MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fil-Belarussja wara sena ta' protesti u r-repressjoni vjolenti tagħhom
4.10.2021 - (2021/2881(RSP))
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Petras Auštrevičius, Malik Azmani, Nicola Beer, Dita Charanzová, Olivier Chastel, Nathalie Loiseau, Javier Nart, María Soraya Rodríguez Ramos, Nicolae Ştefănuță, Ramona Strugariu, Dragoş Tudorache, Hilde Vautmans
f'isem il-Grupp Renew
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0482/2021
B9-0494/2021
Mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Belarussja wara sena ta' protesti u r-repressjoni vjolenti tagħhom
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Belarussja,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar il-Belarussja tal-24 ta' Mejju 2021,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin dwar il-Belarussja tal-21 ta' Ġunju 2021,
– wara li kkunsidra d-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2021 mill-President von der Leyen,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Josep Borrell, tal-15 ta' Lulju 2021 dwar ir-repressjoni kontra s-soċjetà ċivili fil-Belarussja, u d-dikjarazzjonijiet tiegħu f'isem l-UE tat-30 ta' Lulju 2021 dwar l-istrumentalizzazzjoni tal-migranti u r-rifuġjati mir-reġim u tat-8 ta' Awwissu 2021 fl-ewwel anniversarju tal-elezzjonijiet presidenzjali frawdolenti fil-Belarussja,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) tas-7 ta' Lulju 2021 dwar il-limitazzjoni tal-preżenza diplomatika tal-Litwanja u dik tat-30 ta' Awwissu 2021 dwar ir-repressjoni tal-ġurnalisti u l-media,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-5 ta' Lulju 2021 ta' Anaïs Marin, Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-konvenzjonijiet kollha dwar id-drittijiet tal-bniedem li l-Belarussja hija firmatarja tagħhom,
– wara li kkunsidra l-għoti tal-Premju Sakharov tal-Parlament Ewropew għal-Libertà tal-Ħsieb lill-oppożizzjoni demokratika fil-Belarussja fl-2020,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi wara aktar minn sena mill-hekk imsejħa elezzjonijiet tad-9 ta' Awwissu 2020, l-awtoritajiet Belarussi qed ikomplu r-repressjoni tagħhom kontra l-poplu Belarussu, b'ħafna ċittadini jiġu ffastidjati, arrestati, ittorturati u kkundannati talli esprimew l-oppożizzjoni tagħhom għar-reġim jew għall-ksur mifrux tad-drittijiet tal-bniedem li qed iseħħ fil-Belarussja;
B. billi huwa stmat li aktar minn 35 000 Belarussu, f'xi mument jew ieħor, ġew detenuti talli pprotestaw kontra r-reġim; billi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem iddokumentaw mijiet ta' każijiet ta' tortura u trattament ħażin, filwaqt li diversi persuni għadhom neqsin jew instabu mejta; billi għadhom qed iseħħu każijiet ta' trattament inuman, tortura u rifjuti intenzjonati li tingħata kura medika fiċ-ċentri ta' detenzjoni u fil-ħabsijiet Belarussi, fejn diversi dimostranti mietu; billi hemm aktar minn 670 priġunier politiku fil-Belarussja; billi eluf ta' Belarussi milquta mir-repressjoni politika ħarbu lejn pajjiżi ġirien biex jevitaw aktar persekuzzjoni;
