MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fl-Afganistan, b'mod partikolari s-sitwazzjoni tad-drittijiet tan-nisa
5.4.2022 - (2022/2571(RSP))
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Tineke Strik, Mounir Satouri, Hannah Neumann, Ernest Urtasun, Erik Marquardt, Eleonora Evi, Alviina Alametsä, Saskia Bricmont, Ignazio Corrao, Monika Vana, Grace O’Sullivan, Tilly Metz, Alice Kuhnke, Pierrette Herzberger‑Fofana
f'isem il-Grupp Verts/ALE
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0198/2022
B9‑0202/2022
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Afganistan, b'mod partikolari s-sitwazzjoni tad-drittijiet tan-nisa
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Afganistan, inkluża dik tas-16 ta' Settembru 2021[1],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Mejju 2021 dwar il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u l-politika barranija tal-UE dwar il-migrazzjoni[2],
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta' Settembru 2021 dwar l-Afganistan, li ddeskrivew ħames punti ta' riferiment għall-involviment tal-UE mal-awtoritajiet de facto mmexxija mit-Taliban,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar l-Afganistan, inkluża dik tat-28 ta' Marzu 2021 dwar it-talba biex jerġgħu jinfetħu minnufih l-iskejjel sekondarji għall-bniet,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar l-Afganistan, inkluża r-Riżoluzzjoni 2593(2021),
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-1979 dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar l-Afganistan,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-4 ta' Marzu 2022 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Afganistan,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tal-1951 dwar ir-Rifuġjati,
– wara li kkunsidra l-Patt Globali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar ir-Rifuġjati,
– wara li kkunsidra l-linji gwida tematiċi tal-UE dwar id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal, u dwar il-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet u l-ġlieda kontra l-forom kollha ta' diskriminazzjoni kontrihom,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi t-Taliban ħa l-kontroll tal-Afganistan wara offensiva militari rapida fl-aħħar ta' Awwissu 2021, li wasslet għall-irtirar tal-forzi militari internazzjonali mill-pajjiż, kif ukoll għall-evakwazzjoni ta' aktar minn 125 000 persuna u l-biċċa l-kbira tal-preżenza internazzjonali fil-pajjiż;
B. billi l-gvern interim Taliban u l-pożizzjonijiet amministrattivi ewlenin fil-livell nazzjonali u provinċjali ġew okkupati minn membri maskili u fil-biċċa l-kbira tagħhom membri tal-Pashtun, u għalhekk ma għandhomx rappreżentanza tal-gruppi diversi tal-ġeneru, etniċi, reliġjużi, politiċi u ġeografiċi tal-Afganistan; billi n-nisa ġew esklużi mill-amministrazzjoni tat-Taliban;
C. billi skont in-NU, filwaqt li kien hemm tnaqqis sinifikanti fid-diżgrazzji ċivili minn mindu t-Taliban ħa l-kontroll f'idejh, il-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili għadha kawża ta' tħassib, b'mod partikolari minħabba attakki terroristiċi kontinwati mill-Istat Iżlamiku tal-Iraq u l-Provinċja ta' Levante - Khorasan u fdalijiet esplożivi tal-gwerra;
