Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0587/2021Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0587/2021

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar MeToo u l-fastidju – il-konsegwenzi għall-istituzzjonijiet tal-UE

10.12.2021 - (2021/2986(RSP))

imressqa wara l-Mistoqsija għal Tweġiba Orali B9‑0000/2021
skont l-Artikolu 136(5) tar-Regoli ta' Proċedura

Evelyn Regner
f'isem il-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi


Proċedura : 2021/2986(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B9-0587/2021
Testi mressqa :
B9-0587/2021
Testi adottati :

B9‑0587/2021

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar MeToo u l-fastidju – il-konsegwenzi għall-istituzzjonijiet tal-UE

(2021/2986(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikoli 8, 10 u 19 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

 wara li kkunsidra l-Artikoli 21 u 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Vjolenza u l-Fastidju tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol u d-dispożizzjonijiet ewlenin tagħha (Nru 190),

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika (Konvenzjoni ta' Istanbul), li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Awwissu 2014,

 wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol[1],

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Marzu 2020 bit-titolu "Unjoni ta' Ugwaljanza: Strateġija ta' Ugwaljanza Bejn il-Ġeneri għall-2020-2025" (COM(2020)0152),

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Ottubru 2017 dwar il-ġlieda kontra l-fastidju u l-abbuż sesswali fl-UE[2],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Novembru 2019 dwar l-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni ta' Istanbul u l-miżuri l-oħra biex tiġi miġġielda l-vjolenza abbażi tal-ġeneru[3],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Mejju 2020 dwar l-estimi tad-dħul u tan-nefqa tal-Parlament għas-sena finanzjarja 2021[4],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Jannar 2021 dwar il-perspettiva tal-ġeneru fil-kriżi tal-COVID-19 u fil-perjodu ta' wara l-kriżi[5],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Jannar 2021 dwar l-Istrateġija tal-UE għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri[6],

 wara li kkunsidra r-rapport tal-2020 tal-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Ombudsman Ewropew tas-17 ta' Diċembru 2018 dwar id-dinjità fuq il-post tax-xogħol fl-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-UE,

 wara li kkunsidra l-Anness II tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu bit-titolu "Il-Kodiċi ta' Mġiba xierqa għall-Membri tal-Parlament Ewropew fil-Kuntest tal-Mandat Tagħhom",

 wara li kkunsidra l-Opinjoni SJ-0328/21 (D(2021)24350) tas-Servizz Legali tiegħu tat-18 ta' Novembru 2021,

 wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni bit-titolu "MeToo u l-fastidju – il-konsegwenzi għall-istituzzjonijiet tal-UE" (O-XXXXXX/2021 – B9‑0000/2021),

 wara li kkunsidra l-Artikoli 136(5) u 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi,

A. billi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri hija valur ewlieni tal-Unjoni minqux fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea; billi d-dritt għat-trattament indaqs u n-nondiskriminazzjoni huwa dritt fundamentali mnaqqax fit-Trattati u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali;

B. billi l-fastidju sesswali huwa definit fid-dritt tal-Unjoni[7] bħala inċident "meta kull forma ta' mġiba verbali, mhux verbali jew fiżika mhix mixtieqa ta' natura sesswali titwettaq, bl-iskop jew effett li jmur kontra d-dinjità ta' persuna, b'mod partikolari meta jinħoloq ambjent intimidanti, ostili, degradanti, umiljanti jew offensiv"; billi l-fastidju sesswali huwa forma ta' vjolenza kontra n-nisa u l-bniet u forma estrema ta' diskriminazzjoni fuq il-bażi ta' ġeneru li taffettwa lin-nisa u lill-bniet b'mod sproporzjonat; billi l-vjolenza abbażi tal-ġeneru għandha l-għeruq tagħha fid-distribuzzjoni inugwali tal-poter bejn in-nisa u l-irġiel, fis-sessiżmu u fl-istereotipi marbuta mal-ġeneru, li wasslu għal dominazzjoni fuq in-nisa u diskriminazzjoni kontrihom mill-irġiel; billi madwar 90 % tal-vittmi ta' fastidju sesswali huma nisa, waqt li madwar 10 % huma rġiel;

