MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-ħtieġa għal pjan ta’ azzjoni tal-UE urġenti biex tiġi żgurata s-sigurtà alimentari ġewwa u barra mill-UE fid-dawl tal-invażjoni Russa tal-Ukrajna
16.3.2022 - (2022/2593(RSP))
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta’ Proċedura
Ulrike Müller, Søren Gade, Nils Torvalds
f’isem il-Grupp Renew
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0160/2022
B9‑0163/2022
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-ħtieġa għal pjan ta’ azzjoni tal-UE urġenti biex tiġi żgurata s-sigurtà alimentari ġewwa u barra mill-UE fid-dawl tal-invażjoni Russa tal-Ukrajna
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi l-Federazzjoni Russa bdiet invażjoni mhux provokata u mhux ġustifikata tal-Ukrajna fl-24 ta’ Frar 2022 bi ksur ċar tad-dritt internazzjonali; billi l-attakki kontinwi u diżgustanti fuq iċ-ċivili Ukreni huma ksur gravi tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra u jikkostitwixxu delitti tal-gwerra;
B. billi l-produzzjoni tal-ikel u l-aċċess għall-ikel ma għandhomx jintużaw bħala arma ġeopolitika;
C. billi l-objettivi tal-politika komuni tas-sajd (PKS) u tal-politika agrikola komuni (PAK) jinkludu, fost oħrajn, il-forniment tas-suq tal-UE b’ikel ta’ valur nutrizzjonali għoli, it-tnaqqis tad-dipendenza tas-suq tal-UE mill-importazzjonijiet tal-ikel, u l-iżgurar li l-ikel jasal għand il-konsumaturi bi prezzijiet raġonevoli; billi l-pandemija tal-COVID-19 u issa l-invażjoni Russa tal-Ukrajna għamluha saħansitra aktar evidenti li l-UE għandha bżonn issaħħaħ is-sigurtà alimentari tagħha u tnaqqas id-dipendenza tagħha minn inputs importati mingħand fornitur wieħed jew ftit wisq fornituri minn barra mill-UE;
D. billi din is-sitwazzjoni u s-sanzjonijiet leġittimi imposti fuq ir-Russja se jwasslu għal tfixkil kumulattiv sinifikanti fis-swieq agrikoli, tas-sajd u tal-akkwakultura globali minbarra l-kriżi tal-COVID-19 u ż-żidiet sinifikanti reċenti fl-ispejjeż tal-inputs, b’mod partikolari b’rabta mas-swieq tal-ħbub taż-żejt veġetali billi l-Ukrajna u r-r-Russja jirrappreżentaw bejn wieħed u ieħor 30 % mill-kummerċ dinji fil-qamħ, 32 % mix-xgħir, 17 % mill-qamħirrum u aktar minn 50 % miż-żejt taż-żerriegħa tal-ġirasol u 20 % miż-żrieragħ tal-ġirasol, u f’termini tal-aċċess għall-fertilizzanti u għall-inputs meħtieġa għall-produzzjoni tal-fertilizzanti;
E. billi l-UE tiddependi b’mod partikolari mill-Ukrajna għall-forniment ta’ qamħirrum, ta’ lift, ta’ qamħ, ta’ żrieragħ tal-ġirasol u ta’ pasta taż-żrieragħ tal-ġirasol, filwaqt li r-r-Russja hija wkoll sors importanti ta’ importazzjonijiet għall-qamħ, għall-pasta tal-lift, għaż-żrieragħ tal-ġirasol u għall-pasta taż-żrieragħ tal-ġirasol, li l-maġġoranza tagħhom tintuża bħala materja prima għas-settur tal-bhejjem;
F. billi bosta Stati Membri indikaw li, bir-rati attwali, hemm riskju li jeżawrixxu l-ħażniet tal-għalf tal-annimali sal-Għid;
