Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0162/2022Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0162/2022

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-ħtieġa għal pjan ta’ azzjoni tal-UE urġenti biex tiġi żgurata s-sigurtà alimentari ġewwa u barra mill-UE fid-dawl tal-invażjoni Russa tal-Ukrajna

16.3.2022 - (2022/2593(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

Herbert Dorfmann, Siegfried Mureşan,
f’isem il-Grupp PPE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0160/2022

Proċedura : 2022/2593(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B9-0162/2022
Testi mressqa :
B9-0162/2022
Testi adottati :

B9‑0162/2022

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-ħtieġa għal pjan ta’ azzjoni tal-UE urġenti biex tiġi żgurata s-sigurtà alimentari ġewwa u barra mill-UE fid-dawl tal-invażjoni Russa tal-Ukrajna

(2022/2593(RSP))

 

 

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja u l-Ukrajna,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet dwar l-Ukrajna tal-mexxejja tal-Parlament Ewropew tas-16 u l-24 ta’ Frar 2022,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-President tal-Kunsill Ewropew u tal-President tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Frar 2022 dwar l-aggressjoni militari bla preċedent u mhux provokata tar-Russja kontra l-Ukrajna,

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-24 ta’ Frar 2022,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta’ Marzu 2022 dwar l-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna[1],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar l-Aggressjoni kontra l-Ukrajna, adottata fit-2 ta’ Marzu 2022,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta’ Versailles li nħarġet mill-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern tal-UE matul il-laqgħa informali li saret fl-10 u l-11 ta’ Marzu 2022,

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Novembru 2021 dwar il-pjan ta’ kontinġenza biex jiġu żgurati l-provvista tal-ikel u s-sigurtà alimentari fi żminijiet ta’ kriżi (COM(2021)0689),

 wara li kkunsidra l-Artikolu 39 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A. billi l-Federazzjoni Russa bdiet invażjoni mhux provokata u mhux ġustifikata tal-Ukrajna fl-24 ta’ Frar 2022;

B. billi l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta sensiela inizjali ta’ sanzjonijiet kontra r-Russja, inklużi sanzjonijiet individwali mmirati, sanzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji u restrizzjonijiet kummerċjali, u qed ikompli jħejji aktar sanzjonijiet f’koordinazzjoni mill-qrib mal-alleati transatlantiċi u ma’ sħab internazzjonali oħra tal-istess fehma;

C. billi l-ħsara li saret lill-infrastruttura ċivili fl-Ukrajna tinkludi l-portijiet fil-Baħar l-Iswed, li jirriżulta f’imblokk sħiħ tal-kummerċ bil-baħar, li jwaqqaf l-esportazzjoni ta’ prodotti agrikoli vitali lejn diversi reġjuni, inkluża l-Unjoni Ewropea;

D. billi l-gwerra fuq l-art fl-Ukrajna wasslet ukoll biex jiġu sospiżi l-operazzjonijiet ta’ tgħaffiġ taż-żrieragħ żejtnin u biex jiġu introdotti rekwiżiti ta’ liċenzjar għall-esportazzjoni ta’ xi għelejjel, u qed twaqqaf il-moviment intern tal-merkanzija, b’mod partikolari tal-ikel, tal-għalf u ta’ prodotti agrikoli oħra, li qed joħloq skarsezza tal-ikel konsiderevoli fl-Ukrajna u nuqqas ta’ ħażniet disponibbli biex jintbagħtu lil pajjiżi oħra;

E. billi l-Federazzjoni Russa u l-Ukrajna huma fost il-produtturi l-aktar importanti ta’ komoditajiet agrikoli fid-dinja; billi ż-żewġ pajjiżi flimkien jirrappreżentaw madwar 30 % mis-suq dinji tal-qamħ;

F. billi skont l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO), fl-2021, jew il-Federazzjoni Russa jew inkella l-Ukrajna (jew it-tnejn li huma) ġew ikklassifikati fost l-ewwel tliet esportaturi globali ta’ qamħ, qamħirrum, lift, żrieragħ tal-ġirasol u żejt taż-żerriegħa tal-ġirasol, filwaqt li l-Federazzjoni Russa kienet l-akbar esportatur dinji ta’ fertilizzanti nitroġenużi u t-tieni l-akbar fornitur ta’ fertilizzanti potassiċi u fosforużi;