C. wara li kkunsidra r-rapport tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali tat-3 ta' Marzu 2014 bit-titolu "Il-vjolenza fuq in-nisa: stħarriġ madwar l-UE, waħda minn kull tliet nisa esperjenzaw vjolenza fiżika jew sesswali matul il-ħajja adulta tagħhom; billi sa 55 % tan-nisa ġarrbu fastidju sesswali fl-UE; billi 32 % tal-vittmi kollha fl-UE qalu li l-awtur kien superjur ġerarkiku, kollega jew klijent; billi 75 % tan-nisa fi professjonijiet li jirrikjedu kwalifiki jew f'karigi maniġerjali tal-ogħla livell esperjenzaw fastidju sesswali; billi 61 % tan-nisa impjegati fis-settur tas-servizzi ġew soġġetti għall-fastidju sesswali;

D. billi l-fastidju online, bħal forom oħra ta' vjolenza online abbażi tal-ġeneru, sar dejjem aktar komuni; billi l-Valutazzjoni tal-Valur Miżjud Ewropew dwar il-vjolenza online abbażi tal-ġeneru[8] stmat li 4-7 % tan-nisa fl-UE esperjenzaw fastidju online fit-12-il xahar qabel l-istħarriġ;

E. billi l-progress fl-indirizzar tal-kwistjoni tal-fastidju sesswali wara tliet snin tal-moviment MeToo mhuwiex biżżejjed u għad hemm ħafna xi jsir, fl-istituzzjonijiet tal-UE u lil hinn minnhom;

F. billi r-riċerka turi li l-fastidju huwa aktar mifrux milli maħsub b'mod komuni u mhuwiex irrapportat biżżejjed b'mod sinifikanti[9]; billi l-fastidju huwa spiss marbut ma' forom oħra ta' diskriminazzjoni flimkien ma' diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-ġeneru, li għandha tiġi indirizzata b'approċċ intersezzjonali u mill-angoli kollha;

G. billi l-vjolenza sesswali u l-fastidju fuq il-post tax-xogħol huma kwistjoni ta' saħħa u sikurezza u għandhom jiġu indirizzati u evitati bħala tali;

H. billi l-vittmi tal-fastidju sesswali ħafna drabi jkunu persunal fl-aktar pożizzjonijiet vulnerabbli fil-Parlament, inklużi professjonisti żgħażagħ, trainees, assistenti akkreditati (APAs) u aġenti kuntrattwali;

I. billi waħda mir-raġunijiet għan-nuqqas ta' rappurtar tal-fastidju sesswali hija n-nuqqas ta' sensibilizzazzjoni, xi drabi abbażi ta' fehim baxx tal-gravità tal-kwistjoni, nuqqas ta' għarfien tal-kanali għall-appoġġ tal-vittmi jew ta' kif tiġi perċepita s-sensittività tal-kwistjoni, jew biża' ta' vittimizzazzjoni jew telf ta' impjieg;

J. billi l-moviment MeToo wassal lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jippjanaw u jibdew jadattaw ir-regoli u l-proċeduri interni tagħhom sabiex jidentifikaw, jiġġieldu u jissanzjonaw aħjar il-fastidju;

K. billi għad hemmil-ħtieġa li tiġi promossa u msaħħa aktar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-implimentazzjoni tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fl-UE, inkluż f'pożizzjonijiet maniġerjali fl-istituzzjonijiet[10];

L. billi l-informaturi għandhom rwol ċentrali fl-iżvelar tal-fastidju sesswali u psikoloġiku, tal-ġestjoni ħażina u tad-diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol;

M. billi fir-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, il-Parlament appella għal bosta miżuri biex jiġi żgurat approċċ ta' tolleranza żero bħala n-norma, iżda ftit minnhom biss ġew implimentati bis-sħiħ f'konformità mat-talbiet tar-riżoluzzjoni tiegħu dwar il-ġlieda kontra l-fastidju u l-abbuż sesswali fl-UE, u għalhekk jeħtieġ li jiġu segwiti;

