MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fl-Afganistan, b'mod partikolari s-sitwazzjoni tad-drittijiet tan-nisa
5.4.2022 - (2022/2571(RSP))
skont ir-Regola 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Mick Wallace, Clare Daly
f'isem il-Grupp tax-Xellug
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0198/2022
B9‑0198/2022
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Afganistan, b'mod partikolari s-sitwazzjoni tad-drittijiet tan-nisa
Il-Parlament Ewropew,
− wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,
− wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,
− wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,
− wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali,
− wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal,
− wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU Kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti Oħra,
− wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1998,
− wara li kkunsidra r-Rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar il-Vjolenza Sesswali b'rabta mal-Konflitti, tad-29 ta' Marzu 2021,
− wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' Michelle Bachelet, il-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, fil-31 Sessjoni Speċjali tal-Kunsill għad-Drittijiet tal-Bniedem,
− wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2593(2021) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU,
− wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2131 (xx) tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti bit-titolu Dikjarazzjoni dwar l-Inammissibbiltà tal-Intervent fl-Affarijiet Interni tal-Istati u l-Protezzjoni tal-Indipendenza u s-Sovranità tagħhom,
− wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1514 (xv) tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti bit-titolu Dikjarazzjoni dwar l-Għoti tal-Indipendenza lill-Pajjiżi u lill-Popli Kolonjali,
− wara li kkunsidra l-Istħarriġ dwar l-Oppju tal-Afganistan tal-2020 ippubblikat b'mod konġunt mill-Awtorità Nazzjonali tal-Istatistika u tal-Informazzjoni tal-Afganistan u mill-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-Droga u l-Kriminalità f'April 2021,
− wara li kkunsidra l-laqgħa informali tal-ministri għall-affarijiet barranin tal-UE (Gymnich) tat-2 u t-3 ta' Settembru 2021,
− wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi ta' kuljum huwa rrappurtat ksur tad-drittijiet tal-bniedem ipperpetwat mir-reġim Taliban fl-Afganistan u jinkludi l-arrest, id-detenzjoni, il-ħtif, it-tortura, it-theddid, l-estorsjoni, il-qtil, u l-attakki fuq id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-membri tal-familja tagħhom; billi għad hemm nuqqas totali ta' obbligu ta' rendikont għall-ksur kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem inkluż il-ħtif, id-detenzjoni incommunicado, ir-raids u l-qtil; billi dan kien xkiel anke qabel il-qbid ta' Kabul mit-Talibani;
B. billi qed isiru tfittxijiet mifruxa dar b'dar u raids fid-dar taħt l-operazzjoni tal-awtoritajiet de facto biex jinqabdu l-avversarji politiċi tagħhom, eks membri tal-forzi tad-Difiża u attivisti tad-drittijiet tal-bniedem[1];
C. billi hemm sensazzjoni ta' impunità għall-awtoritajiet f'Kabul għal attakki kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, li ħafna minnhom mhumiex irrappurtati pubblikament; billi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem inklużi d-difensuri nisa tad-drittijiet tal-bniedem u d-dimostranti nisa u l-membri tal-familja tagħhom ġew maħtufa, bl-ebda informazzjoni kondiviża dwar fejn jinsabu minkejja t-talbiet ripetuti mill-gruppi nazzjonali u internazzjonali tad-drittijiet biex dawn jiġu rilaxxati; billi n-nisa detenuti/maħtufa aktar tard instabu li kienu f'kustodja mit-Talibani, u xi nisa ġew imġiegħla joħorġu vidjows pubbliċi u/jew "konfessjonijiet" taħt pressjoni rigward ix-xogħol u l-attiviżmu tagħhom fejn jidħlu d-drittijiet tal-bniedem; billi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jinħelsu mill-kustodja u l-familji tagħhom jibqgħu jibżgħu għal ħajjithom u għas-sikurezza tagħhom; billi t-Talibani jeħtiġilhom jinżammu taħt pressjoni biex iżommu l-impenji dwar il-ksur u l-obbligu ta' rendikont għal rappreżalji u reati;
D. billi hemm nuqqas assolut ta' ġustizzja jew kull forma ta' ġustizzja ta' rimedju għal dawk affettwati mill-Istat li kkommettew vjolenza u s-sentiment ġenerali ta' impunità huwa diżastruż għas-soċjetà;
