Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0166/2022Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0166/2022

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI Dwar il-ħtieġa ta' pjan ta' azzjoni urġenti tal-UE biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-ikel kemm fl-UE kif ukoll barra l-UE fid-dawl tal-invażjoni Russa tal-Ukrajna

16.3.2022 - (2022/2593(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Veronika Vrecionová, Bert‑Jan Ruissen, Zbigniew Kuźmiuk, Krzysztof Jurgiel, Ladislav Ilčić, Nicola Procaccini
f'isem il-Grupp ECR

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0160/2022

Proċedura : 2022/2593(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B9-0166/2022
Testi mressqa :
B9-0166/2022
Testi adottati :

B9‑0166/2022

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-ħtieġa ta' pjan ta' azzjoni urġenti tal-UE biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-ikel kemm fl-UE kif ukoll barra l-UE fid-dawl tal-invażjoni Russa tal-Ukrajna

(2022/2593(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Marzu 2022 dwar l-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna[1],

 wara li kkunsidra l-Artikolu 39 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-Federazzjoni Russa u l-Ukrajna huma esportaturi netti ta' prodotti agrikoli u t-tnejn għandhom rwoli ewlenin ta' provvista fis-swieq globali tal-ikel, tal-fertilizzanti u tal-enerġija;

B. billi l-invażjoni Russa tal-Ukrajna toħloq theddida immedjata għas-sigurtà globali tal-ikel, bl-aktar mod urġenti minħabba t-tfixkil tal-provvisti tal-ikel lill-poplu Ukren kif ukoll lil pajjiżi oħra li jiddependu ħafna fuq il-produzzjoni tal-Ukrajna ta' għelejjel bażiċi, bir-riskju konsegwenti u imminenti ta' instabilità ġeopolitika;

C. billi, minħabba l-paraliżi tal-esportazzjonijiet Ukreni, inkluża l-infrastruttura meqruda u l-imblokk tal-portijiet tal-Baħar l-Iswed, hemm probabbiltà kbira ta' skarsezzi ta' diversi prodotti bażiċi agrikoli u provvisti tal-enerġija, b'mod partikolari fl-UE kif ukoll fil-kontinenti ġirien;

D. billi l-kunflitt huwa mistenni li jżid il-ħtiġijiet umanitarji fl-Ukrajna, filwaqt li japprofondixxi dawk ta' miljuni ta' persuni li, qabel l-eskalazzjoni tiegħu, kienu diġà spostati jew kienu jeħtieġu assistenza minħabba l-kunflitt fil-parti tal-Lvant tal-pajjiż, li ilu għaddej għal aktar minn tmien snin;

E. billi l-ħtiġijiet umanitarji fil-pajjiżi ġirien, li fihom il-popolazzjonijiet spostati qed ifittxu rifuġju, huma mistennija li jiżdiedu wkoll;

F. billi s-settur agrikolu ilu jħabbat wiċċu ma' prezzijiet tal-input għoljin ħafna għal xhur sħaħ, u ma jistax jirkupra dawn l-ispejjeż tal-input aktar 'l isfel fil-katina tal-valur;

G. billi s-swieq tal-UE ilhom jesperjenzaw kriżi fil-prezzijiet tal-enerġija għal aktar minn sena; billi r-Russja kkontribwiet b'mod attiv għall-approfondiment tal-kriżi, prinċipalment billi waqfet timla faċilitajiet ta' ħżin proprjetà ta' Gazprom jew mikrija minn Gazprom f'pajjiżi magħżula tal-UE, minħabba n-nuqqas ta' interess tagħha fil-bejgħ taż-żejt mhux maħdum boroż Ewropej u billi waqfet tirreġistra kapaċità addizzjonali fuq pipelines ta' esportazzjoni magħżula;

H. billi l-art agrikola diġà hija riżorsa prezzjuża u se ssir dejjem aktar prezzjuża biex jiġi prodott biżżejjed ikel u għalf biex jitma' liċ-ċittadini fl-UE, l-Ukrajna u globalment;