D. billi s-sitwazzjoni soċjoekonomika, li kienet diġà prekarja qabel ma t-Taliban ħa l-kontroll f'idejh, iddeterjorat b'mod drammatiku taħt l-amministrazzjoni de facto u l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19, perjodi ta' nixfa severa u xitwa ħarxa, u ġiet aggravata aktar mis-sanzjonijiet internazzjonali kontra t-Taliban u s-sospensjoni ta' għajnuna mhux umanitarja lill-pajjiż mill-komunità internazzjonali;
E. billi d-deċiżjoni tal-Istati Uniti fir-rigward tal-iffriżar tar-riżervi tal-munita barranija tal-Bank Ċentrali Afgan imblukkat l-aċċess tal-pajjiż għas-sistema finanzjarja internazzjonali, u b'hekk wasslet għal kriżi kbira ta' likwidità; billi dawn il-miżuri u ż-żamma tas-sanzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU li kienu jeżistu minn qabel kontra t-tmexxija superjuri tat-Taliban, fil-fatt, imminaw b'mod drammatiku l-kapaċità ta' attivitajiet kummerċjali u umanitarji leġittimi fil-pajjiż, kif ukoll il-possibbiltà li l-Afgani jirċievu introjtu u jkollhom aċċess għat-tfaddil tagħhom;
F. billi huwa mistenni li ż-żieda fil-prezzijiet dinjija tal-qamħ minħabba l-gwerra Russa fl-Ukrajna jkollha impatt sever fuq l-Afganistan, li fil-biċċa l-kbira tiegħu jiddependi mill-importazzjonijiet tal-qamħ;
G. billi minkejja l-operazzjoni ta' evakwazzjoni militari fuq skala kbira mill-komunità internazzjonali, għadd ta' persunal (preċedenti) Afgan tal-missjonijiet, tal-proġetti u tal-ambaxxati tal-UE tħallew l-art wara t-tluq tal-Punent, kif ukoll mijiet ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, ta' persunal tas-sigurtà u l-qraba tagħhom;
H. billi aktar minn nofs il-popolazzjoni tal-Afganistan qed tiffaċċja livell akut ta' insigurtà tal-ikel; billi huwa stmat li 24.4 miljun Afgan bħalissa jeħtieġu għajnuna umanitarja u din is-sena 97 % tal-popolazzjoni tinsab f'riskju li tispiċċa fil-faqar;
I. billi l-kriżi umanitarja qed taffettwa b'mod sproporzjonat lin-nisa u lill-bniet, b'mod partikolari mil-lat ta' aċċess għall-ikel, l-akkomodazzjoni, il-kura tas-saħħa u l-edukazzjoni; billi l-UNICEF osserva żieda fit-tħaddim tat-tfal, fiż-żwieġ tat-tfal u fil-bejgħ tat-tfal bħala riżultat tal-kriżi ekonomika, li affettwat b'mod sproporzjonat lill-bniet;
J. billi l-isfidi relatati mal-aċċess umanitarju żdiedu kważi bid-doppju mill-2020 'il hawn, fil-biċċa l-kbira minħabba deterjorament fl-ambjent tas-sigurtà, it-talbiet għal imposti u l-interferenzi fl-ipprogrammar umanitarju mill-awtoritajiet de facto;
K. billi 5.6 miljun Afgan bħalissa huma spustati f'pajjiżi ġirien; billi l-Iran u l-Pakistan, b'mod partikolari, jospitaw sehem kbir ta' rifuġjati Afgani, li flimkien jammontaw għal 2.2 miljun rifuġjat Afgan irreġistrat;
L. billi l-Afgani, inklużi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, li rriallokaw lejn pajjiżi terzi, għandhom bżonn urġenti ta' kenn, servizzi u assigurazzjoni kontra r-ritorn furzat;
M. billi l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem qed jiġi rrapportat kuljum, inklużi arresti, detenzjoni, ħtif, tortura, theddid, estorsjoni, qtil, u attakki fuq id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-membri tal-familja tagħhom; billi għad hemm nuqqas sħiħ ta' obbligu ta' rendikont għal tali ksur; billi d-difensuri nisa tad-drittijiet tal-bniedem ġew affettwati b'mod speċjali; billi l-bini tal-Kummissjoni Indipendenti tal-Afganistan għad-Drittijiet tal-Bniedem ġie okkupat mill-awtoritajiet de facto u għalhekk ma setgħetx twettaq l-attivitajiet tagħha;
N. billi kien hemm bosta qtil ekstraġudizzjarju attribwit lill-awtoritajiet de facto minkejja l-amnestija ġenerali mħabbra għall-uffiċjali tal-gvern preċedenti u għall-membri tal-forzi tas-sigurtà Afgani;
