MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fil-Belarussja wara sena ta' protesti u r-repressjoni vjolenti tagħhom
4.10.2021 - (2021/2881(RSP))
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Manu Pineda
f'isem il-Grupp The Left
B9-0483/2021
Mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Belarussja wara sena ta' protesti u r-repressjoni vjolenti tagħhom
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,
– wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Belarussja,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-unika missjoni internazzjonali ta' osservazzjoni elettorali mmexxija mill-Komunità ta' Stati Indipendenti u l-fatt li l-ODIHR tal-OSKE ma saritlux stedina f'waqtha biex iwettaq missjoni ta' osservazzjoni elettorali għall-elezzjoni presidenzjali,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tas-Segretarju Ġenerali tan-NU tal-10 u tal-14 ta' Awwissu 2020 u tal-24 ta' Mejju 2021,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja tad-19 ta' Novembru 2020 dwar l-istat tad-dritt u d-djalogu politiku inklużiv,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Ħolqien ta' Stat tal-Unjoni tar-Russja u l-Belarussja, iffirmat fit-8 ta' Diċembru 1999,
– wara li kkunsidra l-ftehimiet l-aktar reċenti bejn ir-Russja u l-Belarussja, iffirmati fid-9 ta' Settembru 2021 fil-kuntest tal-Istat tal-Unjoni,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati (UNHCR) u tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM) tal-21 ta' Settembru 2021 dwar l-imwiet qrib il-fruntiera bejn il-Belarussja u l-Polonja,
– wara li kkunsidra l-istat ta' emerġenza ddikjarat mill-Polonja fit-2 ta' Settembru 2021,
– wara li kkunsidra l-emendi ta' Lulju u Awwissu 2021 għal-Liġi tal-Litwanja dwar l-Istatus Legali tal-Barranin u r-riformi proposti tal-leġiżlazzjoni Litwana mħabbra mill-gvern tal-pajjiż fil-15 ta' Settembru 2021 dwar id-detenzjoni,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi s-sitwazzjoni fil-Belarussja kompliet tmur għall-agħar mill-elezzjoni presidenzjali tad-9 ta' Awwissu 2020; billi l-istituzzjonijiet tan-NU rrappurtaw ripressjoni fuq dimostranti u figuri tal-oppożizzjoni, u talbu li s-sistema ġudizzjarja tirrispetta l-istat tad-dritt; billi r-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja stqarr li l-unika soluzzjoni għal din is-sitwazzjoni hija permezz tad-djalogu politiku inklużiv u l-obbligu ta' rendikont;
B. billi l-għadd ta' persuni li jfittxu l-protezzjoni internazzjonali mingħand diversi pajjiżi u li jidħlu fl-UE mill-fruntieri tal-Belarussja mal-Polonja u l-Litwanja żdied f'dawn l-aħħar xhur; billi, skont l-awtoritajiet Pollakki, mill-1 ta' Settembru 2021 3 800 persuna għamlu tentattivi biex jidħlu fil-Polonja mill-Belarussja; billi r-rispons mill-awtoritajiet Pollakki għal din iż-żieda fil-wasliet kien li jibagħtu s-suldati fil-fruntiera u jiddikjaraw stat ta' emerġenza fiż-żona, li jwaqqaf lill-NGOs u lill-ġurnalisti milli jaħdmu liberament f'dik iż-żona; billi l-Latvja u l-Litwanja ddikjaraw ukoll stat ta' emerġenza għall-istess raġunijiet;