E. billi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem kienu soġġetti għal sorveljanza fiżika, raids ripetuti fuq id-djar u l-uffiċċji tagħhom, u kienu sfurzati li jgħaddu tagħmir inkluż mobiles u kompjuters lit-Talibani; billi dawn ir-raids u l-invażjoni tal-privatezza u d-data tagħhom ipperikolaw serjament is-sigurtà tad-difensuri fil-pajjiż u l-kapaċità li jaħdmu u jgħixu b'dinjità u sikurezza; billi r-raids tat-Talibani u t-tfittxijiet bieb bieb żdiedu mit-23 ta' Frar 2022 jew qribu u jservu biex ikomplu jiġu terrorizzati d-difensuri vulnerabbli tad-drittijiet tal-bniedem;
F. billi hija meħtieġa b'mod kritiku mogħdija sikura permezz tal-art jew tal-ajru 'l barra mill-Afganistan għad-difensuri kollha tad-drittijiet tal-bniedem li jfittxu li jitilqu mill-Afganistan filwaqt li jiġi żgurat li t-Talibani jżommu l-wegħda tagħhom li jippermettu lill-persuni, inklużi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, li jitilqu mingħajr ma ssirilhom l-ebda ħsara; billi mogħdijiet sikuri ta' ħruġ huma kritiċi għall-Afgani, inklużi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, peress li tali viżi umanitarji huma vitali għal dawk li qed ifittxu li jitilqu; billi bħalissa hemm nuqqas ta' ċarezza dwar min jista' jikkwalifika għal tali viżi u x'inhu l-proċess; billi għal dawk li jista' jkollhom aċċess għal viża, id-dokumenti tal-ivvjaġġar, il-viżi għal pajjiżi terzi ta' tranżitu u l-mogħdija sikura 'l barra mill-pajjiż huma ta' sfida, u għal dawk mingħajr passaporti, il-kisba sikura ta' dokument tal-ivvjaġġar fl-Afganistan tirrikjedi intervent diplomatiku;
G. billi huwa inkwetanti ħafna li l-awtoritajiet de facto ħabbru li n-nisa mingħajr kustodju raġel issa jistgħu jivvjaġġaw biss sa 72 km mid-dar tagħhom; billi dan se jaffettwa saħansitra aktar lid-difensuri u l-attivisti nisa tad-drittijiet tal-bniedem li jkunu qegħdin ifittxu s-sikurezza;
H. billi l-kelliem tat-Talibani, Zabihullah Mujahid, ħabbar li nisa li ma għandhomx sħab irġiel ma jistgħux jivvjaġġaw barra mill-pajjiż mingħajr ma jkollhom skuża legali tajba; billi dan jillimita kwalunkwe mod ta' passaġġ sikur għall-attivisti nisa li qed jippruvaw jitilqu mill-pajjiż;
I. billi hemm ħtieġa urġenti li tiġi rreġistrata u ppreservata l-evidenza dwar l-atti ta' vjolenza mwettqa fuq in-nisa u l-bniet Afgani;
J. billi n-nisa u l-bniet Afgani jeħtieġu għajnuna urġenti fil-ħtiġijiet bażiċi tagħhom bħall-ikel, il-kenn u l-aċċess għall-edukazzjoni u l-fornituri tal-kura tas-saħħa medika;
K. billi t-Talibani ppreżentaw il-gvern tagħhom bħala gvern provviżorju iżda ma indikawx sa meta; billi dan il-gvern huwa magħmul biss minn irġiel u ma jirrappreżentax il-bosta gruppi etniċi tal-pajjiżi;
L. billi mhuwiex ċar għal min u dwar xiex l-Unjoni Ewropea hija impenjata matul it-taħditiet diplomatiċi tagħha dwar il-futur tal-Afganistan f'Doha u f'postijiet oħra;
M. billi l-Parlament Ewropew ma kienx mistieden jieħu sehem fil-Forum tal-Mexxejja Nisa Afgani fl-10 ta' Marzu 2021 li nieda djalogu strutturat dwar ir-rwol tan-nisa fid-diskussjonijiet li għaddejjin dwar l-Afganistan;
N. billi gruppi vulnerabbli bħal persuni li jappartjenu lill-komunità LGBTI ma jingħatawx prijorità fl-evakwazzjoni u fil-passaġġi sikuri; billi t-Talibani għandhom reputazzjoni magħrufa ta' tħaġġir u qtil ta' rġiel omosesswali u persuni transġeneri;
O. billi d-difensuri nisa tad-drittijiet tal-bniedem ġew affettwati b'mod speċjali u jinsabu f'periklu abbażi ta' politiki li jimmiraw u jirrestrinġu lin-nisa, u t-theddida ta' rappreżalji vjolenti kontrihom u kontra l-familji tagħhom bħala kastig talli tkellmu kontra politiki u ksur rigressivi; billi d-difensuri nisa tad-drittijiet tal-bniedem u l-attivisti soċjali nisa jeħtiġilhom jingħataw prijorità u jinstemgħu fir-reazzjonijiet kollha għall-kriżi tad-drittijiet tal-bniedem u dik umanitarja li qed tiffaċċja l-Afganistan;
P. billi l-istrateġija ddikjarata tal-Istati Uniti u l-alleati tagħhom li "jiġġieldu t-terroriżmu" u jimponu l-kunċett tagħhom ta' "bini tan-nazzjon" fuq l-Afganistan falliet; billi d-deċennji ta' kunflitt u gwerra kkawżaw telf kbir ta' ħajja, spostament massiv, tbatija umana estensiva u ħsara serja għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali fl-Afganistan; billi l-20 sena ta' okkupazzjoni tal-Istati Uniti u n-NATO rriżultat fil-proliferazzjoni tal-kummerċ tad-drogi, it-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-kmandanti tal-gwerra u l-milizzji armati u militarizzazzjoni ġenerali tas-soċjetà; billi l-Afganistan ġie kklassifikat it-tieni l-inqas pajjiż sikur fid-dinja fl-Indiċi Globali tal-Paċi 2020; billi fl-2019, l-Afganistan ġie identifikat bħala l-aktar pajjiż ibbombardjat bid-droni fid-dinja; billi l-indħil barrani u l-intervent militari kkontribwew għall-emerġenza mill-ġdid tat-Talibani u għall-appoġġ popolari ta' partijiet tal-poplu Afgan għalihom;