O. billi n-NU rrapportaw li għalkemm l-inugwaljanza bejn il-ġeneri, id-diskriminazzjoni u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru kienu diġà stabbiliti sew fil-pajjiż anke qabel il-15 ta' Awwissu 2021, in-nisa kienu attivi fil-fergħat kollha tal-gvern u f'ħafna setturi tas-soċjetà, inklużi l-isports u l-ħajja kulturali, qabel ma t-Taliban ħa l-kontroll f'idejh; billi minn dik id-data, madankollu, in-nisa Afgani ġew esklużi mill-ħajja politika, kif ukoll mill-forza tax-xogħol b'mod aktar wiesa';
P. billi l-esperti tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem iddenunzjaw "mewġa ta' miżuri", bħall-projbizzjoni li n-nisa jerġgħu lura għall-impjieg tagħhom, il-fatt li huwa meħtieġ qarib maskili (mahram) biex jakkumpanjahom fl-ispazji pubbliċi, il-projbizzjoni li n-nisa jużaw it-trasport pubbliku waħedhom, kif ukoll l-impożizzjoni ta' kodiċi strett tal-ilbies fuq in-nisa u l-bniet li jikkostitwixxi "kastig kollettiv tan-nisa u l-bniet, ibbażat fuq preġudizzji abbażi tal-ġeneru u prattiki dannużi";
Q. billi l-avvanzi sinifikanti li saru fl-edukazzjoni, speċjalment għall-bniet, matul l-aħħar għoxrin sena treġġgħu lura minn mindu t-Taliban ħa l-kontroll f'idejh; billi minkejja l-assigurazzjonijiet pubbliċi tagħhom li l-edukazzjoni tal-bniet se tkompli, l-awtoritajiet tat-Taliban imponew segregazzjoni stretta tal-ġeneri fl-universitajiet u ddeċidew li jċaħħdu l-edukazzjoni fil-livell sekondarju lil aktar minn miljun tifla Afgana sa ma jingħata avviż ulterjuri;
R. billi l-ispazju għall-media indipendenti u għas-soċjetà ċivili, li kien dinamiku għalkemm soġġett għal vjolenza, theddid u forom oħra ta' vjolenza qabel il-15 ta' Awwissu, naqas drastikament taħt it-Taliban, b'mod partikolari wara l-ħruġ ta' linji gwida stretti dwar l-operazzjonijiet tal-media u d-detenzjoni u l-qtil ta' ġurnalisti u individwi għall-espressjoni paċifika ta' opinjoni jew ta' nuqqas ta' qbil tagħhom; billi l-protesti paċifiċi, b'mod partikolari fid-difiża tad-drittijiet tan-nisa, intlaqgħu bi vjolenza jew intimidazzjoni;
S. billi l-Kunsill iddefinixxa ħames punti ta' riferiment għall-politiki u l-azzjonijiet taħt il-gvern maħtur mit-Taliban li se jservu bħala prinċipji ta' gwida għal impenn futur mill-UE: billi dawn il-punti ta' riferiment jinkludu r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari t-tgawdija sħiħa tad-drittijiet min-nisa u l-bniet;
T. billi t-Taliban wiegħed li se jipprovdi passaġġi sikuri għaċ-ċittadini barranin u Afgani li jkunu jixtiequ jitilqu mill-pajjiż; billi, fil-prattika, it-tagħmir tekniku difettuż għall-ħruġ ta' dokumenti tal-ivvjaġġar xierqa, l-għeluq ripetut tal-uffiċċji tal-passaporti u r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar imposti fuq in-nisa li jfittxu li jivvjaġġaw distanzi twal mingħajr mahram jimpedixxu b'mod effettiv l-ivvjaġġar barra mill-pajjiż, li jippreżenta sfida partikolari għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, li jsibu ruħhom f'riskju akbar;
U. billi għad hemm sfidi għall-persuni Afgani li ġew evakwati fl-UE; billi r-riunifikazzjoni rapida tal-familja, il-ħruġ ta' status ta' protezzjoni fit-tul, appoġġ għall-integrazzjoni mfassal apposta u kundizzjonijiet ta' akkoljenza adegwati, bħall-aċċess għall-kura medika u l-appoġġ għas-saħħa mentali, jippermettu li jiġu ssodisfati l-prinċipji tal-aħjar interessi tat-tfal u tal-unità tal-familja u jiggarantixxu standard ta' għajxien dinjituż;
