Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0486/2021Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0486/2021

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni umanitarja fit-Tigray

4.10.2021 - (2021/2902(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Thierry Mariani
f'isem il-Grupp ID

Proċedura : 2021/2902(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B9-0486/2021
Testi mressqa :
B9-0486/2021
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B9-0486/2021

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni umanitarja fit-Tigray

(2021/2902(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-kostituzzjoni Etjopjana,

 wara li kkunsidra l-impenn strateġiku bejn l-UE u l-Etjopja tal-2016,

 wara li kkunsidra l-laqgħa tal-24 ta' Jannar 2019 bejn Jean-Claude Juncker, dak iż-żmien President tal-Kummissjoni Ewropea, u Abiy Ahmed, Prim Ministru Etjopjan,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' stat ta' emerġenza fl-Etjopja fil-5 ta' Novembru 2020,

 wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Unjoni Ewropea, ta' Diċembru 2020, li tissospendi l-iżborż ta' EUR 88,5 miljun f'għajnuna lill-Etjopja,

 wara li kkunsidra l-Kunsill Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea tad-19 ta'April 2021, li talab stħarriġ konġunt bejn l-UE u l-Etjopja dwar l-avvenimenti fit-Tigray,

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Qarn tal-Afrika tal-10 ta' Mejju 2021,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi r-rifjut tal-gvern reġjonali tat-Tigray, imħabbar fl-4 ta' Novembru 2020, li jipposponi l-elezzjonijiet reġjonali wassal għal intervent armat mill-gvern ċentrali, li kkawża gwerra ċivili partikolarment fatali;

B. billi l-aġenziji umanitarji tan-NU ilhom iwissu rigward riskju akbar ta' karestija fit-Tigray minn Ġunju 2021, u kkwotaw iċ-ċifra ta' 30 000 tifel u tifla f'periklu dirett ta' mewt minħabba l-karestija;

C. billi fl-4 ta' Marzu 2021, il-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Michelle Bachelet, kienet diġà talbet investigazzjoni indipendenti dwar id-delitti tal-gwerra u d-delitti kontra l-umanità mwettqa fit-Tigray, u billi l-Gvern Etjopjan ħabbar it-tkeċċija ta' seba' uffiċjali ta' aġenziji tan-NU fit-30 ta' Settembru 2021;

D. billi f'filmat imxandar fit-8 ta' Mejju 2021, il-Patrijarka tal-Knisja Ortodossa Etjopjana akkuża lill-forzi tal-gvern li qed jipprovaw iwettqu ġenoċidju fit-Tigray u "jeqirdu lit-Tigrayani minn wiċċ id-dinja";

E. billi fit-23 ta' Marzu 2021 il-Prim Ministru Etjopjan, Abiy Ahmed, ammetta li fil-kunflitt hemm l-involviment tal-Eritrea, wieħed mill-aktar pajjiżi ostili fid-dinja għal-libertà reliġjuża, u b'mod partikolari għall-Kristjaneżmu, u billi fl-10 ta' Awwissu 2021 talab lill-popolazzjoni ċivili tal-Etjopja, abbażi tas-solidarjetà etnika, jingħaqdu mal-armata fil-ġlieda kontra t-Tigray;

F. billi kien hemm bosta rapporti ta' abbużi mwettqa mill-forzi tal-gvern fit-Tigray, b'mod partikolari fil-belt ta' Goda, kif iddokumentat minn Radio France Internationale;

G. wara li kkunsidra l-abbużi mwettqa fl-okkażjoni tat-teħid lura ta' Mekelle, il-massakru tal-popolazzjoni ċivili fl-2021 fil-belt imqaddsa ta' Aksum, l-allegazzjonijiet serji ta' vjolenza mwettqa mill-forzi Eritreani fuq ir-refuġjati fiż-żoni ta' ġlied tat-Tigray, u l-kliem ta' Filsan Abdullahi Ahmed, il-ministru għad-drittijiet tan-nisa li rriżenjat reċentement, dwar l-istupri sistematiċi li apparentement twettqu waqt il-ġlied mill-forzi tal-gvern fit-Tigray;