C. billi r-reġim Belarussu qed imexxi kampanja ta' repressjoni kontra s-soċjetà ċivili u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem bil-għan li jsikket kull vuċi indipendenti li fadal fil-Belarussja; billi kważi 250 organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili ġew likwidati jew jinsabu fil-proċess li jiġu likwidati, inkluż iċ-Ċentru tad-Drittijiet tal-Bniedem "Viasna", li sofra repressjoni bla preċedent permezz tal-arrest u l-akkużi fil-konfront tat-tmexxija, il-membri tal-persunal u l-voluntiera tiegħu, inkluż kontra Ales Bialiatski, il-President ta' Viasna; Valiantsin Stefanovich, membru tal-Bord ta' Viasna u Viċi President tal-Federazzjoni Internazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem; Marfa Rabkova, il-koordinatur tan-network ta' voluntiera ta' Viasna; Andrei Chepyuk; Leanid Sudalenka; Tatsyana Lasitsa; Maryia Tarasenka; Uladzimir Labkovich; u membri oħra tal-persunal u voluntiera ta' Viasna;
D. billi fis-6 ta' Settembru 2021, il-mexxejja tal-oppożizzjoni Belarussa u l-priġunieri politiċi Marya Kalesnikava, rebbieħa tal-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb u r-riċevitur tal-Premju "International women of Courage", u l-avukat prominenti Maksim Znak, ġew ikkundannati għal ħdax-il sena u għaxar snin rispettivament talli allegatament ippjanaw kolp ta' stat;
E. billi kważi 500 ġurnalist ġew arrestati u l-awtoritajiet Belarussi għadhom għaddejjin bir-repressjoni u l-fastidju fil-konfront ta' ġurnalisti Belarussi indipendenti u qed jinvolvu ruħhom f'attentati intenzjonali biex ifixklu r-rappurtar oġġettiv; billi fis-27 ta' Awwissu 2021, ir-reġim Belarussu ordna l-għeluq tal-Assoċjazzjoni tal-Ġurnalisti tal-Belarussja, l-akbar organizzazzjoni ġurnalistika indipendenti fil-pajjiż, li ngħatat il-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb fl-2004;
F. billi fit-23 ta' Mejju 2021, it-titjira Ryanair FR4978, titjira internazzjonali tal-passiġġieri bejn żewġ bliet kapitali tal-UE (Ateni lejn Vilnius), ġiet iddevjata bil-forza lejn Minsk fuq l-ordnijiet ta' Aliaksandr Lukashenka dwar il-pretensjoni falza ta' theddida ta' bomba, bi ksur tal-konvenzjonijiet internazzjonali u b'periklu għas-sikurezza ta' aktar minn 170 passiġġier u tal-ekwipaġġ abbord; billi f'Minsk, l-awtoritajiet Belarussi arrestaw lill-passiġġier Raman Pratasevich, ġurnalist u attivist Belarussu, u s-sieħba tiegħu Sofia Sapega;
G. billi b'ritaljazzjoni kontra s-sanzjonijiet tal-UE li ġew imposti b'reazzjoni għad-devjazzjoni furzata tat-titjira Ryanair FR4978, Lukashenka hedded pubblikament li jimla' l-UE b'migranti u bi droga, b'mod partikolari fil-viċinat tal-Litwanja u l-Polonja; billi din it-theddida ġiet appoġġata mir-Russja u implimentata bl-istrumentalizzazzjoni tal-migranti għal skopijiet politiċi: billi nħolqot skema biex il-migranti jinġiebu f'Minsk permezz ta' titjiriet mill-Iraq u mit-Turkija u biex il-gwardji tal-fruntiera Belarussi jiffaċilitaw il-qsim illegali tagħhom fl-Unjoni Ewropea, li wassal biex madwar 4 000 migrant illegali daħlu fil-Litwanja, aktar minn 1 400 migrant fil-Polonja u madwar 400 migrant fil-Latvja; billi l-Polonja, il-Latvja u l-Litwanja ġew mġiegħla jiddikjaraw stat ta' emerġenza fil-fruntiera tagħhom mal-Belarussja; billi l-għadd ta' dħul irregolari fl-UE naqas, iżda t-tentattivi ta' qsim illegali għadhom