Q. billi 20 sena wara l-intervent illegali tal-Istati Uniti u n-NATO u minkejja l-isforzi mwettqa favur il-bini tal-istat, l-Afganistan għadu wieħed mill-ifqar pajjiżi fid-dinja, fejn l-għajnuna għall-iżvilupp tammonta għal madwar 40 % tal-prodott domestiku gross tal-pajjiż; billi aktar minn nofs l-Afgani jgħixu fil-faqar u 39 % tal-popolazzjoni tgħix f'faqar estrem; billi l-produzzjoni u l-kummerċ illeċiti tal-oppju reġgħu tfaċċaw u pproliferaw matul l-20 sena ta' okkupazzjoni tal-Istati Uniti u n-NATO;
R. billi l-okkupazzjoni tal-Afganistan intużat bħala operazzjoni effettiva ta' ħasil tal-flus, li tiffaċilita t-trasferiment massiv ta' ġid minn kontribwenti fil-pajjiżi parteċipanti għal kuntratturi militari privati u manifatturi ta' armi; billi l-Proġett Cost of War tal-Università Brown stima li matul il-perjodu 2002-2021, l-esternalizzazzjoni militari waslet biex l-infiq fid-Dipartiment tad-Difiża tal-Istati Uniti jilħaq l-EUR 14-il triljun, li minnhom bejn terz u nofs marru għall-kuntratturi, b'USD 2.1 triljun imorru għall-aqwa ħames kumpaniji tad-difiża - Raytheon, Lockheed Martin, General Dynamics, Boeing u Northrop Grumman;
S. billi kien hemm nuqqas totali ta' ġustizzja tranżitorja u kull miżura oħra implimentata sabiex tirrimedja l-konsegwenzi tal-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem ta' dawn l-aħħar għoxrin sena;
T. billi fil-11 ta' Frar 2022 l-Amministrazzjoni tal-Istati Uniti ħarġet ordni eżekuttiva li tinvoka setgħat ta' emerġenza biex jiġu kkonsolidati u ffriżati l-USD 7 biljun kollha tal-assi totali li l-bank ċentrali Afgan żamm fi New York; billi nofs dawn il-flus ġew trasferiti f'fond għall-vittmi tal-attakki tal-11 ta' Settembru; billi din id-deċiżjoni unilaterali rċeviet kritika mifruxa mill-komunità politika u legali;
U. billi ċerti sezzjonijiet tal-popolazzjoni Afgana għadhom f'riskju ta' rappreżalji ulterjuri hekk kif it-Talibani qed jikkonsolidaw it-tmexxija tagħhom: billi skont il-Missjoni ta' Assistenza tan-NU fl-Afganistan (UNAMA) u l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR), bejn l-1 ta' Jannar u t-30 ta' Ġunju 2021 kien hemm 5 183 vittma ċivili (1 659 li sfaw maqtula u 3 524 li sfaw feruti); billi l-għadd totali ta' persuni ċivili li sfaw maqtula u midruba żdied b'47 % meta mqabbel mal-ewwel nofs tal-2020; billi hemm rapporti li persuni ċivili f'żoni maqbuda mit-Talibani ħabbtu wiċċhom ma' eżekuzzjonijiet sommarji, serq u ħruq ta' djar u għajbien sfurzat; billi l-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem kontra n-nisa u l-bniet, inklużi ż-żwieġ furzat u r-restrizzjonijiet stretti fuq il-libertà ta' moviment huma komuni;
V. billi anke qabel ma t-Talibani ħadu l-poter f'idejhom, huwa stmat li 87 % tan-nisa Afgani kienu qed isofru minn vjolenza relatata mal-ġeneru; billi l-Afganistan jinsab fil-153 post minn 189 pajjiż fl-Indiċi tal-Inugwaljanza bejn is-Sessi tan-NU tal-2019; billi skont id-data, 62 % tan-nisa Afgani esperjenzaw diversi forom ta' vjolenza, jiġifieri kważi tliet darbiet il-medja globali – liema medja diġà hija meqjusa eċċezzjonalment għolja; billi l-impunità għal dawk li jwettqu vjolenza bbażata fuq il-ġeneru għadha tippersisti; billi l-Missjoni ta' Assistenza tan-NU fl-Afganistan (UNAMA) irrappurtat li anke każijiet ta' qtil u stupru spiss qatt ma jitressqu l-qorti;
W. billi b'żieda fil-kunflitt u l-insigurtà, huma t-tfal, dawk li huma l-inqas responsabbli għall-kriżi fl-Afganistan, li ħallsu l-ogħla prezz: billi ħafna sfaw imġiegħla jitilqu minn djarhom, maqtugħin mill-iskejjel u mill-ħbieb tagħhom, u mċaħħda mis-servizzi bażiċi assoċjati ma' governanza funzjonali u mir-rekwiżiti minimi ta' kwalità tal-ħajja;
X. billi n-nisa u l-bniet fl-Afganistan huma affettwati b'mod sproporzjonat mill-konsegwenzi tal-konflitt, flimkien ma' nixfa u l-ekonomija li qed tikkollassa, li daħħlet lil miljuni ta' persuni fl-Afganistan f'dejn u fi ħtieġa umanitarja;
Y. billi l-parteċipazzjoni u r-rappreżentanza b'mod sħiħ u ugwali tan-nisa u l-bniet Afgani fl-oqsma kollha tal-ħajja pubblika huma kritiċi għall-futur tal-Afganistan;
Z. billi minbarra l-kriżi politika u ta' sigurtà, l-Afganistan qed jiffaċċja nixfa qawwija, il-COVID-19, il-prospett ta' ħsad ħażin ieħor din is-sena, kriżi bankarja u finanzjarja tant gravi li ħalliet lil aktar minn 80 fil-mija tal-popolazzjoni tiffaċċja d-dejn, u żieda fil-prezzijiet tal-ikel u tal-fjuwil;
