn l-appelli ġew minn ċittadini Libaniżi ta' kull sfond reliġjuż u soċjali;
C. billi, skont il-Bank Dinji, il-mod kif ċkienet l-ekonomija tal-Libanu seta' kien wieħed mill-aktar "brutali" li d-dinja qatt rat f'dawn l-aħħar 150 sena; billi l-inflazzjoni laħqet l-84 % fl-2020 u mistennija tilħaq il-100 % fl-2021;
D. billi l-faqar spara 'l fuq, u rapport tan-Nazzjonijiet Uniti ta' Settembru 2021 jgħid li aktar minn 74 % tal-popolazzjoni Libaniża qed tgħix fil-faqar u 82 % qiegħda f'sitwazzjoni ta' faqar multidimensjonali[5]; billi terz tat-tfal Libaniżi qed ikollhom jaqbżu l-ikla ta' kuljum; billi, fi tmiem l-2020, il-proporzjon ta' rifuġjati Sirjani f'faqar estrem kien żdied minn 55 % għal 89 % fi żmien 12-il xahar; billi sa Settembru 2021, 17 % tal-popolazzjoni biss kienet imlaqqma bis-sħiħ kontra l-COVID-19;
E. billi deprezzament rekord ta' 90 % tal-munita tal-Libanu mill-aħħar tal-2019 'l hawn ippermetta lill-aktar individwi sinjuri tal-pajjiż jiddeprezzaw il-valur tad-dejn finanzjarju tagħhom, a skapitu ta' inflazzjoni rekord, li kienet ta' detriment għall-biċċa l-kbira tal-popolazzjoni; billi l-Kumitat Finanzjarju tal-Parlament Libaniż irrifjuta l-pjan tal-gvern għal rikapitalizzazzjoni interna li kienet tippermetti li l-flus imfaddla minn 98 % tal-popolazzjoni jiġu ppreservati permezz ta' garanziji fuq l-assi ta' kontijiet bankarji li jkollhom inqas minn USD 500 000 fi tfaddil; billi quddiem kritika dwar il-pjan ta' rkupru mill-membri parlamentari, il-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) ippubblika tliet dikjarazzjonijiet b'appoġġ għall-pjan propost mill-gvern; billi l-membri parlamentari li rrifjutaw il-pjan ta' rkupru għandhom interessi personali li jiġu ppreservati l-interessi tal-banek Libaniżi, minħabba r-relazzjonijiet tagħhom bħala azzjonisti jew qraba tal-azzjonisti ta' dawk il-banek;
F. billi azzjonijiet kontra gwadann magħmul b'qerq huma parti mill-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-impunità, li hija partikolarment neċessarja biex tissolva l-kriżi fil-Libanu;
G. billi d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-30 ta' Lulju 2021 stabbiliet qafas għal sanzjonijiet immirati kontra persuni u entitajiet li jimminaw id-demokrazija jew l-istat tad-dritt fil-Libanu; billi dawn jinkludu projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar fl-UE u ffriżar ta' assi fuq tfixkil persistenti tal-formazzjoni ta' gvern jew xkiel serju fl-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet, l-ostakolar jew it-tfixkil tal-implimentazzjoni ta' pjanijiet approvati mill-awtoritajiet Libaniżi u appoġġjati mill-UE biex jitjiebu r-responsabbiltà u l-governanza tajba, inkluż fis-settur bankarju u finanzjarju, jew fuq kondotta finanzjarja ħażina serja fir-rigward tal-fondi pubbliċi, atti koperti mill-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Korruzzjoni u esportazzjoni mhux awtorizzata tal-kapital;
H. billi, skont dokumenti uffiċjali żvelati, l-awtoritajiet doganali, militari u tas-sigurtà Libaniżi, kif ukoll il-ġudikatura, wissew gvern wara l-ieħor dwar il-ħażna perikoluża ta' sustanzi kimiċi splussivi fil-port ta' Bejrut f'mhux inqas minn 10 okkażjonijiet f'temp ta' sitt snin, iżda ma ttieħdet l-ebda azzjoni; billi personalitajiet politiċi Libaniżi ewlenin ostakolaw l-investigazzjoni lokali dwar l-isplużjoni sussegwenti, u l-awtoritajiet neħħew lill-ewwel imħallef investigattiv wara li personalitajiet politiċi ssejħu biex jiġu interrogati, u ċaħdu t-talbiet tat-tieni mħallef investigattiv biex titneħħa l-immunità ta' membri parlamentari suspettati u biex jinterroga lil uffiċjali superjuri tal-forzi tas-sigurtà;
