Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0204/2022Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0204/2022

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fl-Afganistan, b'mod partikolari s-sitwazzjoni tad-drittijiet tan-nisa

5.4.2022 - (2022/2571(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Petras Auštrevičius, Abir Al‑Sahlani, Olivier Chastel, Ilhan Kyuchyuk, Javier Nart, Urmas Paet, Frédérique Ries, María Soraya Rodríguez Ramos, Nicolae Ştefănuță, Dragoş Tudorache, Hilde Vautmans
f'isem il-Grupp Renew

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0198/2022

Proċedura : 2022/2571(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B9-0204/2022
Testi mressqa :
B9-0204/2022
Dibattiti :
Testi adottati :

B9‑0204/2022

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Afganistan, b'mod partikolari s-sitwazzjoni tad-drittijiet tan-nisa

(2022/2571(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Afganistan,

 wara li kkunsidra t-tħabbira tat-Talibani dwar il-ħolqien tal-gvern interim tal-Afganistan tas-7 ta' Settembru 2021,

 wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tan-NU 2626 (2022) tas-17 ta' Marzu 2022 dwar is-sitwazzjoni fl-Afganistan, li estendiet il-mandat tal-Missjoni ta' Assistenza tan-NU fl-Afganistan (UNAMA),

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni għall-istampa tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tas-27 ta' Marzu 2022 dwar l-Afganistan,

 wara li kkunsidra l-lista tal-finalisti għall-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb tal-Parlament Ewropew għas-sena 2021, li tinkludi n-nisa Afgani,

 wara li kkunsidra l-Jiem tan-Nisa Afgani fil-Parlament Ewropew fl-1 u t-2 ta' Frar 2022,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni minn Membri tal-PE ewlenin tat-8 ta' Marzu 2022 dwar id-difiża tad-drittijiet tan-nisa Afgani,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-President tad-Delegazzjoni tal-Parlament Ewropew għar-Relazzjonijiet mal-Afganistan, Petras Auštrevičius, tat-23 ta' Marzu 2022 dwar it-tħabbira min-naħa tat-Talibani biex tiġi estiża l-projbizzjoni mill-edukazzjoni għal studenti bniet mill-Grad 6 'il fuq, u d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Josep Borrell, tat-23 ta' Marzu 2022 dwar ir-restrizzjonijiet għar-ritorn lejn l-iskola,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-VP/RGħ Josep Borrell f'isem l-Unjoni Ewropea tat-28 ta' Marzu 2022 li titlob il-ftuħ mill-ġdid immedjat tal-iskejjel sekondarji għall-bniet,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tal-1951 dwar ir-Rifuġjati,

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-1979 dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa,

 wara li kkunsidra l-Patt Globali tan-NU għal Migrazzjoni Sikura, Ordnata u Regolari u l-Patt Globali tan-NU dwar ir-Rifuġjati, li segwew id-Dikjarazzjoni ta' New York għar-Rifuġjati u l-Migranti adottata unanimament mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fid-19 ta' Settembru 2016,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-Ministeru tal-Edukazzjoni tat-Talibani ħabbar f'dikjarazzjoni tal-21 ta' Marzu 2022 li "huwa impenjat lejn id-dritt għall-edukazzjoni taċ-ċittadini kollha tiegħu" u kien qed jaħdem biex "jelimina kull tip ta' diskriminazzjoni";

B. billi l-awtoritajiet de facto tal-Afganistan fil-15 ta' Jannar 2022 wiegħdu li jippermettu lill-bniet jirritornaw l-iskola fil-livelli kollha wara l-bidu tas-sena skolastika l-ġdida fit-tieni nofs ta' Marzu 2022;

C. billi l-bniet tal-Afganistan kellhom jirritornaw l-iskola fit-23 ta' Marzu 2022, iżda fl-aħħar minuta l-gvern ħabbar li r-ritorn tagħhom kien se jiġi pospost sakemm il-gvern jiddeċiedi dwar l-uniformijiet xierqa għall-bniet f'konformità mal-"liġi tax-Sharia u t-tradizzjoni Afgana";

D. billi l-Afganistan jiġi l-aħħar (170 minn 170 pajjiż) fl-Indiċi Globali tan-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà, u b'hekk huwa l-aktar pajjiż perikoluż għan-nisa;