għaddejjin; billi mit-13 sad-19 ta' Settembru 2021, ġew evitati 2 101 tentattiv ta' qsim tal-fruntiera tal-UE (1 830 mill-Polonja, 135 mil-Litwanja u 136 mil-Latvja); billi r-reġim Belarussu jikkommetti vjolenza kontra l-migranti, juża l-forza biex jimbuttahom fit-territorju tal-UE u joħloq propaganda u diżinformazzjoni li bihom jakkuża lill-Istati Membri tal-UE bi ksur tad-drittijiet tal-migranti u bl-iffaċilitar tal-migrazzjoni illegali lejn il-Belarussja; billi mill-inqas erba' migranti irregolari mietu kaġun ta' ipotermija u eżawriment u diversi migranti nqabdu għal ġimgħat fil-fruntieri tal-Belarussja, mingħajr l-ebda possibbiltà ta' għajnuna, ta' talba għal ażil jew aċċess għal servizzi bażiċi;
H. billi wara li kkritikat il-kowċis tagħha, l-atleta Belarussa Krystina Timanovskaya ġiet imġiegħla titlaq kmieni mill-Olimpjadi ta' Tokjo, u, minħabba l-biża' għas-sikurezza tagħha, fittxet il-protezzjoni tal-pulizija fl-Ajruport ta' Tokjo u aċċettat viża umanitarja pprovduta mill-Polonja; billi l-Kumitat Olimpiku Internazzjonali (IOC) keċċa lill-kowċis Belarussi Artur Shimak u Yury Maisevich mil-Logħob Olimpiku ta' Tokjo u fetaħ investigazzjoni;
I. billi fid-diskors tagħha dwar l-Istat tal-Unjoni tal-15 ta' Settembru 2021, il-President tal-Kummissjoni sejħet l-istrumentalizzazzjoni tal-migranti bħala attakk ibridu mmirat tal-Belarussja biex tiġi destabbilizata l-UE;
J. billi fis-17 ta' Settembru 2021, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali Belarussu ssospenda investigazzjoni dwar il-mewt ta' Raman Bandarenka;
K. billi fit-3 ta' Awwissu 2021, Vitaly Shishov, fundatur tad-Dar Belarussa fl-Ukrajna, grupp ta' għajnuna għal persuni li ħallew il-Belarussja, instab mgħallaq f'park fi Kiev;
L. billi fi klima diġà mimli tensjoni, f'Settembru 2021 ir-Russja u l-Belarussja organizzaw l-eżerċizzju militari konġunt enormi Zapad 2021 li involva 200 000 membru tal-persunal, li poġġa aktar pressjoni fuq il-fruntieri tal-UE; billi Lukashenka ħabbar pjanijiet biex jakkwista USD 1 biljun f'armi mir-Russja, inklużi sistemi missilistiċi S-400, sal-2025;
M. billi fid-9 ta' Settembru 2021, il-mexxejja tar-Russja u tal-Belarussja qablu wkoll li jistabbilixxu suq magħqud taż-żejt u tal-gass u japprofondixxu l-integrazzjoni ekonomika, biex b'hekk jiżdied ir-riskju li Lukashenka se jkompli juża s-sovranità tal-Belarussja bħala pedina ta' skambju għal aktar appoġġ mir-Russja;
N. billi fit-28 ta' Ġunju 2021, il-Belarussja ssospendiet il-parteċipazzjoni tagħha fl-inizjattiva tas-Sħubija tal-Lvant;
O. billi matul is-sena li għaddiet, ir-reġim ta' Lukashenka ordna lil diversi diplomatiċi u persunal tal-ambaxxati tal-UE u tal-Istati Membri jitilqu mill-pajjiż, biex b'hekk kompla għalaq aktar mezzi diplomatiċi ta' komunikazzjoni;
P. billi l-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) iddeċieda li jagħti lill-Belarussja aċċess għal kważi USD 1 biljun fi Drittijiet Speċjali ta' Prelevament ġodda bħala parti minn allokazzjoni akbar ta' USD 650 biljun lill-membri kollha tal-FMI;
