Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0551/2021Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0551/2021

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-introduzzjoni ta' pass Ewropew tas-sigurtà soċjali għat-titjib tal-infurzar diġitali tad-drittijiet ta' sigurtà soċjali u ta' mobilità ekwa

17.11.2021 - (2021/2620(RSP))

imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B9‑0000x
skont l-Artikolu 136(5) tar-Regoli ta' Proċedura

Lucia Ďuriš Nicholsonová
f'isem il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali


Proċedura : 2021/2620(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B9-0551/2021
Testi mressqa :
B9-0551/2021
Testi adottati :

B9‑0551/2021

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-introduzzjoni ta' pass Ewropew tas-sigurtà soċjali għat-titjib tal-infurzar diġitali tad-drittijiet ta' sigurtà soċjali u ta' mobilità ekwa

(2021/2620(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

 wara li kkunsidra l-Artikolu 153 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Jannar 2014 dwar spezzjonijiet tax-xogħol effikaċi bħala strateġija biex jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol fl-Ewropa[1],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2017 dwar Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali[2],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2020 dwar Ewropa soċjali b'saħħitha għal Tranżizzjonijiet Ġusti[3],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Ottubru 2020 dwar il-politiki tal-impjiegi u soċjali taż-żona tal-euro fl-2020[4],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Jannar 2021 dwar it-tisħiħ tas-suq uniku: il-futur tal-moviment liberu tas-servizzi[5],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Mejju 2021 dwar l-impatti tar-regoli tal-UE fuq il-moviment liberu tal-ħaddiema u tas-servizzi: il-mobilità tal-forza tax-xogħol intra-UE bħala għodda għat-tqabbil tal-ħtiġijiet u l-ħiliet tas-suq tax-xogħol[6],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Ġunju 2020 dwar il-protezzjoni Ewropea tal-ħaddiema transfruntiera u staġjonali fil-kuntest tal-kriżi tal-COVID-19[7],

 wara li kkunsidra l-mistoqsija E-001132/2021 tal-25 ta' Frar 2021 u t-tweġiba bil-miktub għaliha, mogħtija mill-Kummissarju għall-Impjiegi u d-Drittijiet Soċjali f'isem il-Kummissjoni fit-28 ta' April 2021[8],

 wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/104/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar xogħol temporanju permezz ta' aġenzija[9],

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2019/1149 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 li jistabbilixxi Awtorità Ewropea tax-Xogħol[10],

 wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-koordinazzjoni ta' sistemi ta' sigurtà soċjali[11],

 wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta' sigurtà soċjali[12],

 wara li kkunsidra d-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 1996 dwar l-impjieg ta' ħaddiema fil-qafas ta' prestazzjoni ta' servizzi[13],

 wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2018/957 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Ġunju 2018 li temenda d-Direttiva 96/71/KE dwar l-istazzjonar ta' ħaddiema fil-qafas ta' prestazzjoni ta' servizzi[14],

 wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/67/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar l-infurzar tad-Direttiva 96/71/KE dwar l-istazzjonament ta' ħaddiema fil-qafas tal-prestazzjoni ta' servizzi u li temenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern ("ir-Regolament tal-IMI")[15],

 wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2020/1057 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Lulju 2020 li tistabbilixxi regoli speċifiċi rigward id-Direttiva 96/71/KE u d-Direttiva 2014/67/UE għall-istazzjonar tax-xufiera fis-settur tat-trasport bit-triq u li temenda d-Direttiva 2006/22/KE fir-rigward ta' rekwiżiti tal-infurzar u r-Regolament (UE) Nru 1024/2012[16],

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2020/1054 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Lulju 2020 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 fir-rigward ta' rekwiżiti minimi dwar il-ħinijiet massimi ta' sewqan kuljum u kull ġimgħa, il-pawżi minimi u l-perjodi ta' mistrieħ kuljum u kull ġimgħa u r-Regolament (UE) Nru 165/2014 fir-rigward tal-pożizzjonament permezz ta' takografi[17],

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2020/1055 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Lulju 2020 li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1071/2009, (KE) Nru 1072/2009 u (UE) Nru 1024/2012 bl-għan li jiġu adattati għall-iżviluppi fis-settur tat-trasport bit-triq[18],

 wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2019/1152 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 dwar kondizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli fl-Unjoni Ewropea[19],

 wara li kkunsidra s-sentenza tal-QĠUE fil-kawża C-55/18, li skontha l-Istati Membri jeħtiġilhom jirrikjedu li l-impjegaturi jistabbilixxu sistema li tippermetti li jitkejjel it-tul tal-ħin tax-xogħol ta' kuljum[20],

 wara li kkunsidra l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (EPSR), ipproklamat mill-Kunsill Ewropew, mill-Parlament u mill-Kummissjoni f'Novembru 2017,

 wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-3 ta' Ġunju 2021 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 910/2014 fir-rigward tal-istabbiliment ta' qafas għal Identità Diġitali Ewropea (COM(2021)0281), "identifikazzjoni elettronika Ewropea affidabbli u sigura",