AA. billi skont in-Nazzjonijiet Uniti, sal-31 ta' Diċembru kien hemm 3 miljun persuna spostati internament fl-Afganistan mill-konflitt; billi hemm 24 miljun persuna fl-Afganistan li jeħtieġu għajnuna umanitarja vitali; billi 5.7 miljun Afgan u Afgana huma ospitati f'ħames pajjiżi ġirien li jeħtieġu appoġġ; billi skont l-Uffiċċju tan-NU għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji, bejn l-1 ta' Jannar u l-31 ta' Lulju 2021, reġgħu ġew spostati aktar minn 546 000 Afgan, u 80 % minnhom huma nisa u tfal; billi ħafna minn dawn l-individwi jsofru minn insigurtà tal-ikel, kenn mhux adegwat, aċċess insuffiċjenti għal faċilitajiet sanitarji u tas-saħħa u nuqqas ta' protezzjoni, u billi ħafna minnhom huma tfal ikklassifikati bħala partikolarment vulnerabbli għar-riskju ta' tħaddim tat-tfal, abbuż sesswali jew reklutaġġ potenzjali għal gruppi kriminali u terroristiċi; billi minn meta ttieħdet Kabul, eluf ta' persuni ċivili Afgani ppruvaw jaħarbu mill-pajjiż fost biża' mill-konsegwenzi tal-ħakma tat-Talibani;
AB. billi l-Afgani jikkostitwixxu l-akbar popolazzjoni ta' rifuġjati fuq medda twila ta' żmien fl-Asja, u t-tieni l-akbar popolazzjoni ta' rifuġjati fid-dinja; billi l-pajjiżi ġirien, b'mod partikolari l-Iran u l-Pakistan, jospitaw il-maġġoranza tar-rifuġjati Afgani u jeħtieġu assistenza sabiex ilaħħqu mal-isfida; billi s-sanzjonijiet unilaterali kontra l-Iran ixekklu l-kapaċità tiegħu li jipprovdi rifuġju adegwat għar-rifuġjati Afgani; billi l-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati Filippo Grandi qal lill-forum ta' livell għoli tal-UE dwar l-għoti ta' protezzjoni lill-Afgani f'riskju f'Ottubru 2021 li 85 000 Afgan u Afgana f'pajjiżi terzi jeħtieġu protezzjoni matul il-ħames snin li ġejjin u li l-UE għandha tieħu nofs dak l-għadd;
AC. billi bosta persuni Afgani li qed ifittxu l-ażil fl-UE jinsabu f'sitwazzjoni ta' limbu legali li għadha mhijiex indirizzata mill-Istati Membri, minkejja s-sitwazzjoni kritika fl-Afganistan; billi n-nuqqas ta' konformità sistematika mill-Greċja mad-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Ażil fir-rigward tal-kunċett ta' pajjiż terz sikur, wassal biex il-pretensjonijiet taċ-ċittadini Afgani jiġu ddikjarati bħala inammissibbli u ġew ordnati jirritornaw lejn it-Turkija, mingħajr l-ebda prospett ta' tali riammissjoni; billi dan ifisser li ċ-ċittadini Afgani qatt ma jingħataw aċċess għal eżami tal-applikazzjonijiet tagħhom skont il-merti tagħhom, kuntrarju għall-għan tal-Konvenzjoni ta' Ġinevra u tad-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Ażil, li wasslet għall-esklużjoni ta' ħafna ċittadini Afgani mill-kundizzjonijiet ta' akkoljenza, li tirriżulta f'nuqqas ta' kapaċità li jkollhom aċċess għal livelli ta' għajxien dinjitużi u li jieħdu ħsieb il-bżonnijiet bażiċi ta' sussistenza tagħhom, inklużi l-kura tas-saħħa u l-ikel;
AD. billi l-Afganistan għandu ekonomija dgħajfa u mhux diversifikata li tiddependi mill-importazzjonijiet, anke għall-prodotti bażiċi, u l-fondi barranin; billi l-ħtif tal-poter mit-Talibani fil-15 ta' Awwissu interrompa r-relazzjoni tal-Afganistan ma' xi wħud mid-donaturi internazzjonali tiegħu u dan kompla jitfa' l-pressjoni fuq l-ekonomija fraġli tiegħu u poġġa f'riskju l-bosta servizzi pubbliċi ffinanzjati bl-għajnuna għall-iżvilupp;
AE. billi l-Afganistan qed jiffaċċja kollass ekonomiku kbir; billi l-prezzijiet għal ikel u affarijiet essenzjali oħra għolew, anke peress li l-biċċa l-kbira tal-banek għadhom magħluqin; billi skont l-UNAMA, perċentwal xokkanti ta' 95 % tal-Afgani mhumiex qed jieklu biżżejjed, bl-għadd jiżdied għal kważi 100 % fil-familji b'mara bħala l-kap tagħhom; billi s-sigurtà tal-ikel u l-malnutrizzjoni jibqgħu f'livelli għoljin storiċi; billi f'Diċembru 2020, il-Fond tan-NU għat-Tfal, l-UNICEF, qal li mill-kważi seba' miljun tifel u tifla taħt l-età ta' 5 snin fl-Afganistan, huwa stmat li 3.1 miljun qed isofru malnutrizzjoni akuta; billi huwa stmat li 3.2 miljun tifel u tifla taħt l-età ta' ħames snin kienu mistennija li jbatu minn malnutrizzjoni akuta sa tmiem l-2021; billi l-UNICEF tistma li wieħed minn kull żewġt itfal taħt il-ħames snin se jsofru malnutrizzjoni akuta fl-2022 minħabba l-kriżi tal-ikel u l-aċċess batut għall-ilma, għas-sanità u għas-servizzi tal-iġjene;
AF. Minn Jannar 2022, madwar 13 000 tarbija tat-twelid mietu minħabba malnutrizzjoni u mard relatat mal-ġuħ, 95 % tal-popolazzjoni ma għandhiex biżżejjed ikel, u 3.5 miljun tifel u tifla jeħtieġu appoġġ nutrizzjonali. billi n-Nazzjonijiet Uniti sejħu s-sitwazzjoni "kriżi tal-insigurtà tal-ikel u tal-malnutrizzjoni ta' proporzjonijiet mingħajr paragun";