E. billi, hekk kif l-attenzjoni internazzjonali qed tonqos, in-nisa Afgani qed iħabbtu wiċċhom ma' livelli miżjuda ta' vjolenza u repressjoni taħt it-Talibani;

F. billi skont il-Proċeduri Speċjali tan-NU, il-mexxejja Talibani qed jippruvaw ineħħu n-nisa u l-bniet mill-ħajja pubblika permezz ta' diskriminazzjoni sistematika abbażi tal-ġeneru u vjolenza;

G. billi mindu ħatfu r-riedni tal-pajjiż fil-15 ta' Awwissu 2021, it-Talibani għalqu l-Ministeru tal-Affarijiet tan-Nisa u reġgħu ħolqu l-Ministeru tal-Vizzji u l-Virtù, li matul il-perjodu preċedenti tat-Talibani rrikorra għal swat fil-pubbliku u priġunerija sabiex jinforza r-restrizzjonijiet; billi t-Talibani abolew il-liġijiet li jipproteġu lin-nisa u imponew restrizzjonijiet ħorox fuq id-dritt tan-nisa għax-xogħol, l-aċċess tagħhom għall-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa, il-parteċipazzjoni f'attivitajiet sportivi u l-eżerċitar tal-libertà tagħhom ta' għaqda paċifika u ta' espressjoni; billi l-Kummissjoni Indipendenti għad-Drittijiet tal-Bniedem fl-Afganistan (AIHRC) ilha magħluqa mindu ħatfu l-poter it-Talibani;

H. billi skont direttiva ġdida, in-nisa Afgani ma jistgħux jivvjaġġaw distanzi ta' aktar minn 45 mil (72 km) minn darhom mingħajr ma jkunu akkumpanjati qarib raġel; billi din id-direttiva ssegwi direttiva maħruġa f'Novembru 2021 li pprojbiet lill-istazzjonijiet televiżivi milli jxandru programmi b'atturi nisa;

I. billi l-protesti paċifiċi għad-drittijiet tan-nisa fl-Afganistan qed jitrażżnu bil-forza; billi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi n-nisa li jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem, u d-dimostranti nisa u l-membri tal-familja tagħhom inħatfu, mingħajr ma ġiet kondiviża informazzjoni dwar fejn jinsabu, minkejja l-appelli ripetuti minn gruppi nazzjonali u internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem biex dawn jinħelsu; billi l-attivisti nisa li nħatfu aktar tard instab li kienu priġunieri tat-Talibani, fejn xi wħud ġew imġiegħla jippubblikaw filmati u/jew "konfessjonijiet" taħt pressjoni fir-rigward tax-xogħol u l-attiviżmu tagħhom b'rabta mad-drittijiet tal-bniedem; billi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li nħelsu mill-priġunerija, flimkien mal-familji tagħhom, qed jgħixu fil-biża' għal ħajjithom u s-sikurezza tagħhom;

J. billi fost is-47 % tal-popolazzjoni tal-pajjiż li jgħixu taħt il-linja tal-faqar, 61-72 % minnhom huma nisa; billi r-restrizzjonijiet imposti mit-Talibani fuq ix-xogħol tan-nisa kellhom l-akbar impatt fuq l-unitajiet domestiċi mmexxija min-nisa, u dawn spiċċaw fqar u bil-ġuħ;

K. billi l-faqar huwa marbut direttament ma' rati ogħla ta' vjolenza u abbuż sesswali kontra t-tfal u n-nisa; billi qabel ma ħatfu r-riedni t-Talibani, 51 % tan-nisa Afgani kienu esperjenzaw vjolenza fiżika u sesswali minn sieħeb intimu u huwa mistenni li din iċ-ċifra żdiedet mindu l-gvern de facto ħa l-poter;

L. billi l-faqar wassal biex il-familji Afgani jorganizzaw iż-żwiġijiet u jiġbru d-doti għal uliedhom il-bniet, u billi bħala riżultat tal-fatt li l-bniet ma jistgħux jattendu l-iskola, fl-Afganistan kien hemm żieda ta' 500 % fiż-żwiġijiet tat-tfal; billi qabel ma ħatfu l-poter it-Talibani, 35 % tal-bniet kienu miżżewġin qabel l-età ta' 18-il sena, u 9 % qabel l-età ta' 15-il sena;