G. billi l-Ukrajna u r-Russja huma fornituri saħansitra aktar importanti ta’ komoditajiet bażiċi tal-ikel għall-pajjiżi fl-Asja, fl-Afrika u fil-Lvant Nofsani, b’mod partikolari għall-Eġittu, li jimporta aktar minn 50 % miċ-ċereali totali tiegħu għall-ħobż, u għall-Indja, li timporta kważi żewġ terzi mid-domanda tagħha ta’ żejt li jittiekel mis-suq dinji; billi kwalunkwe żieda fil-prezz f’dawn il-pajjiżi, irrispettivament minn kemm tkun żgħira, ikollha impatt kbir fuq il-provvista ta’ oġġetti tal-ikel bażiċi għall-popolazzjoni ġenerali; jisħaq li din mhijiex biss problema ta’ sigurtà alimentari, iżda għandha wkoll il-potenzjal li twassal għal kriżi soċjali fil-viċinat tan-Nofsinhar tal-UE;
H. billi l-invażjoni Russa tal-Ukrajna se jkollha impatt dirett fuq il-kriżijiet alimentari globali li għadhom għaddejjin; billi aktar minn nofs il-qamħ li jintuża mill-Programm Dinji tal-Ikel jiġi mill-Ukrajna biss;
I. billi minbarra d-dipendenza qawwija tal-UE mill-importazzjonijiet ta’ fertilizzant mir-Russja, id-dipendenza tal-Unjoni mill-importazzjonijiet ta’ enerġiji mill-fjuwils fossili biex jiġi prodott il-fertilizzant kif ukoll mill-karbonat tal-potassju mill-Belarussja se twassal għal interruzzjonijiet sinifikanti fil-provvista, fi żmien meta l-prezzijiet tal-fertilizzanti żdiedu b’142 % matul din l-aħħar sena u l-fertilizzanti jirrappreżentaw 20 % mill-ispejjeż tal-produzzjoni tal-bdiewa[1]; billi l-gass jirrappreżenta bejn 60 % u 80 % mill-ispejjeż tal-produzzjoni tal-fertilizzanti nitroġenużi ewlenin[2]; billi l-prezzijiet għoljin tal-gass diġà wasslu għall-għeluq temporanju ta’ xi faċilitajiet tal-industrija tal-fertilizzanti; billi diġà jeżistu każijiet fejn il-kumpaniji tal-fertilizzanti rrifjutaw ordnijiet mill-bdiewa minħabba n-nuqqas ta’ materja prima;
J. billi jeżistu ħafna prodotti fertilizzanti li huma dderivati minn sorsi organiċi ta’ nutrijenti u dawn il-prodotti bħalissa mhumiex jintużaw bħala alternattiva għall-fertilizzanti kimiċi; billi żiedu fl-użu minnhom tista’ tkun soluzzjoni biex titnaqqas id-dipendenza tal-Unjoni mill-fertilizzanti kimiċi filwaqt li jintlaħqu l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku;
K. billi l-prezz tal-fjuwil żdied b’mod konsiderevoli fl-Unjoni Ewropea, fejn laħaq quċċata storika f’ħafna Stati Membri; billi din it-trajettorja se twassal għal sitwazzjoni ekonomika insostenibbli għall-bdiewa u għas-sajjieda, bħal bastimenti tas-sajd li jsibuha impossibbli joħorġu l-baħar u jaqilgħu aktar mill-ispiża tal-operazzjonijiet tas-sajd;
L. billi s-setturi tas-sajd, tal-akkwakultura u tal-ipproċessar tal-UE jipprovdu prodotti tal-frott tal-baħar ta’ kwalità għolja, u għandhom rwol fundamentali fl-iżgurar tas-sigurtà alimentari globali; billi s-settur tas-sajd ilu żmien twil jgħin biex jipprovdi lill-konsumaturi Ewropej prodotti ta’ kwalità għolja li jissodisfaw standards għoljin ta’ nutrizzjoni u sikurezza alimentari, u issa huwa mexxej globali f’termini ta’ sostenibbiltà;
M. billi l-impatt fuq il-prezzijiet tal-ikel għall-konsumatur irid jitqies fil-kuntest tal-impatt tal-pandemija tal-COVID-19, li diġà kkontribwixxa għal żidiet fil-prezzijiet qabel ma bdiet il-gwerra; billi l-ispiża tal-ikel fl-UE kienet 4.7 % ogħla f’Jannar 2022 milli kienet fl-istess xahar tas-sena preċedenti[3]; billi ħafna Stati Membri, u b’mod partikolari l-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, qed jiffaċċjaw żidiet saħansitra ogħla fil-prezzijiet tal-ikel;
