MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-sitwazzjoni fit-Tuneżija
18.10.2021 - (2021/2903(RSP))
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Anna Fotyga, Witold Jan Waszczykowski, Adam Bielan, Angel Dzhambazki, Raffaele Fitto, Assita Kanko, Ryszard Czarnecki, Ladislav Ilčić, Eugen Jurzyca, Elżbieta Kruk, Ryszard Antoni Legutko, Elżbieta Rafalska, Bogdan Rzońca, Valdemar Tomaševski, Veronika Vrecionová, Jadwiga Wiśniewska
f'isem il-Grupp ECR
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0523/2021
B9‑0529/2021
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fit-Tuneżija
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar it-Tuneżija, b'mod partikolari dik tal-14 ta' Settembru 2016 dwar ir-relazzjonijiet tal-UE mat-Tuneżija fil-kuntest reġjonali attwali[1],
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u t-Tuneżija, u d-diversi laqgħat tematiċi li saru skont il-qafas tiegħu fl-2019 u l-2020,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Frar 2016 dwar il-ftuħ ta' negozjati għal Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u t-Tuneżija[2],
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mir-Rappreżentant Għoli f'isem l-Unjoni Ewropea tas-27 ta' Lulju 2021,[3]
– wara li kkunsidra l-kummenti mill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) Josep Borrell matul iż-żjara tiegħu f'Tuneż tal-10 ta' Settembru 2021,
– wara li kkunsidra l-komunikat konġunt tal-4 ta' Ġunju 2021 dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u t-Tuneżija bit-titolu "Għal sħubija mġedda",
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-President tat-Tuneżija Kais Saied li jinvoka l-Artikolu 80 tal-Kostituzzjoni fil-25 ta' Lulju 2021,
– wara li kkunsidra d-Digriet Presidenzjali tat-Tuneżija Nru 2021-69 tas-26 ta' Lulju 2021 li jtemm il-funzjonijiet tal-Kap tal-Gvern u tal-membri tal-Gvern, id-Digriet Presidenzjali tat-Tuneżija Nru 2021-80 tad-29 ta' Lulju 2021 relatat mas-sospensjoni tas-setgħat tal-Assemblea tar-Rappreżentanti tal-Poplu, id-Digriet Presidenzjali tat-Tuneżija Nru 2021-109 tal-24 ta' Awwissu 2021 relatat mal-estensjoni ta' miżuri eċċezzjonali relatati mas-sospensjoni tas-setgħat tal-Assemblea tar-Rappreżentanti tal-Poplu, u d-Digriet Presidenzjali tat-Tuneżija Nru 2021-117 tat-22 ta' Settembru 2021 relatat ma' miżuri eċċezzjonali,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-1989,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta' Intolleranza u Diskriminazzjoni abbażi ta' Reliġjon jew Twemmin tal-1981,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi saru protesti popolari kontra l-korruzzjoni, il-faqar u r-repressjoni politika fit-Tuneżija bejn Diċembru 2010 u Jannar 2011, magħrufa bħala r-Rivoluzzjoni tal-Ġiżimin, li ġiegħlu lill-President għal żmien twil al-Abidine Ben Ali jirriżenja f'Jannar 2011; billi ftit jiem qabel, il-bejjiegħ tal-frott u l-ħaxix Mohammed Bouazizi kien ħaraq lilu nnifsu minabba d-disperazzjoni wara li l-uffiċjali lokali talbuh ripetutament tixħim u kkonfiskaw il-merkanzija tiegħu u l-awtoritajiet irrifjutaw li jisimgħu l-ilmenti tiegħu; billi l-mewt tiegħu kkawżat protesti popolari madwar il-Lvant Nofsani u l-Afrika ta' Fuq, magħrufa bħala r-"Rebbiegħa Għarbija";
B. billi t-Tuneżija għadha l-uniku pajjiż fid-dinja Għarbija li għamel it-tranżizzjoni lejn id-demokrazija mir-Rebbiegħa Għarbija; billi mit-tranżizzjoni tat-Tuneżija 'l hawn, iċ-ċittadini bbenefikaw minn drittijiet politiċi u libertajiet ċivili mingħajr preċedent; billi xi ġurnalisti u bloggers kienu fil-mira u ġew kkundannati taħt liġijiet dwar insulti u malafama; billi l-korruzzjoni endemika, sistema tal-ġustizzja tranżitorja mhux adegwata u sfidi ekonomiċi u ta' sigurtà serji għadhom ostakoli sostanzjali għall-konsolidazzjoni demokratika sħiħa tat-Tuneżija;
C. billi t-Tuneżija qed tiffaċċja l-akbar reċessjoni ekonomika tagħha mill-indipendenza tal-pajjiż u billi l-iskuntentizza popolari dwar il-korruzzjoni fost il-klassi politika u l-istaġnar ekonomiku kroniku fil-pajjiż huma mifruxa; billi fl-2020, stħarriġ tal-gvern sab li terz tal-familji beżgħu li kienu se jispiċċaw bla ikel; billi l-pandemija tal-COVID-19, in-nuqqas ta' turiżmu u l-livelli għoljin ta' qgħad fost iż-żgħażagħ u inflazzjoni aggravaw il-fraġilità tal-ekonomija tat-Tuneżija; billi t-Tuneżija tiddependi ħafna mill-investiment barrani, it-turiżmu u l-esportazzjonijiet ta' prodotti lejn l-UE; billi l-FMI enfasizza li l-promozzjoni tas-settur privat hija kruċjali biex jiżdied it-tkabbir u talab lit-Tuneżija ssaħħaħ il-governanza billi timplimenta b'mod effettiv il-leġiżlazzjoni kontra l-korruzzjoni u li tiġġieled kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (AML/CFT);
D. billi eluf ta' żgħażagħ Tuneżini ħarġu mill-parti l-aktar fqira interna tal-pajjiż, fejn il-qgħad fost iż-żgħażagħ huwa ħafna ogħla mill-medja nazzjonali ta' 41.7 %, għal Tuneż u għal bliet kostali oħra; billi f'Settembru 2020, ir-rata nazzjonali tal-qgħad żdiedet għal 16.2 %, u affettwat b'mod sproporzjonat lill-ħaddiema b'livell baxx ta' ħiliet, lin-nisa u liż-żgħażagħ, u wasslet għal skuntentizza soċjali; billi l-protesti, il-protesti forma ta' "sit-ins" u l-istrajks fil-pajjiż kollu saru frekwenti madwar il-pajjiż f'oppożizzjoni għall-ġestjoni mill-gvern tal-pandemija tal-COVID-19 u jattendu għalihom persuni minn diversi fazzjonijiet politiċi;
E. billi l-President Saied ħareġ għall-elezzjoni bħala kandidat indipendenti u ġie elett fl-2019; billi fil-25 ta' Lulju 2021, il-President Saied invoka l-Artikolu 80 tal-Kostituzzjoni tat-Tuneżija, li jagħti s-setgħa lill-president biex jippromulga miżuri eċċezzjonali biex jindirizzaw periklu imminenti għall-Istat, u ħabbar it-tkeċċija tal-Prim Ministru Hichem Mechichi, is-sospensjoni tal-parlament għal perjodu indefinit, it-tneħħija tal-immunità parlamentari tal-membri kollha tal-parlament u l-ħatra ta' gvern ġdid; billi d-digrieti presidenzjali tiegħu jmorru kontra l-Kostituzzjoni tat-Tuneżija u billi l-iżviluppi reċenti qajmu tħassib serju għat-tranżizzjoni demokratika u għad-drittijiet fundamentali fil-pajjiż; billi d-deċiżjoni tal-President Saied ġiet wara protesti fil-pajjiż kollu li talbu x-xoljiment tal-parlament u elezzjonijiet bikrija;
F. billi fit-22 ta' Settembru 2021, il-President ħareġ id-Digriet Presidenzjali Nru 2021-117, li jafferma l-awtosupremazija u l-preminenza tad-digriet fuq il-kostituzzjoni u jagħti s-setgħat kollha tal-Istat lill-president; billi fid-29 ta' Settembru 2021, Najla Bouden Ramadan inħatret bħala Prim Ministru; billi fil-11 ta' Ottubru 2021 hija ħabbret gvern ġdid li kien jinkludi 10 ministri nisa, inkluż Leila Jaffel bħala l-ministru l-ġdid tal-ġustizzja u Sihem Boughdiri Nemseya, li nħatret mill-ġdid bħala ministru tal-finanzi; billi fl-14ta' Ottubru 2021, il-partit Ennahda rrefera għall-gvern il-ġdid bħala "gvern de facto" u qal li l-formazzjoni tiegħu kisret il-kostituzzjoni; billi d-digrieti presidenzjali u l-konċentrazzjoni tas-setgħat ipoġġu f'periklu r-rispett għal u l-garanzija tad-drittijiet u l-libertajiet kif minquxa fil-kostituzzjoni;
G. billi filwaqt li l-miżuri ta' Lulju tal-President Saied ibbenefikaw minn appoġġ pubbliku sinifikanti, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili wissew dwar il-possibbiltà ta' tbegħid mid-demokrazija fit-Tuneżija; billi l-opinjoni pubblika u l-partiti politiċi bħalissa huma maqsuma u ġew organizzati dimostrazzjonijiet kemm b'appoġġ għall-President Saied kif ukoll kontrih; billi bosta organizzazzjonijiet lokali u internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem ħarġu dikjarazzjoni konġunta fejn wissew dwar is-sitwazzjoni tad-demokrazija fit-Tuneżija; billi l-pajjiżi tal-G7 talbu lit-Tuneżija tirritorna lejn ordni kostituzzjonali u biex jitkomplew l-attivitajiet parlamentari;
H. billi Ennahda huwa l-akbar partit fil-Parlament tat-Tuneżija, għandu aktar minn 50 mill-217-il siġġu, u għandu diversi ministri li jservu fil-gvern; billi eluf ta' Tuneżini ħadu sehem fi protesta li talbet il-"liberazzjoni tal-parlament" mill-kontroll ta' Ennahda; billi matul il-protesti, huwa rrapportat li l-persuni li jappoġġjaw lil partit ta' Ennahda għajtu "neliminaw ir-reġim militari!", slogan li qabel kien jintuża mill-Fratellanza Musulmana fl-Eġittu;
I. billi l-partiti, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-media tat-Tuneżija talbu li ssir investigazzjoni dwar il-partit Ennahda, filwaqt li akkużawh li għandu rabtiet mat-terroriżmu, u talbu li l-Fratellanza Musulmana tiġi maħtura bħala organizzazzjoni terroristika fit-Tuneżija; billi l-Fratellanza Musulmana hija maħtura bħala organizzazzjoni terroristika f'diversi pajjiżi Għarab;
J. billi l-kapaċità tat-Tuneżija li twieġeb b'mod effettiv għall-pandemija tal-COVID-19 ġiet imfixkla bil-kbir minn nuqqas ta' vaċċini u ossiġenu mediku; billi l-UE hija waħda mill-akbar kontributuri tal-għajnuna finanzjarja u għall-iżvilupp lit-Tuneżija; billi l-UE u l-Istati Membri tagħha rrilaxxaw EUR 700 000 permezz tal-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili biex jgħinu lit-Tuneżija tiġġieled il-pandemija tal-COVID-19; billi mit-tranżizzjoni tat-Tuneżija lejn id-demokrazija fl-2011, l-UE pprovdietha b'appoġġ finanzjarju sinifikanti; billi fl-2020, id-diversi strumenti finanzjarji tal-UE disponibbli għat-Tuneżija ammontaw għal EUR 600 miljun; billi l-assistenza finanzjarja tal-UE hija pprovduta biex jiġu promossi d-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-djalogu politiku, ir-riformi u l-pluraliżmu tal-midja, biex jinqered il-faqar, u biex jiġu appoġġjati l-istituzzjonijiet demokratiċi, is-soċjetà ċivili u l-governanza tajba; billi mir-rivoluzzjoni tat-Tuneżija tal-2011, l-UE pprovdiet assistenza għas-sigurtà u ħadmet ma' donaturi ewlenin oħra biex tappoġġja l-finanzi pubbliċi tat-Tuneżija;
K. billi t-Tuneżija u l-UE jikkondividu ħafna tħassib komuni dwar is-sigurtà u l-pajjiż ilu involut b'mod attiv fil-programm tax-Xjenza għall-Paċi u s-Sigurtà (SPS) tan-NATO mill-2001; billi l-oqsma ewlenin għall-kooperazzjoni bejn in-NATO u t-Tuneżija huma dawk tad-difiża kimika, bijoloġika, radjoloġika u nukleari, id-difiża ċibernetika, u l-aspetti umani u soċjali tas-sigurtà;
L. billi l-kostituzzjoni tat-Tuneżija tiggarantixxi l-libertà tat-twemmin u tal-kuxjenza għar-reliġjonijiet kollha, kif ukoll għan-nonreliġjonijiet; billi l-blasfemija għadha kontra l-liġi u dawk li jaqilbu għall-Kristjaneżmu spiss jesperjenzaw il-fastidju u d-diskriminazzjoni;
M. billi t-Tuneżija hija sieħeb privileġġat fit-tul tal-UE u l-Istati Membri kkonfermaw ripetutament l-impenn sod tagħhom għad-demokrazija tat-Tuneżija; billi wara r-rivoluzzjoni tat-Tuneżija, il-pajjiż irrispetta r-regoli tad-demokrazija u spikka bħala eżempju pożittiv fir-reġjun;
1. Jafferma mill-ġdid l-impenn tiegħu lejn it-Tuneżija bħala sieħeb demokratiku importanti u eżemplari fl-Afrika ta' Fuq; jisħaq fuq l-importanza tal-kisbiet demokratiċi tat-Tuneżija u l-ħtieġa li jinżammu l-istabbiltà u s-sigurtà nazzjonali u reġjonali tagħha; jitlob li l-istituzzjonijiet tal-istat jerġgħu lura għall-funzjonament normali tagħhom, inkluż ritorn lejn id-demokrazija parlamentari u t-tkomplija tal-attività parlamentari mill-aktar fis possibbli, u li jkun hemm pjan direzzjonali ċar li għandu jiġi mħabbar għar-ritorn lejn il-politiki kostituzzjonali;
2. Itenni li jrid jiġi ppreservat ir-rispett għall-istat tad-dritt, il-kostituzzjoni u l-qafas leġiżlattiv; jitlob l-istabbiliment mill-ġdid tal-kostituzzjoni bħala liġi primarja u jissottolinja li kwalunkwe bidla fil-kostituzzjoni u fis-sistema politika tista' sseħħ biss fil-limiti tal-kostituzzjoni nnifisha;
3. Jissottolinja li l-parlament huwa istituzzjoni essenzjali tad-demokrazija, u huwa meħtieġ għal kwalunkwe riforma kostituzzjonali; jikkundanna d-deċiżjoni tal-President Saied li jissospendi b'mod indefinit il-parlament u jemmen li n-nuqqas ta' kapaċità tal-membri tal-parlament biex jappellaw kontra digrieti presidenzjali jqajjem tħassib dwar it-tranżizzjoni demokratika tat-Tuneżija; jirrikonoxxi li d-digrieti tal-President Saied ġew fi żmien ta' wara snin ta' staġnar ekonomiku u paraliżi politika fit-Tuneżija; huwa mħasseb, madankollu, li d-digrieti tal-President Saied jitfgħu dubju fuq il-kisbiet demokratiċi magħmula mit-Tuneżini matul ir-rivoluzzjoni li skattat ir-Rebbiegħa Għarbija fid-diversi pajjiżi Għarab fir-reġjun;
4. Jilqa' n-nomina ta' Najla Bouden Ramadan bħala Prim Ministru fid-29 ta' Settembru, in-nomina tal-Kabinett tal-Ministri fil-11 ta' Ottubru u l-ħatra ta' għaxar nisa bħala ministri, inkluż il-Ministru l-ġdid tal-Ġustizzja Leila Jaffel u l-Ministru tal-Finanzi maħtur mill-ġdid Sihem Boughdiri Nemseya;
5. Jappoġġja l-aspirazzjonijiet tal-maġġoranza tal-poplu tat-Tuneżija li jrid jgħix f'pajjiż inklużiv, prosperu, stabbli u demokratiku, ħieles mill-korruzzjoni, u li jirrispetta l-impenji nazzjonali u internazzjonali tiegħu; jistieden lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) iżidu d-djalogu tagħhom mas-soċjetà ċivili tat-Tuneżija; jistieden lill-awtoritajiet tat-Tuneżija jevitaw l-inċertezza tad-dritt fil-projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u fid-detenzjonijiet domiċiljari u jitlob li tintemm il-prattika problematika ħafna li persuni ċivili jiġu pproċessati fi qrati militari;
6. Jisħaq fuq il-ħtieġa immedjata li tiġi stabbilizzata l-ekonomija tat-Tuneżija u li tingħeleb il-kriżi soċjoekonomika fil-pajjiż b'riformi u politiki strutturali; jilqa', f'dan ir-rigward, il-prijoritizzazzjoni tal-irkupru ekonomiku mill-Prim Ministru Bouden; jafferma mill-ġdid l-impenn tiegħu li jappoġġja lit-Tuneżija fit-triq tagħha lejn il-konsolidazzjoni demokratika kif ukoll biex tingħeleb il-pandemija tal-COVID-19;
7. Jenfasizza li l-finanzjament tal-UE jiddependi mill-avvanz demokratiku tal-pajjiż, li huwa essenzjali għall-irkupru ekonomiku tiegħu; jisħaq fuq il-ħtieġa li istituzzjonijiet stabbli u funzjonali jgħaddu minn riformi strutturali tant meħtieġa u l-ħtieġa li jiġu indirizzati l-kawżi fundamentali tal-korruzzjoni u tal-instabbiltà sabiex jiġi evitat aktar deterjorament tas-sitwazzjoni fil-pajjiż; jappoġġja l-isforzi tal-Fond Monetarju Internazzjonali biex jgħin lit-Tuneżija fl-irkupru finanzjarju tagħha;
8. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tat-Tuneżija jirrispettaw il-libertà tar-reliġjon, tat-twemmin u tal-kuxjenza u jħassru l-liġijiet dwar il-blasfemija tal-pajjiż; jesprimi tħassib dwar ir-rapporti li dawk li jaqilbu għall-Kristjaneżmu spiss jesperjenzaw il-fastidju u d-diskriminazzjoni fil-pajjiż;
9. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, u lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tat-Tuneżija.
- [1] ĠU C 204, 13.6.2018, p. 100.
- [2] ĠU C 35, 31.1.2018, p. 117.
- [3]https://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2021/07/27/tunisia-declaration-by-the-high-representative-on-behalf-of-the-eu/