G. billi l-FAO tistma li d-diskrepanza globali fil-provvista li kieku tirriżulta minn tnaqqis f’daqqa u qawwi fl-esportazzjoni ta’ ħbub u ta’ żrieragħ tal-ġirasol miż-żewġ pajjiżi tista’ tikkawża żieda fil-prezzijiet internazzjonali tal-ikel u tal-għalf li tkun ferm akbar mil-livelli diġà għoljin tagħhom;

H. billi l-UE ma timportahx biss il-qamħ, iżda tesportah ukoll, speċjalment lejn il-pajjiżi tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta’ Fuq, li lejnhom jiġu esportati madwar 6 miljun tunnellata qamħ kull sena;

I. billi s-simulazzjonijiet tal-FAO jissuġġerixxu li jekk il-kunflitt jirriżulta fi tnaqqis f’daqqa u estiż fl-esportazzjoni tal-ikel mill-Ukrajna u mill-Federazzjoni Russa, l-għadd globali ta’ nies li jsofru minn denutrizzjoni jista’ jiżdied b’mod drammatiku fl-2022 u fl-2023;

J. billi l-prijorità tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri hija li jiġu żgurati s-sigurtà alimentari u l-aċċessibilità għall-ikel għal kulħadd; billi l-Unjoni Ewropea għandha wkoll responsabbiltà speċjali għas-sigurtà alimentari internazzjonali, b’mod partikolari fil-pajjiżi Mediterranji;

K. billi jeħtieġ li l-UE ma ssirx biss aktar indipendenti f’oqsma strateġiċi bħad-difiża jew il-provvista tal-enerġija, iżda tkun tista’ tiżgura wkoll is-sigurtà alimentari fi kwalunkwe ħin billi żżid il-kapaċità tal-produzzjoni tagħha f’setturi fejn qed niddependu ħafna mill-importazzjonijiet; billi din il-kriżi turi li s-sigurtà alimentari ma tistax titqies bħala xi ħaġa garantita; billi l-produzzjoni Ewropea tal-ikel għandha titqies bħala settur strateġiku;

L. billi l-Unjoni Ewropea hija msejsa fuq il-prinċipji tas-solidarjetà u jekk ma niħdux azzjoni issa, huma dawk l-aktar vulnerabbli li se jbatu l-akbar konsegwenzi;

M. billi din il-kriżi għandha effetti kemm diretti kif ukoll indiretti fuq is-settur agroalimentari, bl-effetti diretti tagħha marbuta mal-interruzzjoni tal-iskambji kummerċjali mar-Russja u mal-Ukrajna, u bl-effetti indiretti tagħha marbuta mal-volatilità tal-prezzijiet u tal-ispejjeż tal-produzzjoni;

N. billi, fid-dawl tal-kriżi ekonomika kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19, l-Unjoni Ewropea qed tipprova ssaħħaħ il-ktajjen tal-valur strateġiċi, inkluża l-katina agroalimentari; billi hemm bżonn li titħeġġeġ il-produzzjoni Ewropea ta’ komoditajiet agrikoli sabiex tiġi żgurata l-kontinwità fil-katina tal-provvista agroalimentari matul żminijiet ta’ kriżi;

O. billi ż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija, tal-fjuwils, tal-materja prima u tal-prodotti agrikoli qed ikollha impatt kbir fuq is-settur agroalimentari, li qed jikkawża żieda gravi fl-ispejjeż tal-produzzjoni li qed tipperikola l-kontinwità tal-produzzjoni u tista’ twassal għal interruzzjonijiet fil-ktajjen tal-provvista; billi r-Russja ħabbret is-sospensjoni tal-esportazzjoni ta’ fertilizzanti minerali fl-4 ta’ Marzu 2022 minħabba l-invażjoni tagħha tal-Ukrajna;

P. billi l-prezzijiet għall-materja prima tal-fertilizzanti jinsabu f’livelli storikament għoljin; billi l-użu mid-demel ipproċessat jista’ jnaqqas l-ispejjeż tal-bdiewa fuq il-fertilizzanti;