V. billi s-Segretarju Ġenerali tan-NU António Guterres nieda konferenza ta' Livell Għoli tad-Donaturi fil-31 ta' Marzu, filwaqt li fakkar lill-komunità internazzjonali biex tinvolvi ruħha bis-sħiħ fl-operazzjoni ta' sokkors ikkoordinata min-NU billi tipprovdi finanzjament mhux kondizzjonat u flessibbli biex tiġi miġġielda l-kriżi umanitarja severa fl-Afganistan;
1. Huwa mħasseb ħafna dwar il-kriżi umanitarja u tad-drittijiet tal-bniedem li ilha għaddejja fl-Afganistan minn mindu t-Taliban ħa l-kontroll f'idejh; itenni s-solidarjetà soda tiegħu mal-poplu tal-Afganistan u l-impenn tiegħu fil-konfront tal-poplu Afgan;
2. Itenni l-konvinzjoni tiegħu li l-futur sikur, paċifiku u demokratiku tal-Afganistan jirrikjedi soluzzjoni politika nnegozjata u inklużiva; jafferma mill-ġdid l-impenn tiegħu għal proċess ta' paċi mmexxi mill-Afgani u ta' sjieda Afgana u rikostruzzjoni ta' wara l-kunflitt bħala l-uniku perkors kredibbli għall-paċi, is-sigurtà u l-iżvilupp inklużivi u fit-tul;
3. Jesprimi li huwa allarmat dwar il-livell bla preċedent ta' insigurtà tal-ikel fil-pajjiż u jitlob lill-atturi internazzjonali kollha, b'mod partikolari lill-UE u lill-Istati Membri tagħha, biex iżidu l-operazzjonijiet umanitarji tagħhom sabiex jgħinu ħalli jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet bażiċi immedjati, jiġu rrestawrati mekkaniżmi internazzjonali għall-appoġġ tal-pagi għall-ħaddiema essenzjali u għall-programmi tal-ikel u jiġu sospiżi r-regoli u l-kundizzjonijiet li jirrestrinġu l-operazzjonijiet umanitarji;
4. Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar l-impatt soċjoekonomiku ta' ċerti sanzjonijiet internazzjonali, b'mod partikolari fuq il-forniment ta' servizzi pubbliċi essenzjali; jistieden lill-komunità internazzjonali, b'mod partikolari lill-Istati Uniti u lill-Istati Membri tal-UE, biex tiżgura li tali sanzjonijiet ma jimminawx it-tgawdija min-naħa tal-poplu Afgan tad-drittijiet ekonomiċi u soċjali, speċjalment għall-familji foqra ħafna u mmexxija min-nisa; jinkoraġġixxi, b'mod partikolari, lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jwettqu rieżamijiet tas-sanzjonijiet, jaġġustaw il-miżuri attwali kif xieraq u joħorġu liċenzji u gwida ġodda biex jiffaċilitaw il-likwidità u d-disponibbiltà ta' munita stampata ħalli tiġi indirizzata l-kriżi umanitarja; jitlob lill-UE taħdem mas-sħab internazzjonali tagħha lejn ftehim li jippermetti lill-Bank Ċentrali tal-Afganistan ikollu aċċess għas-sistema bankarja internazzjonali biex iħallas it-taxxi tiegħu tal-Bank Dinji, jixtri karti tal-flus biex jorganizza irkantijiet kummerċjali għal banek privati fl-Afganistan u jipproċessa jew jissetilja d-depożiti li jkunu deħlin bid-dollaru mingħand depożitanti privati leġittimi, bħall-UNICEF, il-Programm ta' Żvilupp tan-NU, banek ta' rimessa u atturi leġittimi oħra;
5. Jinsisti li jinżamm involviment kundizzjonali strett mat-Taliban f'konformità mal-ħames punti ta' referenza stabbiliti mill-Kunsill għall-involviment mal-awtoritajiet de facto, inkluż fir-rigward tad-drittijiet tan-nisa; jistieden lid-delegazzjonijiet internazzjonali jagħmlu ħilithom b'mod kontinwu biex jiffurmaw delegazzjonijiet internazzjonali bbilanċjati bejn il-ġeneri, inkluż billi jibagħtu uffiċjali superjuri nisa għal laqgħat mat-Taliban;