N. billi r-Russja hija s-sitt l-akbar sieħeb kummerċjali tal-Ewropa f’termini ta’ valur tal-esportazzjoni agroalimentari mill-UE[4]; billi l-interruzzjonijiet fil-kummerċ u s-sanzjonijiet imposti se jeħtieġu miżuri ta’ mitigazzjoni, inkluż l-istabbiliment ta’ swieq alternattivi għall-prodotti agrikoli tal-UE;
O. billi l-invażjoni Russa tal-Ukrajna għandha impatt fuq is-suq tax-xogħol, li jista’ jkollu aktar impatt fuq il-produzzjoni tal-ikel;
P. billi fid-9 ta’ Marzu 2022, il-Kummissjoni ospitat l-ewwel laqgħa tal-mekkaniżmu Ewropew ta’ tħejjija u rispons għall-kriżijiet tas-sigurtà tal-ikel (EFSCM) li għadu kemm ġie stabbilit, biex tiddiskuti s-sigurtà alimentari, l-impatt taż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u tal-inputs u l-impatt tal-gwerra fl-Ukrajna; billi dan il-mekkaniżmu għandu l-għan li jżid it-tħejjija għall-kriżijiet billi jtejjeb il-koordinazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prattiki;
Q. billi wara l-annessjoni tal-Krimea mir-Russja u s-sanzjonijiet sussegwenti, il-Kummissjoni u l-Istati Membri ħadu bosta miżuri biex ipattu għall-effetti negattivi fuq is-swieq agrikoli, tas-sajd u tal-akkwakultura tal-UE;
1. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-impatt li dawn l-interruzzjonijiet fil-proċessi agrikoli, tas-sajd u tal-akkwakultura se jkollhom fuq is-sigurtà alimentari għall-poplu tal-Ukrajna, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-komunità internazzjonali jikkoordinaw u jipprovdu programm robust ta’ għajnuna umanitarja u alimentari fit-tul lir-reġjuni u lill-bliet kollha affettwati, u dan permezz tal-fora kollha possibbli, bħall-Kumitat dwar is-Sigurtà Alimentari Dinjija, biex ipatti għan-nuqqas ta’ produzzjoni Ukrena tal-ikel u għall-interruzzjoni tal-katina alimentari;
2. Jenfasizza l-importanza li tintemm il-gwerra instigata mir-Russja, li tinkiseb il-paċi u li tiġi żgurata s-sigurtà fl-Ukrajna, sabiex is-settur agrikolu tal-Ukrajna jkun jista’ jirkupra u tkun tista’ tiġi żgurata s-sigurtà alimentari tal-pajjiż; jitlob biex, meta jkun possibbli, l-UE tagħmel kull sforz biex tappoġġa l-irkupru agrikolu tal-Ukrajna u biex tiżgura żrigħ mhux interrott fl-Ukrajna permezz tal-forniment ta’ żrieragħ u ta’ fertilizzanti li huma skarsi;
3. Jinnota bi tħassib serju li l-estensjoni ta’ din il-gwerra tkun tfisser li l-pajjiżi li jiddependu mill-esportazzjoni affordabbli tal-qamħ mill-Ukrajna jistgħu jiffaċċjaw nuqqasijiet kbar fix-xhur li ġejjin, b’mod partikolari f’pajjiżi sħab li qed jiżviluppaw u f’dawk l-inqas żviluppati, li diġà ffaċċjaw malnutrizzjoni akuta qabel din il-kriżi l-ġdida; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu azzjoni urġenti biex jappoġġaw lil dawn il-pajjiżi fuq terminu qasir, billi jappoġġaw lill-komunitajiet, lill-awtoritajiet u lill-NGOs lokali sabiex tiġi mmitigata l-ħtieġa urġenti għall-ikel u billi jkomplu jsaħħu l-appoġġ lil dawn il-pajjiżi sabiex tiġi evitata aktar skarsezza tal-ikel f’reġjuni esposti, b’attenzjoni speċjali għall-komunitajiet l-aktar vulnerabbli, u sabiex tiġi żviluppata r-reżiljenza fil-ktajjen tal-provvista tal-ikel tagħhom fuq terminu medju sa twil billi jissaħħaħ is-settur agrikolu tagħhom permezz tal-approċċ nexus tal-UE għall-politika umanitarja u ta’ żvilupp; jistieden lill-komunità internazzjonali, inklużi l-Istati Membri, taqsam informazzjoni dwar il-ħażniet, il-ħsad u d-disponibbiltà tal-ikel biex tipprova tikkumpensa għall-problemi dinjija relatati mal-provvista u biex tiġi evitata kriżi alimentari globali;