Q. billi l-funzjonament kif suppost tas-suq uniku Ewropew huwa prekondizzjoni biex tiġi żgurata s-sigurtà alimentari; billi l-Gvern Ungeriż reċentement iddeċieda li jipprojbixxi l-esportazzjoni kollha tal-ħbub minħabba l-invażjoni Russa tal-Ukrajna, bi ksur kemm tal-obbligi tiegħu skont it-Trattati kif ukoll tas-solidarjetà tal-UE;

R. billi l-eżawriment tal-ħażniet tal-għalf tal-annimali se jkollu konsegwenzi gravi għal ħafna azjendi tal-annimali;

S. billi s-settur agroalimentari għadu ma rkuprax mill-kriżi kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19, li laqtet b’mod partikolarment ħażin lill-produtturi tal-majjal u tat-tjur;

T. billi l-issodisfar tal-għanijiet tal-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt fir-rigward tal-produzzjoni, tad-distribuzzjoni u tal-konsum sostenibbli se jwassal għal tnaqqis fil-produttività tar-raba’ li jinħadem fl-Unjoni Ewropea fis-snin li ġejjin; billi s-sigurtà alimentari tal-Unjoni Ewropea fil-futur hija marbuta direttament mal-ambizzjonijiet tal-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt u tal-Patt Ekoloġiku; billi dawn l-ambizzjonijiet ma jistgħux iwasslu għal żieda fid-dipendenza tagħna mill-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, u b’hekk jipperikolaw is-sigurtà alimentari tagħna;

U. billi l-iżvilupp ta’ prodotti bijoloġiċi ġodda għall-protezzjoni tal-pjanti u ta’ soluzzjonijiet ġodda ta’ bijokontroll abbażi ta’ proteini għandu l-potenzjal li jtejjeb l-istat ta’ saħħa u r-rendiment tal-għelejjel, u jista’ jikkomplementa jew jissostitwixxi l-prodotti kimiċi agrikoli;

1. Jikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli l-aggressjoni militari illegali, mhux provokata u mhux ġustifikata tal-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna u l-invażjoni tagħha, kif ukoll l-involviment tal-Belarussja f’din l-aggressjoni;

2. Jitlob b’insistenza li l-Federazzjoni Russa ttemm minnufih l-attivitajiet militari kollha fl-Ukrajna, tirtira mingħajr kundizzjonijiet il-forzi militari u paramilitari kollha u t-tagħmir militari kollu mit-territorju rikonoxxut internazzjonalment kollu tal-Ukrajna, u tirrispetta bis-sħiħ l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna fi ħdan il-fruntieri rikonoxxuti internazzjonalment tagħha;

3. Jesprimi s-solidarjetà sħiħa tiegħu mal-poplu tal-Ukrajna, li diġà sofra tmien snin ta’ gwerra f’pajjiżu, u jikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli l-azzjonijiet tar-Russja kontra l-Ukrajna;

4. Jesprimi n-niket inkonsolabbli tiegħu għat-telf traġiku ta’ ħajjiet u għat-tbatija umana kkawżati mill-aggressjoni Russa u jisħaq li l-attakki kontra ċivili u infrastruttura ċivili kif ukoll l-attakki indiskriminati huma pprojbiti skont id-dritt umanitarju internazzjonali u għalhekk jikkostitwixxu delitti tal-gwerra;

5. Jilqa’ l-adozzjoni rapida ta’ sanzjonijiet mill-Kunsill bl-għan li jipperswadi lill-Federazzjoni Russa twaqqaf l-attakki tagħha kontra l-Ukrajna; jinsisti, madankollu, fuq il-ħtieġa li jiġu adottati sanzjonijiet severi addizzjonali fid-dawl tal-aħħar attakki, inklużi dawk kontra żoni residenzjali u infrastruttura ċivili;

Is-sigurtà alimentari trid tkun il-prijorità tal-UE

6. Jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-passi meħtieġa biex tipproteġi lin-negozji agrikoli tal-UE b’miżuri ta’ appoġġ sabiex toħloq kemm ċertezza kif ukoll aktar garanziji biex tinżamm u, fejn meħtieġ, tiżdied il-produzzjoni tal-ikel mill-bdiewa Ewropej;

7. Jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi l-miri u l-iskeda ta’ żmien għal ċerti inizjattivi taħt il-Patt Ekoloġiku Ewropew, b’mod partikolari l-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt u l-Istrateġija għall-Bijodiversità, sabiex tiżgura li l-applikazzjoni tagħhom ma tirriżultax f’telf tal-potenzjal produttiv tas-settur agroalimentari tal-UE, u li ma tipperikolax is-sigurtà alimentari Ewropea;