Q. billi l-Belarussja bdiet it-tħaddim kummerċjali tal-impjant tal-enerġija nukleari Belarussu f'Astravyets mingħajr ma indirizzat ir-rakkomandazzjonijiet kollha dwar is-sikurezza nklużi fir-rapport tal-UE dwar is-simulazzjoni ta' kriżi tal-2018; billi l-informazzjoni dwar inċidenti serji fl-impjant tal-enerġija nukleari Belarussu għadha qed tiġi rrappurtata fil-media Belarussa u billi fil-25 ta' April 2021 deher messaġġ allarmanti ("L-impjant tal-enerġija nukleari qed joħloq periklu! Jista' jseħħ diżastru fi kwalunkwe ħin!") fuq is-sit web uffiċjali tal-Impjant tal-enerġija nukleari Belarussu; billi l-parti Belarussa mhijiex trasparenti u ma tipprovdix informazzjoni affidabbli dwar l-avvenimenti fis-sit tal-Impjant tal-enerġija nukleari, fatt li jikkonferma mill-ġdid li l-Impjant tal-enerġija nukleari Belarussu mhuwiex sikur u joħloq theddida serja għas-sikurezza nukleari;
R. billi l-Unjoni Ewropea s'issa imponiet sanzjonijiet kontra 166 persuna u 15-il entità, inkluż kontra Aliaksandr Lukashenka, kif ukoll sanzjonijiet ekonomiċi mmirati kontra diversi setturi tal-ekonomija Belarussa; billi fl-2020, l-ekonomija Belarussa rreġistrat tnaqqis reali tal-PDG li jammonta għal 0,9 %, u billi l-previżjonijiet għall-2021 jistmaw tnaqqis ulterjuri ta' 2,7 % tal-PDG; billi ċ-Ċina qed tkompli tikkoopera mal-Belarussja u tinvesti fiha, b'mod partikolari fil-Park Industrijali "Great Stone" bejn iċ-Ċina u l-Belarussja;
1. Ifakkar li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha ma rrikonoxxewx ir-riżultati tal-elezzjonijiet presidenzjali tal-2020 minħabba dubji sostanzjali dwar l-ekwità tal-elezzjoni u rapporti mifruxa ta' falsifikazzjoni, u ma jirrikonoxxux lil Aliaksandr Lukashenka bħala l-President tal-Belarussja;
2. Ikompli jikkundanna r-ripressjoni, it-tortura u t-trattament ħażin tal-poplu paċifiku tal-Belarussja, it-trażżin tal-midja u l-internet, u s-swat, l-arrest u l-intimidazzjoni ta' ġurnalisti, bloggers u vuċijiet indipendenti oħra fil-Belarussja; ikompli jappella għall-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tal-persuni kollha detenuti għal raġunijiet politiċi u biex jitwaqqgħu l-akkużi kollha li hemm kontrihom;
3. Jikkundanna s-sentenzi ħorox u inġusti tal-qorti li ngħataw dan l-aħħar lill-mexxejja tal-oppożizzjoni Marya Kalesnikava u Maksim Znak u lil priġunieri u detenuti politiċi oħra; jiddeplora l-fatt li s-seduti tal-qorti saru bil-magħluq u li d-diplomatiċi tal-UE u tal-Istati Membri inżammu milli jattendu;
4. Ikompli jikkundanna r-ritaljazzjoni tal-awtoritajiet kontra ċ-Ċentru tad-Drittijiet tal-Bniedem "Viasna" u jappella għall-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet ta' Ales Bialiatski, Valiantsin Stefanovich, Marfa Rabkova, Andrei Chepyuk, Leanid Sudalenka, Tatsyana Lasitsa, Marya Tarasenka, Uladzimir Labkovich u persunal u voluntiera oħra tal-Viasna, u li jitwaqqgħu l-akkużi kollha li hemm kontrihom;
5. Jikkundanna l-imġiba tal-kowċis Belarussi Artur Shimak u Yury Maisevich fil-Logħob Olimpiku ta' Tokyo; ifakkar fil-prosekuzzjonijiet tal-isportivi Belarussi talli pparteċipaw fi protesti paċifiċi u l-allegati rabtiet bejn il-Federazzjoni Belarussa tal-Ice Hockey u l-qtil ta' Raman Bandarenka; jistieden lill-Kumitat Olimpiku Internazzjonali (KOI) u lill-kumitati u l-federazzjonijiet sportivi internazzjonali l-oħra jsegwu l-kodiċijiet ta' etika u ta' kondotta tagħhom meta jkunu qed jinvolvu ruħhom man-naħa Belarussa;