6. Iħeġġeġ lit-Taliban jiżgura aċċess liberu u bbażat fuq il-prinċipji għall-għajnuna umanitarja u s-sikurezza tal-persunal tal-għajnuna umanitarja, inkluż għan-nisa, u jżomm lura milli jinterferixxi fil-programmazzjoni umanitarja; jisħaq li l-baġit tal-UE għall-għajnuna umanitarja għall-Afganistan u għall-pajjiżi ġirien għandu jsegwi approċċ sensittiv għall-ġeneru u jiżdied sostanzjalment biex jappoġġja u jipproteġi Afgani vulnerabbli u lill-familji tagħhom, inklużi l-persuni spustati internament u r-rifuġjati, u jkun allinjat mal-objettivi tan-NU, kif stabbilit fil-Konferenza ta' Livell Għoli tad-Donaturi dwar l-Afganistan; jitlob li l-UE tkompli tevita li tipprovdi l-assistenza tagħha permezz ta' strutturi jew sistemi kkontrollati mit-Taliban;
7. Jiddenunzja d-deterjorament qawwi tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem taħt it-Taliban, inkluż l-immirar lejn id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-attivisti tad-drittijiet tan-nisa u atturi oħra tas-soċjetà ċivili, kif ukoll ir-repressjoni ta' protesti paċifiċi u ta' espressjonijiet ta' opinjonijiet kuntrarji fil-pajjiż kollu; jikkundanna bil-qawwa d-digriet tat-Taliban li n-nisa jeħtiġilhom ikunu akkumpanjati minn qarib maskili biex imorru jaħdmu jew ikollhom aċċess għall-ħajja jew is-servizzi pubbliċi; iħeġġeġ lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u lill-Istati Membri ma jaċċettawx tali restrizzjonijiet fuq il-libertà ta' moviment tan-nisa u jużaw il-lievi kollha għad-dispożizzjoni tagħhom biex iħeġġu lit-Taliban itemm dawn il-prattiki u jikkonforma mal-obbligi tal-Afganistan skont id-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem;
8. Ifaħħar u jappoġġja lid-difensuri kollha tad-drittijiet tal-bniedem fl-Afganistan li għadhom qed iwettqu l-ħidma leġittima u paċifika tagħhom dwar id-drittijiet tal-bniedem;
9. Jenfasizza l-ħidma imprezzabbli li saret min-nisa Afgani fid-difiża u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, speċjalment id-drittijiet tan-nisa, fil-pajjiż u jirrikonoxxi r-rwol ewlieni tagħhom bħala aġenti tal-bidla; jisħaq fuq il-punt li d-drittijiet tan-nisa u n-nisa Afgani la jistgħu jiġu nnegozjati u lanqas strumentalizzati fi kwalunkwe proċess futur; jenfasizza l-importanza li jkun hemm smigħ u ħidma lejn it-tisħiħ tal-ilħna tal-femministi u n-nisa Afgani, mingħajr diskriminazzjoni fir-rigward tal-affiljazzjoni etnika, reliġjuża jew politika tagħhom;
10. Jiddenunzja s-sitwazzjoni partikolari tan-nisa u tal-bniet li huma affettwati b'mod sproporzjonat mill-kriżi umanitarja u li jiffaċċjaw żieda fit-tbatija, b'mod partikolari mil-lat ta' aċċess għall-ikel, il-kura tas-saħħa u l-edukazzjoni, bħala riżultat dirett tal-politiki retrogradi tat-Taliban;
11. Jikkundanna bil-qawwa r-rigressjoni li qed issir bħalissa kontra l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u d-drittijiet tal-LGBTIQ+; jitlob li d-drittijiet tan-nisa jiġu rrispettati b'mod strett, inkluż fir-rigward tal-parteċipazzjoni attiva tagħhom fl-aspetti kollha tal-ħajja ċivika, ekonomika, politika u pubblika; jistieden lit-Taliban jiggarantixxi l-protezzjoni tal-ħajja u tal-proprjetà tagħhom u l-libertà tal-moviment tagħhom; jirrikonoxxi l-importanza kritika tal-mexxejja u l-persunal nisa Afgani tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, li jirrappreżentaw professjonijiet u provinċji differenti madwar il-pajjiż, fit-tfassil u fl-għoti effettivi tal-għajnuna, minħabba l-għarfien, l-aċċess u l-għarfien espert tagħhom; jinsisti li l-UE għandha tagħti prijorità lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem tan-nisa u tiżgura li jinstemgħu fir-reazzjonijiet kollha għad-drittijiet tal-bniedem u għall-kriżijiet umanitarji li qed jiffaċċja l-Afganistan, kif ukoll kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u d-drittijiet tal-LGBTIQ+;
