MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar id-dritt għat-tiswija
30.3.2022 - (2022/2515(RSP))
skont l-Artikolu 136(5) tar-Regoli ta' Proċedura
Anna Cavazzini, Andreas Schwab, Christel Schaldemose, Biljana Borzan, Anne‑Sophie Pelletier
f'isem il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur
B9‑0175/2022
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar għat-tiswija
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2019/771 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2019 dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw kuntratti għall-bejgħ ta' oġġetti ("id-Direttiva dwar il-Bejgħ ta' Oġġetti")[1],
– wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2019/770 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2019 dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw il-kuntratti għall-provvista ta' kontenut diġitali u ta' servizzi diġitali ("id-Direttiva dwar Kontenut Diġitali")[2],
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta' rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija ("id-Direttiva dwar l-Ekodisinn")[3],
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern ("id-Direttiva dwar il-Prattiki Kummerċjali Żleali")[4], u b'mod partikolari l-Anness I tagħha,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2020 "Lejn suq uniku aktar sostenibbli għall-impriżi u l-konsumaturi"[5],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Frar 2021 dwar il-Pjan ta' Azzjoni ġdid għall-Ekonomija Ċirkolari[6],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Lulju 2017 dwar ħajja itwal għall-prodotti: benefiċċji għall-konsumaturi u l-kumpaniji[7],
– wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar id-dritt għat-tiswija (O-000010/2022 – B9-0000/2022),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 136(5) u 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur,
A. billi l-Parlament saħaq f'diversi okkażjonijiet[8] fuq l-importanza li l-konsumaturi jingħataw dritt għat-tiswija bħala pilastru ewlieni tal-aġenda tal-Ekonomija Ċirkolari fil-qafas tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, peress li jrawwem użu aktar effiċjenti u sostenibbli tar-riżorsi, jipprevjeni u jnaqqas l-iskart u jinkoraġġixxi l-użu u l-użu mill-ġdid estiż tal-prodotti u tal-ekonomija kollaborattiva, filwaqt li jsaħħaħ ukoll id-drittijiet u l-benesseri tal-konsumatur;
B. billi l-ittra ta' intenzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istat tal-Unjoni 2021[9] tħabbar proposta leġiżlattiva għal dritt għat-tiswija bħala waħda mill-inizjattivi ewlenin għall-2022 u billi din il-proposta għandha tiġi adottata f'koordinazzjoni mill-qrib ma' inizjattivi leġiżlattivi relatati, bħall-Inizjattiva dwar il-Prodotti Sostenibbli u l-inizjattiva "L-għoti tas-setgħa lill-konsumaturi fit-tranżizzjoni ekoloġika", li kollha għandhom l-għan li jiksbu prodotti u xejriet ta' konsum aktar sostenibbli;
C. billi l-Kummissjoni nediet konsultazzjoni pubblika sal-5 ta' April 2022 dwar il-konsum sostenibbli tal-oġġetti - il-promozzjoni tat-tiswija u l-użu mill-ġdid; billi l-Kummissjoni għandha l-għan li tipproponi Direttiva li temenda d-Direttiva dwar il-bejgħ tal-oġġetti u qed tikkunsidra li tipproponi att leġiżlattiv separat dwar id-dritt għat-tiswija;