8. Jistieden lill-Kummissjoni tissospendi kwalunkwe inizjattiva leġiżlattiva, b’mod partikolari b’rabta mal-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt u mal-Istrateġija għall-Bijodiversità, li kieku twassal għal tnaqqis fil-produzzjoni agrikola, b’mod partikolari fir-rigward tar-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Użu Sostenibbli tal-Pestiċidi, tal-miri għar-restawr tan-natura u tad-diliġenza dovuta għall-ktajjen tal-provvista;

9. Isostni li l-objettivi stipulati fl-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt u fl-Istrateġija għall-Bijodiversità jridu jiġu analizzati abbażi ta’ valutazzjoni komprensiva tal-impatt tas-sigurtà alimentari Ewropea u tas-sitwazzjoni f’pajjiżi ġirien, u jinsisti li l-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni dawn il-valutazzjonijiet tal-impatt; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni l-valutazzjonijiet tal-impatt diġà ppubblikati minn istituti ta’ riċerka rikonoxxuti fil-livell internazzjonali f’dan il-kuntest;

10. Iqis li fid-dawl taċ-ċirkostanzi attwali tas-suq, l-ambizzjoni ta’ tnaqqis ta’ 10 % fiż-żoni ta’ produzzjoni ma tistax tiġi implimentata;

11. Jistieden lill-Istati Membri kollha jimplimentaw programmi ta’ prevenzjoni tal-ħela tal-ikel, fejn jisħaq l-urġenza li titnaqqas il-ħela tal-ikel u jenfasizza li l-fokus għandu jkun fuq il-prevenzjoni tal-ħela tal-ikel u tat-telf tal-ikel, billi l-evitar tat-telf tal-ikel matul nuqqas ta’ provvista tal-ikel jista’ jikkontribwixxi biex tiġi kkonsolidata s-sigurtà alimentari;

Il-ħtieġa urġenti li jitfassal pjan ta’ azzjoni olistiku biex tiġi żgurata s-sigurtà alimentari

12. Jisħaq li l-UE hija l-akbar importatur u esportatur ta’ prodotti agroalimentari fid-dinja; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li sabiex tiżdied ir-reżiljenza fit-tul tas-sistemi agroalimentari tagħna, l-UE għandha tieħu passi biex tnaqqas id-dipendenza tagħna mill-importazzjonijiet ta’ enerġija, ta’ prodotti primarji, ta’ sustanzi kimiċi u ta’ prodotti kimiċi minn pajjiżi terzi; jenfasizza li soluzzjonijiet fuq terminu qasir u medju biex tiġi żgurata s-sigurtà alimentari jinkludu d-diversifikazzjoni tal-provvista minn pajjiżi terzi, u jistieden lill-Kummissjoni teżamina sorsi ta’ provvista possibbli li jissodisfaw l-istandards tas-sostenibbiltà internazzjonali tal-UE, u jew tidħol fi ftehimiet bilaterali jew inkella ssaħħaħ dawk eżistenti;

13. Jistieden lill-Kummissjoni tantiċipa kontrosanzjonijiet Russi potenzjali li jistgħu jolqtu lis-settur agroalimentari, bħal dawk imposti fl-2014, u tidentifika u tiftaħ swieq ġodda biex torjenta l-esportazzjoni ta’ prodotti tal-ikel lejn bnadi oħra;

14. Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta pjan ta’ azzjoni tal-UE biex tiġi żgurata s-sigurtà alimentari ġewwa u barra mill-UE abbażi ta’ azzjonijiet fuq terminu qasir, medju u fit-tul;

15. Jistieden lill-Kummissjoni twettaq analiżijiet tas-suq ta’ kull xahar dwar l-istat tas-swieq agrikoli skont is-settur, b’mod partikolari analiżi tal-prezzijiet, tal-kwantitajiet u tal-ktajjen tal-provvista; jilqa’ l-użu tal-Kummissjoni mill-Mekkaniżmu Ewropew permanenti ta’ tħejjija u rispons għall-Kriżijiet tas-Sigurtà tal-Ikel li għadu kemm inħoloq, u li jlaqqa’ flimkien lill-esperti pubbliċi u privati fis-settur agroalimentari; jistieden lill-Kummissjoni, madankollu, tikkomunika l-kontenut ta’ dawn id-diskussjonijiet lill-Parlament sabiex dan ikun jista’ jibbenefika mill-informazzjoni kollha meħtieġa biex jimmaniġġja l-kriżi;