N. billi l-pandemija tal-COVID-19 u l-metodi ta' ħidma l-ġodda tal-Parlament Ewropew implimentati matul il-pandemija setgħu għamlu l-fastidju fiżiku inqas probabbli, iżda għamluha wkoll diffiċli għall-vittmi tal-fastidju biex jirrapportaw l-ilmenti tagħhom u jirrikorru għand konsulent għal gwida u appoġġ;

Kummenti ġenerali

1. Jikkundanna bil-qawwa l-forom kollha ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru, inkluża l-vjolenza sesswali, u l-forom kollha ta' fastidju, b'mod partikolari l-fastidju sesswali; jafferma bil-qawwa l-impenn tiegħu, kif diġà esprima qabel, li jindirizza l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u jtenni t-twemmin tiegħu li diretta komprensiva li tkopri l-forom kollha tagħha hija l-aħjar mod ta' kif din tinqered; itenni s-sejħa tiegħu għall-Kunsill biex jikkonkludi b'mod urġenti r-ratifika tal-UE tal-Konvenzjoni ta' Istanbul abbażi ta' adeżjoni wiesgħa mingħajr ebda limitazzjoni;

2. Jisħaq fuq il-fatt li l-fastidju, u b'mod partikolari l-fastidju sesswali, esperjenzat fuq il-post tax-xogħol jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tal-bniedem u attakk serju fuq is-saħħa psikoloġika u fiżika ta' persuna, li jġiegħelha tħossha mhux sigura fuq ix-xogħol u f'xi każijiet li jżommha milli tagħmel xogħolha; jinnota li n-nisa huwa ferm aktar probabbli li jkunu soġġetti għal fastidju sesswali milli l-irġiel;

3. Jissottolinja li l-fattur ewlieni fil-ħolqien ta' ambjent tax-xogħol sikur huwa l-prevenzjoni, li għandha tinkiseb billi tiġi pprovduta informazzjoni, tiżdied is-sensibilizzazzjoni u jiġu promossi kampanji u politiki ta' fastidju żero, filwaqt li fl-istess ħin jinbnew strutturi formali u informali biex jiġu indirizzati kwistjonijiet ta' fastidju, b'mod partikolari kwistjonijiet ta' fastidju sesswali, u li tiġi pprovduta assistenza konsultattiva u psikoloġika lill-vittmi, kif ukoll pariri dwar kuntatti tal-pulizija u referenzi lill-fornituri ta' rikors legali;

4.  Jilqa' l-isforzi li saru mill-Parlament matul il-kampanja MeToo, li jikkontribwixxu biex ma jinżammx is-silenzju u għaż-żieda fis-sensibilizzazzjoni dwar il-ħtieġa li jiġu implimentati kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar għall-persunal kollu;

L-iżgurar ta' tolleranza żero lejn il-fastidju bħala aspett importanti tal-politika tal-Parlament dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri

5. Iqis li minkejja xi sforzi li saru s'issa biex tiġi introdotta politika ta' fastidju żero, għad hemm każijiet ta' fastidju sesswali fil-Parlament u l-vittmi mhux dejjem jirrikorru għall-kanali eżistenti, li jfisser li l-isforzi biex jiġi evitat il-fastidju sesswali jeħtieġ li jiżdiedu;

6. Jilqa' d-deċiżjoni tal-Bureau tal-2018 li tistabbilixxi l-proċedura u l-miżuri għall-prevenzjoni tal-fastidju, b'mod partikolari l-fastidju sesswali, bħall-kodiċi ta' mġiba xierqa għall-Membri, li ġie inkorporat fir-Regoli ta' Proċedura f'Jannar 2019;

7. Jilqa' l-adozzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi fl-2020 u l-pjan direzzjonali għall-implimentazzjoni tiegħu fl-2021;