M. billi l-Afganistan għandu waħda mill-ogħla rati ta' mortalità tat-trabi fid-dinja, fejn 50 % tat-twelid ma jkunx assistit minn tabib u eluf ta' nisa qed imutu kull sena minn kawżi relatati mat-tqala li faċilment jistgħu jiġu pprevenuti;

N. billi l-kriżi umanitarja fl-Afganistan hija waħda mill-kriżijiet li qed jiddeterjoraw l-aktar malajr fid-dinja; billi aktar minn nofs il-popolazzjoni se tirrikjedi assistenza umanitarja din is-sena, xprunata minn insigurtà drammatikament akuta tal-ikel, minn għajxien dgħajjef u mill-kollass tal-ekonomija u s-servizzi bażiċi; billi kważi 100 % tal-unitajiet domestiċi Afgani mmexxija min-nisa qed iħabbtu wiċċhom ma' konsum insuffiċjenti tal-ikel u 82 % ta' dawn l-unitajiet domestiċi qed jirrikorru għal miżuri drastiċi, meta mqabbla ma' 70 % tal-unitajiet domestiċi mmexxija mill-irġiel; billi eluf ta' Afgani rrikorrew għall-bejgħ tal-organi tagħhom sabiex jipprovdu l-ikel għall-familji tagħhom u biex jimpedixxu l-bejgħ ta' wliedhom; billi l-kriżi umanitarja li għaddejja se tiġi estiża bl-iffriżar tal-assi Afgani u l-kriżi tal-likwidità li tirriżulta minn dan;

O. billi huwa essenzjali li jkun hemm mogħdija sikura bit-trasport fuq l-art jew bl-ajru 'l barra mill-Afganistan għad-difensuri kollha tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi n-nisa li jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem, li qed ifittxu li jitilqu mill-Afganistan filwaqt li jiġi żgurat li t-Talibani jżommu l-wegħda tagħhom li jippermettu lill-persuni, inklużi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, jitilqu mingħajr periklu; billi bħalissa hemm nuqqas ta' ċarezza dwar min jikkwalifika għall-viżi ta' risistemazzjoni u x'inhu l-proċess; billi għal dawk li jista' jkollhom aċċess għal viża, il-ksib ta' dokumenti tal-ivvjaġġar, viżi lejn pajjiżi terzi ta' tranżitu u mogħdija sikura 'l barra mill-pajjiż għadu jikkostitwixxi sfida, u għal dawk mingħajr passaporti, il-ksib sikur ta' dokument tal-ivvjaġġar fl-Afganistan jirrikjedi intervent diplomatiku;

P. billi dawk li rrilokaw f'pajjiżi terzi, inklużi n-nisa li jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem, għandhom bżonn urġenti ta' kenn, servizzi u assigurazzjoni kontra r-ripatrijazzjoni furzata;

Q. billi skont ir-rapport ta' Marzu 2022 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni, aktar minn 1 258 miljun Afgan ħarbu minn pajjiżhom fl-2021, id-doppju ta' dawk li ħarbu f'dawn l-aħħar snin; billi fl-istess ħin, in-numru ta' persuni spustati internament li rritornaw lejn ir-raħal ta' oriġini tagħhom ittrippla, u fl-2021 laħaq rekord ta' 3.06 miljun ritorn; billi fir-reġjun kollu, kważi 5 miljun Afgan għadhom spustati barra mill-pajjiż, u 90 % minnhom huma ospitati fil-Pakistan u fl-Iran;

R. billi skont l-Aġenzija tan-NU għar-Rifuġjati (UNHCR), meta kienu qed ifittxu rifuġju fil-pajjiżi ġirien, jiġifieri l-Iran u l-Pakistan, 35 % tan-nisa u l-bniet irrapportaw li ma kinux qed iħossuhom sikuri minħabba vjolenza abbażi tal-ġeneru u 70 % biss tal-bniet ġew miktuba fl-iskejjel, meta mqabbla ma' 92 % tas-subien;

S. billi l-UE żiedet l-appoġġ tagħha lill-poplu Afgan billi nediet proġetti li jiswew aktar minn EUR 268.3 miljun li jiffukaw fuq iż-żamma tal-edukazzjoni, is-sostenn tal-għajxien u l-protezzjoni tas-saħħa pubblika; billi dawn il-proġetti huma parti mill-pakkett globali ta' appoġġ tal-UE ta' EUR 1 biljun imħabbar mill-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen f'Ottubru 2021 u jinkludu għajnuna għar-rifuġjati, il-migranti u l-persuni spustati internament billi jappoġġjaw lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;