12. Iħeġġeġ lill-UE tiżgura li l-organizzazzjonijiet lokali tas-soċjetà ċivili mmexxija min-nisa attivi fl-għajnuna, fl-iżvilupp u fil-paċi u fis-sigurtà tal-komunità jkunu jistgħu joperaw, jiċċaqilqu b'mod liberu u sikur fil-pajjiż kollu, u jirċievu fondi biex jipprevedu s-saħħa, l-edukazzjoni, l-għajxien, u s-sigurtà tal-komunitajiet Afgani, u jħeġġeġ lill-UE ssostni l-ħidma ta' dawn l-organizzazzjonijiet; jikkundanna l-esklużjoni tal-maġġoranza tal-bniet mill-iskejjel sekondarji, li tikser direttament id-dritt universali tagħhom għall-edukazzjoni; jinsisti fuq il-ħtieġa li jiġi żgurat l-aċċess għall-edukazzjoni għall-bniet ta' kull età; jisħaq li l-ebda finanzjament tal-UE ma għandu jiffinanzja għażliet edukattivi li jeskludu l-bniet;
13. Iħeġġeġ lill-UE żżid l-appoġġ tagħha għal gruppi li jaħdmu biex jiddefendu d-drittijiet tan-nisa u l-bniet fl-Afganistan, inklużi għażliet alternattivi ta' edukazzjoni għall-bniet esklużi mill-iskejjel, u jitlob li din tiffinanzja programmi speċifiċi ta' assistenza u protezzjoni umanitarja għan-nisa Afgani li huma vittmi ta' vjolenza jew f'riskju ta' vjolenza, kif ukoll għall-qraba li jappoġġjawhom;
14. Itenni l-importanza li jiġu ddokumentati u investigati r-rapporti kollha ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali u li dawk li jwettqu dawn l-atti jinżammu responsabbli biex jagħtu rendikont, inkluż għall-ksur li ilu jitwettaq matul l-20 sena ta' kunflitt armat; jissottolinja, f'dan il-kuntest, l-importanza ta' monitoraġġ indipendenti tan-NU dwar l-Afganistan u jilqa' u jappoġġja l-ħidma tal-Missjoni ta' Assistenza tan-NU fl-Afganistan;
15. Jitlob li r-Rapporteur Speċjali tan-NU li għadu kif inħatar dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Afganistan jiġi pprovdut bil-fondi suffiċjenti, bl-għarfien espert u bl-appoġġ diplomatiku meħtieġa biex iwettaq il-mandat tiegħu; jistieden lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU jieħu l-azzjoni meħtieġa biex jistabbilixxi mekkaniżmu investigattiv internazzjonali indipendenti b'mandat ta' diversi snin u riżorsi adegwati biex jiddokumenta u jirrapporta regolarment dwar il-ksur u l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem internazzjonali u tal-liġi umanitarja mwettqa mill-partijiet kollha; jitlob li din il-missjoni jkollha kompożizzjoni bbilanċjata bejn il-ġeneri u tinkludi esperti dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri;
16. Jistieden lis-SEAE, lid-Delegazzjoni tal-UE għall-Afganistan u lill-ambaxxati tal-Istati Membri jtejbu l-appoġġ tagħhom għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fl-Afganistan u barra mill-pajjiż, jagħmlu użu mill-għodod kollha għad-dispożizzjoni tagħhom b'mod flessibbli, u jimplimentaw bis-sħiħ il-Linji Gwida tal-UE dwar id-difensuri tad-drittijiet, inkluż billi jiżguraw l-obbligu ta' rendikont għall-ksur permezz ta' promozzjoni privata u pubblika dwar każijiet u xejriet individwali ta' ksur, jipprovdu mekkaniżmi ta' protezzjoni interna, servizzi u appoġġ għal dawk fil-pajjiż, jiżguraw passaġġi ta' evakwazzjoni sikuri u miżuri speċifiċi għall-protezzjoni ta' dawk fi tranżitu f'pajjiżi terzi u jikkoordinaw dwar l-għoti ta' viżi lil dawk li jkunu qed ifittxu li jitilqu mill-pajjiż;
17. Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jużaw kull perkors diplomatiku disponibbli biex jagħmlu pressjoni fuq il-pajjiżi ġirien ħalli jiżguraw li l-fruntieri tagħhom ikunu miftuħa għal dawk f'riskju li jkunu qed ifittxu rifuġju u ażil mill-Afganistan, inklużi dawk minn komunitajiet emarġinati; jistieden lill-Istati Membri tal-UE jżidu b'mod sostanzjali l-għadd ta' risistemazzjonijiet u l-għoti ta' viżi umanitarji;
18. Iħeġġeġ lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u lis-SEAE jagħtu prijorità li jgħinu lil dawk li jeħtieġu protezzjoni biex jitilqu mill-Afganistan, speċjalment lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, lin-nisa, lill-bniet, lill-persuni LGBTI+, lill-minoranzi reliġjużi u etniċi, lill-ġurnalisti, lill-kittieba, lill-akkademiċi u lill-artisti; jistieden lill-Istati Membri tal-UE jiggarantixxu passaġġ sikur għan-nies li jitilqu mill-pajjiż; jesprimi dispjaċir għan-nuqqas ta' kapaċità fl-ambaxxati tal-Istati Membri fil-pajjiżi ġirien għall-ipproċessar tal-proċeduri ta' viża u ta' risistemazzjoni; jistieden lill-Istati Membri jżidu l-kapaċità tagħhom f'dan ir-rigward; jistieden lill-pajjiżi ġirien ineħħu l-"proċeduri ta' ħruġ" għaċ-ċittadini Afgani sabiex tiġi ffaċilitata r-risistemazzjoni f'waqtha tagħhom;
19. Iħeġġeġ lis-SEAE u lill-Istati Membri jidentifikaw, b'mod ikkoordinat, kemm-il membru tal-persunal lokali (preċedenti) tal-ambaxxati, missjonijiet u proġetti tal-UE u nazzjonali u l-membri tal-familja tagħhom tħallew fil-pajjiż u jħeġġiġhom jiżviluppaw pjan ta' evakwazzjoni għal dawn il-persuni; jistenna li l-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà jżomm lill-Parlament aġġornat regolarment dwar il-progress f'din il-kwistjoni;
20. Itenni li d-dritt għall-ażil huwa dritt fundamentali mogħti skont id-dritt internazzjonali u dak tal-Unjoni lil dawk kollha li jaħarbu mill-gwerra jew mill-persekuzzjoni, irrispettivament min-nazzjonalità jew l-istatus tagħhom; jisħaq li l-wasla attwali tar-rifuġjati fl-UE wara l-aggressjoni fl-Ukrajna mir-Russja ma għandhiex tillimita l-aċċess għall-proċeduri tal-ażil, rimedji effettivi jew drittijiet fundamentali oħra għall-Afgani li jkunu qed ifittxu protezzjoni internazzjonali fl-Istati Membri tal-UE; iħeġġeġ lill-Istati Membri jiffaċilitaw ir-riunifikazzjoni tal-familja għall-Afgani li għandhom qraba diġà fl-UE;
21. Iħeġġeġ lill-UE tippromwovi aċċess effettiv għall-protezzjoni għar-rifuġjati Afgani f'pajjiżi terzi; jenfasizza bil-qawwa li ma jqisx pajjiżi fejn ma hemm l-ebda garanzija ta' protezzjoni effettiva għar-rifuġjati (Afgani) bħala pajjiżi sikuri biex jirritornaw lejhom; jitlob mekkaniżmu ta' monitoraġġ biex jiġi żgurat li r-rifuġjati Afgani ma jiġux soġġetti għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi li jirċievu l-għajnuna tal-UE;
22. Jenfasizza bil-qawwa li, fiċ-ċirkostanzi attwali, kwalunkwe ritorn furzat lejn l-Afganistan jikkostitwixxi refoulement, peress li l-istandards minimi u l-protezzjoni ma jistgħux jiġu ggarantiti mar-ritorn; jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jagħtu aċċess għall-protezzjoni liċ-ċittadini Afgani, inklużi dawk li t-talbiet tagħhom ikunu ġew miċħuda qabel; jitlob monitoraġġ mill-qrib taċ-ċittadini Afgani li diġà ġew mibgħuta lura, b'mod partikolari t-tfal; jilqa' s-sospensjoni tad-Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-Kooperazzjoni dwar il-Migrazzjoni;