I. billi Riad Salameh, li ilu Gvernatur tal-Bank Ċentrali tal-Libanu mill-1993, kien qed imexxi strateġija – simili għal skema Ponzi – li biha l-kredituri eżistenti kienu qed jagħmlu l-flus permezz ta' self dejjem akbar, li wassal ukoll għall-kollass monetarju ta' tmiem l-2019; billi Salameh allegatament ostakola l-investigazzjonijiet dwar frodi fil-Bank Ċentrali kif ukoll awditu internazzjonali neċessarju biex tiġi rilaxxata l-għajnuna tal-FMI; billi mħallfin Franċiżi u Żvizzeri li jaħdmu kontra l-korruzzjoni ilhom jinvestigaw lilu u lil qraba u kollegi oħra minn Lulju 2021 talli allegatament ittrasferew fondi mil-Libanu f'banek Żvizzeri u fil-Panama illegalment u ħaslu l-miljuni fi Franza, il-Ġermanja, l-Iżvizzera u r-Renju Unit permezz ta' proprjetà immobbli;
J. billi, wara ż-żjarat tiegħu fil-Libanu f'Awwissu u Settembru 2020, il-President Franċiż Emmanuel Macron ressaq pjan direzzjonali dettaljat għal riforma, spinta lill-għajnuna internazzjonali u appoġġ għall-ekonomija tal-pajjiż;
K. billi għal 13-il xahar, il-klassi politika tal-Libanu naqset milli tifforma gvern u tibda riformi strutturali urġenti minkejja l-impenn tal-partiti politiċi kollha li jirrispettaw il-kalendarju tal-pjan direzzjonali propost; billi fl-10 ta' Settembru 2021 ġie ffurmat gvern;
1. Iqis is-sitwazzjoni attwali fil-Libanu bħala diżastru magħmul mill-bniedem ikkawżat minn għadd żgħir ta' rġiel fil-klassi politika fil-poter; jesprimi tħassib kbir dwar il-ħsara irriversibbli mġarrba mill-popolazzjoni tal-Libanu, li tinkludi l-eżodu ta' mħuħ u t-tnaqqis fir-riżorsi umani, li huma essenzjali għall-irkupru u l-ħajja demokratika tal-pajjiż; jemmen li l-infurzar tar-responsabbiltà, l-organizzazzjoni ta' elezzjonijiet ħielsa u ġusti u l-forniment ta' servizzi pubbliċi bażiċi għandhom jegħlbu kwalunkwe kunsiderazzjoni personali fil-klassi politika tal-Libanu;
2. Jiddeplora bil-qawwa r-rifjut tal-maġġoranza tal-Parlament Libaniż u ta' xi ministeri li jikkooperaw mal-awtoritajiet ġudizzjarji biex tiġi miġġielda l-korruzzjoni u tiġi investigata b'mod effettiv l-isplużjoni fil-port ta' Bejrut; jenfasizza l-bżonn, għalhekk, li tissaħħaħ l-investigazzjoni li għaddejja dwar l-isplużjoni u li jiġi żgurat li din tkun indipendenti, imparzjali u effikaċi;
3. Jistieden lill-Istati Membri kollha tal-UE biex, mingħajr ebda eċċezzjoni, isaħħu u jikkooperaw bis-sħiħ mas-sanzjonijiet immirati l-ġodda tal-UE kontra l-mexxejja korrotti u dawk li mminaw id-demokrazija u l-istat tad-dritt u l-affiljati tagħhom fil-Libanu; iħeġġeġ lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-Kunsill biex jallokaw b'urġenza biżżejjed riżorsi biex il-mekkaniżmu l-ġdid jiġi żviluppat b'mod effettiv u jinbeda l-proċess tal-elenkar ta' mexxejja u affiljati korrotti; jistieden lill-Istati Membri tal-UE u lis-sħab tagħhom, bħar-Renju Unit u l-Iżvizzera, jikkooperaw fil-ġlieda kontra l-allegata miżapproprjazzjoni ta' fondi pubbliċi minn għadd ta' uffiċjali Libaniżi;