4. Jenfasizza li l-pajjiżi li jinsabu qrib iż-żona ta’ kunflitt, dawk b’ekonomiji fraġli li qed jiżviluppaw u dawk li qed jilqgħu il-maġġoranza tar-refuġjati Ukreni se jintlaqtu l-aktar mill-gwerra fl-Ukrajna; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw lil dawn il-pajjiżi u jiżguraw li jkunu disponibbli biżżejjed provvisti tal-ikel;
5. Jisħaq li hemm bżonn urġenti li jiġi rrieżaminat l-approċċ tal-UE għas-sigurtà alimentari biex titnaqqas id-dipendenza ġenerali tas-sistema tal-ikel tal-UE, biex tiġi żviluppata aktar reżiljenza fil-katina tal-provvista tal-ikel, b’mod partikolari fil-livell tal-aċċess għall-inputs, u biex jiġu indirizzati d-dgħufijiet li ġew esposti minn dipendenza eċċessiva mill-importazzjonijiet ta’ enerġija, ta’ għalf u ta’ fertilizzanti mingħand fornitur wieħed jew ftit wisq fornituri, kif ukoll min-nuqqas ta’ diversifikazzjoni tal-ktajjen tal-provvista; jinnota li għandhom jitqiesu miżuri tul il-katina sħiħa tal-provvista tal-ikel lil hinn mil-livell adegwat ta’ produzzjoni, biex jiġi indirizzat l-impatt fuq il-prezz tal-komoditajiet u fuq l-affordabbiltà tal-ikel;
6. Jinsisti li l-għanijiet u l-objettivi tal-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt u tal-Patt Ekoloġiku usa’ ma għandhomx jiġu mtellfa fl-azzjonijiet immedjati biex tiżdied ir-reżiljenza u biex tiġi żviluppata l-awtosuffiċjenza b’rabta mal-inputs; jenfasizza li l-miżuri biex jiżdiedu l-effiċjenza fl-użu mill-inputs u d-disponibbiltà ta’ alternattivi u prattiki u miżuri aktar sostenibbli biex tiġi indirizzata l-ħela tal-ikel, kif stipulat fl-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt u fil-Patt Ekoloġiku, li b’hekk inaqqas id-dipendenza minn inputs bħal prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jagħmlu l-ħsara u mill-fertilizzanti kimiċi, huma l-elementi kostitwenti biex jiġu żgurati settur agrikolu u katina tal-provvista agroalimentari tal-UE li jkunu robusti fuq terminu medju sa twil;
7. Ifakkar, madankollu, li l-objettivi u l-miri tal-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt l-ewwel iridu jkunu suġġetti għal valutazzjoni komprensiva tal-impatt, u li filwaqt li jimplimentaw il-pjanijiet direzzjonali li jwasslu għall-miri tal-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt, ir-responsabbiltà tal-koleġiżlaturi se tkun li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet biex jiġi evitat kull tnaqqis fil-livelli ta’ produzzjoni agrikola fl-Ewropa jew kull rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju; jenfasizza li fid-dawl tal-gwerra fl-Ukrajna li għadha għaddejja u ta’ aktar pressjoni fuq il-ktajjen alimentari agrikoli, tas-sajd u tal-akkwakultura, żdiedet l-urġenza li jiġu studjati dawn l-impatti kollha, l-impatti potenzjali fuq is-sigurtà alimentari jridu jiġu vvalutati bir-reqqa, u għandu jiġi kkummissjonat ukoll studju komprensiv dwar id-dipendenza tas-sistema tal-ikel tagħna mill-inputs u mis-sorsi tagħhom;