D. billi d-Direttiva dwar il-Kontenut Diġitali u d-Direttiva dwar il-Bejgħ ta' Oġġetti fihom oqfsa komprensivi li jkopru elementi essenzjali tad-dritt kuntrattwali tal-konsumatur bħal dwar ir-rekwiżiti għall-konformità mal-kuntratt u r-rimedji disponibbli għall-konsumaturi minħabba nuqqas ta' konformità, inklużi dispożizzjonijiet dwar it-tiswija, is-sostituzzjoni, l-introduzzjoni ta' kontenut jew ta' servizzi diġitali f'konformità, it-tnaqqis fil-prezzijiet u t-terminazzjoni tal-kuntratt, kif ukoll regoli dwar il-modalitajiet ewlenin għall-eżerċitar ta' tali rimedji u dwar garanziji kummerċjali;
E. billi 79 % taċ-ċittadini tal-UE jaħsbu li l-manifatturi għandhom jintalbu jiffaċilitaw it-tiswija ta' apparati diġitali jew is-sostituzzjoni tal-partijiet individwali tagħhom; billi 77 % taċ-ċittadini tal-UE jippreferu jsewwu l-apparati tagħhom milli jissostitwixxuhom; billi n-negozji tat-tiswija jistgħu jkunu sors ta' impjiegi lokali u ta' għarfien espert speċifiku fl-Ewropa;
F. billi l-kriżi tal-COVID-19 uriet il-ħtieġa li jiġu stabbiliti mudelli kummerċjali ġodda u aktar reżiljenti u li jiġu appoġġjati n-negozji Ewropej, u b'mod partikolari l-intrapriżi żgħar u medji (SMEs), il-mikrointrapriżi u dawk li jaħdmu għal rashom;
G. billi l-għoti tad-dritt għat-tiswija lill-konsumaturi jkun strumentali biex titmexxa 'l quddiem it-tranżizzjoni industrijali tal-Ewropa u fit-tisħiħ tar-reżiljenza tagħha u fl-awtonomija strateġika miftuħa; billi l-inkoraġġiment ta' kultura ta' tiswija joffri sorsi ta' opportunitajiet ekonomiċi u soċjali f'termini ta' intraprenditorija u ta' ħolqien ta' impjiegi; billi l-prodotti sostenibbli huma ta' benefiċċju kemm għan-negozji kif ukoll għall-konsumaturi billi jagħtu spinta lid-domanda fl-oġġetti sostenibbli u l-provvista tagħhom;
H. billi għadd ta' ostakli jipprevjenu lill-konsumaturi milli jagħżlu tiswija, inkluż in-nuqqas ta' disponibbiltà ta' informazzjoni, in-nuqqas ta' aċċess għall-parts tal-bdil, in-nuqqas ta' standardizzazzjoni u interoperabbiltà, jew ostakli tekniċi oħra, u l-ispejjeż tat-tiswija;
I. billi l-e-skart huwa l-fluss tal-iskart li qed jikber l-aktar malajr fid-dinja, b'aktar minn 53 miljun tunnellata ta' skart elettroniku mormi fl-2019;
1. Jenfasizza li dritt effettiv għat-tiswija għandu jindirizza aspetti taċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodott u jiġi indirizzat minn oqsma ta' politika interkonnessi differenti, inkluż id-disinn tal-prodott, il-prinċipji etiċi ewlenin tal-produzzjoni, l-istandardizzazzjoni, l-informazzjoni għall-konsumatur, inkluż it-tikkettar dwar il-possibbiltà ta' tiswija, u dwar il-ħajja tal-prodott fejn possibbli u xieraq, id-drittijiet u l-garanziji tal-konsumatur, u l-akkwist pubbliku;
2. Jenfasizza li l-inizjattiva dwar id-dritt għat-tiswija trid tkun proporzjonata, ibbażata fuq l-evidenza u kosteffiċjenti, u tibbilanċja l-prinċipji tas-sostenibbiltà, tal-protezzjoni tal-konsumatur u ta' ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna sabiex il-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha jħaddnu l-opportunitajiet inerenti għat-tranżizzjoni ekoloġika;