8. Madankollu, jesprimi dispjaċir li l-miżuri biex jiġi indirizzat il-fastidju sesswali mhumiex b'saħħithom biżżejjed u ma jinkludux l-azzjonijiet kollha mitluba f'riżoluzzjonijiet preċedenti, u għalhekk:

a) jappella għas-servizzi tal-Parlament biex jagħmlu t-taħriġ kontra l-fastidju disponibbli fil-lingwi uffiċjali kollha jew b'interpretazzjoni u biex jimmiraw l-attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni f'delegazzjonijiet individwali u fi gruppi politiċi;

b) jappella għas-servizzi tal-Parlament biex joħolqu lista pubblika ta' Membri li pparteċipaw f'dawn is-sessjonijiet ta' taħriġ kontra l-fastidju li għandha tiġi ppubblikata fuq is-sit web tal-Parlament Ewropew bħala eżempju tajjeb għall-Membri oħra;

c) jerġa' jappella[11] għal miżuri aktar b'saħħithom biex jipprevjenu l-forom kollha ta' fastidju, partikolarment il-fastidju sesswali, u b'mod partikolari jappella għall-introduzzjoni ta' taħriġ obbligatorju kontra l-fastidju għall-Membri kollha mill-aktar fis possibbli u l-bidu nett tal-mandati tal-Membri eletti ġodda f'konformità mal-parir legali riċevut, minħabba li t-taħriġ volontarju għall-prevenzjoni tal-fastidju wera li mhuwiex biżżejjed;

d) jappella biex is-servizzi tal-Parlament jivvalutaw il-konsegwenzi potenzjali, bħall-possibbiltà li jiġi llimitat ir-reklutaġġ ta' persunal mingħajr ma jinkiser id-dritt tal-Membri għall-ħlas tal-assistenza parlamentari, fost miżuri oħra possibbli, fil-każ ta' nuqqas ta' konformità mal-obbligu stabbilit fil-paragrafu 8(c) ta' din ir-riżoluzzjoni, meta Membru jirrifjuta li jipparteċipa f'taħriġ obbligatorju kontra l-fastidju;

9. Jappella għat-titjib tas-sensibilizzazzjoni u l-introduzzjoni ta' taħriġ obbligatorju dwar il-politika ta' fastidju żero tal-Parlament għall-persuni kollha li jaħdmu fil-bini tiegħu fuq bażi regolari, billi jipprovdilhom għodod biex jirrikonoxxu l-forom kollha ta' fastidju, inkluż b'mod partikolari l-fastidju sesswali, u jirrappurtawh, kif ukoll informazzjoni mfassla apposta dwar l-istrutturi ta' appoġġ disponibbli; jissottolinja l-ħtieġa li dawn l-istrutturi ta' appoġġ isiru aktar magħrufa u aċċessibbli faċilment;

10. Jappella wkoll għal miżuri li għandhom l-għan li jipprovdu protezzjoni kontra l-vittimizzazzjoni tal-ilmentaturi, il-vittmi, ix-xhieda u l-informaturi jew ir-ritaljazzjoni kontrihom;

11. Jappella biex il-Parlament ikompli jikkundanna l-fastidju sesswali pubblikament u jfassal kampanja ta' sensibilizzazzjoni mmirata lejn il-ġlieda kontra l-forom kollha ta' fastidju fi ħdan il-Parlament Ewropew;

12. Jilqa' l-introduzzjoni ta' konsulenti kunfidenzjali għall-vittmi ta' fastidju, b'mod partikolari fastidju sesswali, peress li huma sors siewi ta' appoġġ u pariri, u jistieden lill-korpi rilevanti fil-Parlament jiżguraw li jkunu aċċessibbli għal kull min ikollu bżonnhom u li jkunu kapaċi jipprovdu l-assistenza kollha meħtieġa; jissottolinja l-importanza ta' proċedura ta' għażla trasparenti u ta' perjodu ta' żmien għall-mandati tal-membri tal-kumitati kontra l-fastidju u tal-konsulenti kunfidenzjali;

13. Jappella għall-introduzzjoni ta' mekkaniżmi professjonali mill-korpi rilevanti fi ħdan il-Parlament maħsuba biex jappoġġjaw lill-vittmi tal-fastidju sesswali u jgħinuhom billi jagħmlu dawn il-mekkaniżmi aktar aċċessibbli u viżibbli u billi jtemmu l-istigmatizzazzjoni; jissottolinja l-ħtieġa li tiġi evitata l-vittimizzazzjoni u jappella biex dawn il-korpi jiżguraw li l-progressjoni tal-karriera tal-vittmi ma tiġix imfixkla;