8. Jitlob biex il-grupp ta’ esperti tal-EFSCM jaċċelera l-ħidma strutturali tiegħu fuq l-immappjar tar-riskji u tal-vulnerabbiltà tal-katina tal-provvista tal-ikel tal-UE kif ukoll tal-infrastrutturi kritiċi tagħha, u jitlob biex ikun hemm mezzi ta’ komunikazzjoni u ta’ informazzjoni ċari u rapidi dwar l-ippjanar ta’ kontinġenza biex jiġi żgurat il-potenzjal sħiħ tal-UE fir-rigward tal-provvista tal-ikel, tas-sigurtà alimentari u tat-tnaqqis tad-dipendenza tal-agrikoltura tal-UE mill-importazzjonijiet u mill-inputs, filwaqt li jingħata kontribut pożittiv għall-bilanċ kummerċjali globali tal-Unjoni;
9. Jistieden lill-Kummissjoni tħejji pjan ta’ azzjoni dettaljat minnufih biex tiġi żgurata s-sigurtà alimentari fl-UE, u dan abbażi tat-tagħlimiet meħuda mill-pjan ta’ kontinġenza ppreżentat f’Novembru 2021, fejn applikabbli, kif ukoll tindirizza d-dgħufijiet li ġew esposti minn dipendenza eċċessiva mill-importazzjonijiet ta’ enerġija, ta’ għalf u ta’ fertilizzanti mingħand fornitur wieħed jew ftit wisq fornituri, kif ukoll min-nuqqas ta’ diversifikazzjoni tal-ktajjen tal-provvista;
10. Jinnota li dan il-pjan ta’ azzjoni jirrappreżenta opportunità biex jitħaffef l-ilħuq tal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku, li jsaħħaħ ir-robustezza tal-ktajjen tal-provvista tal-ikel tal-UE f’ekonomija ċirkolari ekoloġika u joffri inċentivi lill-bdiewa, lis-sajjieda u lill-partijiet ikkonċernati tul il-katina tal-provvista tal-ikel biex jadottaw metodi u għodod ta’ produzzjoni aktar sostenibbli, effiċjenti u awtosuffiċjenti, u dan billi jużaw aktar l-għodod u t-teknoloġiji ta’ kultivazzjoni innovattivi kif ukoll proċessi u prattiki sostenibbli, li kollha kemm huma jgħinu biex titnaqqas id-dipendenza tal-UE mill-inputs importati, inkluż billi jintużaw investimenti fuq terminu qasir biex jiżdied l-użu minn teknoloġiji u prattiki li għandhom l-għan li jissodisfaw l-objettivi tal-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt;
11. Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw miżuri u jużaw l-għodod disponibbli biex isaħħu l-ktajjen tal-provvista tal-ikel tagħhom; jinsisti li l-miżuri li jittieħdu ma jistgħux jikkompromettu l-integrità tas-suq uniku, u lanqas ma jistgħu jimminaw il-miżuri biex tiżdied ir-reżiljenza fil-katina tal-provvista tal-ikel madwar l-UE kollha, jew inkella jżidu d-dipendenza enerġetika mir-riżorsi Russi;
12. Jenfasizza l-importanza li tiġi indirizzata l-problema tal-ħela tal-ikel fl-istadji kollha tal-katina fuq terminu qasir, sabiex titnaqqas il-pressjoni fuq il-provvista tal-ikel fl-Ewropa; itenni t-talba tiegħu biex jittieħdu l-miżuri meħtieġa biex tintlaħaq il-mira tal-UE għat-tnaqqis tal-ħela tal-ikel bi 30 % sal-2025 u b’50 % sal-2030, meta mqabbel max-xenarju bażi tal-2014;[5]
13. Jesprimi t-tħassib tiegħu li s-sitwazzjoni attwali se tqiegħed pressjonijiet kemm finanzjarji kif ukoll prattiċi fuq xi produtturi f’termini tal-ilħuq tal-miri eżistenti u tal-issodisfar tal-obbligi leġiżlattivi, minħabba f’nuqqas ta’ investiment, inqas likwidità u inċertezza fis-suq; jinnota, f’dan ir-rigward, li jista’ jkun meħtieġ approċċ prammatiku għall-kontrolli;