T. billi skont ir-Reporters Mingħajr Fruntieri, 231 strument tal-media (40 %) għalqu u 80 % mis-6 400 ġurnalist li tilfu l-impjieg tagħhom huma nisa; billi l-awtoritajiet Talibani illimitaw serjament dak li tista' tirrapporta l-media, imponew restrizzjonijiet fuq il-media internazzjonali bħall-BBC, u jkomplu jżommu, isawtu u jiflaġellaw lill-ġurnalisti;

U. billi sal-15 ta' Awwissu 2021, taħt dik li kienet ir-Repubblika tal-Afganistan, in-nisa avvanzaw f'pożizzjonijiet ta' livell għoli bħal Membri tal-Parlament, Ministri, imħallfin, gvernaturi, avukati u ambaxxaturi; billi l-forzi Talibani neħħew bil-forza uffiċjali leġittimi tal-gvern preċedenti u ma inkludewx lin-nisa fil-gvern de facto l-ġdid mhux rikonoxxut tiegħu;

V. billi t-talba ewlenija min-nisa Afgani matul il-Jiem tan-Nisa Afgani fil-Parlament Ewropew fi Frar 2022 kienet li jkun hemm pjattaforma biex jinstemgħu l-ilħna tan-nisa u tal-bniet Afgani u tiġi żgurata l-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċessi ta' deċiżjonijiet politiċi rigward il-futur tal-Afganistan; billi l-inklużjoni tal-gruppi tas-soċjetà ċivili, inklużi l-organizzazzjonijiet tan-nisa, tippermetti li ftehim ta' paċi jkollu 64 % inqas ċans li jfalli;

1. Jikkundanna l-fatt li s-sitwazzjoni tan-nisa u tal-bniet fl-Afganistan ilha tiddeterjora b'mod kostanti mindu ħadu r-riedni t-Talibani; jiddeplora l-isforzi kontinwi tat-Talibani biex ineħħu lin-nisa u lill-bniet mill-ħajja pubblika tal-pajjiż u jċaħħduhom mid-drittijiet fundamentali tal-bniedem tagħhom bħad-dritt għall-edukazzjoni, ix-xogħol u l-kura tas-saħħa;

2. Jikkundanna bl-aktar mod qawwi d-deċiżjoni tat-Talibani li jipposponu r-ritorn tal-bniet lejn l-edukazzjoni sekondarja, minkejja l-impenji preċedenti tagħhom li jipprovdu liċ-ċittadini kollha b'edukazzjoni aċċessibbli u l-obbligu legali vinkolanti tagħhom li jirrispettaw id-drittijiet fundamentali tal-bniedem taċ-ċittadini kollha tal-Afganistan;

3. Ifakkar li l-UE għandha pożizzjoni soda fir-rigward ta' kwalunkwe impenn politiku mat-Talibani, li hija ggwidata minn parametri referenzjarji tematiċi għall-involviment ibbażat fuq il-prinċipji ta' aderenza mad-drittijiet tal-bniedem għal kulħadd u l-istat tad-dritt; huwa tal-fehma li, mill-15 ta' Awwissu 2021 'il hawn, kien hemm biss deterjorament f'dawn il-parametri referenzjarji, li ma jista' jiġġustifika ebda rikonoxximent de facto ta' gvern Taliban;

4. Jiddeplora r-repressjoni vjolenti tal-protesti paċifiċi tad-drittijiet tan-nisa fl-Afganistan u jitlob li jintemmu l-intimidazzjoni, l-arresti u l-konfessjonijiet furzati min-naħa tad-difensuri tad-drittijiet tan-nisa u jappella għall-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tagħhom;

5. Jilqa' r-Riżoluzzjoni 2626 (2022) tan-NU, li ġiet adottata fis-17 ta' Marzu 2022 u li estendiet il-mandat tal-Missjoni ta' Assistenza tan-NU fl-Afganistan (UNAMA); jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha, f'konformità mad-dikjarazzjoni għall-istampa tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar l-Afganistan tas-27 ta' Marzu 2022, jappoġġjaw il-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali għall-Afganistan, fosthom fl-interazzjoni mal-atturi u l-partijiet ikkonċernati rilevanti Afgani kollha biex jiġi żgurat il-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel għall-istudenti bniet kollha mingħajr aktar dewmien;