6. Itenni l-appell tiegħu lis-SEAE, lill-Kummissjoni u lir-rappreżentanzi diplomatiċi nazzjonali tal-Istati Membri tal-UE fil-Belarussja biex jimmonitorjaw mill-qrib is-sitwazzjoni tal-priġunieri politiċi individwali fil-Belarussja, joffrulhom appoġġ u jaħdmu biex jiżguraw il-ħelsien tagħhom;
7. Itenni l-appell tiegħu għal djalogu inklużiv ġenwin bejn ir-reġim u l-forzi demokratiċi tal-Belarussja li jwassal għal elezzjonijiet ġodda taħt osservazzjoni internazzjonali, li huwa l-uniku mod kif noħorġu mill-kriżi politika attwali;
8. Jikkundanna l-istrumentalizzazzjoni tal-migranti mir-reġim ta' Lukashenko biex imexxi 'l quddiem għanijiet politiċi bi ksur tan-normi internazzjonali u tat-trattati bilaterali tal-Belarussja mal-ġirien tagħha fl-UE; iqis il-ħtif u l-inżul furzat tat-titjira FR4978 ta' Ryanair f'Minsk bħala att ta' terroriżmu statali;
9. Jilqa' l-appoġġ mogħti mill-Istati Membri, in-Norveġja u l-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-UE, b'mod partikolari l-Europol, il-Frontex u l-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Ażil, lill-Istati Membri milquta mill-kriżi migratorja maħluqa mir-reġim Belarussu u jħeġġiġhom ikomplu b'dan l-appoġġ, inkluż billi jallokaw aktar għajnuna ta' emerġenza tal-UE; jistieden lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE jgħinu lill-migranti maqbuda fil-fruntiera mal-Belarussja u jipprovdulhom l-appoġġ meħtieġ;
10. Jistieden lill-Kummissjoni tressaq b'urġenza proposti leġiżlattivi mmirati li jipprovdu lill-Istati Membri s-salvagwardji meħtieġa biex jirreaġixxu u jwieġbu malajr u b'mod effettiv għall-kampanji ta' strumentalizzazzjoni minn pajjiżi mhux tal-UE tal-migrazzjoni illegali, b'mod partikolari billi jassiguraw protezzjoni b'saħħitha u effettiva tal-fruntieri esterni tal-UE u billi jipprovdu miżuri effettivi għall-prevenzjoni tal-qsim irregolari;
11. Jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-kooperazzjoni tagħhom fil-ġestjoni tal-fruntieri, il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, il-kuntrabandu tas-sigaretti u sfidi oħra għas-sigurtà maħluqa jew aggravati mir-reġim Belarussu;
12. Jiddeplora n-negozjar kontinwu bejn Lukashenko u Vladimir Putin biex iħejju pjanijiet direzzjonali għal integrazzjoni akbar bejn il-Belarussja u r-Russja u jqis dan bħala ksur tas-sovranità tal-Belarussja, peress li l-poplu Belarussu qed jiġi mċaħħad mid-dritt tiegħu li jiddetermina l-futur ta' pajjiżu; jenfasizza l-illegalità tat-tmexxija ta' Lukashenko u jirrifjuta l-ftehimiet kollha li saru minn Lukashenko f'isem l-Istat Belarussu, b'mod partikolari wara li skada l-mandat presidenzjali tiegħu fil-5 ta' Novembru 2020;
13. Jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li jiġu sospiżi ċerti artikoli tal-Ftehim tal-UE għall-Faċilitazzjoni tal-Viża mar-Repubblika tal-Belarussja mmirati għal kategoriji speċifiċi ta' uffiċjali marbuta mar-reġim ta' Lukashenko, bl-ebda impatt fuq iċ-ċittadini ordinarji tal-Belarussja; iħeġġeġ lill-Kunsill jipproċedi bil-ħames pakkett ta' sanzjonijiet bl-akbar urġenza billi jiffoka fuq l-individwi u l-entitajiet involuti fit-trażżin u r-repressjoni fil-Belarussja u fuq l-individwi u l-entitajiet involuti fit-traffikar tal-bnedmin, u biex jagħti bidu għall-ħidma fuq pakkett futur;