AG. billi d-donaturi waqqfu l-biċċa l-kbira tal-għajnuna internazzjonali lill-aġenziji u l-istituzzjonijiet governattivi tal-Afganistan ftit qabel u wara li t-Talibani ħadu l-poter f'idejhom; billi l-Bank Ċentrali tal-Afganistan, li issa jinsab taħt il-kontroll tat-Talibani, inqata' mis-sistema bankarja internazzjonali u l-aċċess għar-riżervi ta' muniti barranin tal-pajjiż; billi l-Fond Monetarju Internazzjonali, allegatament fuq talba tal-Istati Uniti, żamm lill-Afganistan milli jaċċessa kreditu u assi li kienu jinkludu madwar USD 440 miljun ta' Drittijiet Speċjali ta' Prelevament li l-bank alloka b'reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19; billi r-riżoluzzjonijiet preċedenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU li jimponu sanzjonijiet u restrizzjonijiet oħra fuq it-Talibani minħabba azzjonijiet relatati mat-terroriżmu ma jħallux li l-Bank Ċentrali tal-Afganistan jirċievi karti ġodda tal-munita Afgana, li jkunu ġew stampati fl-Ewropa;
AH. billi l-infrastruttura dgħajfa tal-kura tas-saħħa tal-Afganistan sfat mgħobbija żżejjed tant li ma setgħetx tlaħħaq meta l-COVID-19 infirxet mal-pajjiż kollu; billi fil-biċċa l-kbira tal-provinċji Afgani ma kien hemm l-ebda possibbiltà li wieħed isirlu test tal-COVID-19, u l-kampjuni kellhom jiġu trasportati lejn il-belt kapitali;
AI. billi ġew irrappurtati għadd kbir ta' każijiet ta' qerda tal-wirt kulturali;
AJ. billi minkejja li l-abbuż sesswali tat-tfal kien magħruf sew, u l-kriminalizzazzjoni tal-prattika abbużiva "bacha bazi" (subien li jisfaw abbużati sesswalment minn irġiel ikbar fl-età) fl-2018, l-awtoritajiet ftit għamlu sforz biex itemmu l-impunità u jżommu lill-awturi tar-reati responsabbli;
AK. billi t-tfal komplew jiġu rreklutati għall-ġlied, b'mod partikolari minn gruppi armati u mill-forzi tas-sigurtà Afgani – milizji favur il-gvern u pulizija lokali – u ffaċċjaw bosta abbużi, inkluż abbuż sesswali;
AL. billi, skont l-UNAMA, l-Afganistan għadu wieħed mill-aktar pajjiżi fid-dinja li fih imutu t-tfal, bil-forzi kemm favur il-gvern kif ukoll kontra l-gvern responsabbli għal aktar minn 700 tifel u tifla maqtula kull wieħed;
AM. billi skont l-UNICEF, aktar minn żewġ miljun tifla għadhom barra mill-iskola, u skont iċ-ċifri tal-gvern madwar 7 000 skola fil-pajjiż ma għandhomx bini; billi t-tħaddim tat-tfal huwa prattika komuni;
AN. billi l-kundizzjonijiet biex il-ġurnalisti, il-ħaddiema tal-media u l-attivisti jkunu jistgħu jiffunzjonaw qed isiru aktar diffiċli minħabba l-insigurtà li qed tiżdied u l-qtil immirat ta' attivisti u ġurnalisti; billi l-gvern introduċa abbozz ta' liġi dwar il-media tal-massa, li jwassal biex jiġu imposti restrizzjonijiet ulterjuri fuq id-dritt għal-libertà tal-espressjoni;
1. Jiddeplora bil-qawwa l-ħtif totali tal-pajjiż mit-Talibani, b'dak kollu li jinvolvi għas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, b' mod partikolari għan-nisa;
2. Jikkundanna t-tneħħija serja tad-drittijiet tan-nisa fl-Afganistan; jesprimi l-ammirazzjoni tiegħu għall-kuraġġ tan-nisa li jitolbu pubblikament l-aċċess għall-edukazzjoni, id-dritt li jirritornaw għax-xogħol u rwol fil-governanza tal-pajjiż u jesprimi wkoll is-solidarjetà tiegħu magħhom;
3. Jikkundanna l-konsegwenzi diżastrużi tad-deċennji ta' intervent internazzjonali u okkupazzjonijiet illegali, inkluż min-NATO, li wasslu lill-Afganistan għaċ-ċirkostanzi attwali tiegħu;
4. Jikkundanna bil-qawwa d-deċiżjoni tal-awtoritajiet de facto li jtawlu l-projbizzjoni tagħhom fuq l-edukazzjoni tan-nisa 'l fuq mis-sitt sena fl-iskola; jisħaq li t-tmiem ta' din il-projbizzjoni kienet wegħda li saret lill-poplu Afgan u l-aktar importanti lill-bniet Afgani;
5. Jinnota li l-Istati Uniti temmew it-taħditiet diplomatiċi tagħhom mat-Talibani minħabba din id-deċiżjoni li tiġi estiża l-projbizzjoni fuq l-edukazzjoni tan-nisa;
6. Jemmen li l-UE jeħtiġilha tagħmel l-almu tagħha biex twaqqaf il-kriżi umanitarja qawwija inkluż permezz ta' inizjattivi diplomatiċi, bl-involviment tal-partijiet interessati u l-awtoritajiet kollha;
7. Jisħaq li l-aċċess għall-edukazzjoni għal kulħadd huwa l-uniku mod kif tinkiseb l-indipendenza soċjali u ekonomika;
8. Jesprimi tħassib profond rigward in-nuqqas ta' drittijiet politiċi tan-nisa Afgani fil-kuntest attwali; jenfasizza li dawn id-drittijiet iridu jkunu fil-qalba ta' kwalunkwe tip ta' konverżazzjoni mal-awtoritajiet de facto u jħeġġeġ lill-UE tinkludi n-nisa f'pożizzjonijiet ewlenin f'dawn il-konverżazzjonijiet;
9. Jikkundanna l-battalji li għaddejjin bejn it-Talibani u l-forzi tal-milizzja fil-pajjiż; iħeġġeġ lill-partijiet kollha jċedu l-armi u jidħlu f'taħditiet ta' paċi biex jevitaw aktar tixrid ta' demm u jiftħu triq għar-rikonċiljazzjoni u l-paċi fil-pajjiż;