6. Jistieden lill-awtoritajiet de facto Afgani biex jiffurmaw gvern inklużiv li jinvolvi lin-nisa fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet fil-livelli kollha;

7. Jinsisti fuq il-ħtieġa li tiġi żviluppata strateġija ġdida tal-UE għall-Afganistan adattata għas-sitwazzjoni tan-nisa u tal-bniet fil-pajjiż u li tiddeskrivi sett konkret ta' attivitajiet relatati mal-promozzjoni tad-drittijiet tan-nisa u l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja pubblika, f'konformità mal-mandat estiż tal-UNAMA;

8. Jesprimi l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-isforzi tan-nisa Afgani biex jerġgħu jiksbu l-post ġust tagħhom fis-soċjetà u jibqa' impenjat li jipprovdi pjattaforma għan-nisa Afgani biex isemgħu leħinhom u biex leħinhom jiġi rifless fl-azzjonijiet tal-komunità internazzjonali fir-rigward tat-Talibani u r-rispons għad-drittijiet tal-bniedem u l-kriżi umanitarja li qed iħabbat wiċċu magħha l-Afganistan;

9. Jistieden lill-membri parlamentari Afgani, lill-ex uffiċjali tal-gvern u lill-attivisti tas-soċjetà ċivili, b'mod partikolari l-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb għas-sena 2021, jinvolvu ruħhom b'mod attiv mad-Delegazzjoni tal-Parlament Ewropew għar-relazzjonijiet mal-Afganistan, il-kumitati rilevanti u korpi oħra fi sforz biex jiġi żgurat li l-politika tal-UE b'appoġġ għall-Afganistan twieġeb għall-ħtiġijiet tal-poplu Afgan;

10. Jilqa' t-tnedija tal-Forum tal-Mexxejja Nisa Afgani, iffaċilitat mill-UE, li għandu l-għan li jgħin ħalli tiġi żgurata l-parteċipazzjoni attiva u sinifikattiva tan-nisa fid-djalogu dwar l-iżviluppi attwali u l-futur tal-Afganistan; jistieden lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) jinvolvu aktar lill-Parlament Ewropew f'dan il-proċess;

11. Jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jlaqqgħu l-ewwel Konferenza Internazzjonali tan-Nisa Afgani, bl-objettiv ġenerali li jerġgħu jinbnew in-networks tan-nisa wara l-ħtif tal-poter fil-pajjiż u li tiġi kkomplementata l-ħidma tal-Forum tal-Mexxejja Nisa Afgani minn perspettiva usa' u aktar inklużiva;

12. Jieħu nota tat-taħditiet ta' Oslo ta' Jannar 2022 bejn l-uffiċjali Ewropej u l-uffiċjali tal-Istati Uniti u delegazzjoni Talibana, kif ukoll it-tħassir reċenti mina-naħa tal-Istati Uniti tat-taħditiet ta' Doha b'reazzjoni għad-deċiżjoni tat-Talibani li ma jerġgħux jiftħu l-iskejjel għall-bniet; jenfasizza li kwalunkwe taħdita nazzjonali ulterjuri mat-Talibani trid tinkludi rappreżentanti tan-nisa Afgani u tiffoka fuq it-tnaqqis tat-tbatija tan-nisa u tal-bniet Afgani; jinsisti fuq l-inklużjoni tan-nisa fid-delegazzjonijiet tal-Punent li jinteraġġixxu mat-Talibani, kif muri b'mod konsistenti mill-UE;

13. Iħeġġeġ lit-Talibani jreġġgħu lura d-deċiżjonijiet u r-restrizzjonijiet tagħhom li speċifikament jimmiraw lejn in-nisa u l-bniet, jiftħu mill-ġdid il-Ministeru tal-Affarijiet tan-Nisa u joħolqu ambjent abilitanti li jippermetti lin-nisa, inklużi dawk miż-żoni rurali, jirritornaw u jipparteċipaw bis-sħiħ fl-oqsma politiċi, soċjali u ekonomiċi tas-soċjetà, b'mod partikolari billi jiġu inklużi fl-istruttura tat-tmexxija; jissottolinja li din trid tkun kundizzjoni indispensabbli għal kwalunkwe impenn ulterjuri min-naħa tal-komunità internazzjonali mal-awtoritajiet de facto Afgani;