14. Jistieden lill-Istati Membri kollettivament jiddikjaraw lill-uffiċjali tal-Komitet Gosudarstvennoy Bezopasnosti (KGB) tal-Belarussja fit-territorju tal-Unjoni Ewropea persona non grata;
15. Jiddispjaċih li s-sanzjonijiet ekonomiċi imposti kellhom biss effett parzjali fuq ir-reġim ta' Lukashenko u ma affettwawx b'mod sinifikanti setturi importanti bħas-settur tal-potassa u dak tal-prodotti petrolifiċi; jistieden lill-Kunsill ikompli jsaħħaħ is-sanzjonijiet ekonomiċi mmirati tal-UE, billi jiffoka fuq is-setturi ekonomiċi ewlenin tal-Belarussja u fuq il-kumpaniji pubbliċi u privati li jappoġġjaw u jiffinanzjaw ir-reġim ta' Lukashenko; jilqa' s-sanzjonijiet addizzjonali imposti mill-Istati Uniti, mir-Renju Unit u mill-Kanada fl-ewwel anniversarju tal-elezzjonijiet presidenzjali frodulenti tal-Belarussja; jitlob, għalhekk, lill-UE tikkoordina l-miżuri tagħha mal-Istati Uniti, mas-sħab tal-G7 u ma' demokraziji oħra tal-istess fehma;
16. Jistieden lill-Istati Membri jikkoordinaw mas-sħab internazzjonali f'organizzazzjonijiet multilaterali bħall-FMI biex jillimitaw l-iżborż ta' fondi lir-reġim ta' Lukashenko u jiffriżaw kull kooperazzjoni miegħu; jieħu nota tal-investimenti kontinwi minn pajjiżi mhux demokratiċi, b'mod partikolari r-Russja u ċ-Ċina, fil-Belarussja;
17. Ikompli jappoġġja lill-poplu tal-Belarussja fit-talbiet bi dritt u l-aspirazzjonijiet leġittimi tiegħu għal elezzjonijiet ħielsa u ġusti, għal-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem, għar-rappreżentanza demokratika, u għall-parteċipazzjoni politika f'Belarussja ħielsa u sovrana;
18. Jirrikonoxxi u jfaħħar il-ħidma tal-forzi demokratiċi Belarussi mmexxija minn Sviatlana Tsikhanouskaya fis-sensibilizzazzjoni u l-attirar tal-appoġġ mad-dinja kollha għat-talbiet bi dritt u l-aspirazzjonijiet leġittimi tal-poplu Belarussu;
19. Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni u lill-VP/RGħ biex jorganizzaw, flimkien mas-sħab internazzjonali, konferenza internazzjonali ta' livell għoli "Il-Futur tal-Belarussja Demokratika" dwar ir-riżoluzzjoni tal-kriżi fil-Belarussja u l-wegħda ta' pakkett finanzjarju ta' diversi biljuni ta' euro biex jingħata appoġġ lill-isforzi futuri ta' riforma u lir-ristrutturar tal-ekonomija Belarussa;
20. Jissottolinja l-ħtieġa ta' investigazzjoni komprensiva tar-reati mwettqa mir-reġim ta' Lukashenko kontra l-poplu tal-Belarussja, inkluż il-qtil ta' Raman Bandarenka u ta' ċittadini Belarussi oħra; jistenna r-riżultati tal-investigazzjoni tal-awtoritajiet Ukreni dwar il-mewt ta' Vitaly Shishov;
21. Jistieden lill-Istati Membri tal-UE japplikaw b'mod attiv il-prinċipju tal-ġurisdizzjoni universali u jħejju kawżi fil-qrati kontra l-awturi tar-repressjoni Belarussi;
22. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, lis-SEAE u lill-Istati Membri tal-UE jżidu l-appoġġ dirett lill-oppożizzjoni Belarussa, lis-soċjetà ċivili u lill-organizzazzjonijiet tal-midja indipendenti ġewwa u barra mill-Belarussja;