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Marzu 2020 dwar il-linji gwida li jikkonċernaw l-eżerċizzju tal-moviment liberu tal-ħaddiema matul it-tifqigħa tal-COVID-19,

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Lulju 2020 dwar il-linji gwida dwar il-ħaddiema staġjonali fl-UE fil-kuntest tat-tifqigħa tal-COVID-19,

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta' Marzu 2021 dwar il-Pjan ta' Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (COM(2021)0102),

 wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar l-introduzzjoni ta' Pass Ewropew tas-Sigurtà Soċjali għat-titjib tal-infurzar diġitali tad-drittijiet ta' sigurtà soċjali u ta' mobilità ekwa (O-000071/2021 – B9‑0000/2021),

 wara li kkunsidra l-Artikoli 136(5) u 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

A. billi l-mobilità tal-forza tax-xogħol intra-UE segwiet tendenza ta' tkabbir f'dawn l-aħħar snin; billi fl-2019, 17.9-il miljun persuna mill-EU-28 marru jgħixu f'pajjiż ieħor tal-UE; billi 13-il miljun minn dawn il-persuni li jiċċaqalqu kienu fl-età tax-xogħol u 78 % minnhom kienu impjegati; billi fl-2019 kien hemm 1.5 miljun ħaddiem transfruntier fl-UE[21]; billi fl-2019 il-persuni attivi li ċċaqilqu rrappreżentaw 4.3 % tal-forza tax-xogħol totali fl-Istati Membri tal-EU-28; billi d-data tal-Kummissjoni tal-2017 tistma li x-xogħol mhux iddikjarat huwa madwar 11.6 % tal-input totali tax-xogħol fis-settur privat tal-UE u 16.4 % tal-valur miżjud gross[22]; billi fl-2019 fl-UE nħarġu 4.6 miljun dokument portabbli A1 li jammontaw għal madwar 3.06 miljun ħaddiem; billi l-ħaddiema stazzjonati huma meħtieġa li jkollhom formola A1 meta jaħdmu fi Stat Membru ieħor;  billi l-formola A1 tipprovdi informazzjoni rigward is-sistema tas-sigurtà soċjali li tkopri ħaddiem; billi l-formoli A1 ma jipprovdux informazzjoni aġġornata f'ħin reali rigward il-kopertura tas-sigurtà soċjali;

B. billi d-data tal-Eurofound turi li l-perjodi ta' mobilità intra-UE qed jiqsaru, b'50 % tal-persuni li jiċċaqalqu li jibqgħu fil-pajjiż ospitanti bejn sena u erba' snin; billi l-mobilità tar-ritorn żdiedet ukoll[23]: għal kull erba' persuni li telqu minn Stat Membru fl-2017, tlieta rritornaw; billi perjodi iqsar u ripetuti ta' mobilità jagħmluha saħansitra aktar neċessarja għall-ħaddiema mobbli li jżommu rekord tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u d-drittijiet tal-pensjoni tagħhom;

C. billi l-Artikolu 48 tat-TFUE jagħti lill-Parlament u lill-Kunsill, filwaqt li jaġixxu f'konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja, il-kompetenza li jadottaw dawk il-miżuri fil-qasam tas-sigurtà soċjali li jkunu meħtieġa sabiex jipprovdu moviment liberu għall-ħaddiema; billi għal dan l-għan, dawn jeħtiġilhom jagħmlu arranġamenti sabiex jiżguraw id-drittijiet tas-sigurtà soċjali għall-ħaddiema migranti impjegati u dawk li jaħdmu għal rashom u d-dipendenti tagħhom; billi l-Artikolu 153(1) tat-TFUE jagħti lill-Unjoni l-kompetenza biex tappoġġja u tikkomplementa l-attivitajiet tal-Istati Membri fil-qasam tas-sigurtà soċjali; billi l-Artikolu 153(2) tat-TFUE jistabbilixxi li, fil-qasam tas-sigurtà soċjali, il-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu, f'konformità ma' proċedura leġiżlattiva speċjali, wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u mal-Kumitat tar-Reġjuni;

D. billi l-ħaddiema mobbli u ċ-ċittadini jikkontribwixxu għall-ġid tan-nisġa soċjoekonomika fir-reġjuni tal-fruntieri, li jammontaw għal 40 % tat-territorju tal-UE; billi għalhekk huwa meħtieġ li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni u kundizzjonijiet ta' mobilità ġusta għaċ-ċittadini billi jiġu pprovduti bl-għodod xierqa sabiex jiġu ggarantiti ċ-ċertezza tad-dritt, il-protezzjoni tad-drittijiet tagħhom u l-kopertura tas-sigurtà soċjali; billi huwa importanti li jiġi evitat li jitqiegħed piż amministrattiv eċċessiv fuq il-kumpaniji, b'mod partikolari l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs);