14. Jistieden lit-Talibani jirrispettaw l-impenn tagħhom li jiżguraw id-dritt għall-edukazzjoni għaċ-ċittadini Afgani kollha, inklużi n-nisa u l-bniet, li jtemmu l-intimidazzjoni, it-theddid u l-attakki kontra l-għalliema u l-istudenti, u li jevitaw kwalunkwe politika diskriminatorja li tolqot id-dritt tal-bniet għall-edukazzjoni;

15. Ifaħħar u jappoġġja lill-attivisti kollha tad-drittijiet tan-nisa, lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, kemm fl-Afganistan kif ukoll fl-eżilju, li għadhom qed iwettqu l-ħidma leġittima u paċifika tagħhom, minkejja periklu akbar;

16. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni talloka fondi adegwati u speċifiċi, u timplimenta, il-programmi u l-proġetti tad-drittijiet tan-nisa bħala parti minn impenn komprensiv u fit-tul għall-appoġġ tad-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet tan-nisa fl-Afganistan;

17. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-appoġġ tal-UE lill-poplu Afgan li jingħadda permezz ta' aġenziji tan-NU li jaħdmu fl-Afganistan jagħti prijorità espliċita lill-ħtiġijiet tan-nisa u tal-bniet u lill-prevenzjoni taż-żwieġ tat-tfal permezz ta' pjan sostenibbli li jippermetti aċċess għall-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa, inklużi l-edukazzjoni sesswali u s-servizzi tas-saħħa mentali, l-assistenza finanzjarja u l-intraprenditorija ekonomika;

18. Jinnota li mindu ngħalqu l-iskejjel u l-universitajiet, il-bniet Afgani kienu qed jistudjaw b'mod sigriet f'korsijiet online u bl-użu ta' diversi forom ta' studju awtonomu; jesprimi l-akbar apprezzament tiegħu lill-edukaturi u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li qed jagħmlu l-edukazzjoni online possibbli u jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jipprovdu appoġġ finanzjarju, u lill-istituzzjonijiet edukattivi bbażati fl-UE biex jikkontribwixxu;

19. Jistieden lill-awtoritajiet de facto jiggarantixxu lin-nisa u lill-bniet kollha d-drittijiet sħaħ u l-aċċess għall-kura tas-saħħa, inkluża l-kura tas-saħħa riproduttiva u sesswali, fir-reġjuni kollha tal-Afganistan;

20. Jappoġġja l-istabbiliment tal-Università Online għall-Afgani f'Eżilju, b'appoġġ finanzjarju mill-UE;

21. Jissottolinja l-ħtieġa li jiġu amplifikati l-opportunitajiet ta' promozzjoni mmexxija min-nisa Afgani, u li jsir investiment f'modi innovattivi biex jiġi pprovdut appoġġ finanzjarju jew operazzjonali dirett għal dawn l-attivitajiet, b'mod partikolari fl-oqsma tal-edukazzjoni, l-aċċess għall-kura tas-saħħa, l-opportunitajiet ta' xogħol, l-attivitajiet sportivi u s-sensibilizzazzjoni ċivili, inkluża l-kapaċità li n-nisa u l-bniet jesprimu ruħhom fis-soċjetà Afgana;

22. Iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali torganizza u tappoġġja b'mod attiv il-passaġġ u l-evakwazzjoni sikura tan-nisa u l-bniet Afgani, li jinsabu f'riskju akbar ta' vjolenza u abbuż mill-forzi Talibani, minn gruppi armati mhux statali, minn membri tal-komunità jew minn membri tal-familja, u li jixtiequ jitilqu mill-pajjiż;

23. Itenni l-appell tiegħu għal programm speċjali dwar il-viża u għal aktar koordinazzjoni bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha fl-għoti ta' viżi għal nisa Afgani li jkunu qed ifittxu protezzjoni, b'mod partikolari għal attivisti tad-drittijiet tan-nisa, imħallfin nisa, avukati, uffiċjali tal-pulizija, suldati, politiċi, ġurnalisti, artisti u sportivi nisa, kif ukoll il-komunità LGBTI+;

24. Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jipprovdu assistenza lill-Istati ġirien tal-Afganistan sabiex jipprovdu appoġġ umanitarju xieraq lil dawk kollha li qed jaħarbu mill-pajjiż;

25. Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jużaw kull triq diplomatika disponibbli biex iħeġġu lill-pajjiżi ġirien jiżguraw li l-fruntieri tagħhom ikunu miftuħa għal dawk f'riskju u li qed ifittxu rifuġju u ażil mill-Afganistan, b'mod partikolari n-nisa u l-bniet, u biex jiġi żgurat li dawk li jivvjaġġaw bl-ajru ma jiġux rimpatrijati lura lejn l-Afganistan, speċjalment għal kwistjonijiet amministrattivi relatati mad-dokumenti tal-ivvjaġġar tagħhom;

26. Jisħaq fuq l-importanza li tiġi indirizzata l-problema tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru li jħabbtu wiċċhom magħha n-nisa u l-bniet Afgani fil-pajjiżi ospitanti, b'mod partikolari fl-Iran u fil-Pakistan, kif ukoll li jiġi żgurat li jattendu l-iskola, jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol u jkollhom aċċess għas-servizzi tas-saħħa, inklużi s-servizzi tas-saħħa mentali; ifakkar li r-rifuġjati u dawk fi tranżitu huma partikolarment esposti għar-riskju li jesperjenzaw vjolenza abbażi tal-ġeneru; jitlob għalhekk li jiġi allokat finanzjament akbar għall-organizzazzjonijiet u l-aġenziji umanitarji li jwettqu ħidma ta' protezzjoni;

27. Jiddeplora l-fatt li l-vjolenza abbażi tal-ġeneru f'ambjenti domestiċi żdiedet b'mod konsiderevoli minn mindu t-Talibani ħatfu l-poter u kkollassat l-ekonomija Afgana; jinsisti fuq il-ħtieġa li jiġu ġġenerati l-impjiegi u li tinżamm in-nisġa soċjali tas-soċjetà Afgana sabiex jiġu protetti n-nisa u t-tfal minn dan ir-riskju fuq perjodu ta' żmien qasir; jisħaq għalhekk fuq il-punt li miżuri makroekonomiċi usa', flimkien mal-assistenza umanitarja, se jkunu kruċjali fl-indirizzar tal-vjolenza domestika abbażi tal-ġeneru;

28. Ifakkar fl-istruzzjoni tiegħu lis-SEAE biex lit-tmexxija tal-Pakistan iwassallha l-messaġġ li hija għandha r-responsabbiltà għas-sigurtà u l-istabbiltà fl-Afganistan u li jeħtiġilha tuża l-influwenza tagħha fuq it-Talibani biex jintlaħqu dawk l-għanijiet, inkluż l-iżgurar tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem għan-nisa u l-bniet Afgani;

29. Jafferma mill-ġdid il-ħtieġa li l-UE ssaħħaħ il-kooperazzjoni mal-pajjiżi tal-Asja Ċentrali u li tħeġġeġ ir-rwol prattiku kostruttiv tagħhom fis-sistemazzjoni tar-rifuġjati Afgani; jisħaq fuq il-fatt li din il-kooperazzjoni ma għandhiex iddgħajjef id-difiża tal-UE tal-valuri fundamentali u l-istat tad-dritt;

30. Jappella lill-pajjiżi biex itemmu minnufih id-deportazzjonijiet u ritorni oħra lejn l-Afganistan jew lejn pajjiżi terzi fejn ir-rifuġjati jaf ikunu f'riskju li jiġu rritornati lejn l-Afganistan;

31. Jenfasizza li l-ħelsien tan-nisa u tal-bniet se jibqa' ma jistax jintlaħaq sakemm tkompli l-katastrofi umanitarja li qed tiżviluppa; jisħaq fuq il-punt li d-drittijiet tan-nisa, bħad-drittijiet kollha tal-bniedem, jibdew bid-dritt għall-ħajja; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jindirizzaw il-fatturi ewlenin tal-kriżi umanitarja li għaddejja billi jagħmlu kull sforz biex jerġgħu jistabbilixxu l-likwidità u jżommu servizzi soċjali bażiċi; jitlob li l-assi Afgani ma jiġux iffriżati u li jiżdied l-appoġġ finanzjarju għal programmi bħall-assistenza tad-DĠ INTPA li tiffoka fuq il-ħtiġijiet bażiċi u l-għajxien u l-Fond Fiduċjarju tal-Bank Dinji għar-Rikostruzzjoni tal-Afganistan;