H. billi l-Kumitat tal-Premju Nobel għad-Drittijiet tal-Bniedem wettaq żball meta ppremja lil Abiy Ahmed, ftit xhur biss wara l-elezzjoni tiegħu f'April 2018, peress li dan skatta waħda mill-aktar gwerer ċivili mdemmija fl-istorja tal-Etjopja;

I. billi l-elezzjonijiet fis-Somalja ġew posposti diversi drabi, u billi l-forzi fil-pajjiż favur l-Iżlamiżmu qed jiżdiedu u jistgħu jibbenefikaw mid-dgħufija tal-Etjopja;

J. billi l-Qarn tal-Afrika jinsab maqbud f'tensjonijiet ġeopolitiċi li jiġbdu l-attenzjoni tal-potenzi internazzjonali kollha;

K. billi l-Kenja pproponiet li l-Front għal-Liberazzjoni tal-Poplu tat-Tigray jitneħħa mil-lista ta' organizzazzjonijiet terroristiċi;

L. billi skont id-dikjarazzjonjiet tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati, il-kampijiet tar-rifuġjati ta' Shimelba u Histats inqerdu kompletament, u billi diġà hemm aktar minn 200 000 persuna spostata mill-kunflitt u kważi 70 000 rifuġjat fis-Sudan;

M. billi fit-12 ta' Awwissu 2021 l-Armata għal-Liberazzjoni ta' Oromo u l-Front għal-Liberazzjoni tal-Poplu tat-Tigray ħabbru ravviċinament, u billi l-forzi tal-Front għal-Liberazzjoni tal-Poplu tat-Tigray qed javvanzaw lejn il-belt ta' Dessie, protetta b'mod partikolari minn diviżjonijiet Eritreani, fejn il-protesti kontra l-gvern qed jiżdiedu;

N. billi t-Turkija nħatret uffiċjalment biex tiffaċilita r-relazzjonijiet bejn is-Sudan u l-Etjopja, fir-rigward tar-reġjuni tal-fruntiera kkontestati, u billi l-Prim Ministru Etjopjan żar Ankara fit-18 ta' Awwissu 2021 biex jitlob l-appoġġ militari tat-Turkija kontra t-Tigray;

1. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-gwerra ċivili li għaddejja fl-Etjopja u jitlob li l-paċi terġa' tirrenja malajr kemm jista' jkun f'dan il-pajjiż diġà mifni bi problemi soċjali kbar;

2. Ifakkar li r-reġjun tat-Tigray, li ilu fi gwerra għal aktar minn 10 xhur, issa jinsab affettwat mill-karestija, b'mod partikolari minħabba l-iżolament totali tar-reġjun li ilu impost mill-gvern ċentrali minn Novembru 2020; ifakkar, f'dan ir-rigward, li t-tkeċċija ta' seba' uffiċjali ta' aġenziji tan-NU fit-30 ta' Settembru 2021 tikkostitwixxi sinjal deplorevoli;

3. Jinsab ixxukkjat bl-għadd kbir ta' rapporti ta' ħruxijiet imwettqa f'dan il-kunflitt, b'mod partikolari kontra l-popolazzjoni tat-Tigray mit-truppi ta' pajjiżhom stess;

4. Jissottolinja li bl-alleanza mal-Eritrea, il-gvern ċentrali tal-Etjopja introduċa attur partikolarment perikoluż fis-sitwazzjoni diġà deplorevoli tal-gwerra ċivili;

5. Jiddeplora l-abbużi numerużi – stupri, ħtif ta' persuni u eżekuzzjonijiet ekstraġudizzjarji – irrappurtati minn ħafna atturi, inkluż il-Patrijarka Mathias I, li jgħid li fit-Tigray qed iseħħ ġenoċidju;