E. billi l-Prinċipju 12 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jgħid li, irrispettivament mit-tip u mid-durata tar-relazzjoni tal-impjieg tagħhom, il-ħaddiema u, f'kundizzjonijiet komparabbli, dawk li jaħdmu għal rashom, għandhom id-dritt għal protezzjoni soċjali adegwata;

F. billi l-isfidi li jikkonċernaw il-kompetizzjoni inġusta bbażata fuq l-isfruttament tal-ħaddiema, forom frawdolenti ta' kuntratti u prattiki inġusti bħad-dumping soċjali għadhom kwistjoni madwar l-Istati Membri u huma problematiċi ħafna għall-kumpaniji, għall-ħaddiema u għas-soċjetajiet Ewropej; billi diversi forom li bihom jingħata kuntratt ta' xogħol jidhru li huma l-aktar affettwati mill-frodi; billi hemm nuqqas ta' data affidabbli biex jiġi stabbilit il-kobor tal-problema speċjalment fil-kuntest tal-istazzjonar tal-ħaddiema[24]; billi waħda mill-kawżi hija n-nuqqas ta' monitoraġġ u infurzar effettiv tad-dritt tal-Unjoni applikabbli, b'mod partikolari fir-rigward tal-prinċipji ta' trattament ugwali u paga ugwali għal xogħol ugwali fl-istess post, li ma jistgħux jiġu ggarantiti jekk il-prinċipju tat-traċċabbiltà u l-portabbiltà tad-drittijiet ma jiġix irrispettat u li jeħtieġ li jitjieb;

G. billi l-pandemija tal-COVID-19 enfasizzat u aggravat il-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien prekarji ta' ħafna ħaddiema mobbli u transfruntiera fl-UE; billi l-kriżi tefgħet dawl fuq l-importanza ta' sistemi ta' sigurtà soċjali robusti u stabbli, li jiżguraw li ħadd ma jibqa' lura minħabba li jkun eżerċita l-libertà ta' moviment tiegħu; billi meta faqqgħet il-pandemija, il-miżuri meħuda mill-Istati Membri rriżultaw f'inċertezza tad-dritt għall-ħaddiema mobbli fir-rigward tar-regoli applikabbli dwar is-sigurtà soċjali, u ħafna minnhom sabu diffikultà biex jitolbu benefiċċji tal-qgħad b'mod remot; billi l-pandemija tefgħet dawl fuq il-vulnerabbiltajiet partikolari ta' ħaddiema mhux iddikjarati u staġjonali mingħajr kopertura tas-sigurtà soċjali, u l-abbuż u l-użu frawdolenti ta' pakketti ta' salvataġġ ta' appoġġ finanzjarju għal żmien qasir ikkawżati mill-COVID-19 wasslu għal livelli ogħla ta' xogħol mhux iddikjarat u mhux iddikjarat kollu, inklużi forom ġodda ta' appoġġ għax-xogħol mhux iddikjarat[25];

H. billi d-diġitalizzazzjoni tipprovdi opportunità bla preċedent biex tiġi ffaċilitata l-mobilità tal-forza tax-xogħol filwaqt li l-konformità mad-dispożizzjonijiet applikabbli tal-UE ssir aktar rapida u aktar faċli biex tiġi kkontrollata; billi ma hemm l-ebda eżerċizzju sistematiku mifrux mal-UE kollha għall-ġbir tad-data li għandu l-għan li jipprovdi data adegwata dwar il-ħaddiema mobbli jew li jiffaċilita l-portabbiltà tad-drittijiet tas-sigurtà soċjali bejn il-fruntieri permezz tal-verifika f'ħin reali tal-kopertura u tal-benefiċċji tas-sigurtà soċjali tal-ħaddiema minn atturi u istituzzjonijiet kompetenti; billi l-aċċess għall-informazzjoni dwar ir-regoli applikabbli kif ukoll il-konformità, il-monitoraġġ u l-infurzar effikaċi huma prekundizzjonijiet meħtieġa ta' mobilità ġusta u l-ġlieda kontra l-abbużi; billi t-teknoloġija diġitali, li tista' tiffaċilita s-superviżjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni, filwaqt li tissalvagwardja d-drittijiet tal-ħaddiema mobbli u tnaqqas l-ispejjeż amministrattivi għall-kumpaniji u l-istituzzjonijiet nazzjonali, għandha għalhekk tiġi promossa u użata f'konformità mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data;