16. Ifakkar li ż-żieda drammatika fil-prezzijiet tal-fertilizzanti, li se jkollha impatt kbir fuq is-settur agroalimentari kollu, tmur lura għal qabel ma bdiet l-invażjoni Russa tal-Ukrajna; jisħaq li dawn il-prezzijiet se jkomplu jiżdiedu, billi huma marbuta mal-prezzijiet tal-gass naturali; għalhekk, iħeġġeġ lill-Kummissjoni tibda telimina d-dazji anti-dumping fuq il-fertilizzanti prodotti f’pajjiżi terzi; jiddispjaċih, barra minn hekk, għall-fatt li l-Kummissjoni ma semmietx il-każ speċifiku tal-fertilizzanti fil-komunikazzjoni tagħha tat-8 ta’ Marzu 2022 intitolata “REPowerEU: Azzjoni Ewropea Konġunta għal enerġija aktar affordabbli, sikura u sostenibbli” (COM(2022)0108);

17. Jinnota li sabiex titnaqqas id-dipendenza tagħna mill-fertilizzanti kimiċi, kemm jista’ jkun għandhom jintużaw sorsi organiċi alternattivi ta’ nutrijenti mill-aktar fis possibbli; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza l-ostakli leġiżlattivi u prattiċi biex tiġi realizzata din is-soluzzjoni għad-dipendenza tagħna mill-importazzjonijiet ta’ fertilizzanti kimiċi u ta’ riżorsi minn pajjiżi terzi;

18. Jistieden lill-Kummissjoni żżid il-limiti għall-applikazzjoni tan-nitroġenu mid-demel tal-annimali, bħan-nitroġenu rkuprat mid-demel, jew RENURE, f’konformità mal-limiti fuq il-fertilizzanti; jistieden lill-Kummissjoni tqis deroga temporanja biex l-ispiża tal-fertilizzanti titnaqqas malajr u taħdem lejn qafas fit-tul sabiex tissaħħaħ iċ-ċirkolarità fuq l-azjendi u titnaqqas id-dipendenza mir-riżorsi minn pajjiżi terzi;

19. Jenfasizza l-ħtieġa għal strateġija li tinvolvi intensifikazzjoni sostenibbli li tkun tippermetti żieda fl-output tal-produzzjoni b’inqas inputs;

20. Jistenna li l-Kummissjoni, fir-rapport tagħha lill-Parlament u lill-Kunsill dwar il-funzjonament tal-politika komuni tas-sajd, tindirizza l-ħtieġa li jinkisbu benefiċċji ekonomiċi, soċjali u tal-impjieg, u li tikkontribwixxi għad-disponibbiltà tal-provvisti tal-ikel; iħeġġeġ lill-Kunsill ikun involut f’dibattitu politiku dwar il-politika komuni tas-sajd, l-implimentazzjoni u r-riforma tagħha;

21. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar iż-żieda qawwija fl-ispejjeż operatorji mġarrba mis-settur tas-sajd; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li ħafna bastimenti madwar l-Unjoni kollha huma attwalment rmiġġati, billi l-prezzijiet tal-ewwel bejgħ tal-ħut ma jkoprux l-ispejjeż ogħla tal-produzzjoni;

L-iżgurar tal-funzjonament kif suppost tas-suq intern fi prodotti agroalimentari

22. Jinsisti li l-funzjonament kif suppost tas-suq intern irid jiġi garantit fir-rigward tal-prodotti agrikoli u li jridu jiġu evitati projbizzjonijiet fuq l-esportazzjoni lejn Stati Membri oħra; jitlob lill-Kummissjoni biex toqgħod partikolarment attenta f’dan ir-rigward u biex tieħu azzjoni immedjata kontra l-impożizzjoni mill-Ungerija ta’ projbizzjoni fuq l-esportazzjoni taċ-ċereali;

23. Jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jiġu mmonitorjati u infurzati kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ġusta fis-suq intern fir-rigward ta’ żidiet mhux ġustifikati fil-prezzijiet għal ċerti prodotti tal-ikel; jisħaq li hemm bżonn jittejjeb il-monitoraġġ ta’ sitwazzjonijiet possibbli li fihom xi kumpaniji jistgħu joħolqu monopolju fis-suq intern fis-settur agroalimentari, u jenfasizza l-ħtieġa li jittieħdu miżuri biex minnufih jiġi miġġieled kull żvilupp bħal dan;

24. Jistieden lill-Kummissjoni tqis miżuri biex tiġi evitata spekulazzjoni relatata maż-żidiet fil-prezzijiet tal-prodotti agroalimentari;

Faċilitazzjoni għall-bdiewa tal-UE biex ikunu jistgħu jipprovdu sigurtà alimentari permezz tal-politika agrikola komuni u ta’ forom oħra ta’ appoġġ

25. Jistieden lill-Kummissjoni tagħti lill-Istati Membri l-flessibbiltà li temporanjament jippermettu l-produzzjoni agrikola mill-bdiewa fuq Żoni ta’ Interess Ekoloġiku, fejn jużaw prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u fertilizzanti jekk meħtieġ;

26. Jitlob li l-miżuri kontra d-disturb fis-suq previsti fl-Artikolu 219 tar-Regolament dwar l-OKS jiġu implimentati minnufih biex jiġu appoġġati s-setturi li ntlaqtu l-aktar;

27. Jistieden lill-Kummissjoni tkun lesta tieħu aktar miżuri tas-suq eċċezzjonali skont l-OKS, jekk meħtieġ, bħall-attivazzjoni tal-Artikolu 222 biex ikun possibbli li jiġu stabbiliti arranġamenti għal korrispondenza aħjar bejn il-provvista u d-domanda;

28. Jistieden lill-Kummissjoni timmobilizza għajnuna għall-ħżin privat għas-setturi l-aktar milquta sabiex temporanjament jitnaqqsu l-effetti tal-provvista eċċessiva ta’ ċerti komoditajiet fuq terminu qasir, b’mod partikolari s-settur tal-majjal, li diġà ilu jbati għal bosta xhur minħabba kundizzjonijiet tas-suq storikament diffiċli;

29. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jirrilaxxaw ir-riżerva għall-kriżijiet ta’ EUR 479 miljun biex is-settur agrikolu jingħata għajnuna biex ikampa mal-isfidi attwali għas-suq; jinnota, madankollu, li ladarba tiġi eżawrita din ir-riżerva għall-kriżijiet, din ma tistax tiġi rikostitwita b’finanzjament mill-politika agrikola komuni; għalhekk, jitlob li minnufih jiġu rilaxxati fondi addizzjonali li jkunu jistgħu jiġu mmobilizzati immedjatament f’każ li tiġi eżawrita r-riżerva għall-kriżijiet;

30. Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa lill-organizzazzjonijiet settorjali sabiex jiġu akkwistati swieq ta’ importazzjoni ġodda li jiggarantixxu l-provvista tal-ikel u l-fatturi ta’ produzzjoni agrikoli, speċjalment għall-bhejjem, u b’hekk jiġi evitat ir-riskju għas-sigurtà alimentari fl-Ewropa;

31. Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi strateġija Ewropea komprensiva għall-proteini sabiex tiżdied il-produzzjoni Ewropea tal-proteini u titnaqqas id-dipendenza tal-Unjoni minn pajjiżi terzi f’dan ir-rigward;

32. Jistieden lill-Kummissjoni tippermetti applikazzjoni aktar flessibbli tar-rekwiżiti tal-politika agrikola komuni fl-2022, inklużi pagamenti antiċipati lill-produtturi u żieda minn 50 għal 70 % fis-sehem tal-pagamenti antiċipati;

33. Jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-miżuri meħtieġa kollha, b’mod partikolari fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat, biex ikun possibbli appoġġ usa’ għas-setturi li ntlaqtu l-aktar mill-kriżi;

34. Jistieden lill-Kummissjoni tqis l-emendar tal-Qafas Temporanju għall-Għajnuna mill-Istat, adottat f’Marzu 2020, sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jużaw il-flessibbiltà sħiħa skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat biex jappoġġaw lill-ekonomija;

 

°

° °

35. Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

 

Aġġornata l-aħħar: 21 ta' Marzu 2022
Avviż legali - Politika tal-privatezza