6. Jissottolinja l-mibegħda fil-konfront tal-libertà reliġjuża u r-reliġjonijiet Kristjani fl-Eritrea, u jinsab imħasseb dwar il-konsegwenzi serji li inevitabbilment tali ideoloġija se jkollha fil-kunflitti li għaddejjin fit-Tigray;

7. Jiddeplora l-għadd kbir ta' rapporti ta' attakki mmirati speċifikament lejn il-Kristjani jew il-postijiet ta' qima tagħhom, inklużi l-abbużi kontra l-minoranza etnika Idrat u l-abbużi f'Debre Damo, fl-Eparkija ta' Adigrat u f'bosta santwarji fit-Tigray;

8. Ifakkar li l-Premju Nobel għall-Paċi ngħata lill-Prim Ministru Abiy Ahmed f'Ottubru 2019, b'segwitu għall-ftehim ta' paċi tiegħu mal-Eritrea, u li hija proprju din l-alleanza mdemmija li issa qed taħdem kontra l-poplu tat-Tigray;

9. Jissottolinja li r-rebbieħ tal-Premju Nobel għall-Paċi, Abiy Ahmed, iqis lir-ribelli tat-Tigray bħala opportunità ta' taħriġ għall-armata tiegħu;

10. Jissottolinja li l-elezzjonijiet li ġejjin fis-Somalja, fejn hemm riskju ta' avvanz tal-fazzjonijiet Iżlamiċi fil-pajjiż, ikomplu jżidu l-urġenza li tissolva l-gwerra ċivili fl-Etjopja;

11. Jinnota, f'dan ir-rigward, li biex tiġi mifhuma sew is-sitwazzjoni jeħtieġ li jitqies il-viċinat tal-Etjopja, inklużi l-gruppi ġiħadisti u l-fatturi destabbilizzanti mis-Sudan, is-Sudan t'Isfel, l-Eritrea u s-Somalja;

12. Jinnota s-sinifikat tal-intervent tal-Kenja, li qed tappella lill-gvern ċentrali tal-Etjopja biex ineħħi lill-Front għal-Liberazzjoni tal-Poplu tat-Tigray mil-lista ta' organizzazzjonijiet terroristiċi, li jkun l-ewwel pass lejn il-ftuħ tan-negozjati politiċi;

13. Jissottolinja bi tħassib kbir li l-kunflitt diġà ġġenera mijiet ta' eluf ta' persuni spostati u jista' jkollu konsegwenzi migratorji assolutament devastanti, li kważi 400 000 Etjopjan tkeċċew mill-Arabja Sawdija u minn pajjiżi oħra fl-2017, u li l-pajjiż innifsu jospita kważi 800 000 rifuġjat, filwaqt li 20 % tal-popolazzjoni tiegħu tiddependi direttament fuq l-għajnuna alimentari internazzjonali;

14. Jinnota li r-ribelli fir-reġjun tal-Oromia, tradizzjonalment ostili għar-reġjun tat-Tigray, għamlu alleanza mal-Front għal-Liberazzjoni tal-Poplu tat-Tigray u issa qed jheddu l-forzi tal-gvern u jitolbu r-riżenja tal-Prim Ministru Abiy Ahmed;

15. Iqajjem dubji dwar ir-rwol tat-Turkija fir-reġjun, fejn Ankara hija ppreżentata bħala l-intermedjarju bejn Khartoum u Addis Ababa għan-negozjati dwar il-fruntieri tagħhom;

16. Iqis li huwa importanti li l-Istati Membri tal-UE jinvestu fis-soluzzjoni tal-kriżi Etjopjana, li l-konsegwenzi ġeopolitiċi, migratorji u ta' sigurtà tagħha jistgħu jkunu ta' theddida serja għall-Ewropa;

17. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà/Viċi President tal-Kummissjoni, lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-gvernijiet tal-Istati Membri u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.

Aġġornata l-aħħar: 6 ta' Ottubru 2021
Avviż legali - Politika tal-privatezza