I. billi forom differenti ta' karti nazzjonali jew strumenti komparabbli fil-qasam tal-liġi tax-xogħol ġew żviluppati mis-sħab soċjali nazzjonali f'diversi setturi fl-Istati Membri, jew b'kooperazzjoni mal-awtoritajiet lokali jew minn awtoritajiet nazzjonali; billi dawn l-inizjattivi varji għandhom karatteristika essenzjali komuni: numru ta' identifikazzjoni jew karta personali li jipprovdu lill-ħaddiema, lill-awtoritajiet u lill-fornituri ewlenin bi strument effettiv li jiżgura kopertura tas-sigurtà soċjali u pagi u kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti fuq il-postijiet tax-xogħol; billi dawn l-inizjattivi joħolqu għarfien dwar il-kundizzjonijiet tal-impjieg u tax-xogħol għall-ħaddiema kollha u jtejbu l-infurzar;

J. billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Jannar 2014 dwar spezzjonijiet tax-xogħol effikaċi, il-Parlament stieden lill-Kummissjoni tinvestiga l-benefiċċji tal-introduzzjoni ta' karta tas-sigurtà soċjali Ewropea li ma tistax tiġi ffalsifikata jew dokument elettroniku ieħor fl-UE kollha fil-livell Ewropew, li fuqhom jistgħu jinħażnu d-data kollha meħtieġa biex tiġi vverifikata r-relazzjoni ta' impjieg tad-detentur, bħal dettalji dwar l-istatus tas-sigurtà soċjali u l-ħinijiet tax-xogħol, u li jkunu soġġetti għal regoli stretti dwar il-protezzjoni tad-data; billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2017 dwar Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, il-Parlament indika l-potenzjal ta' soluzzjonijiet aċċessibbli tal-gvern elettroniku, possibbilment bl-inklużjoni ta' karta tas-sigurtà soċjali Ewropea, b'garanziji ta' protezzjoni tad-data b'saħħithom, li jistgħu jtejbu l-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali tal-UE u l-għarfien individwali; billi, fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Ottubru 2020 dwar il-politiki tal-impjiegi u soċjali taż-żona tal-euro 2020, il-Parlament stieden lill-Kummissjoni tressaq proposta għal numru diġitali tas-sigurtà soċjali tal-UE wara valutazzjoni tal-impatt xierqa u bbażata fuq il-fatti; billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2020 dwar Ewropa soċjali b'saħħitha għal Tranżizzjonijiet Ġusti, il-Parlament stieden għal darb'oħra lill-Kummissjoni tressaq proposta għal numru diġitali tas-sigurtà soċjali Ewropew (NSSE) u għal mekkaniżmu ta' kontroll potenzjali bħalma hija karta tal-impjieg personali, u sostna li l-ħaddiema u r-rappreżentanti u l-ispettorati tagħhom jeħtiġilhom li jkollhom aċċess aġġornat għall-informazzjoni dwar min iħaddimhom, l-intitolamenti tal-pagi, id-drittijiet tax-xogħol u d-drittijiet soċjali tagħhom; billi r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Mejju 2021 dwar il-mobilità tal-forza tax-xogħol intra-UE, il-Parlament saħaq li d-diġitalizzazzjoni tal-iskambji tad-data bejn l-Istati Membri tista' tiffaċilita l-moviment liberu tal-ħaddiema fuq bażi ġusta u ekwa kif ukoll tiżgura l-infurzar tar-regoli rilevanti tal-Unjoni;

K. billi l-programm ta' ħidma tal-Kummissjoni għall-2018, bid-data tal-24 ta' Ottubru 2017, ħabbar l-intenzjoni li jiġi introdott NSSE bil-għan li jikkontribwixxi għall-objettiv ġenerali li jiġu ssalvagwardjati kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti għall-ħaddiema mobbli, jiġu rrispettati l-istandards soċjali għaċ-ċittadini mobbli kollha u jiġi żgurat l-infurzar xieraq tagħhom; billi l-Kummissjoni kkonsultat lill-partijiet ikkonċernati u liċ-ċittadini dwar l-introduzzjoni ta' NSSE bejn is-27 ta' Novembru 2017 u s-7 ta' Jannar 2018; billi l-Kummissjoni, fil-valutazzjoni tal-impatt tal-bidu tagħha tal-2017 għal NSSE, f'perspettiva aktar fit-tul, ipprevediet ukoll il-possibbiltà li l-użu tan-NSSE jiġi estiż għal oqsma oħra ta' politika lil hinn mill-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali; billi l-Kummissjoni kkonfermat fl-Istħarriġ tal-Piż Annwali tagħha tal-2019, ippubblikat fit-13 ta' Awwissu 2020, li kienet qed taħdem fuq inizjattiva dwar NSSE; billi l-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen ħabbret fid-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni Ewropea fis-16 ta' Settembru 2020 li l-Kummissjoni dalwaqt se tipproponi sistema ta' identità elettronika Ewropea affidabbli u sigura; billi l-Kummissjoni ħabbret fil-pjan ta' azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali li se tvara proġett pilota fl-2021 biex tesplora t-tnedija ta' pass Ewropew tas-sigurtà soċjali (ESSP) sal-2023, li jibni fuq l-inizjattiva għal identifikazzjoni elettronika Ewropea;