32. Jesprimi dispjaċir għall-fatt li fil-31 ta' Marzu 2022 donaturi internazzjonali, inklużi l-UE u l-Istati Membri tagħha, wiegħdu biss USD 2.44 biljun lejn l-appell tan-NU għal USD 4.4 biljun għall-għajnuna umanitarja fl-Afganistan fl-ambitu tal-Pjan ta' Rispons Umanitarju tal-2022 li għandu l-għan li jindirizza l-insigurtà tal-ikel u l-konsegwenzi ħżiena tiegħu għall-popolazzjoni Afgana u jiżgura li jiġu indirizzati ostakli operazzjonali kruċjali relatati mas-sanzjonijiet u mar-restrizzjonijiet bankarji, u li jingħataw eżenzjonijiet u flessibbiltà biex jingħata skop ġdid lill-fondi programmatiċi, sabiex l-atturi umanitarji jkunu jistgħu jassorbu l-finanzjament u jżidu l-attivitajiet tagħhom;

33. Jinsisti fuq il-ħtieġa ta' aċċess umanitarju mingħajr xkiel biex jiġi żgurat li l-fondi impenjati jilħqu tassew lil dawk affettwati, speċjalment lin-nisa u lill-bniet; ifakkar li l-għajnuna umanitarja trid tkun newtrali, imparzjali, umana u indipendenti u qatt ma għandha tkun soġġetta għal ebda kundizzjonalità; jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE jwasslu b'mod konsistenti l-messaġġ li l-għoti ta' assistenza umanitarja mhuwiex kundizzjonali fuq il-ħames parametri referenzjarji tal-Kunsill għall-interazzjoni mat-Talibani;

34. Jistieden lis-SEAE, lid-Delegazzjoni tal-UE għall-Afganistan u lill-ambaxxati u l-kwartieri ġenerali tal-Istati Membri jipprovdu appoġġ akbar lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, u b'mod partikolari lill-attivisti tad-drittijiet tan-nisa, fl-Afganistan, u jagħmlu użu mill-għodod kollha għad-dispożizzjoni tagħhom u jimplimentaw bis-sħiħ il-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem, inkluż l-iżgurar tal-obbligu ta' rendikont għall-ksur permezz ta' promozzjoni privata u pubblika dwar każijiet u xejriet individwali ta' ksur, l-iżgurar ta' mekkaniżmi ta' protezzjoni interna, servizzi u appoġġ għal dawk fil-pajjiż, mogħdijiet ta' evakwazzjoni sikuri għal dawk li jfittxu li jitilqu u miżuri speċifiċi biex jipproteġu lil dawk fi tranżitu f'pajjiżi terzi;

35. Jappoġġja t-talbiet tas-soċjetà ċivili Afgana, b'mod partikolari dawk tal-parteċipanti fil-Jiem tan-Nisa Afgani fil-Parlament Ewropew, biex il-gvern de facto Taliban jinżamm responsabbli għal reati preċedenti u biex l-atroċitajiet li wettaq ma jintesewx;

36. Jitlob li r-Rapporteur Speċjali l-ġdid dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Afganistan jingħata biżżejjed fondi u l-għarfien espert u l-appoġġ diplomatiku meħtieġ biex iwettaq il-mandat tiegħu; jistieden lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU jieħu l-azzjoni meħtieġa ħalli jistabbilixxi kummissjoni ta' inkjesta internazzjonali robusta, jew mekkaniżmu investigattiv internazzjonali indipendenti, b'mandat ta' diversi snin u b'riżorsi adegwati biex jiddokumenta, jinvestiga, jirrapporta regolarment u jiġbor evidenza ta' ksur u abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u tal-liġi umanitarja internazzjonali mwettqa fil-pajjiż, inkluż ksur tad-drittijiet tan-nisa u vjolenza abbażi tal-ġeneru, mill-partijiet kollha; jitlob li l-mandat tal-Missjoni ta' Assistenza tan-NU fl-Afganistan (UNAMA) jinkludi l-prevenzjoni u l-obbligu ta' rendikont għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

37. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Membri tal-Assemblea Nazzjonali Afgana, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u lill-uffiċċju politiku tat-Taliban f'Doha.

Aġġornata l-aħħar: 6 ta' April 2022
Avviż legali - Politika tal-privatezza