14. Jisħaq li, fil-livell tal-produzzjoni, se jkunu meħtieġa miżuri u inċentivi msaħħa biex tiġi żviluppata r-reżiljenza, bħal pereżempju billi jiżdiedu ċ-ċirkolarità u l-awtosuffiċjenza fl-input filwaqt li ma jiġux imtellfa l-kapaċità produttiva u l-kompetittività tal-agrikoltura, tas-sajd u tal-akkwakultura tal-UE, permezz ta’ għodda bħal bidla lejn biedja ta’ preċiżjoni, l-iżvilupp u l-aċċellerazzjoni tal-aċċess għal swieq ta’ proteini alternattivi, fertilizzanti organiċi, produzzjoni mikrobika tal-għelejjel u tekniki ġenomiċi ġodda f’konformità mal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku, kif ukoll billi matul din is-sena ta’ tranżizzjoni tal-PAK ikunu permessi flessibbiltajiet temporanji u fuq terminu qasir, b’kundizzjonalitajiet u b’derogi li għandhom jitqiesu u bl-aċċellerazzjoni tal-proċeduri amministrattivi biex jinkisbu dawn il-flessibbiltajiet;
15. Jenfasizza li d-defiċit ta’ proteini fil-pajjiżi tal-UE għadu dgħufija kbira u jitlob biex jitfassal approċċ akbar u impenjat biex, b’mod sostenibbli, tiżdied il-produzzjoni tal-proteini tal-pjanti fl-UE permezz ta’ pjanijiet strateġiċi tal-PAK u ta’ miżuri oħra;
16. Jirrikonoxxi l-ħtieġa urġenti għal miżuri temporanji u riversibbli biex tiżdied il-produzzjoni tal-UE għall-istaġun tal-ħsad fl-2022, sabiex dan jikkontribwixxi għas-sigurtà alimentari tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni biex, fid-dawl tal-ħtieġa li jingħeleb in-nuqqas immedjat ta’ għelejjel li fihom il-proteini, taċċelera l-proċeduri amministrattivi biex matul is-sena ta’ tranżizzjoni tal-PAK tkun tista’ tintuża l-art imwarrba għall-produzzjoni ta’ dawn l-għelejjel, kemm għall-konsum mill-bniedem kif ukoll mill-annimali, u dan mingħajr ma tiżdied id-dipendenza mill-inputs; jitlob, f’dan ir-rigward, biex tingħata prijorità lill-għelejjel li fihom il-proteini li ma jeħtiġux inputs ta’ pestiċidi, jew inkella livell baxx ħafna tagħhom;
17. Jinnota li sabiex titnaqqas id-dipendenza fuq il-fertilizzanti kimiċi, kemm jista’ jkun u mill-aktar fis possibbli għandhom sorsi organiċi alternattivi ta’ nutrijenti u ċ-ċirkolazzjoni tan-nutrijenti; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza l-ostakli leġiżlattivi u prattiċi biex tiġi rrealizzata din is-soluzzjoni sabiex titnaqqas id-dipendenza mill-importazzjonijiet ta’ fertilizzanti, l-ewwel permezz ta’ bidla lejn l-użu ta’ fertilizzanti organiċi fuq terminu qasir, u t-tieni permezz ta’ aktar appoġġ għar-riċerka u għal innovazzjonijiet ġodda fil-livell tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni biex, b’mod partikolari tieħu l-miżuri meħtieġa, inklużi dawk leġiżlattivi, biex issaħħaħ l-użu minn prodotti fertilizzanti organiċi miksuba mill-ħama tad-drenaġġ u mid-demel ipproċessat sabiex jiġu sostitwiti l-fertilizzanti kimiċi, dment li dan ma jmurx kontra l-objettivi tal-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt;
18. Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-possibbiltà u l-fattibbiltà li timmobilizza appoġġ finanzjarju addizzjonali għas-setturi li ntlaqtu l-aktar, kif ukoll li tieħu miżuri urġenti biex tgħin lill-bdiewa jilqgħu kontra l-effett taż-żieda gravi fil-prezzijiet tal-fertilizzanti;
19. Jisħaq fuq l-interkonnessjonijiet bejn is-sostenibbiltà u aktar ċirkolarità fl-agrikoltura, bi trasferiment lil hinn mid-dipendenza mill-fjuwils fossili, mill-enerġija importata u mill-fertilizzanti kimiċi u lejn alternattivi aktar ekoloġiċi u rinnovabbli;