3. Jenfasizza li dritt effettiv għat-tiswija għandu joħloq vantaġġi kompetittivi sinifikanti għan-negozji Ewropej filwaqt li jżomm lura milli jpoġġi kwalunkwe forma ta' piż finanzjarju sproporzjonat fuqhom, u għandu jispira l-innovazzjoni u jħeġġeġ l-investiment f'teknoloġiji sostenibbli, filwaqt li jqis l-iżviluppi tas-suq u l-ħtiġijiet li qed jevolvu tal-konsumaturi;
Id-disinn ta' prodotti li jdumu aktar u li jistgħu jissewwew
4. Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tadotta Inizjattiva dwar il-Prodotti Sostenibbli li tirrevedi d-Direttiva dwar l-Ekodisinn u li twessa' l-kamp ta' applikazzjoni tagħha lil hinn mill-prodotti relatati mal-enerġija;
5. Ifakkar li l-manifattura ta' prodotti konformi, sostenibbli u sikuri hija vantaġġ ewlieni tas-suq uniku tal-UE li hija ta' benefiċċju kemm għall-konsumaturi kif ukoll għan-negozji; jistieden lill-Kummissjoni tirrikjedi li l-manifatturi jiddisinjaw il-prodotti tagħhom b'tali mod li jdumu aktar, ikunu jistgħu jissewwew b'mod sikur u l-partijiet tagħhom ikunu jistgħu jiġu aċċessati u mneħħija faċilment;
6. Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi żgurat aċċess aħjar mill-utenti finali u mill-fornituri indipendenti tas-servizzi ta' tiswija għall-parts tal-bdil u għall-manwali tal-istruzzjonijiet fi żmien raġonevoli u bi spiża raġonevoli, għal perjodu li jikkorrispondi għat-tul ta' ħajja mistenni tal-prodott;
7. Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra r-rekwiżiti tad-durabbiltà u tat-tiswija f'Direttiva futura dwar l-Ekodisinn b'kamp ta' applikazzjoni usa'; jissottolinja l-ħtieġa li jiġu analizzati bir-reqqa r-rekwiżiti prodott bi prodott biex jiġi żgurat li jintgħażel l-aktar rekwiżit adatt għall-iskop, filwaqt li jiġi nnotat pereżempju li għal xi prodotti d-disinn modulari se jagħmel it-tiswijiet aktar faċli u jtawwal il-ħajja tal-prodott, filwaqt li għal prodotti oħrajn id-disinn modulari jew l-obbligu li tiġi żgurata t-tiswija jistgħu jikkompromettu d-durabbiltà;
8. Jenfasizza li fl-2019 ġew adottati għadd ta' miżuri ta' implimentazzjoni skont id-Direttiva dwar l-Ekodisinn li jintroduċu perjodu obbligatorju għall-forniment ta' parts tal-bdil u żminijiet massimi għall-konsenja, kif ukoll rekwiżiti tad-disinn dwar iż-żarmar/l-assemblaġġ tal-komponenti; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, testendi l-kamp ta' applikazzjoni ta' tali miżuri għal kategoriji oħra ta' prodotti, inklużi prodotti mhux relatati mal-enerġija, filwaqt li tqis l-ispeċifiċitajiet tagħhom;
9. Ifakkar li l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni għall-atturi kollha fis-settur tat-tiswija huwa kruċjali biex il-konsumaturi jingħataw aċċess akbar għas-servizzi ta' tiswija; jinsisti għalhekk li "dritt għat-tiswija" xieraq għandu jipprovdi lill-atturi fl-industrija tat-tiswija, inklużi s-sewwejja indipendenti, u lill-konsumaturi b'aċċess għall-informazzjoni meħtieġa dwar it-tiswija u l-manutenzjoni mingħajr ħlas, inkluża informazzjoni dwar għodod dijanjostiċi, parts tal-bdil, software u aġġornamenti, meħtieġa biex jitwettqu tiswijiet u manutenzjoni; ifakkar fl-importanza ta' ambjent tan-negozju innovattiv u r-rispett għas-sigrieti tal-mestier;