I. billi s-settur tas-sajd ilu jħabbat wiċċu ma' sitwazzjoni ekonomika diffiċli għal xhur sħaħ, b'żieda qawwija fil-prezzijiet tal-gass u tal-elettriku u spejjeż loġistiċi;

1. Jikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli l-aggressjoni militari illegali, mhux provokata u mhux ġustifikata tal-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna u l-invażjoni tagħha, kif ukoll l-involviment tal-Belarussja f'din l-aggressjoni; jitlob li l-Federazzjoni Russa ttemm minnufih l-attivitajiet militari kollha fl-Ukrajna; jenfasizza li l-invażjoni Russa tal-Ukrajna toħloq theddida immedjata għas-sigurtà globali tal-ikel, bl-aktar mod urġenti minħabba t-tfixkil tal-provvista tal-ikel lill-poplu Ukren kif ukoll lil pajjiżi oħra li jiddependu ħafna fuq il-produzzjoni tal-Ukrajna ta' għelejjel bażiċi, bir-riskju konsegwenti u imminenti ta' instabilità ġeopolitika;

2. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkontribwixxu għas-salvagwardja tal-istaġun taż-żrigħ li jmiss fl-Ukrajna b'kull mod possibbli; jissottolinja li l-għajnuna umanitarja hija meħtieġa biex jiġu indirizzati sitwazzjonijiet immedjati u ta' theddid għall-ħajja bħal dawk li l-Ukrajna qed tiffaċċja issa;

3. Iqis li, fis-sitwazzjoni attwali, huwa partikolarment importanti li l-objettivi ambjentali deskritti fil-politiki tal-UE jiġu riveduti fid-dawl tal-impatt kumulattiv tagħhom fuq is-sigurtà tal-ikel tal-UE u l-istabbiltà ekonomika tas-settur;

4. Jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-impatt kumulattiv komprensiva tal-miri tal-Patt Ekoloġiku, li tqis il-konsegwenzi potenzjali tal-invażjoni Russa tal-Ukrajna għas-sigurtà tal-ikel Ewropea u globali, flimkien mat-tnaqqis previst fil-produzzjoni tal-ikel bħala konsegwenza tal-miri tal-Patt Ekoloġiku;

5. Jistieden lill-Kummissjoni tissospendi l-inizjattivi kollha taħt il-Patt Ekoloġiku li għandhom impatt negattiv fuq il-produzzjoni tal-ikel;

6. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-art agrikola tintuża primarjament biss għall-finijiet tal-produzzjoni tal-ikel u tal-għalf, u b'mod partikolari mhux għall-produzzjoni tal-bijofjuwils, biex tiżgura s-sigurtà tal-ikel mhux biss għaċ-ċittadini tal-UE, iżda wkoll għal miljuni ta' rifuġjati Ukreni fl-UE, kif ukoll globalment;

7. Jistieden lill-Kummissjoni tipprevedi miżuri ta' appoġġ eċċezzjonali immedjati għas-setturi agrikoli tal-UE milquta mill-konsegwenzi tal-invażjoni Russa tal-Ukrajna fuq il-funzjonament tal-katina tal-provvista, jew mill-konsegwenzi tas-sanzjonijiet imposti fuq ir-Russja; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tuża kwalunkwe marġni baġitarju disponibbli għal dan il-għan, iżda tuża r-riżerva għall-kriżijiet bħala l-aħħar alternattiva biss, peress li l-użu ta' din ir-riżerva jkollu effett negattiv dirett fuq l-appoġġ għall-introjtu għall-bdiewa kollha;

8. Jistieden lill-Kummissjoni tagħti prijorità fil-pjan ta' azzjoni tagħha lill-azzjonijiet immirati biex iżidu l-produzzjoni tal-ikel tal-Unjoni, inkluż permezz ta' modifika tal-pjanijiet strateġiċi nazzjonali bil-għan li tiżdied l-erja tal-art ta' produzzjoni fl-UE;