C. billi bħalissa hemm għexieren ta' persuni maqbuda fir-reġjuni tal-fruntiera bejn il-Belarussja u l-Polonja, li l-maġġoranza tagħhom ġejjin mill-Afganistan u mill-Iraq; billi l-UNHCR u l-IOM iddenunzjaw il-fatt li l-awtoritajiet Pollakki ma ħallewhomx ikollhom aċċess għal dawn il-persuni sabiex jipprovdulhom il-ħtiġijiet u s-servizzi bażiċi li ma għandhomx, bħal ikel u ilma adegwati, servizzi tas-sanità jew assistenza medika; billi fl-aħħar ġimgħa ħames persuni mietu fil-fruntiera bejn il-Belarussja u l-Polonja;
D. billi l-awtoritajiet Pollakki u Litwani qed iċaħħdu lill-persuni li jfittxu ażil li jaslu mill-Belarussja mid-dritt tal-aċċess għall-protezzjoni internazzjonali; billi dawn l-awtoritajiet regolarment qed iwettqu ritorni tal-massa mingħajr ma jwettqu proċess ġust fil-fruntieri tagħhom mal-Belarussja, bi ksur ċar tal-leġiżlazzjoni internazzjonali dwar l-ażil;
E. billi l-uffiċjali tal-Frontex ippreżentaw 12-il rapport ta' inċidenti serji fix-xahar ta' Awwissu 2021 biss li kienu jirrigwardaw push-backs u ksur allegati tad-drittijiet fundamentali fil-qafas tal-operazzjoni konġunta tal-Frontex FOA Land 2021, wara li uffiċjali tal-Frontex għaddew lill-gruppi f'idejn l-uffiċjali tal-fruntieri Litwani; iħeġġeġ lill-Uffiċjal għad-Drittijiet Fundamentali jwettaq proċedura ta' diliġenza dovuta fir-rigward ta' din l-operazzjoni u jitlob is-sospensjoni tal-operazzjoni f'konformità mal-Artikolu 46 tar-Regolament dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta;
F. billi l-NGOs li jassistu lill-persuni li jfittxu protezzjoni internazzjonali fir-reġjuni tal-fruntiera tal-Polonja u tal-Litwanja ddenunzjaw il-vjolenza sistematika kontra persuni li jaslu, kif ukoll it-tentattivi mill-awtoritajiet Pollakki u Litwani biex jintimidawhom u jżommuhom milli jipprovdu assistenza; billi l-ħaddiema fis-sistema tal-ażil Litwana ddenunzjaw il-fatt li l-gvern għamel pressjoni fuqhom biex jirrifjutaw l-applikazzjonijiet għall-ażil, iwettqu intervisti fittizji u jġiegħlu lill-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali jirritornaw volontarjament;
G. billi l-Gvern Litwan ħabbar l-intenzjoni tiegħu li jneħħi l-limitu attwali ta' detenzjoni ta' 6 xhur u jippermetti d-detenzjoni indefinita tal-migranti, f'tentattiv li jiskoraġġixxi l-wasliet irrispettivament mill-implikazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem;
H. billi l-armata tal-Istati Uniti skjerat unitajiet mekkanizzati f'żoni tal-Litwanja li huma qrib il-fruntiera Belarussa; Billi fl-2020 l-Istati Uniti bagħtet aktar minn 20 000 suldat fl-Estonja, fil-Latvja, fil-Litwanja u fil-Polonja; billi l-armata Russa bagħtet truppi addizzjonali fir-reġjun tal-Punent tal-Federazzjoni Russa qrib il-fruntiera Belarussa u wettqet eżerċizzji militari bħala parti mill-eżerċizzju Zapad 2021;
I. billi l-Belarussja hija parti mill-inizjattiva tas-Sħubija tal-Lvant tal-UE; billi l-Belarussja u l-UE ffirmaw diversi ftehimiet f'dawn l-aħħar snin fil-qasam tal-governanza, fost oqsma oħra; billi, tul il-perjodu 2014-2020, l-assistenza tal-UE lill-Belarussja fl-ambitu tal-Istrument Ewropew ta' Viċinat telgħet kienet ta' EUR 170 miljun;