23. Jenfasizza l-importanza tremenda tal-istabbiliment ta' ambaxxati tal-poplu tal-Belarussja madwar id-dinja u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu aktar appoġġ biex jipproteġu d-drittijiet u l-interessi taċ-ċittadini Belarussi barra mill-pajjiż u l-interessi ta' Belarussja demokratika, pereżempju billi jesploraw modi kif jiffinanzjaw l-ambaxxati tal-poplu tal-Belarus;
24. Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jkomplu jissimplifikaw il-proċeduri għall-kisba ta' viżi u residenza għal dawk li qed jaħarbu mill-Belarussja għal raġunijiet politiċi jew għal dawk li jirrikjedu trattament mediku b'riżultat tal-vjolenza mwettqa kontrihom, u joffru lilhom u lill-familji tagħhom l-appoġġ u l-assistenza meħtieġa;
25. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni joffru boroż ta' studju lill-istudenti u lill-akkademiċi Belarussi mkeċċija mill-universitajiet u miżmuma l-ħabs minħabba l-pożizzjoni prodemokratika tagħhom;
26. Ikompli jappoġġja l-Pjattaforma Internazzjonali ta' Responsabbiltà għall-Belarussja u jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jappoġġjaw il-funzjonament tagħha, kif ukoll dak ta' inizjattivi internazzjonali oħra li jżommu responsabbli lit-trasgressuri; jimpenja ruħu għall-funzjonament effettiv tal-Pjattaforma tal-Parlament Ewropew dwar il-ġlieda kontra l-impunità fil-Belarussja u għall-koordinazzjoni ta' reazzjoni internazzjonali f'waqtha għall-iżviluppi fil-Belarussja;
27. Jiddeplora t-tkeċċija ta' diplomatiċi tal-UE u tal-Istati Membri mill-Belarussja, b'mod partikolari l-Kap tad-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Belarussja u l-ambaxxaturi u d-diplomatiċi mil-Litwanja, mil-Latvja u mill-Polonja; jistieden lill-Istati Membri jsejħu lura lill-ambaxxaturi tagħhom minn Minsk għall-konsultazzjoni bħala sinjal politiku lir-reġim ta' Lukashenko; iħeġġeġ lis-SEAE jirrevedi l-metodi ta' ħidma tiegħu u jiżgura rwol attiv għall-Kap tad-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Belarussja li attwalment jinsab imsejjaħ lura Brussell u jieħu miżuri addizzjonali biex jiżgura ambjent tax-xogħol sikur għad-diplomatiċi tal-UE u għall-persunal tad-delegazzjonijiet tal-UE f'Minsk, b'mod partikolari l-protezzjoni kontra l-attakki ta' propaganda mir-reġim ta' Lukashenko;
28. Jinnota l-eżerċizzju militari aggressiv Zapad 2021 u l-opportunitajiet skarsi biex dan jiġi osservat; itenni t-talba tiegħu għal awtonomija strateġika tal-UE u Unjoni Ewropea tad-Difiża ġenwina bħala parti minn NATO msaħħa;
29. Jenfasizza l-importanza li jiġu indirizzati t-theddidiet għas-sikurezza nukleari maħluqa mill-Impjant tal-Enerġija Nukleari (NPP) tal-Belarussja f'Astravyets; jinsisti li l-Belarussja timpenja ruħha għas-sikurezza nukleari tal-Impjant tal-Enerġija Nukleari Belarussu bi trasparenza sħiħa u timpenja ruħha li timplimenta bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet li saru fir-rieżami tal-impjant bejn il-pari tal-Grupp ta' Regolaturi Ewropew dwar is-Sikurezza Nukleari; jappoġġja, sakemm dan ikun il-każ, il-projbizzjoni tal-importazzjonijiet tal-enerġija mill-Impjant tal-Enerġija Nukleari Belarussu fis-suq tal-UE u r-riflessjoni ta' din il-pożizzjoni fil-Mekkaniżmu ta' Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntieri tal-UE;
30. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, u lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Belarussja.