L. billi l-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions tqis in-NSSE bħala strument siewi għall-ġlieda kontra l-frodi u l-abbużi tas-sigurtà soċjali; billi fit-12 ta' Jannar 2018 Business Europe ppubblikat nota li tisħaq fuq il-potenzjal tan-NSSE li jtejjeb il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali fl-UE, filwaqt li indirizzat ukoll it-tħassib relatat mad-diversità tas-sistemi tas-sigurtà soċjali nazzjonali, kwistjonijiet possibbli ta' protezzjoni tad-data u piżijiet amministrattivi addizzjonali; billi s-sħab soċjali fis-settur tal-kostruzzjoni appellaw għal għodod diġitali effettivi biex jiġi żgurat l-infurzar tal-leġiżlazzjoni applikabbli, inkluż approċċ Ewropew għall-karti tax-xogħol personali[26];

M. billi l-Awtorità Ewropea tax-Xogħol (ELA) ġiet stabbilita f'Ġunju 2019; billi n-NSSE mhuwiex inkluż fir-Regolament ELA; billi l-objettiv tal-ELA huwa li tiżgura mobilità tal-forza tax-xogħol ġusta billi tassisti lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni fl-applikazzjoni u l-infurzar effettivi tagħhom tal-liġi tal-Unjoni relatata mal-mobilità tal-forza tax-xogħol u l-koordinazzjoni tas-sistema tas-sigurtà soċjali;

1. Ifakkar li mill-2014 il-Parlament stieden lill-Kummissjoni f'diversi okkażjonijiet biex tinvestiga l-benefiċċji tal-introduzzjoni ta' proposta leġiżlattiva għal NSSE sabiex jinħoloq strument diġitali għall-UE kollha għall-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali u għas-salvagwardja tal-mobilità tal-forza tax-xogħol ġusta għall-ħaddiema mobbli; jesprimi d-dispjaċir tiegħu li l-Kummissjoni ma ppreżentatx proposta għal NSSE minkejja li ħadet diversi impenji biex tagħmel dan; itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni biex tagħti spjegazzjoni għaliex ma għamlitx dan;

2. Jistieden lill-Kummissjoni tikkondividi mal-Parlament l-abbozz ta' valutazzjoni tal-impatt tan-NSSE li ġie ppreżentat lill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju (RSB) fl-2017/2018 u tikkondividi l-opinjoni tal-RSB dwar dan l-abbozz ta' valutazzjoni tal-impatt; jistieden lill-Kummissjoni tikkondividi mal-Parlament kwalunkwe dokument ieħor li jkun kkontribwixxa għad-deċiżjoni tagħha li ma tmexxix bil-proposta għal NSSE;

3. Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni fil-pjan ta' azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali biex tvara proġett pilota ħalli tesplora t-tnedija ta' ESSP diġitali; jilqa' t-tnedija ta' proġetti pilota li jesploraw soluzzjonijiet diġitali u jistieden lill-Kummissjoni tinforma kif xieraq lill-Parlament dwar ir-riżultati u d-diffikultajiet possibbli li wieħed jiffaċċja matul il-fażi ta' implimentazzjoni; jissottolinja li l-proġett pilota tal-ESSP jeħtieġ li jkollu enfasi qawwija fuq is-salvagwardja tal-mobilità ġusta; jistieden lill-Kummissjoni żżid l-ambizzjoni tagħha kemm fir-rigward tal-kontenut kif ukoll taż-żmien, filwaqt li tniedi valutazzjoni xierqa b'mod parallel mal-proġett pilota bbażata fuq il-ħidma li saret sa issa bil-ħsieb li titnieda proposta leġiżlattiva dwar l-ESSP qabel tmiem l-2022, sabiex jiġu żgurati l-portabbiltà u t-traċċabbiltà tad-drittijiet tal-ħaddiema mill-aktar fis possibbli;

4. Jieħu nota tal-proposta tal-Kummissjoni dwar l-istabbiliment ta' qafas għal identità diġitali Ewropea; jistieden lill-Kummissjoni taġġorna lill-Parlament dwar l-implimentazzjoni tal-identifikazzjoni elettronika; iqis li l-inizjattiva tal-ESSP, li hija maħsuba li tiġi ankrata fil-qafas tal-identifikazzjoni elettronika, għandha tkun obbligatorja għall-Istati Membri kollha;