10. Jenfasizza li l-oġġetti b'elementi diġitali jirrikjedu attenzjoni speċjali; jisħaq b'mod partikolari li l-aġġornamenti tas-software għandhom ikunu disponibbli għal perjodu minimu f'konformità mad-Direttiva dwar il-Kontenut Diġitali; jinsisti li l-konsumaturi għandhom ikunu infurmati bis-sħiħ dwar id-disponibbiltà ta' aġġornamenti fil-ħin tax-xiri; iżid jgħid li l-aġġornamenti tal-funzjonalità għandhom ikunu riversibbli u ma jwasslux għal tnaqqis fil-prestazzjoni; jinnota li l-prattiki li jillimitaw bla bżonn id-dritt għat-tiswija jew li jwasslu għall-obsolexxenza jistgħu jitqiesu bħala prattiki kummerċjali żleali u għalhekk jiżdiedu mal-Anness I tad-Direttiva dwar il-Prattiki Kummerċjali Żleali;
L-għoti tas-setgħa lill-konsumaturi biex jagħżlu prodotti li jissewwew
11. Huwa tal-fehma li t-titjib tal-informazzjoni għall-konsumatur dwar il-possibbiltà ta' tiswija tal-prodotti huwa kruċjali biex il-konsumaturi jkunu jistgħu jkollhom rwol aktar attiv fl-ekonomija ċirkolari; iqis li informazzjoni mtejba għall-konsumatur tippermetti lill-konsumaturi jieħdu deċiżjonijiet infurmati aħjar dwar ix-xiri, li jistgħu jixprunaw is-suq lejn prodotti b'possibbiltà akbar ta' tiswija; jilqa' għalhekk l-inizjattiva mħabbra tal-Kummissjoni dwar l-għoti tas-setgħa lill-konsumaturi fit-tranżizzjoni ekoloġika;
12. Jissottolinja li l-konsumaturi għandhom jirċievu informazzjoni affidabbli, ċara u li tinftiehem faċilment fil-punt tal-bejgħ dwar id-durabbiltà u l-possibbiltà ta' tiswija ta' prodott, biex tgħinhom iqabblu u jidentifikaw l-aktar prodotti sostenibbli disponibbli fis-suq; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi regoli armonizzati għal tali informazzjoni għall-konsumatur, inkluż, fost informazzjoni oħra, punteġġi ta' tiswija, informazzjoni dwar it-tul ta' ħajja stmat, informazzjoni dwar il-parts tal-bdil, informazzjoni dwar is-servizzi ta' tiswija u l-perjodu li matulu l-aġġornamenti tas-software jkunu disponibbli fil-każ ta' oġġetti b'elementi diġitali, filwaqt li jitqiesu l-imperattivi tas-sikurezza tal-konsumatur; jinnota li, sabiex tkun utli, tali informazzjoni għandha ssir disponibbli fil-ħin tax-xiri;
13. Jitlob lill-Kummissjoni, barra minn hekk, tiżgura li l-informazzjoni dwar il-prodott tkun ibbażata fuq kejl standardizzat, pereżempju għad-durabbiltà, u tibda l-iżvilupp ta' standards fejn dawn ma jeżistux;
14. Jenfasizza r-rwol ewlieni tal-ekotikketta tal-UE fit-tħeġġiġ tal-adozzjoni mill-industrija tal-politiki tat-tikkettar li jwasslu informazzjoni ewlenija lill-konsumaturi dwar il-ħajja tal-oġġetti, filwaqt li jiġu bbilanċjati l-obbligi fuq il-kumpaniji b'inċentivi kummerċjali pożittivi b'saħħithom biex tinbena l-fiduċja tal-konsumatur; jinnota, madankollu, li din l-iskema ta' tikkettar hija biss volontarja;
15. Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-proposta ta' rekwiżiti għall-manifatturi biex jistabbilixxu mezzi ta' tikkettar intelliġenti bħall-kodiċijiet QR u l-passaporti diġitali tal-prodotti fil-leġiżlazzjoni l-ġdida kollha dwar il-prodotti u fir-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Ekodisinn; jitlob li jiġi żgurat bilanċ fl-iżvilupp ta' inizjattivi bħall-"passaport tal-prodotti" diġitali Ewropew permezz ta' kooperazzjoni mill-qrib mal-industrija u mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, filwaqt li jitqies b'mod partikolari l-prinċipju tal-proporzjonalità u tingħata attenzjoni speċjali biex jitqiesu l-ħtiġijiet tal-SMEs;