14. Jappella għal taħriġ aktar immirat għal-livelli maniġerjali kollha rigward ir-rwol istituzzjonali tagħhom fl-inkorporazzjoni tal-politika ta' fastidju żero fil-prattiki ta' kuljum tagħhom, b'enfasi speċjali fuq gruppi fl-aktar pożizzjonijiet vulnerabbli, bħal trainees, APAs u aġenti kuntrattwali;

15. Jirrikonoxxi l-isforzi li saru s'issa biex jiġi żgurat li jkun hemm ugwaljanza bejn il-ġeneri u integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-Parlament, inkluż bilanċ bejn il-ġeneri f'pożizzjonijiet maniġerjali, u jisħaq fuq il-fatt li l-implimentazzjoni sħiħa tal-pjan direzzjonali u r-reviżjonijiet regolari ppjanati biex jittejjeb il-Pjan ta' Azzjoni tal-Parlament dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi jistgħu jikkontribwixxu għall-ħolqien ta' kultura ta' rispett reċiproku, il-prevenzjoni ta' kwalunkwe forma ta' fastidju u biex il-Parlament isir sensittiv għall-ġeneru; jisħaq fuq l-importanza li tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar il-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-pjan direzzjonali tiegħu biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tiegħu; jitlob li dawn jiġu ppubblikati fuq is-sit web tal-Parlament;

16. Jinnota l-ħidma tal-Kumitat Konsultattiv dwar il-Fastidju u l-Prevenzjoni tiegħu fuq il-Post tax-xogħol u l-Kumitat Konsultattiv li jittratta l-ilmenti bejn l-Assistenti Parlamentari Akkreditati u l-Membri tal-Parlament Ewropew dwar il-Fastidju u l-Prevenzjoni tiegħu fuq il-Post tax-xogħol; jappella għal trasparenza sħiħa dwar kif il-Parlament qed jindirizza kwistjonijiet ta' fastidju filwaqt li jipproteġi l-identità ta' dawk affettwati, u jistieden liż-żewġ kumitati jfasslu u jippubblikaw ir-rapporti ta' monitoraġġ u l-valutazzjonijiet tar-riskju tagħhom kull sena fuq is-sit web tal-Parlament Ewropew, jimplimentaw mekkaniżmi ta' kontroll, u, b'mod partikolari, jippubblikaw il-valutazzjoni esterna mwettqa fuq il-Kumitat Konsultattiv li jittratta l-ilmenti bejn l-Assistenti Parlamentari Akkreditati u l-Membri tal-Parlament Ewropew dwar il-Fastidju u l-Prevenzjoni tiegħu fuq il-Post tax-xogħol; jerġa' jappella[12] għal evalwazzjoni indipendenti minn awdituri esterni u magħżula b'mod trasparenti tas-sistema attwali fir-rigward tal-effettività tagħha u, jekk ikun meħtieġ, biex jiġu proposti modifiki mill-aktar fis possibbli u qabel it-tmiem ta' din il-leġiżlatura sabiex jiġu żgurati l-indipendenza u l-bilanċ bejn il-ġeneri u jiġu evitati l-kunflitti ta' interess fl-istrutturi eżistenti, u għalhekk:

a. jitlob li l-kompożizzjoni taż-żewġ kumitati tinbidel biex jiġi żgurat li esperti indipendenti b'għarfien espert ippruvat fl-indirizzar ta' kwistjonijiet ta' fastidju fuq il-post tax-xogħol, inklużi tobba, terapisti u esperti legali fil-qasam tal-fastidju, ikunu membri formali bid-drittijiet tal-vot;

b. jindika li l-Membri tal-Parlament Ewropew jistgħu jkunu vittmi ta' fastidju sesswali u jappella għal azzjoni konkreta f'dan ir-rigward mis-servizzi u l-gruppi politiċi rilevanti tal-Parlament;

c. jirrakkomanda li tiġi stabbilita task force ta' esperti indipendenti b'mandat biex jeżaminaw is-sitwazzjoni tal-fastidju u l-abbuż sesswali fil-Parlament, sabiex twettaq evalwazzjoni tal-Kumitat Konsultattiv eżistenti tagħha li jittratta l-ilmenti bejn l-Assistenti Parlamentari Akkreditati u l-Membri tal-Parlament Ewropew dwar il-Fastidju u l-Prevenzjoni tiegħu fuq il-Post tax-xogħol u l-Kumitat Konsultattiv tal-Persunal għall-Persunal tal-Parlament dwar il-Prevenzjoni tal-Fastidju, u tipproponi bidliet adegwati;