5. Jistieden lill-Kummissjoni, f'konformità mar-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-14 ta' Jannar 2014 dwar spezzjonijiet tax-xogħol effettivi, biex tiżgura li l-valutazzjoni tal-impatt xierqa dwar l-introduzzjoni ta' karta tas-sigurtà soċjali Ewropea tinkludi dettalji preċiżi dwar kemm il-vantaġġi kif ukoll l-iżvantaġġi li jkollha, inkluż l-impatt tagħha fuq il-privatezza, kif ukoll tistabbilixxi alternattivi oħra għad-dokumenti elettroniċi, kif mitlub fir-riżoluzzjoni;

6. Jindika r-rwol li għandhom il-ħaddiema mobbli matul il-pandemija tal-COVID-19, speċjalment f'ċerti setturi ewlenin, u l-ħtieġa urġenti li dawn il-ħaddiema jiġu ggarantiti mhux biss kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti iżda wkoll kundizzjonijiet ugwali għal xogħol ta' valur ugwali li jsir fl-istess post;

7. Iqis li l-introduzzjoni ta' inizjattiva tal-ESSP għandu jkollha l-għan li: tiżgura l-identifikazzjoni effettiva, it-traċċabbiltà, l-aggregazzjoni u l-portabbiltà tad-drittijiet tas-sigurtà soċjali; ittejjeb l-infurzar tar-regoli tal-UE dwar il-mobilità tal-forza tax-xogħol u l-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali fis-suq tax-xogħol b'mod ġust u effettiv biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni fl-UE; tippermetti l-verifika f'ħin reali tal-istatus tal-assigurazzjoni tal-ħaddiema mobbli u l-kontribuzzjonijiet mill-awtoritajiet nazzjonali rilevanti bħall-ispettorati tax-xogħol u tas-sigurtà soċjali u s-sħab soċjali, fejn dawn ikunu qed iwettqu jew ikunu involuti fi spezzjonijiet tax-xogħol u tas-sigurtà soċjali; tipprevjeni b'mod aħjar il-prattiki inġusti bħall-abbuż u l-frodi soċjali, u għalhekk tikkontribwixxi għall-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat u n-nuqqas ta' konformità mal-mekkaniżmi tal-iffissar tal-pagi stabbiliti fil-pajjiż ospitanti u l-obbligi relatati mal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali; jissottolinja li ESSP jagħmilha wkoll aktar faċli għall-ħaddiema biex isegwu u jitolbu l-kontribuzzjonijiet u l-benefiċċji tas-sigurtà soċjali tagħhom, bħad-drittijiet tal-pensjoni, filwaqt li jiffaċilita l-portabbiltà tagħhom; jisħaq li l-ESSP, li jibni fuq l-identifikazzjoni elettronika Ewropea, għandu jinkludi kemm element ta' identifikazzjoni taċ-ċittadini u l-ħaddiema mobbli kif ukoll element ta' verifika f'ħin reali tal-benefiċċji tas-sigurtà soċjali tagħhom;

8. Jissottolinja li inizjattiva ta' ESSP għandu jkollha l-għan li tissalvagwardja d-drittijiet soċjali billi tiffaċilita l-informazzjoni u ttejjeb l-infurzar tar-regoli applikabbli dwar il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali u l-mobilità tal-forza tax-xogħol f'sitwazzjonijiet transfruntiera; iqis li l-proposta tal-Kummissjoni għal inizjattiva ta' ESSP għandha ġġib benefiċċji ċari għall-partijiet ikkonċernati kollha involuti fil-proċess tal-mobilità bħaċ-ċittadini u l-ħaddiema mobbli, in-negozji, inklużi l-SMEs, min iħaddem, u t-trade unions, kif ukoll l-awtoritajiet nazzjonali bħall-ispettorati tax-xogħol u tas-sigurtà soċjali; huwa tal-fehma li inizjattiva ta' ESSP għandu jkollha l-għan li tissimplifika l-interazzjonijiet u li tressaq lil dawn il-partijiet ikkonċernati f'sitwazzjonijiet transfruntiera eqreb ta' xulxin, bl-objettiv li tipproteġi aħjar liċ-ċittadini u lill-ħaddiema mobbli u d-drittijiet tagħhom, u li tipprovdi informazzjoni ċara lil dawn il-partijiet ikkonċernati kollha sabiex tittejjeb il-prevedibbiltà u l-proċeduri amministrattivi jimxu bla xkiel u b'mod effiċjenti fir-rigward tal-ħin; ifakkar li inizjattiva ta' ESSP trid tkun konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u għalhekk mingħajr preġudizzju għas-sistemi nazzjonali tas-sigurtà soċjali u d-diversità tagħhom, filwaqt li tirrispetta t-tradizzjonijiet ta' kull Stat Membru, il-mudelli tas-suq tax-xogħol nazzjonali u l-awtonomija tas-sħab soċjali; jissottolinja li inizjattiva ta' ESSP ma tridx tikkostitwixxi rekwiżit biex wieħed ikun jista' jeżerċita l-libertà ta' moviment tiegħu, iżda jrid ikollha l-għan li tiffaċilita l-aċċess għall-informazzjoni u ttejjeb l-infurzar tar-regoli applikabbli dwar il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali u l-mobilità tal-forza tax-xogħol f'sitwazzjonijiet transfruntiera;