4. Jistieden lill-gvern il-ġdid iressaq pjan ta' rkupru ekonomiku b'urġenza sabiex jissalvaw is-servizzi pubbliċi paralizzati tal-Libanu, il-mekkaniżmi ta' protezzjoni soċjali, u l-appoġġ għas-saħħa u l-edukazzjoni; iħeġġeġ lill-gvern jerġa' jibda n-negozjati mal-FMI; jitlob li titwaqqaf task force umanitarja internazzjonali fil-ministeri Libaniżi, taħt is-superviżjoni tan-Nazzjonijiet Uniti, sabiex tingħata spinta lill-għajnuna umanitarja u għall-iżvilupp u jiġi sorveljat l-użu tal-fondi; jappella għat-tkomplija tal-appoġġ finanzjarju internazzjonali u tal-UE biex jiġi garantit ix-xiri ta' ħtiġijiet bażiċi bħall-fjuwil, il-mediċina u l-qamħ, u biex jiġi żgurat li d-drittijiet bażiċi għas-saħħa u l-edukazzjoni jiġu ppreservati;
5. Iħeġġeġ lill-UE tibgħat missjoni ta' osservazzjoni fil-Libanu xhur qabel l-elezzjonijiet leġiżlattivi ta' Mejju 2022; jenfasizza li l-kalendarju stabbilit fil-Kostituzzjoni tal-Libanu jrid jiġi rispettat u mhux pospost mill-klassi politika tiegħu;
6. Ifaħħar lis-soċjetà Libaniża talli organizzat ruħha u wriet grad għoli ta' reżiljenza u li tirrappreżenta alternattiva għal klassi politika tradizzjonali mdgħajfa minn diviżjonijiet settarji u korruzzjoni; ifaħħar, pereżempju, il-koalizzjoni tal-oppożizzjoni "The Order Revolves" talli laqqgħet flimkien inġiniera mill-protesti popolari li saru kontra s-sistema politika tal-Libanu, u li rebħet l-elezzjonijiet tas-sindakat tal-inġiniera Libaniżi f'Ġunju 2021;
7. Jistieden lill-komunità internazzjonali tipprovdi l-appoġġ finanzjarju neċessarju biex il-forzi armati u l-forzi tas-sigurtà interna Libaniżi jkunu jistgħu jiżvolġu r-rwol essenzjali tagħhom fil-prevenzjoni ta' kollass ulterjuri tal-istituzzjonijiet tal-istat, l-iżgurar tal-għajnuna umanitarja u l-iżgurar tal-istabbiltà;
8. Jikkundanna l-indħil barrani destabbilizzanti u jħeġġeġ lill-awtoritajiet Libaniżi jżommu sod kontra prattiki ta' kopertura, inkluż mir-reġim ta' Assad, dwar allegazzjonijiet ta' kompliċità fl-isplużjoni tan-nitrat tal-ammonju fil-port ta' Bejrut; jenfasizza r-responsabbiltà partikolari tal-Hezbollah u ta' fazzjonijiet oħra fir-repressjoni tal-moviment popolari Libaniż fl-2019 u fil-kriżi politika u ekonomika tal-Libanu;
9. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar ir-rwol tal-Libanu bħala ċentru tad-droga, partikolarment l-amfetamina Captagon;
10. Jitlob li jitwaqqaf tribunal speċjali ta' mħallfin indipendenti għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' każijiet ta' korruzzjoni relatati direttament mal-kriżi Libaniża fir-rigward ta' individwi residenti fil-Libanu jew f'pajjiżi oħrajn, li għandu jitħalla jordna d-detenzjoni tagħhom u jżommhom milli jkomplu jinvolvu ruħhom fil-ħajja politika tal-pajjiż, skont l-istandards internazzjonali, il-proċess korrett tal-liġi u d-dritt għal proċess ġust;
11. Jenfasizza li wara r-repressjoni totali tar-reġim ta' Assad kontra r-rewwixta popolari Sirjana fl-2011, il-Libanu laqa' l-ogħla proporzjon fid-dinja ta' rifuġjati Sirjani; jiġbed l-attenzjoni għar-responsabbiltà partikolari tar-reġim Sirjan fil-persistenza ta' din is-sitwazzjoni umanitarja drammatika, u d-dmir tal-komunità internazzjonali li tassisti bis-sħiħ lil-Libanu abbażi tas-solidarjetà internazzjonali;
12. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern u l-Parlament tal-Libanu.
- [1] ĠU L 277 I, 2.8.2021, p. 1.
- [2] ĠU L 277 I, 2.8.2021, p. 16.
- [3] ĠU L 143, 30.5.2006, p. 2.
- [4] ĠU L 350, 22.12.2016, p. 114.
- [5] Kummissjoni Ekonomika u Soċjali tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Punent tal-Asja, Multidimensional poverty in Lebanon (2019-2021): Painful reality and uncertain prospects, 3 ta' Settembru 2021.