17. Jirrakkomanda li, darba fis-sena, l-Ombudsman Ewropew jipprovdi lill-Grupp ta' Livell Għoli tal-Parlament dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri u d-Diversità data dwar ilmenti dwar amministrazzjoni ħażina relatata ma' każijiet ta' allegat fastidju fil-Parlament li tressqu quddiemha;

Kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-UE

18. Jistieden lill-istituzzjonijiet u lill-aġenziji kollha tal-UE jiskambjaw regolarment l-aħjar prattiki tagħhom fl-indirizzar tal-fastidju, inklużi politiki kontra l-fastidju, linji gwida jew kwalunkwe dispożizzjoni ġdida dwar kif għandhom jiġu ttrattati;

19. Jappella biex l-istituzzjonijiet kollha tal-UE jintroduċu network ta' konsulenti kunfidenzjali jew ta' medjaturi esterni biex jipprovdu gwida u appoġġ lill-vittmi ta' fastidju sesswali u jħeġġeġ il-kooperazzjoni bejn il-konsulenti kunfidenzjali f'korpi differenti tal-UE, li huwa essenzjali għal korpi iżgħar b'inqas membri tal-persunal disponibbli biex jipprovdu appoġġ adegwat;

20. Jappella biex l-istituzzjonijiet kollha tal-UE jivvalutaw u jadattaw il-politiki interni tagħhom kif xieraq sabiex kulħadd, mhux biss il-persunal permanenti, iżda wkoll it-trainees u l-kuntratturi esterni, juża strutturi kemm formali kif ukoll informali biex jagħti attenzjoni lill-każijiet ta' fastidju u biex ifittex assistenza konsultattiva u psikoloġika;

21.  Jistieden lis-Servizz Ewropew għar-Riċerka Parlamentari jikkummissjona studju dwar il-valur miżjud tal-pjattaformi tal-informaturi fuq il-postijiet tax-xogħol u dwar kif dan jista' jkun applikabbli fl-istituzzjonijiet tal-UE, li l-eżiti u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu għandhom jiġu ppreżentati f'sessjoni ta' ħidma jew f'seduta ta' smigħ bi skambji ta' fehmiet fil-kumitati rilevanti tal-Parlament;

22. Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi strumenti suffiċjenti biex jiġu ttrattati każijiet ta' fastidju, tiġi evitata l-vittimizzazzjoni sekondarja u jiġu żgurati reazzjonijiet f'waqthom meta jiġu rieżaminati r-Regolamenti tal-Persunal tal-UE;

23. Jistieden lill-aġenziji u lill-korpi tal-UE jadattaw ir-regoli interni tagħhom kontra l-forom kollha ta' fastidju, b'mod partikolari l-fastidju sesswali, u jiżguraw li jimplimentaw ukoll il-prinċipju fundamentali tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-livelli kollha tal-persunal u maniġerjali tagħhom, filwaqt li jqisu wkoll il-kundizzjonijiet il-ġodda tax-xogħol mill-bogħod u t-tagħlimiet relatati meħuda matul il-pandemija tal-COVID-19; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja l-implimentazzjoni ta' dawn ir-regoli kontra l-fastidju u l-prinċipju ta' pjanijiet ta' azzjoni għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri biex tippromwovi u tkompli ssaħħaħ l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-aġenziji u l-korpi tal-UE;

°

° °

24. Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-aġenziji u l-korpi tal-UE, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa.

 

Aġġornata l-aħħar: 15 ta' Diċembru 2021
Avviż legali - Politika tal-privatezza