23. Jinnota bi tħassib l-allegazzjonijiet serji ta' ksur tad-drittijiet fundamentali, inklużi diversi pushbacks ta' ċittadini Afgani minn ħafna pajjiżi tal-fruntiera tal-UE; iħeġġeġ lill-Istati Membri kkonċernati jirrispettaw l-impenji tagħhom skont id-dritt tal-Unjoni u dak internazzjonali biex jivvalutaw b'mod indivdiwali l-affermazzjonijiet ta' dawk li jkunu qed ifittxu protezzjoni, inkluż fil-fruntieri esterni tal-UE, u jiżguraw aċċess effettiv għall-protezzjoni;
24. Jesprimi t-tħassib tiegħu fir-rigward tas-sitwazzjoni tar-rifuġjati Afgani fit-Turkija, b'mod partikolari għal gruppi vulnerabbli, bħal minorenni mhux akkumpanjati u persuni LGBTIQ+; jikkundanna bil-qawwa n-nuqqas ta' aċċess għall-proċeduri tal-ażil u l-allegazzjonijiet ta' refoulement fil-konfront tal-Afganistan; jikkundanna bil-qawwa d-deċiżjoni tal-awtoritajiet Griegi li jiddikjaraw lit-Turkija bħala pajjiż terz sikur għall-Afgani u jitlob li ssir reviżjoni urġenti ta' din id-deċiżjoni, f'konformità mad-dritt tal-Unjoni;
25. Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tniedi malajr investigazzjoni skont l-Artikolu 19(1)(a) tar-Regolament SĠP[3] bil-għan li tissospendi l-preferenzi kummerċjali li l-Afganistan għandu fil-qafas tal-iskema Kollox Minbarra Armi;
26. Jilqa' l-ħidma tad-Delegazzjoni tal-UE fl-Afganistan u r-ritorn parzjali tagħha lejn il-pajjiż; jisħaq fuq l-importanza ta' preżenza diplomatika fl-Afganistan, fil-limiti tar-restrizzjonijiet politiċi u ta' sigurtà attwali; jistieden lid-Delegazzjoni tal-UE tagħti prijorità lill-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari d-drittijiet tan-nisa u d-drittijiet ta' gruppi vulnerabbli, kif ukoll lin-negozjar ta' aċċess mingħajr xkiel għall-pajjiż għall-organizzazzjonijiet umanitarji, inklużi l-membri tal-persunal femminili tagħhom;
27. Jistieden lis-SEAE u lill-Kummissjoni jwettqu rieżami fil-fond tal-proċess ta' rtirar u evakwazzjonijiet mill-Afganistan; jemmen li dan għandu jinkludi riflessjoni kritika dwar il-ħin u l-ġestjoni tal-irtirar fir-rigward tal-proċess tal-evakwazzjonijiet għall-Afgani u l-protezzjoni tagħhom, b'mod partikolari l-persunal lokali tal-istituzzjonijiet tal-UE, inklużi l-persunal b'kuntratt u s-sħab ta' implimentazzjoni ta' proġetti ffinanzjati mill-UE, u dwar in-nuqqas ta' koordinazzjoni tal-UE, minkejja l-fatt li fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Ġunju 2021 il-Parlament kien diġà talab il-ħruġ ta' viżi u r-ripatrijazzjoni tal-persunal lokali; jistenna li s-SEAE u l-Kummissjoni jippreżentaw din l-evalwazzjoni kritika, inkluża definizzjoni ta' "persunal lokali" fl-ambitu ta' skemi ta' protezzjoni eżistenti u li tiddeskrivi liema miżuri ta' protezzjoni huma previsti għall-persunal lokali tal-UE u għall-pjanijiet ta' riforma, abbażi tal-esperjenza fl-Afganistan, lill-Parlament matul l-ewwel nofs ta' din is-sena, u biex jiġu implimentati dawn it-tagħlimiet meħuda f'attivitajiet attwali u futuri ta' politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni;
28. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi-President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Mibgħut Speċjali tal-UE għall-Afganistan u lill-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri.