Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0536/2021Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0536/2021

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-klima, l-enerġija u l-ambjent (CEEAG)

19.10.2021 - (2021/2923(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Jonás Fernández
f'isem il-Grupp S&D
Luis Garicano
f'isem il-Grupp Renew

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0535/2021

Proċedura : 2021/2923(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B9-0536/2021
Testi mressqa :
B9-0536/2021
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B9‑0536/2021

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-klima, l-enerġija u l-ambjent (CEEAG)

(2021/2923(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-abbozz tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Lulju 2021 bit-titolu "Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-klima, il-protezzjoni ambjentali u l-enerġija għall-2022",

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Ottubru 2021 bit-titolu "L-indirizzar taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija: sett ta' għodod għall-azzjoni u l-appoġġ" (COM(2021)0660),

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Settembru 2020 bit-titolu "It-tisħiħ tal-ambizzjoni klimatika tal-Ewropa għall-2030 – Ninvestu f'futur newtrali għall-klima għall-benefiċċju tal-popli tagħna" (COM(2020)0562),

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Ottubru 2020 bit-titolu "Mewġa ta' Rinnovazzjoni għall-Ewropa – l-ekoloġizzazzjoni tal-binjiet tagħna, il-ħolqien tal-impjiegi, it-titjib tal-ħajja" (COM(2020)0662),

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2019 bit-titolu "Il-Patt Ekoloġiku Ewropew" (COM(2019)0640),

 wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi tal-21 Konferenza tal-Partijiet (COP21) tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima, kif ukoll il-11-il Konferenza tal-Partijiet li serviet bħala l-laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta' Kjoto (CMP11) li saret f'Pariġi, Franza, mit-30 ta' Novembru sal-11 ta' Diċembru 2015,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea li jistabbilixxi li s-suq intern tal-Unjoni jrid jaħdem għall-iżvilupp sostenibbli tal-Ewropa, u l-Artikoli 9 u 11 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u l-Artikolu 37 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea li jitolbu l-integrazzjoni tal-protezzjoni ambjentali u tas-saħħa tal-bniedem fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politiki tal-Unjoni,

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Lulju 2021 bit-titolu "'Lesti għall-Mira ta' 55 %': Nilħqu l-Mira Klimatika tal-UE għall-2030 fi Triqitna lejn in-Newtralità Klimatika" (COM(2021)0550),

_ wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Settembru 2021 dwar "l-Effiċjenza Enerġetika tiġi l-Ewwel: minn prinċipji għall-prattika", u l-linji gwida annessi magħha (C(2021)7014),

 wara li kkunsidra l-evalwazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni tar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat,

 wara li kkunsidra l-konsultazzjoni pubblika dwar il-linji gwida riveduti dwar l-għajnuna għall-klima, l-enerġija u l-ambjent (CEEAG),

 wara li kkunsidra l-konsultazzjoni pubblika dwar ir-reviżjoni mmirata tar-Regolament għall-Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa (GBER): regoli riveduti għall-għajnuna mill-Istat li jippromwovu t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali,

 wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli[1] (Id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli),

 wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2018/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 li temenda d-Direttiva 2012/27/UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija[2],

 wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Ġunju 2019 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE[3],

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2019/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Ġunju 2019 dwar is-suq intern tal-elettriku[4],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Mejju 2021 dwar strateġija Ewropea għall-integrazzjoni tas-sistemi tal-enerġija[5],

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 401/2009 u (UE) 2018/1999 ("il-Liġi Ewropea dwar il-Klima")[6],

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tas-7 ta' Lulju 2021 dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni 2020 (COM(2021)0373),

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għall-proġetti tal-klima, tal-enerġija u tal-ambjent għandhom ikunu adatti għat-tranżizzjoni sostenibbli u għandhom ikunu konformi mal-objettivi u l-ambizzjonijiet tal-Unjoni dwar il-klima, l-enerġija, iċ-ċirkolarità, it-tniġġis żero u l-bijodiversità;

B. billi l-linji gwida attwali tal-2014-2020 dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija (EEAG) se jiskadu fil-31 ta' Diċembru 2021;

C. billi huwa meħtieġ rieżami wiesgħa u dettaljat tal-EEAG sabiex il-linji gwida jiġu allinjati bis-sħiħ mal-Patt Ekoloġiku Ewropew, mal-Ftehim ta' Pariġi u mal-għanijiet klimatiċi tal-UE għall-2030 u l-2050;

D. billi huwa meħtieġ qafas robust u trasparenti għall-għajnuna mill-Istat biex jinżammu swieq kompetittivi u jiġu evitati distorsjonijiet sproporzjonati u mhux ġustifikati tas-suq;

E. billi l-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija stabbilew il-kundizzjonijiet skont liema l-għajnuna mill-Istat għall-enerġija u l-protezzjoni ambjentali tista' tiġi kkunsidrata kompatibbli mas-suq intern;

F. billi l-objettivi ambizzjużi tal-UE dwar l-enerġija u l-klima jippreżentaw sfidi bla preċedent li se jirrikjedu livelli enormi ta' investimenti pubbliċi u privati; billi n-nuqqas ta' azzjoni fil-prattika jkun jiswa aktar minħabba li l-falliment jew id-dewmien tal-investimenti biex tinkiseb it-trasformazzjoni ekoloġika jista' jiswa lill-UE sa 5.6 % tal-PDG tagħha fl-2050;

G. billi l-komunikazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew tistabbilixxi b'mod speċifiku li r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għandhom jiġu riveduti biex jirriflettu l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku, jappoġġjaw tranżizzjoni kosteffettiva għan-newtralità klimatika sal-2050 u jiffaċilitaw l-eliminazzjoni gradwali tal-fjuwils fossili, b'mod partikolari dawk li jniġġsu l-aktar, filwaqt li jiġu żgurati kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni fis-suq intern;

H. billi l-lista tas-setturi intensivi fl-enerġija eliġibbli għall-għajnuna mill-Istat tnaqqset fl-abbozz ta' linji gwida tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-Istat għall-klima, il-protezzjoni ambjentali u l-enerġija għall-2022;

I. billi s-CEEAG attwali jeskludu approċċ differenzjat ibbażat fuq l-ispeċifiċitajiet u d-distribuzzjoni reġjonali, li jnaqqas ir-ritmu tal-espansjoni meħtieġa tal-enerġija rinnovabbli fil-kampanja fi Stati Membri b'kundizzjonijiet naturali eteroġeni;

J. billi fis-7 ta' Ġunju 2021, il-Kummissjoni nediet konsultazzjoni pubblika mmirata u ppubblikat abbozz ta' komunikazzjoni bit-titolu "Linji Gwida dwar għajnuna mill-Istat għall-klima, il-protezzjoni ambjentali u l-enerġija 2022"; billi l-perjodu ta' konsultazzjoni ntemm fit-2 ta' Awwissu 2021;

K. billi l-Kummissjoni ddikjarat li ż-żewġ fatturi ewlenin tar-reviżjoni huma tkabbir tal-kamp ta' applikazzjoni tal-linji gwida għal oqsma ġodda u t-teknoloġiji kollha li jistgħu jwasslu l-Patt Ekoloġiku Ewropew u flessibbiltà akbar fir-regoli ta' kompatibbiltà; billi l-allinjament u l-konsistenza mal-leġiżlazzjoni dwar l-ambjent u l-enerġija rilevanti kollha tal-UE u mal-acquis tal-Unjoni b'mod ġenerali huma essenzjali;

L. billi sabiex l-UE titpoġġa fi triq responsabbli biex issir newtrali għall-klima sal-2050, hija ddeċidiet li tnaqqas l-emissjonijiet tagħha ta' gassijiet serra b'mill-inqas 55 % sal-2030 u l-Kummissjoni pproponiet li tallinja l-leġiżlazzjoni rilevanti kollha dwar il-klima u l-enerġija kif xieraq, inkluż is-suġġeriment li l-miri tal-Unjoni għall-2030 li bihom is-sehem tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli jiżdied b'mill-inqas 40 % u l-effiċjenza enerġetika b'mill-inqas 36 % fl-ambitu tal-pakkett "Lesti għall-mira ta' 55 %";

M. billi l-Kummissjoni ddikjarat li l-miri klimatiċi u tal-enerġija waħedhom se jirrikjedu EUR 350 biljun ta' investiment annwali addizzjonali;

N. billi r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, b'mod partikolari dawk għall-klima, l-enerġija u protezzjoni ambjentali, għandhom jiffaċilitaw l-eliminazzjoni gradwali tal-fjuwils fossili f'konformità mal-Liġi Ewropea dwar il-Klima, u ma għandhomx jikkawżaw jew jikkontribwixxu għall-effetti ta' intrappolament tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra jew għall-ħolqien ta' assi mhux rekuperabbli;

O. billi r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għandhom iservu l-implimentazzjoni tal-prinċipju "l-effiċjenza enerġetika tiġi l-ewwel", li l-Istati Membri huma marbuta li japplikaw fid-deċiżjonijiet tagħhom dwar l-ippjanar u l-politika tal-enerġija u l-investimenti fiha f'konformità mar-Regolament (UE) 2018/1999 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika[7];

P. billi r-regoli modernizzati dwar l-għajnuna mill-Istat għandhom ikunu validi għall-futur u għalhekk għandhom ikunu soġġetti għal monitoraġġ u rieżami regolari;

Q. billi r-reviżjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat tas-CEEAG għandha tikkontribwixxi għal tranżizzjoni ġusta u b'hekk tqis l-aspetti soċjali fl-objettivi tagħha, inkluż fil-linji gwida dwar il-mekkaniżmi tas-sejħiet għall-offerti, sabiex jiġu miġġielda l-konsegwenzi u l-inugwaljanzi soċjali sproporzjonati u mhux intenzjonati, filwaqt li jitqies li 30 miljun persuna, jew 6.9 % tal-popolazzjoni tal-UE, jgħixu fil-faqar enerġetiku, b'differenzi kbar bejn l-Istati Membri;

R. billi huwa meħtieġ qafas ta' għajnuna mill-Istat robust biex jinżammu swieq kompetittivi u jista' wkoll ikollu rwol bħala qafas ta' abilitazzjoni biex jappoġġja l-industrija Ewropea fit-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima;

1. Jilqa' l-abbozz ta' komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-CEEAG u l-isforzi tagħha biex issaħħaħ il-linji gwida tal-2014 u timmira għal livell ogħla ta' protezzjoni ambjentali, li tinkludi d-dekarbonizzazzjoni tas-settur tal-enerġija; jilqa' b'sodisfazzjon l-enfasi akbar fuq il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u t-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra fl-abbozz tas-CEEAG, u jissottolinja li dawn il-linji gwida għandhom jimxu id f'id mal-protezzjoni ambjentali u tas-saħħa;

2. Ifakkar fl-objettiv klimatiku tal-Unjoni li l-emissjonijiet ta' gassijiet serra jitnaqqsu b'mill-inqas 55 % sal-2030, kif stabbilit fil-Liġi Ewropea dwar il-Klima, u l-mira li tintlaħaq in-newtralità klimatika sa mhux aktar tard mill-2050; jirrikonoxxi li ħafna liġijiet dwar il-klima u l-enerġija bħalissa qed jiġu riveduti biex jinġiebu konformi ma' dawn il-miri, il-miri proposti għall-2030 għall-enerġija rinnovabbli issa huma "mill-inqas 40 %" u għall-effiċjenza enerġetika "mill-inqas 36 %"; jindika li t-tranżizzjoni lejn mudell ekonomiku newtrali għall-klima tirrikjedi investimenti sinifikanti kemm mis-settur privat kif ukoll mis-settur pubbliku; jissottolinja li l-kost ta' nuqqas ta' azzjoni hija akbar b'mod ċar mill-kost biex jintlaħqu l-ambizzjonijiet tal-UE dwar il-klima u l-enerġija;

3. Isostni li għajnuna mill-Istat ambjentalment sostenibbli hija kruċjali biex jintlaħqu l-objettivi tal-UE għall-klima, l-enerġija u l-protezzjoni ambjentali; jissottolinja li l-Kummissjoni għandha tibgħat sinjal ċar li kwalunkwe appoġġ għandu jkun kompatibbli mal-Ftehim ta' Pariġi u mal-objettivi tat-tranżizzjoni ekoloġika u soċjali tal-UE;

4. Jistieden lill-Kummissjoni tallinja l-kategoriji differenti ta' għajnuna mal-Liġi Ewropea dwar il-Klima, u b'hekk tappoġġja tranżizzjoni kosteffettiva u ġusta għan-newtralità klimatika u tiffaċilita l-eliminazzjoni gradwali tal-fjuwils fossili; jisħaq li din l-eliminazzjoni gradwali għandha tkun akkumpanjata minn possibbiltajiet ta' appoġġ għal teknoloġiji ġodda inqas intensivi fil-karbonju f'konformità mal-prinċipju "la tagħmilx ħsara sinifikanti" skont it-tifsira tal-Artikolu 17 tar-Regolament dwar it-Tassonomija;

5. Jinnota li l-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għandhom l-ambizzjoni li jiffaċilitaw l-eliminazzjoni gradwali tal-fjuwils fossili; jisħaq, madankollu, li kwalunkwe appoġġ pendenti għall-proġetti tal-fjuwils fossili għandu jikkontribwixxi għal tnaqqis sinifikanti fl-emissjonijiet globali u jevita l-intrappolament fit-tul tal-fjuwils fossili billi jkollu disinn li jibqa' validu fil-futur, pereżempju proġetti tal-gass li għandhom perjodu ta' żmien vinkolanti biex isiru assi ddedikati tal-idroġenu f'konformità mal-leġiżlazzjoni dwar l-infrastruttura tal-enerġija; jissottolinja l-ħtieġa ta' skedi proporzjonati ta' investiment fl-enerġija rinnovabbli li jirrikjedu skrutinju bir-reqqa u l-aktar kriterji stretti;

6. Jisħaq li l-għajnuna mill-Istat fil-qasam tal-klima, il-protezzjoni ambjentali u l-enerġija hija għodda ewlenija fuq perjodu ta' żmien medju biex jiġu indirizzati ż-żidiet qawwija fil-prezzijiet tal-enerġija, b'mod partikolari billi jiġu appoġġjati miżuri ta' effiċjenza enerġetika u sorsi ta' enerġija rinnovabbli sostenibbli; jemmen li l-politiki u l-miżuri dwar l-effiċjenza enerġetika, speċjalment għall-bini, huma importanti għaċ-ċittadini vulnerabbli; huwa mħasseb li fl-abbozz tas-CEEAG, il-kategorija tal-għajnuna għat-"titjib tar-rendiment ambjentali u tal-enerġija tal-bini" hija nieqsa mill-ambizzjoni peress li tipprevedi biss rinnovazzjonijiet żgħar; jistieden lill-Kummissjoni żżid ir-rekwiżit bażiku tat-tnaqqis tad-domanda għall-enerġija primarja fil-bini b'mill-inqas 40 %, il-livell minimu meħtieġ biex tintlaħaq in-newtralità klimatika sal-2050 fis-settur tal-bini;

7. Jenfasizza l-ħtieġa li l-leġiżlazzjoni u l-politiki tal-UE dwar il-klima, l-ambjent, it-tniġġis żero, il-bijodiversità u l-enerġija jiġu integrati fil-qafas il-ġdid tal-għajnuna mill-Istat filwaqt li jiġi żgurat li dan jibqa' aġġornat u f'konformità mal-qafas aġġornat dwar il-klima u l-enerġija li qed jiġi rivedut bħalissa;

8. Jenfasizza li n-nuqqas li jiġu stabbiliti regoli sodi dwar l-għajnuna mill-Istat f'konformità mal-pakkett "Lesti għall-mira ta' 55 %" kif innegozjat u l-Patt Ekoloġiku jista' jkollu konsegwenzi negattivi għall-kompetittività u s-sostenibbiltà tal-industrija Ewropea, ipoġġi l-ħolqien tal-impjiegi u l-irkupru ekonomiku tal-UE f'riskju, u fl-aħħar mill-aħħar jimmina l-effettività tal-aġenda klimatika tal-Unjoni;

9. Jisħaq li l-ambizzjoni tal-pakkett "Lesti għall-mira ta' 55 %" se tirrikjedi li ċerti setturi intensivi fl-enerġija jirċievu ċertu grad ta' appoġġ pubbliku sabiex ilaħħqu mat-tranżizzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra li tirrieżamina l-lista ta' setturi eliġibbli għall-kumpens tal-prezz tal-enerġija;

10. Jistieden lill-Kummissjoni twettaq kategorizzazzjoni tas-settur bi granularità suffiċjenti sabiex tevita li l-kumpaniji li altrimenti jkunu eliġibbli jiġu esklużi mill-għajnuna mill-Istat minħabba kategorizzazzjoni mhux favorevoli tas-settur;

11. Jilqa' l-objettivi ġenerali tal-estensjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tal-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat biex ikopru oqsma ġodda bħall-mobbiltà nadifa, iż-żieda fil-flessibbiltà u s-simplifikazzjoni tar-regoli attwali; jinnota, madankollu, li hija meħtieġa ambizzjoni akbar fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat għall-klima, il-protezzjoni ambjentali, l-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika, u li huma meħtieġa definizzjonijiet u metodoloġiji ta' valutazzjoni ċari għal kunċetti ġodda introdotti mis-CEEAG;

12. Jisħaq li s-CEEAG għandhom jappoġġjaw b'mod adegwat it-trasformazzjoni ekoloġika tal-kumpaniji Ewropej fit-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-karbonju, filwaqt li jiġu ssalvagwardjati l-irkupru mill-kriżi tal-COVID-19, il-ħolqien tal-impjiegi fl-UE u l-kompetittività f'mod kompatibbli mad-WTO;

13. Jissottolinja li l-intenzjoni tas-CEEAG hija li tiċċara kif l-Istati Membri jistgħu jinċentivaw l-għeluq bikri tal-attivitajiet tal-faħam, tal-pit u taż-żejt tax-shale; jemmen, madankollu, li din il-kategorija ta' għajnuna għandha tittejjeb b'mod sostanzjali, pereżempju billi:

i) jiġu introdotti salvagwardji ċari fl-eliminazzjoni gradwali tal-fjuwils fossili u l-attivitajiet relatati, filwaqt li jitqiesu s-sussidji storiċi diretti u indiretti riċevuti, ir-responsabbiltajiet korporattivi għall-konverżjoni tas-siti wara l-għeluq, u b'mod ġenerali l-obbligazzjonijiet kollha skont il-prinċipju ta' min iniġġes iħallas, li ma jridux jitħallsu bl-għajnuna mill-Istat; dawn is-salvagwardji jistgħu jinkisbu billi jiġu stabbiliti dati ta' għeluq obbligatorji, pereżempju; data tat-tmiem għar-reġim tal-għeluq tal-għajnuna u/jew l-eliminazzjoni gradwali tal-għajnuna;

ii) jintalbu s-sottomissjoni ta' valutazzjoni tal-impatt olistika u t-tqabbil ma' alternattivi effiċjenti fl-użu tal-enerġija u, fejn dawn ma jkunux jeżistu, ma' alternattivi tal-enerġija rinnovabbli aktar sostenibbli għall-ħtiġijiet tal-enerġija pendenti sabiex jintwera li l-għajnuna mill-Istat tingħata lill-aktar soluzzjoni fit-tul kosteffettiva, effiċjenti fl-enerġija u sostenibbli bbażata fuq l-enerġija rinnovabbli, f'konformità mal-aħħar xjenza u objettivi tal-Patt Ekoloġiku, b'mod partikolari dawk il-miri dwar l-effiċjenza enerġetika u l-enerġija rinnovabbli;

iii) jiġi ddefinit xi tfisser "kostijiet addizzjonali" eliġibbli għall-għajnuna mill-Istat biex jiġi ffaċilitat l-għeluq ta' attivitajiet profittabbli, kif sar għall-għajnuna mill-Istat biex jiġi ffaċilitat l-għeluq ta' attivitajiet mhux kompetittivi;

iv) tintalab trasparenza fil-pjanijiet ta' għeluq għall-attivitajiet tal-fjuwils fossili u l-għajnuna mill-Istat f'dan il-kuntest;

14. Jisħaq li sabiex sal-2050 insiru newtrali għall-klima, huwa meħtieġ l-użu immedjat u tal-massa tal-miżuri tal-effiċjenza enerġetika u tat-teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli sostenibbli; jisħaq li l-investiment pubbliku fl-effiċjenza enerġetika u fl-enerġija rinnovabbli fit-tul mhux biss se jnaqqas l-emissjonijiet iżda se jnaqqas u jistabbilizza wkoll il-prezzijiet tal-enerġija, u b'hekk jirrilaxxa aktar introjtu disponibbli u fl-aħħar mill-aħħar isaħħaħ il-prosperità u s-sigurtà tal-enerġija tal-UE; jitlob għalhekk li s-CEEAG finali jinkludu kapitolu dwar l-appoġġ għall-enerġiji rinnovabbli, u biex dawn jissottolinjaw li l-iskemi ta' appoġġ speċifiċi għat-teknoloġija għandhom ikunu r-regola u mhux l-eċċezzjoni u jipprevedu l-possibbiltà li jkun hemm livelli ta' appoġġ differenzjati fil-livell reġjonali biex jippermettu d-diversifikazzjoni u l-integrazzjoni kosteffiċjenti tas-sistema tal-enerġiji rinnovabbli fil-livell reġjonali; jitlob, f'konformità mad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli, li jiġi introdott kapitolu speċifiku b'dispożizzjonijiet iddedikati biex jappoġġjaw lill-komunitajiet tal-enerġija rinnovabbli ta' kull daqs u lil atturi iżgħar, inklużi eżenzjoni mill-irkant obbligatorju u/jew żieda sostanzjali tal-limiti għall-eżenzjoni tagħhom mill-irkant jew, fin-nuqqas ta' dan, tal-anqas jinżammu fil-livelli tal-EEAG tal-2014;

15. Jisħaq li l-ilħuq tal-mira ta' interkonnessjoni tal-elettriku effiċjenti transfruntiera ta' 15 %, it-tneħħija tal-konġestjonijiet nazzjonali, iż-żieda fil-kapaċità ta' ħżin tal-enerġija rinnovabbli u t-trażmissjoni u d-distribuzzjoni intelliġenti huma mod ewlieni ieħor ta' espansjoni tal-interkonnessjoni tal-enerġija transfruntiera, li huwa meħtieġ biex tiżdied is-sigurtà fil-provvista tal-enerġija, titnaqqas il-volatilità u titrawwem l-awtonomija enerġetika tal-UE;

16. Jinsisti li r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għandhom ikunu akkomodanti biżżejjed biex jiffaċilitaw l-integrazzjoni ta' soluzzjonijiet ġodda b'emissjonijiet żero, ċirkolari u sostenibbli fis-setturi kollha, speċjalment f'setturi diffiċli sabiex jitrażżnu;

17. Jitlob lill-Kummissjoni tintegra l-prinċipji tal-ġerarkija tal-enerġija fis-CEEAG u tirrevedi wkoll l-għajnuna fil-forma ta' tnaqqis mill-imposti tal-elettriku għall-utenti li jużaw ħafna enerġija fid-dawl ta' dawn il-prinċipji billi tiżgura li tali appoġġ ikun marbut ma' investimenti reali fl-effiċjenza enerġetika u fl-enerġiji rinnovabbli;

18. Jistieden lill-Kummissjoni tintegra b'mod espliċitu l-prinċipju "l-effiċjenza enerġetika tiġi l-ewwel" fis-CEEAG, b'mod partikolari billi:

i) tuża l-prinċipju bħala linja bażi ta' prijorità għall-valutazzjoni ta' jekk miżura fis-settur tal-enerġija hijiex meħtieġa, b'mod partikolari għal miżuri ta' għajnuna għall-produzzjoni tal-enerġija (it-taqsima 4.1), għajnuna għas-sigurtà tal-provvista, b'mod partikolari fil-kuntest ta' mekkaniżmi ta' remunerazzjoni tal-kapaċità (it-taqsima 4.8) u għajnuna għall-infrastruttura tal-enerġija (it-taqsima 4.9);

ii) tintegra l-prinċipju fir-raġunament tal-miżuri fir-rigward ta' skemi għall-effiċjenza enerġetika (eż. proċeduri ta' offerti speċifiċi għat-teknoloġija taħt l-ewwel kategorija ta' għajnuna – it-taqsima 4.1) u t-titjib tar-rendiment enerġetiku u ambjentali tal-bini (it-taqsima 4.2) jew għat-tisħin u t-tkessiħ distrettwali (it-taqsima 4.10);

19. Jissottolinja li r-regoli Ewropej dwar l-għajnuna mill-Istat għandhom jiżguraw kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni fost l-Istati Membri, peress li mhux l-Istati Membri kollha se jkunu jistgħu jipprovdu l-istess livell ta' appoġġ lin-negozji tagħhom, u b'hekk jinħoloq ir-riskju ta' distorsjonijiet tas-suq, frammentazzjoni u aktar diverġenzi bejn il-pajjiżi, li min-naħa tiegħu joħloq aktar disparitajiet soċjali fis-suq intern;

20. Jinnota li l-investimenti f'teknoloġiji effiċjenti fl-enerġija u rinnovabbli jirrikjedu prevedibbiltà ekonomika sabiex jiġu mminimizzati r-riskji ta' investiment; jistieden lill-Kummissjoni tawtorizza skemi ta' għajnuna għal perjodu twil biżżejjed li jqis il-perjodi ta' żmien tal-ippjanar u tal-iżvilupp tal-proġetti rilevanti f'konformità mad-dispożizzjonijiet definiti fil-leġiżlazzjoni rilevanti;

21. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura ċ-ċertezza tad-dritt għal skemi ta' appoġġ li diġà ġew approvati skont ir-reġim l-antik tal-għajnuna mill-Istat; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi mekkaniżmu ta' rieżami fil-linji gwida l-ġodda sabiex jiġu żgurati l-konsistenza u l-koerenza mal-atti leġiżlattivi finali u mal-atti ta' implimentazzjoni tal-pakkett "Lesti għall-mira ta' 55 %";

22. Jistieden lill-Kummissjoni tevita livelli eċċessivi ta' oneru tal-provi u ġustifikazzjoni fil-linji gwida l-ġodda sabiex jiġu evitati l-burokrazija u l-inċertezza li jfixklu l-objettivi ta' politika tal-Patt Ekoloġiku u l-ilħuq tal-miri ta' tnaqqis tal-2030;

23. Jisħaq fuq l-importanza ewlenija li jiġu ppreservati u jinħolqu impjiegi sostenibbli u ta' kwalità fil-kuntest tat-tranżizzjoni sostenibbli; ifakkar li assi mhux rekuperabbli tfisser infrastruttura mhux rekuperabbli u impjiegi mhux rekuperabbli, u li l-programmi ta' taħriġ u edukazzjoni għandhom jiżviluppaw ħiliet u professjonijiet allinjati mal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku;

24. Jistieden lill-Kummissjoni tipprevedi l-possibbiltà ta' għajnuna eċċezzjonali mill-Istat fejn partijiet oħra tal-linji gwida jipprojbixxu tali appoġġ iżda fejn l-innovazzjoni appoġġjata jkollha impatt pożittiv fuq is-soċjetà jew l-ekonomija tal-Ewropa f'konformità mal-objettivi tal-politika tal-Unjoni;

25. Jesprimi tħassib dwar in-nuqqas ta' trasparenza fir-rigward tal-iskambji bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri rigward in-notifika u l-approvazzjoni tal-miżuri nazzjonali tal-għajnuna mill-Istat, kif ukoll dwar il-kriterji użati għall-valutazzjoni tal-konformità tal-miżuri nazzjonali tal-għajnuna mill-Istat mal-objettivi u l-liġijiet tal-UE dwar il-protezzjoni ambjentali, tal-bijodiversità u tal-klima; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza din il-kwistjoni billi, fost l-oħrajn, tiddivulga l-għażla taż-żmien tal-passi proċedurali fir-reġistru tal-għajnuna mill-Istat, tippubblika d-deċiżjoni ta' qabel in-notifika kif ukoll l-ittri lill-Istati Membri meta l-miżuri proposti tagħhom ma jikkwalifikawx bħala għajnuna mill-Istat, ittejjeb il-mudelli użati mill-Istati Membri għan-notifiki tal-għajnuna mill-Istat, u ttejjeb il-valutazzjonijiet tal-konformità tal-Kummissjoni;

26. Ifakkar li fis-sejbiet tiegħu fil-każ ACCC/C/2015/128 adottat fis-17 ta' Marzu 2021, il-Kumitat ta' Konformità tal-Konvenzjoni ta' Aarhus (ACCC) sab li l-UE mhijiex konformi mal-Artikolu 9(3) u (4) tal-Konvenzjoni ta' Aarhus minħabba l-fatt li bħalissa huwa impossibbli għas-soċjetà ċivili li tikkontesta d-deċiżjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat meħuda mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108(2) tat-TFUE li jista' jmur kontra l-liġi tal-UE relatata mal-ambjent; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill juru impenn sħiħ għall-obbligi internazzjonali tal-UE dwar il-ġustizzja ambjentali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tissodisfa l-impenn li sar fid-dikjarazzjoni mehmuża mar-Regolament rivedut ta' Aarhus biex tivvaluta l-għażliet disponibbli biex jiġu indirizzati s-sejbiet tal-ACCC sal-aħħar tal-2022 u biex tressaq miżuri, jekk xieraq, sal-aħħar tal-2023;

27. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni u lill-Kunsill.

 

 

Aġġornata l-aħħar: 20 ta' Ottubru 2021
Avviż legali - Politika tal-privatezza