20. Jenfasizza l-ħtieġa u l-possibbiltà li l-bdiewa tal-UE jżidu l-produzzjoni tal-UE u l-użu tagħhom mill-bijoenerġija, bħall-bijogass u l-bijofjuwils, kif ukoll l-użu tagħhom mill-enerġija rinnovabbli, bħaċ-ċelloli solari, bħala għodda għall-mitigazzjoni tal-prezzijiet tal-enerġija li qed jogħlew; jinnota li minn perspettiva ta’ diversifikazzjoni dawn huma ta’ benefiċċju għall-klima, u li l-produzzjoni tagħhom tista’ toħloq ukoll sors ta’ introjtu addizzjonali għall-bdiewa;
21. Jistieden lill-Kummissjoni timmitiga l-impatt tat-telf ta’ swieq fuq il-bdiewa u l-produtturi, minħabba l-miżuri ta’ ritaljazzjoni meħuda mir-Russja b’reazzjoni għas-sanzjonijiet imposti mill-UE, kif ukoll tqis miżuri biex tgħinhom, inkluż kumpens, u tgħinhom isibu swieq ta’ esportazzjoni alternattivi għall-prodotti tagħhom;
22. Jistieden lill-Kummissjoni tapplika miżuri eċċezzjonali għall-prodotti agrikoli li qed jiffaċċjaw problemi fis-suq, inkluża l-għajnuna għall-ħżin privat; jinnota l-intenzjoni tiegħu li jqiegħed din l-għajnuna għad-dispożizzjoni tas-settur tal-majjal; iħeġġeġ lill-Kummissjoni toħloq mekkaniżmu li jippermetti li organizzazzjonijiet nongovernattivi u korpi oħra jaċċessaw prodotti minn ħżin privat biex jgħinu jiżguraw is-sigurtà alimentari fl-Ukrajna; jemmen li dan il-mekkaniżmu jista’ jintuża wkoll permezz tal-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (FEAD) fl-Istati Membri li jospitaw lir-refuġjati, sabiex tiġi indirizzata l-ħtieġa urġenti biex jiġi pprovdut aktar ikel;
23. Iqis li s-settur tas-sajd Ewropew huwa kruċjali għas-sigurtà alimentari Ewropea u jiddispjaċih li s-sitwazzjoni tiegħu iddeterjorat sinifikattivament minħabba prezzijiet globali li qed jiżdiedu rapidament fuq komoditajiet importanti għas-settur, u b’mod partikolari l-prezzijiet tal-fjuwil li qed jogħlew bil-qawwa, li eliminaw il-vijabbiltà ekonomika tal-operazzjonijiet tas-sajd; jemmen li din is-sitwazzjoni teħtieġ assistenza urġenti, inkluż appoġġ dirett; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li din l-assistenza trid tiżgura l-kontinwità tal-operazzjonijiet tal-flotot tas-sajd tal-UE, u b’hekk il-kontinwità tal-operazzjonijiet tul il-katina tal-provvista tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jirrikonoxxu din is-sitwazzjoni diffiċli għas-settur tas-sajd u jindirizzawha kif xieraq fl-azzjonijiet li ġejjin; jinnota li sabiex tiġi indirizzata ż-żieda fil-prezzijiet tal-fjuwil, huwa importanti li fuq terminu twil jiġi stimulat l-iżvilupp ta’ metodi u ta’ tekniki innovattivi u selettivi tas-sajd b’aktar effiċjenza fil-fjuwil, kif ukoll l-użu minnhom;
24. Jistieden lill-Kummissjoni taġixxi biex jiġi żgurat li d-dispożizzjonijiet tal-għajnuna mill-Istat għall-agrikoltura, għas-sajd u għall-akkwakultura, inklużi d-dispożizzjonijiet de minimis, jippermettu lill-Istati Membri jagħtu appoġġ rapidu u flessibbli lill-operaturi biex jikkumpensaw għall-ispejjeż ogħla relatati mal-gwerra fl-Ukrajna; jenfasizza, f’dan ir-rigward, li fi ħdan il-qafas nazzjonali tagħhom, l-Istati Membri għandhom iqisu wkoll assistenza bħat-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, is-sospensjoni jew it-tnaqqis ta’ ċerti taxxi u l-estensjoni tas-self b’rabta mal-COVID-19; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-għajnuna mill-Istat ma twassalx għal distorsjoni tal-kompetizzjoni u li jkunu garantiti kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fost l-Istati Membri;
25. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-FEMSA l-ġdid jibda jopera mill-aktar fis possibbli, u jitlob lill-Kummissjoni biex tqis azzjoni biex ikun possibbli li tingħata għajnuna f’emerġenza taħt il-fond anke fi żmien ta’ kriżi, bħall-gwerra fl-Ukrajna; iħeġġeġ il-mobilizzazzjoni ta’ kwalunke fondi li jifdal mill-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, u jħeġġeġ bil-qawwa lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jaċċelleraw l-implimentazzjoni tar-Riżerva ta’ Aġġustament għall-Brexit sabiex jiżguraw li l-appoġġ jasal aktar malajr fiż-żoni milquta mill-Brexit;
26. Jinnota li għandhom jitqiesu miżuri tul il-katina sħiħa tal-provvista tal-ikel biex jiġi żgurat li l-partijiet ikkonċernati kollha jkollhom rwol fit-tisħiħ tar-reżiljenza tas-settur agroalimentari u akkwatiku, kif ukoll li dawn il-miżuri jridu jikkontribwixxu għall-għanijiet u l-objettivi tat-tranżizzjoni tal-UE lejn in-newtralità klimatika sal-2050; Iqis li, f’konformità mal-implimentazzjoni rapida tad-Direttiva (UE) 2019/633 dwar prattiki kummerċjali inġusti, għandu jkun hemm fokus partikolari fuq il-vijabbiltà tal-biedja u fuq ir-rwol sinifikanti tal-bejjiegħa bl-imnut fid-determinazzjoni ta’redditi ġusti lill-produtturi, b’mod partikolari fid-dawl tal-pressjonijiet li jirriżultaw mill-ispiża akbar tal-inputs, iżda wkoll fokus ugwali fuq ir-responsabbiltà tagħhom li jiżguraw li l-ikel jibqa’ affordabbli u aċċessibbli għall-konsumaturi;
27. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimmonitorjaw mill-qrib is-swieq tal-ikel agrikoli u akkwatiċi, b’attenzjoni partikolari għall-ispekulazzjonijiet fil-prezzijiet, u fejn xieraq jużaw l-għodod ipprovduti fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013, filwaqt li jiżguraw l-integrità tas-suq uniku;
28. Ifakkar li ngħalqu bosta portijiet Ukreni fil-Baħar l-Iswed, li kkawża interruzzjonijiet fil-kummerċ internazzjonali tal-ikel, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippermettu kurituri sikuri ta’ trasport u tal-ikel lejn u mill-Ukrajna permezz ta’ portijiet alternattivi, kif ukoll permezz ta’ trasport ferrovjarju u bit-triq;
29. Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.
- [1] L-indiċi tal-prezzijiet tal-Eurostat għall-fatturi ta’ produzzjoni agrikola (minn Q3 2020 sa Q3 2021).
- [2] Fertilizers Europe: Policy Priorities, Industry competitiveness, Energy cost (Fertilizers Europe: Prijoritajiet ta’ Politika, Kompetittività tal-industrija, Spiża tal-enerġija), https://www.fertilizerseurope.com/industry-competitiveness/energy-cost/ (Data ta’ aċċess: is-16 ta’ Marzu 2022).
- [3] L-Eurostat, Food price monitoring tool (Għodda għall-monitoraġġ tal-prezzijiet tal-ikel), https://ec.europa.eu/eurostat/databrowser/view/prc_fsc_idx/default/table?lang=en
-
[4] Il-Kummissjoni Ewropea, Agri-Food Trade Statistical Factsheet: European Union - Ukraine (Skeda Informattiva Statistika dwar il-Kummerċ Agroalimentari: l-Unjoni Ewropea - l-Ukrajna), https://ec.europa.eu/info/sites/default/files/food-farming-fisheries/farming/documents/agrifood-ukraine_en.pdf
- [5] https://www.europarl.europa.eu/doceo/document/TA-9-2021-0425_MT.html