9. Jistieden lill-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-ELA u wara valutazzjoni xierqa, tressaq proposta leġiżlattiva għal ESSP bil-għan li tipprovdi lill-awtoritajiet nazzjonali bħall-ispettorati tax-xogħol u tas-sigurtà soċjali u bħas-sħab soċjali, fejn ikunu qed iwettqu jew ikunu involuti fi spezzjonijiet tax-xogħol u tas-sigurtà soċjali, bi strument f'ħin reali biex il-liġi nazzjonali u tal-UE tiġi infurzata b'mod effettiv; jemmen li l-ESSP għandu jippermetti verifika f'ħin reali tal-post tax-xogħol tal-ħaddiema, tal-post tal-impjieg, tar-relazzjoni tal-impjieg u tal-identità, kif ukoll il-benefiċċji tas-sigurtà soċjali standardizzati, id-dispożizzjonijiet u ċ-ċertifikati kif stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 883/2004; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-possibbiltà li l-ESSP ikun jippermetti kontrolli ta' informazzjoni rilevanti oħra mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data u filwaqt li jiġi żgurat trattament ugwali;

10. Jemmen li l-ESSP irid ikopri ċ-ċittadini u l-ħaddiema mobbli kollha tal-UE inklużi dawk li jaħdmu għal rashom, kif ukoll iċ-ċittadini mobbli mhux tal-UE kollha li huma koperti mir-regoli tal-UE dwar il-mobilità intra-UE;

11. Iqis li l-introduzzjoni ta' ESSP għandha tinkludi sistema ta' verifika f'ħin reali u kontroll ta' monitoraġġ u skambju ta' informazzjoni permezz ta' riferiment inkroċjat bejn bażijiet tad-data nazzjonali f'konformità stretta mar-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data personali, sabiex tkun kompletament funzjonali u biex jinżamm livell għoli ta' affidabbiltà tad-data u ta' ċertifikazzjoni tal-identifikaturi, u jiġu evitati l-iżbalji u l-użu frawdolenti; jisħaq li s-sigurtà soċjali u d-data personali għandhom ikunu disponibbli biss għall-persuna u għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti kkonċernati, u ma għandhomx jiġu kondiviżi għal kwalunkwe skop ieħor għajr l-infurzar tar-regoli tal-UE dwar il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali u l-mobilità tal-forza tax-xogħol intra-UE f'konformità stretta mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data; iqis li fl-Istati Membri fejn is-sħab soċjali qed iwettqu jew huma involuti fl-ispezzjonijiet tax-xogħol, l-aċċess għad-data tas-sigurtà soċjali tal-ħaddiema minn Stati Membri oħra jrid jiġi żgurat għas-sħab soċjali mingħajr ma tiġi pperikolata l-konformità mad-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-data;

12. Jilqa' l-inizjattivi f'diversi Stati Membri biex jittejjeb l-infurzar effettiv tad-dritt tal-Unjoni permezz tal-użu ta' karti nazzjonali jew strumenti komparabbli fil-qasam tal-liġi tax-xogħol[27]; jisħaq li filwaqt li dawn l-inizjattivi nazzjonali joħolqu sensibilizzazzjoni dwar il-pagi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol għall-ħaddiema kollha u jtejbu l-infurzar, dawn ma jistgħux jiffaċilitaw skambju ta' informazzjoni valida u preċiża, inklużi r-relazzjonijiet u d-drittijiet tal-impjieg minn naħa għal oħra tal-fruntieri; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-inizjattiva tal-ESSP tagħti l-possibbiltà lill-Istati Membri jużaw l-informazzjoni li tkun saret disponibbli permezz tat-titjib fil-possibbiltajiet ta' identifikazzjoni u verifika pprovduti mill-karti nazzjonali jew minn strumenti komparabbli fil-qasam tal-liġi tax-xogħol f'pajjiżi fejn jeżistu dawn l-inizjattivi; jisħaq li l-ESSP ma għandux jissostitwixxi l-karti nazzjonali jew l-istrumenti komparabbli fil-qasam tal-liġi tax-xogħol iżda għandu jkun komplementari għal dawn il-prattiki nazzjonali, u jipprovdi biss l-informazzjoni rilevanti lill-awtoritajiet xierqa; iżid li dan irid ikun mingħajr preġudizzju għall-awtonomija tas-sħab soċjali nazzjonali u l-kundizzjonijiet tax-xogħol stabbiliti mill-ftehimiet kollettivi applikabbli f'konformità mal-liġi u l-prattika nazzjonali; jemmen li l-ESSP u l-integrazzjoni tiegħu mal-karti nazzjonali jew ma' strumenti komparabbli fil-qasam tal-liġi tax-xogħol fejn jeżistu jistgħu jkunu bażi għal sforzi futuri ta' infurzar fil-livell tal-UE;