10. Jisħaq li l-Kabinett ippreżentat mit-Talibani mhuwiex demokratiku u mhux rappreżentattiv; dan ma jirrappreżentax id-diversità politika etika, soċjali u tal-ġeneru tas-soċjetà Afgana u l-prospetti għal paċi dejjiema fl-Afganistan;
11. Jisħaq li l-Afgani jridu l-paċi; jissottolinja li ordni kostituzzjonali ġdid li jinkludi d-demokrazija, il-libertajiet personali, il-media ħielsa u d-drittijiet tan-nisa jista' jirriżulta biss minn dibattitu inklużiv fil-pajjiż kollu mingħajr indħil barrani;
12. Jappoġġja lid-difensuri kollha tad-drittijiet tal-bniedem fl-Afganistan li għadhom iwettqu l-ħidma leġittima u paċifika tagħhom dwar id-drittijiet tal-bniedem, minkejja li jaħdmu f'wieħed mill-aktar ambjenti perikolużi fid-dinja;
13. Jissottolinja li tmiem sostenibbli tal-konflitti fl-Afganistan jista' jinkiseb biss permezz ta' proċess ta' paċi u rikonċiljazzjoni inklużiv, ġust u dejjiemi mmexxi mill-Afgani u li jappartjeni lill-Afgani, bil-parteċipazzjoni sħiħa u sinifikattiva tal-Afgani kollha, b'mod partikolari n-nisa, il-persuni li jappartjenu għal komunitajiet etniċi u reliġjużi, il-firxa sħiħa tas-soċjetà ċivili u l-partijiet kollha fil-konflitt; jirrikonoxxi r-rwol u l-isforzi tan-NU u tas-sħab reġjonali fl-iffaċilitar ta' proċess ta' paċi u rikonċiljazzjoni inklużiv fl-Afganistan; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappoġġjaw dan il-proċess;
14. Jesprimi tħassib dwar is-sitwazzjoni tal-ġurnalisti u dwar ir-rapporti ta' detenzjoni ta' ġurnalisti fl-Afganistan u l-użu tal-vjolenza fil-konfront tagħhom; ifakkar fil-wegħdiet tat-Talibani li l-media indipendenti tal-Afganistan titħalla tkompli topera b'mod ħieles u sikur; iħeġġeġ lit-Talibani jonoraw dawk il-wegħdiet, jieqfu jsawtu u jżommu lill-ġurnalisti milli jagħmlu xogħolhom, u jħallu lill-media taħdem liberament mingħajr biża' ta' rappreżalji;
15. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet de facto jinvestigaw b'mod urġenti l-ħtif ta' Alia Azizi, uffiċjal għoli tal-ħabs mara li ilha nieqsa għal aktar minn tliet xhur;
16. Jikkundanna l-arrest tal-Professur Faizullah Jalal, għalliem tal-Università ta' Kabul miżmum minħabba li eżerċita d-dritt tiegħu għal-libertà tal-espressjoni filwaqt li kkritika lit-Talibani fuq kanal tal-aħbarijiet u jitlob ir-rilaxx immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tiegħu;
17. Jilqa' d-deċiżjoni tal-QKI li tawtorizza lill-uffiċċju tal-Prosekutur tal-QKI, Fatou Bensouda, jibda investigazzjoni dwar l-allegati delitti mwettqa fit-territorju tal-Afganistan mill-1 ta' Mejju 2003; jikkundanna t-theddid mill-Istati Uniti lejn dawk li jikkooperaw mal-investigazzjonijiet tal-QKI; jikkundanna, f'dan ir-rigward, id-deċiżjoni tal-imħallfin tal-QKI li tiċħad it-talba tal-Prosekutur biex tinfetaħ investigazzjoni dwar id-delitti tal-gwerra u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa fl-Afganistan, li tallega nuqqas ta' kooperazzjoni sħiħa mill-Istat u restrizzjonijiet baġitarji; jesprimi dispjaċir għall-fatt li din id-deċiżjoni tista' tkompli ddgħajjef il-kredibbiltà tagħha;
18. Iħeġġeġ lit-Talibani biex ma jeqirdux postijiet ta' wirt kulturali li għandhom impatt profond fuq il-kultura Afgana u s-soċjetà multietnika tagħha;
19. Jemmen li għandu jkun hemm investigazzjoni indipendenti taħt l-awspiċji tan-NU, inkluż dwar il-qtil ekstraġudizzjarju bid-droni, bil-ħsieb li tintemm il-kultura ta' impunità bħala element ewlieni għal proċess ta' stabbilizzazzjoni fl-Afganistan, u għall-ħolqien tal-fiduċja pubblika;
20. Jitlob li ssir investigazzjoni dwar il-korruzzjoni, il-ħasil tal-flus, id-delitti tal-gwerra, u d-delitti kontra l-umanità min-naħa tal-membri tan-NATO u l-Awstralja u l-istituzzjonijiet li wettqu u pperpetwaw l-invażjoni u l-okkupazzjoni illegali tal-Afganistan; jinsisti li dawn iridu jkunu soġġetti għal investigazzjoni adegwata u effettiva minn korp indipendenti u, fejn xieraq, jiġu pproċessati; jesiġi li dawk kollha responsabbli jwieġbu għal għemilhom, inklużi dawk kollha fil-katina diretta u indiretta ta' kmand, bħal uffiċjali għolja u ministri responsabbli għall-Forzi Armati;
21. Jesprimi t-tħassib u d-dispjaċir qawwi tiegħu rigward id-deċiżjoni tal-Amministrazzjoni tal-Istati Uniti li tikkonsolida u tiffriża USD 7 biljun ta' fondi mill-Bank Da Afghanistan, il-bank ċentrali Afgan, li kienu nżammu fil-Federal Reserve Bank fi New York; jikkundanna wkoll id-deċiżjoni li nofs din is-somma tiġi approprjata illegalment billi tiġi ttrasferita f'fond riżervat għal kumpens finanzjarju lill-atturi li qed ifittxu rimedju għall-attakki tal-11 ta' Settembru fil-qrati tal-Istati Uniti; jissottolinja li dawn il-fondi jappartjenu lill-poplu tal-Afganistan, li ma għandu l-ebda responsabbiltà għall-attakki tal-11 ta' Settembru; iwissi li dawn l-azzjonijiet jimminaw id-dritt internazzjonali u se jkollhom konsegwenzi estensivi; jappella għar-ripatrijazzjoni urġenti lejn il-Bank Da Afghanistan tal-fondi kollha li bi dritt jappartjenu lill-poplu Afgan taħt is-superviżjoni tan-Nazzjonijiet Uniti;
22. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tal-UE jwaqqfu l-politiki ta' intervent militari, indħil barrani u tibdil tar-reġim, u minflok jimpenjaw ruħhom ma' pajjiżi terzi fi spirtu ta' rispett reċiproku u rispett għad-dritt internazzjonali;
23. Ifakkar fir-rwol tal-Istati Uniti u l-alleati tagħhom fil-ħolqien, il-promozzjoni u l-appoġġ ta' gruppi li huma magħrufa għall-azzjoni terroristika tagħhom, inkluż fl-Afganistan, u l-invokazzjoni ċinika tal-hekk imsejħa "gwerra kontra t-terroriżmu" biex jiġġustifikaw u jwettqu l-istrateġija ta' dominanza tagħhom;
24. Jirrifjuta bil-qawwa l-ideat ippreżentati għall-ewwel darba mir-Rappreżentant Għoli Joseph Borrell biex jiġu żviluppati kapaċitajiet militari addizzjonali tal-UE għal interventi militari; jisħaq li l-militarizzazzjoni ulterjuri tal-politika barranija tal-UE hija preċiżament it-tagħlima żbaljata li wieħed għandu jislet mill-politika falluta tal-Afganistan;
25. Jesprimi tħassib serju dwar il-ħafna rapporti ta' ksur u abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u ksur tad-dritt internazzjonali fil-pajjiż;
26. Jisħaq li l-korpi xierqa jista' jkollhom rwol importanti u utli billi jenfasizzaw il-ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali u l-ksur u l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fl-Afganistan u b'hekk jikkontribwixxu għad-difiża tal-poplu Afgan; jitlob mekkaniżmu internazzjonali ta' monitoraġġ u obbligu ta' rendikont biex jiġu indirizzati l-abbużi li għaddejjin bħalissa;
27. Iħeġġeġ lill-UE tipprovdi assistenza umanitarja lill-poplu Afgan fid-dawl tat-tbatija kemm umanitarja kif ukoll ekonomika, il-kriżi tal-COVID-19, il-ħsad ħażin imminenti flimkien mal-faqar diġà gravi, l-insigurtà tal-ikel, u l-vulnerabbiltà klimatika f'sistema ekonomika u soċjali diġà fraġli;
28. Jisħaq li l-UE jeħtiġilha tissodisfa l-impenji tagħha fil-qasam tal-azzjoni klimatika, b'attenzjoni partikolari għall-prinċipji tal-ġustizzja klimatika u d-dejn klimatiku;
29. Jilqa' l-fatt li n-NU qed tippożizzjona lilha nnifisha biex tikkoordina u twettaq sforzi umanitarji u ta' żvilupp flimkien mal-NGOs; jistieden lit-Talibani u lill-atturi l-oħra kollha kkonċernati jippermettu aċċess sħiħ, sikur u bla xkiel lin-Nazzjonijiet Uniti, lill-aġenziji speċjalizzati u lis-sħab ta' implimentazzjoni tagħha, u lill-atturi umanitarji kollha involuti f'attività ta' sokkors umanitarju u jiżguraw li l-assistenza umanitarja tilħaq lil dawk kollha fil-bżonn;
30. Jirrikonoxxi li l-miżuri unilaterali ta' sfurzar li għandhom effetti detrimentali fuq id-drittijiet tal-bniedem ta' popolazzjonijiet sħaħ qed jintużaw dejjem aktar; jappella għat-tmiem tal-użu ta' miżuri unilaterali koerċittivi li l-korpi tan-NU jsibu li għandhom dawn l-effetti;
31. Jistieden lill-UE tipprovdi assistenza umanitarja lill-pajjiżi prinċipali li jospitaw rifuġjati Afgani, u jissottolinja li l-partijiet kollha jeħtiġilhom jirrispettaw l-obbligi tagħhom skont id-dritt umanitarju internazzjonali fiċ-ċirkostanzi kollha, inklużi dawk relatati mal-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili;
32. Jisħaq li l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom id-dmir li jappoġġjaw u jipproteġu lil dawk l-Afgani li qed jaħarbu mit-Talibani; jisħaq li l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jaċċettaw lill-Afgani kollha li ħadmu għall-NGOs, l-Istati Membri u organizzazzjonijiet internazzjonali, kif ukoll dawk li d-drittijiet u ħajjithom huma f'riskju bħall-persuni LGBTI u n-nisa, jiżguraw aċċess għall-protezzjoni internazzjonali u jipprovdulhom status prevedibbli u sigur meta jaslu;
33. Jistieden lill-Istati Membri tal-UE jipprovdu viżi umanitarji lill-Afgani f'riskju u jfittxu protezzjoni internazzjonali fl-Ewropa; jesprimi dispjaċir għall-fatt li s'issa nħarġu biss ftit viżi umanitarji f'dan ir-rigward; josserva li l-viżi umanitarji jirrappreżentaw waħda mir-rotot legali possibbli lejn l-UE u jistieden lill-Kummissjoni f'kooperazzjoni mal-UNHCR u l-Istati Membri teżamina l-istabbiliment u l-iffaċilitar ta' rotot legalizzati alternattivi sabiex ikun possibbli vvjaġġar sikur għar-rifuġjati Afgani u tkun possibbli r-riunifikazzjoni rapida tal-familja; jissottolinja l-ħtieġa li l-Istati Membri tal-UE jagħmlu tħejjijiet immedjati u bir-reqqa biex jakkomodaw lil dawk li mistennija jaslu fil-futur immedjat u aktar imbiegħed, skont id-dritt internazzjonali;