16. Jinsisti li l-konsumaturi li jixtru prodotti online għandhom jirċievu livell simili ta' informazzjoni għal dawk li jixtru offline u li l-Istati Membri għandhom jimmonitorjaw u jinfurzaw li l-bejjiegħa online jinkludu l-informazzjoni meħtieġa fuq is-siti web tagħhom u meta joffru l-prodotti tagħhom fis-swieq online;
17. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq proposta leġiżlattiva biex tinkoraġġixxi l-adozzjoni ta' akkwist pubbliku ekoloġiku; iqis li prodotti użati mill-ġdid, imsewwija, manifatturati mill-ġdid, irranġati u prodotti u soluzzjonijiet oħra effiċjenti fl-użu tar-riżorsi li jimminimizzaw l-impatti ambjentali tal-prodotti u s-soluzzjonijiet tul iċ-ċiklu ta' ħajja tagħhom u l-għażla prestabbilita fl-akkwist pubbliku, f'konformità mal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, u jekk dawn ma jkunux ippreferuti, għandu japplika l-prinċipju "ikkonforma jew spjega";
18. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet nazzjonali jassistu u jipprovdu appoġġ finanzjarju lill-awtoritajiet, il-kumpaniji u l-assoċjazzjonijiet lokali u reġjonali biex iwettqu kampanji ta' sensibilizzazzjoni għall-konsumaturi dwar l-estensjoni tat-tul ta' ħajja tal-prodotti, b'mod partikolari billi jipprovdu informazzjoni ċara u affidabbli, pariri u servizzi bħal manutenzjoni, tiswija u użu mill-ġdid;
19. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw inċentivi finanzjarji għas-servizzi ta' tiswija biex jagħmlu t-tiswijiet konvenjenti u attraenti għall-konsumaturi;
It-tisħiħ tad-drittijiet tal-konsumatur u l-garanziji għal użu aktar fit-tul tal-oġġetti
20. Jenfasizza li l-konsumaturi Ewropej jista' jkollhom l-oġġetti tagħhom imsewwija jew il-kontenut u s-servizzi diġitali li jinġiebu f'konformità skont id-Direttiva dwar il-Bejgħ ta' Oġġetti u d-Direttiva dwar il-Kontenut Diġitali; jisħaq li filwaqt li l-konsumaturi għandhom id-dritt li jagħżlu bejn it-tiswija u s-sostituzzjoni għal oġġetti difettużi skont id-Direttiva dwar il-Bejgħ ta' Oġġetti, it-tiswija tista' f'ħafna każijiet tkun għażla aktar effiċjenti fir-riżorsi u newtrali għall-klima; jinnota li l-konsumaturi fil-prattika normalment jippreferu s-sostituzzjoni mit-tiswija, li tista' tkun minħabba l-ispiża għolja tat-tiswija; jisħaq li s-sostituzzjoni tal-prodott għandha tibqa' alternattiva jekk konsumatur u bejjiegħ jaqblu dwar dan, peress li t-tiswija tista' tieħu wisq ħin;
21. Jitlob lill-Kummissjoni, għalhekk, tipproponi fl-inizjattiva tagħha dwar id-dritt għat-tiswija firxa ta' miżuri bil-għan li tippromwovi u tħeġġeġ lill-konsumaturi, lill-produtturi u lill-kummerċjanti biex jagħżlu li jsewwu minflok jibdlu; jissottolinja li meta tipproponi miżuri bħal dawn, il-Kummissjoni għandha dejjem tqis l-ogħla livell possibbli ta' protezzjoni tal-konsumatur u ta' benesseri tal-konsumatur;
22. Jinnota li r-rieżami li jmiss tad-Direttiva dwar il-Bejgħ ta' Oġġetti jista', fost l-oħrajn, jinkludi miżuri li għandhom l-għan li jinkoraġġixxu lill-konsumaturi jagħżlu li jsewwu minflok jibdlu, bħall-obbligu li jipprevedu prodott ta' sostituzzjoni waqt li jkunu qed jissewwew ċerti prodotti; iqis li sabiex tiġi mħeġġa t-tiswija tal-prodott, għandhom jiġu offruti ċerti inċentivi lill-konsumaturi li jagħżlu li jsewwu minflok jibdlu; iqis li garanzija estiża tista' tipprovdi inċentiv biex tintgħażel it-tiswija minflok is-sostituzzjoni; iżid jgħid li l-bejjiegħa għandhom dejjem jinfurmaw lill-konsumaturi dwar l-għażliet kollha disponibbli għalihom b'mod ugwali, inklużi d-drittijiet għat-tiswija u ta' garanzija relatati;