J. billi minn Ottubru 2020, l-UE imponiet erba' pakketti ta' sanzjonijiet fuq il-Belarussja, li l-aktar reċenti minnhom kien fil-21 ta' Ġunju 2021, li jkopru 78 persuna u 8 entità Belarussa, inklużi kumpaniji pubbliċi; billi l-UE eskludiet lit-trasportaturi Belarussi milli jużaw l-ajruporti u l-ispazju tal-ajru tal-UE wara l-arrest tal-ġurnalisti tal-oppożizzjoni Roman Protasevich u Sofia Sapega wara li l-ajruplan li kienu qed jivvjaġġaw fuqu kien imġiegħel jinżel f'Minsk;
1. Jesprimi tħassib serju dwar is-sitwazzjoni fil-Belarussja; jenfasizza l-ħtieġa ta' soluzzjoni paċifika u demokratika għall-kriżi attwali;
2. Jesprimi tħassib serju dwar is-sitwazzjoni umanitarja tal-persuni li jfittxu protezzjoni internazzjonali fil-fruntieri bejn il-Belarussja u l-UE u jirrifjuta l-każijiet kollha tal-istrumentalizzazzjoni tal-persuni li jfittxu protezzjoni internazzjonali; jistieden lill-atturi kollha jirrispettaw bis-sħiħ id-dritt internazzjonali, inkluż il-prinċipju tan-non-refoulement;
3. Jikkundanna l-politiki implimentati mill-awtoritajiet Pollakki, Latvjani u Litwani biex iwaqqfu l-wasla ta' persuni li jfittxu protezzjoni internazzjonali mill-fruntieri tagħhom mal-Belarussja, li wasslu għat-telf ta' ħames ħajjiet fl-aħħar ġimgħa u rriżultaw fi kriżi umanitarja; jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi ta' dawn il-politiki u jitlob li dawk responsabbli politikament jagħtu rendikont ta' għemilhom;
4. Ifakkar li l-Istati Membri jeħtiġilhom jirrispettaw id-dritt rilevanti tal-UE dwar l-ażil u l-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen, u jagħtu aċċess għat-territorju tagħhom, jipprovdu kundizzjonijiet ta' akkoljenza xierqa u jagħtu aċċess għal proċedura tal-ażil ġusta u affidabbli lil dawk kollha li jesprimu r-rieda tagħhom li jfittxu protezzjoni internazzjonali; itenni l-ħtieġa li tiġi żgurata s-solidarjetà bejn l-Istati Membri biex jiġu żgurati l-akkoljenza adegwata u r-rilokazzjoni ġusta ta' dawk li jfittxu ażil fl-UE kollha;
5. Jistieden lill-awtoritajiet Pollakki, Latvjani u Litwani biex immedjatament itemmu l-istat ta' emerġenza li imponew bħala mezz biex jimpedixxu li tingħata assistenza adegwata lil dawk li jfittxu ażil u biex jippermettu li l-awtoritajiet tal-fruntieri jieħdu azzjoni mingħajr kontroll; jistieden lill-awtoritajiet Litwani jtemmu l-pjanijiet kollha biex jippermettu d-detenzjoni indefinita tal-migranti u jirrevokaw l-aħħar riformi tal-liġi tal-ażil tagħhom, inkluża l-possibilità li jiddeportaw persuni li jkunu għadhom fil-proċess li jappellaw għall-ewwel deċiżjoni dwar l-ażil;
6. Jesprimi tħassib serju dwar it-tensjonijiet li qed jiżdiedu bejn l-UE u r-Russja u l-eskalazzjoni militari fir-reġjun; jistieden lill-atturi kollha, inklużi n-NATO u r-Russja, biex jeżerċitaw trażżin u jieqfu jqanqlu tensjonijiet fir-reġjun;
7. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fallimenti tal-politika tas-Sħubija tal-Lvant tal-UE u jenfasizza l-bżonn li din tiġi orjentata mill-ġdid; jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) biex iressaq pjan għal djalogu kostruttiv mar-Russja li jenfasizza r-rwol importanti li għandu jkollhom il-pajjiżi ġirien;
8. Jopponi l-impożizzjoni ta' sanzjonijiet, li huma strument kontroproduttivi u għandu impatt negattiv fuq il-popolazzjoni, kif enfasizzaw diversi fazzjonijiet tal-oppożizzjoni u dimostranti paċifiċi;
9. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern tal-Belarussja.