34. Jistieden lill-Istati Membri tal-UE jaqblu dwar mekkaniżmu Ewropew ta' distribuzzjoni ekwa, proporzjonali u obbligatorja, li jtemm il-prinċipju ta' responsabbiltà tal-Istat Membru tal-ewwel wasla;
35. Jitlob li tiżdied ir-risistemazzjoni tar-rifuġjati Afgani vulnerabbli li jinsabu f'pajjiżi ġirien; jinsisti li l-Istati Membri tal-UE jimpenjaw ruħhom favur postijiet ta' risistemazzjoni addizzjonali għall-Afgani minn pajjiżi terzi tal-ewwel wasla u ta' tranżitu f'numri proporzjonati mal-iskala tal-kriżi u f'konformità mal-iskemi ta' risistemazzjoni ta' emerġenza tal-imgħoddi; jinnota li dawn l-impenji ta' risistemazzjoni ma jridux jissostitwixxu l-appoġġ għal sitwazzjonijiet oħra ta' kriżi u ta' spostament attwali f'konformità mas-sitwazzjonijiet ta' prijorità identifikati mill-UNHCR, iżda għandhom ikunu addizzjonali għalihom;
36. Jistieden lill-Istati Membri tal-UE jtemmu r-ritorni furzati tal-Afgani lejn pajjiżi terzi, filwaqt li jistieden ukoll lill-Greċja tirrevedi l-liġi tagħha li tqis lit-Turkija pajjiż terz sikur għall-Afgani li jfittxu l-ażil u, b'mod parallel, jiżguraw ir-rilokazzjoni tal-Afgani mill-Greċja lejn Stati Membri oħra tal-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tieħu l-miżuri meħtieġa minnufih biex tiżgura li l-Greċja tikkonforma b'mod effettiv mal-Artikolu 38(4) tad-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Ażil, sabiex tiżgura li ċ-ċittadini Afgani li għalihom ġie applikat il-kunċett ta' pajjiż terz sikur ikollhom l-applikazzjonijiet tagħhom eżaminati minnufih skont il-merti u jingħataw l-istatus legali rispettiv u kundizzjonijiet ta' akkoljenza adegwati;
37. Jiddeplora l-aspetti tal-liġijiet kontra l-kuntrabandu li ġew introdotti fl-Istati Membri tal-UE bħall-Greċja li f'ħafna każijiet kellhom ir-riżultat imreġġa' lura u rriżultaw fil-prosekuzzjoni ta' persuni talli "ffaċilitaw id-dħul illegali" matul it-tfittxija għall-protezzjoni internazzjonali fl-UE, li ngħataw multi ħorox u termini twal ta' ħabs; jiddeplora, bl-istess mod, il-kriminalizzazzjoni u l-prosekuzzjoni tal-ħaddiema għall-involviment tagħhom fis-salvataġġ umanitarju;
38. Jistieden lill-Istati Membri tal-UE jtemmu d-deportazzjonijiet lejn l-Afganistan u jirrevedu r-rifjuti kollha ta' ażil li jaffettwaw lill-Afgani u jipprovdulhom status legali permanenti jew temporanju, f'konformità mad-dritt nazzjonali u dak tal-UE; jinsab imħasseb dwar l-intenzjonijiet ta' xi Stati Membri li jerġgħu jibdew il-proċeduri ta' ritorn tagħhom fir-rigward tal-Afgani li qed ifittxu protezzjoni internazzjonali; jitlob li tiġi ffaċilitata u aċċellerata r-riunifikazzjoni tal-familja għall-Afgani bi qraba li jkunu jinsabu diġà f'pajjiżi Ewropej;
39. Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-Afgani kollha li jaslu b'mod irregolari fl-Istati Membri tal-UE jingħataw aċċess biex japplikaw għall-ażil, kif previst fid-dritt tal-UE, u biex japplikaw għar-riunifikazzjoni tal-familja jekk ikollhom qraba fi Stat Membru ieħor tal-UE; jikkundanna l-push-backs imwettqa minn ħafna Stati Membri fil-fruntieri esterni tal-UE fuq persuni li jfittxu l-ażil, li fosthom hemm bosta ċittadini Afgani, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni taġixxi biex ittemm din l-impunità; Jilqa' l-impenn tal-UE u tal-Istati Membri li jilqgħu u jakkomodaw l-Ukreni li qed jaħarbu mill-gwerra, b'mod partikolari l-applikazzjoni tad-Direttiva 2011/55/KE dwar il-Protezzjoni Temporanja; jesprimi dispjaċir għall-fatt li ma ntweriex l-istess impenn għal popolazzjonijiet migranti oħra li qed jiffaċċjaw kriżijiet simili; jistieden lill-Istati Membri tal-UE juru appoġġ fil-Kunsill għall-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja anke fir-rigward tar-rifuġjati Afgani;
40. Jisħaq fuq il-ħtieġa ta' kooperazzjoni reġjonali inklużiva bil-għan tal-promozzjoni ta' paċi, stabbiltà u sigurtà fit-tul fir-reġjun kollu; huwa favur approċċ ġdid għas-sitwazzjoni fl-Afganistan u l-ġirien tiegħu, fil-forma ta' forum multilaterali għal djalogu u negozjar bejn il-pajjiżi u r-reġjuni kkonċernati, li jkopru impenji relatati ma' kwistjonijiet politiċi, soċjali, ekonomiċi, ambjentali, tas-sigurtà u tad-drittijiet tal-bniedem; jisħaq li forum bħal dan jaf jindika approċċ ġdid u kostruttiv ibbażat fuq is-sjieda, l-awtodeterminazzjoni u r-responsabbiltajiet tal-Istati fil-konfront taċ-ċittadini tagħhom u lejn xulxin; jenfasizza li dan il-forum għandu jinbeda f'kooperazzjoni mal-Organizzazzjoni tal-Kooperazzjoni Iżlamika u n-NU;
41. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Afganistan, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, lin-NU u lin-NATO.