9. Jistieden lill-Kummissjoni tippermetti l-produzzjoni agrikola f'żoni mmarkati bħala erjas b'fokus ekoloġiku u tippermetti l-użu ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti f'dawn iż-żoni sabiex jiġu żgurati rendimenti stabbli; jistieden lill-Kummissjoni tissospendi r-regoli dwar id-diversifikazzjoni tal-għelejjel sabiex il-bdiewa jkunu jistgħu jipproduċu għelejjel li għalihom huma mistennija nuqqasijiet;

10. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprovdi ċarezza sħiħa lill-Istati Membri fir-rigward tal-klawżola ta' forza maġġuri fil-PAK attwali u ġdida, kif ukoll f'leġiżlazzjoni ulterjuri;

11. Filwaqt li jirrikonoxxi li s-sostituzzjoni sħiħa tal-fertilizzanti minerali hija impossibbli, jissottolinja li sabiex titnaqqas id-dipendenza tal-UE fuq il-fertilizzanti minerali, sorsi organiċi alternattivi ta' nutrijenti għandhom jintużaw kemm jista' jkun malajr; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza l-ostakli leġiżlattivi u prattiċi għall-implimentazzjoni ta' din is-soluzzjoni għall-problema tad-dipendenza fuq l-importazzjoni tal-fertilizzanti; jitlob b'mod partikolari li l-użu ta' prodotti miksuba mid-demel ipproċessat u l-ħama tad-drenaġġ ikun permess bħala alternattiva għall-fertilizzanti kimiċi fid-Direttiva dwar in-Nitrati jekk dawn jissodisfaw il-kriterji RENURE stabbiliti miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka;

12. Jenfasizza li parti integrali mill-pjan ta' azzjoni tal-UE biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-ikel tal-UE trid tkun strateġija biex tiżdied l-indipendenza enerġetika tal-UE mill-provvisti Russi, inkluż l-abbandun totali tal-proġett Nord Stream 2, filwaqt li tinżamm is-sigurtà tal-enerġija tal-UE;

13. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiddefendi kif xieraq l-integrità tas-suq uniku tal-UE u teskludi projbizzjonijiet fuq l-esportazzjoni minn Stati Membri individwali fuq Stati Membri oħra jew kwalunkwe impediment ieħor għall-funzjonament xieraq tas-suq uniku;

14. Jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja l-esportazzjonijiet mill-UE u timmonitorja l-volum ta' ikel bażiku fil-faċilitajiet ta' ħżin tal-UE;

15. Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra mill-ġdid u tissospendi l-istrumenti kollha marbuta mal-Patt Ekoloġiku li jfixklu, jew li se jfixklu fil-futur qrib, il-kummerċ ma' pajjiżi mhux tal-UE, b'mod partikolari mal-Ukrajna, li mhux se tkun f'pożizzjoni li tikkonforma mal-istandards kollha ambjentali u dawk relatati mal-klima tal-UE;

16. Jenfasizza l-ħtieġa li l-politiki jkunu mmexxija mill-pajjiżi, ibbażati fuq il-ħtiġijiet u adattati għall-kuntest peress li s-sistemi tal-ikel huma diversi ħafna;

17. Jirrimarka li l-impatt fuq il-prezzijiet tal-prodotti bażiċi kkawżat mill-invażjoni Russa tal-Ukrajna, flimkien mal-irkupru tas-suq ta' wara l-pandemija, jikkostitwixxi problema sostanzjali għall-produzzjoni tal-frott tal-baħar mill-industrija tas-sajd; jenfasizza li dan wassal għal sitwazzjoni fejn huwa impossibbli għal ħafna bastimenti tas-sajd li jmorru fil-baħar u jiksbu dħul finanzjarju li huwa ogħla mill-ispejjeż tal-operazzjonijiet tas-sajd tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi miżuri ta' emerġenza biex ittaffi s-sitwazzjoni ekonomika tal-operaturi tas-sajd, tippermetti l-użu tal-innovazzjoni u tindirizza r-riskju fis-swieq;

18. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-President u lill-Gvern u l-Parlament tal-Ukrajna, u lill-President, lill-Gvern u l-Parlament tal-Federazzjoni Russa.

Aġġornata l-aħħar: 21 ta' Marzu 2022
Avviż legali - Politika tal-privatezza