23. Jistieden lill-Kummissjoni tistudja l-fattibbiltà tal-introduzzjoni ta' mekkaniżmu konġunt ta' responsabbiltà bejn il-manifatturi u l-bejjiegħa fil-każ ta' nuqqas ta' konformità tal-prodott;
24. Jinnota li l-qafas legali attwali skont id-Direttiva dwar il-Bejgħ ta' Oġġetti jipprevedi perjodu minimu ta' responsabbiltà ta' sentejn biss għal oġġetti difettużi u jħeġġeġ lill-Istati Membri jestenduh; jissottolinja li din hija regola ta' armonizzazzjoni minima u li għadd limitat biss ta' Stati Membri jmorru lil hinn minn dak il-perjodu; jemmen għalhekk li r-rieżami tad-Direttiva dwar il-Bejgħ ta' Oġġetti għandu jipproponi wkoll l-estensjoni tal-garanzija legali lil hinn minn sentejn għal xi kategoriji ta' prodotti; jinnota wkoll l-importanza ta' armonizzazzjoni sħiħa tal-perjodu ta' garanzija legali;
25. Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta sa liema punt jista' jiġi propost id-dritt għat-tiswija sabiex l-operaturi tas-suq ikunu jistgħu joffru aċċess faċli u bi prezz raġonevoli għat-tiswijiet anke lil hinn mill-perjodu ta' garanzija;
26. Jisħaq li kwalunkwe proposta għandha tkun akkumpanjata minn valutazzjoni tal-impatt xierqa li tinkludi l-analiżijiet xierqa tal-ispejjeż u l-benefiċċji kemm għall-konsumaturi kif ukoll għan-negozji, tqabbil tal-aħjar prattiki fil-livell nazzjonali u ma' pajjiżi mhux tal-UE u l-impatt kwantifikat fuq il-benesseri ġenerali tal-konsumatur, l-ambjent u n-negozji, inklużi l-SMEs, fost aspetti oħra; jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi informazzjoni dwar l-ispejjeż tat-tiswijiet għall-kumpaniji tal-UE fis-suq uniku; jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi pprovduta l-informazzjoni rilevanti kollha u li jiġu proposti wkoll indikaturi kwantifikabbli sabiex jitkejjel l-impatt ta' kwalunkwe leġiżlazzjoni futura;
27. Ifakkar li bħalissa ma hemm l-ebda regola speċifika għat-tiswija ta' oġġetti manifatturati mill-ġdid jew irranġati; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi miżuri li jippremjaw lin-negozjanti talli jipprovdu possibbiltajiet ta' tiswija għal oġġetti manifatturati mill-ġdid jew irranġati sabiex tiżdied il-fiduċja tal-konsumatur; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra tagħmir bħall-miters tal-użu u tipprojbixxi l-qerda ta' oġġetti mhux mibjugħa biex tiffaċilita l-użu mill-ġdid u t-tiswija tal-prodotti;
°
° °
28. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
- [1] ĠU L 136, 22.5.2019, p. 28.
- [2] ĠU L 136, 22.5.2019, p. 1.
- [3] ĠU L 285, 31.10.2009, p. 10.
- [4] ĠU L 149, 11.6.2005, p. 22.
- [5] ĠU C 425, 20.10.2021, p. 10.
- [6] Testi adottati, P9_TA(2021)0040.
- [7] ĠU C 334, 19.9.2018, p. 60.
- [8] Riżoluzzjoni tal-25 ta' Novembru 2020 "Lejn suq uniku aktar sostenibbli għall-impriżi u l-konsumaturi"; ir-riżoluzzjoni tal-10 ta' Frar 2021 dwar il-Pjan ta' Azzjoni ġdid għall-Ekonomija Ċirkolari.
- [9] Il-Kummissjoni Ewropea, Ittra ta' Intenzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istat tal-Unjoni 2021, 15 ta' Settembru 2021.