13. Jemmen li l-ħaddiema, is-sħab soċjali u l-ispettorati nazzjonali tax-xogħol u tas-sigurtà soċjali kollha għandu jkollhom aċċess aġġornat għall-informazzjoni dwar ir-relazzjonijiet tal-impjieg, l-intitolamenti tal-pagi u d-drittijiet tax-xogħol u soċjali, f'konformità mal-ftehim kollettiv jew il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli;

14. Jinnota li d-dokument portabbli (PD) A1 huwa importanti iżda attwalment huwa l-uniku strument għall-verifika tal-kopertura tas-sigurtà soċjali tal-ħaddiema mobbli; jirrikonoxxi l-limitazzjonijiet u l-isfidi relatati mal-proċedura PD A1 b'mod partikolari fir-rigward tal-użu tal-formoli PD A1 mill-impjegaturi, li jiddependi mil-livell ta' diġitalizzazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali fl-Istati Membri, kif ukoll il-verifika tagħhom mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fil-kuntest tal-forniment ta' servizzi fi Stat Membru ieħor, iżda wkoll għall-kisba ta' informazzjoni preċiża dwar in-numru u l-karatteristiċi tal-ħaddiema stazzjonati fl-UE; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jtejbu l-proċess ta' verifika tal-formoli tal-PD A1 u jemmen li jridu jiġu żviluppati proċeduri rapidi bejn l-Istati Membri biex jiġu indirizzati ċertifikati PD A1 miksuba jew użati b'mod frawdolenti; jinnota li l-limitazzjonijiet u l-isfidi relatati mal-PD A1 huma ostaklu għall-kisba ta' informazzjoni preċiża dwar l-għadd u l-karatteristiċi tal-ħaddiema stazzjonati fl-UE; jindika li l-inizjattiva ESSP tipprovdi informazzjoni f'ħin reali dwar il-kopertura tas-sigurtà soċjali tal-ħaddiema mobbli fil-jum ta' spezzjoni tax-xogħol fl-Istat Membru ospitanti; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-proġett pilota tal-ESSP jiffaċilita l-kopertura tas-sigurtà soċjali bis-simplifikazzjoni tal-proċeduri fuq talba, il-ħruġ u l-verifika tal-PD A1 sabiex tiġi miġġielda l-frodi;

15. Iqis li l-ESSP għandu jibni fuq l-identifikazzjoni elettronika Ewropea, il-Karta Ewropea tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa (EHIC) u l-Iskambju Elettroniku ta' Informazzjoni dwar is-Sigurtà Soċjali (EESSI) u jikkomplementahom, inkluż bil-ħsieb li jiġi estiż għal oqsma oħra ta' koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali u l-liġi tax-xogħol tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-EESSI jsir kompletament funzjonali malajr kemm jista' jkun u biex jagħmlu użu mill-opportunitajiet ipprovduti mill-fondi eżistenti tal-UE ħalli jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali fl-ambitu tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza biex jimplimentaw bis-sħiħ l-EESSI u tiġi approfondita d-diġitalizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika, jiġi ffaċilitat l-iskambji bejn l-istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, jitħaffef it-trattament ta' każijiet individwali u tittejjeb il-kapaċità ta' infurzar tal-ELA u tal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali rilevanti; jistieden lill-Kummissjoni tiċċara r-rwol li l-ELA se jkollha fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-ESSP; jissottolinja li ż-żieda fid-diġitalizzazzjoni ma tridx iddgħajjef is-salvagwardji nazzjonali li diġà huma stabbiliti biex tiġi miġġielda l-frodi soċjali;

16. Jistieden lill-Kummissjoni tikkoopera mill-qrib mas-sħab soċjali u mal-istituzzjonijiet nazzjonali tas-sigurtà soċjali u mal-ispettorati tax-xogħol rilevanti fir-rigward tal-iżvilupp u l-introduzzjoni ta' inizjattiva tal-ESSP, filwaqt li tiżgura rispett sħiħ għall-awtonomija tas-sħab soċjali u l-mudelli nazzjonali tas-suq tax-xogħol; iqis li ESSP b'aċċess għad-data f'ħin reali jippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u lis-sħab soċjali jivverifikaw il-kopertura tas-sigurtà soċjali għall-ħaddiema fi kwalunkwe ħin partikolari u b'hekk isaħħaħ l-ispezzjonijiet tax-xogħol u l-appoġġ għall-ġbir ta' evidenza fi spezzjonijiet tax-xogħol transfruntiera konġunti[28];

17. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

Aġġornata l-aħħar: 22 ta' Novembru 2021
Avviż legali - Politika tal-privatezza